6.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/181


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħrġ għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni

(2017/C 417/29)

INTRODUZZJONI

1.

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (minn hawn ’il quddiem “il-Fondazzjoni”, magħrufa wkoll bħala l-“ETF”), li tinsab f’Turin, ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 (1) (tfassil mill-ġdid (KE) Nru 1339/2008). Il-kompitu tal-Fondazzjoni huwa li tappoġġa r-riforma tat-taħriġ vokazzjonali fil-pajjiżi msieħba tal-Unjoni Ewropea. Biex tagħmel dan, hija tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ diversi programmi ta’ taħriġ vokazzjonali.

2.

It-Tabella tippreżenta ċ-ċifri ewlenin għall-Fondazzjoni (2).

Tabella

Iċ-ċifri ewlenin għall-fondazzjoni

 

2015

2016

Baġit (miljun EUR)

21

21

Total tal-persunal fil-31 ta’ Diċembru (3)

129

130

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Fondazzjoni. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

OPINJONI

4.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Fondazzjoni, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet,

kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

5.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Fondazzjoni għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Fondazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Dħul

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

6.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Pagamenti

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

7.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

8.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Fondazzjoni, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontrolli interni rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Fondazzjoni jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

9.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Fondazzjoni li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

10.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

11.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Fondazzjoni jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

12.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontrolli interni. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Fondazzjoni għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor, jekk ikun il-każ.

14.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati meta r-riċevitur tal-fondi jipprovdi ġustifikazzjoni għall-użu xieraq tagħhom u l-Fondazzjoni taċċetta l-ġustifikazzjoni billi tapprova l-pagament bil-quddiem, sew jekk fl-istess sena u sew jekk aktar tard.

15.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u d-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Fondazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (6).

16.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjoni tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR ĠESTJONI FINANZJARJA TAJBA U DWAR IL-PRESTAZZJONI

17.

Fl-2016 twettqet evalwazzjoni esterna tal-Fondazzjoni, f’isem il-Kummissjoni. Dan kien l-ewwel pass f’evalwazzjoni trasversali tal-erba’ aġenziji li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni (7). L-evalwazzjoni kkonkludiet li r-riorganizzazzjoni konsiderevoli li saret fl-ETF mill-2011 ’il hawn ma kellhiex effetti negattivi sinifikanti u tqieset bħala pass pjuttost pożittiv mill-partijiet interessati, kemm dawk interni kif ukoll dawk esterni, speċjalment f’termini ta’ strateġija u effettività. Il-governanza tal-ETF tqieset bħala effiċjenti u effettiva. L-evalwazzjoni tenfasizza wkoll il-fatt li l-ETF kompliet issaħħaħ il-kapaċità tagħha ta’ monitoraġġ mill-2011 ’il hawn iżda li għad hemm lok biex tingħata stampa aktar ċara tal-attivitajiet u l-kisbiet tagħha. L-unifikazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-indikaturi madwar loġika ta’ intervent waħdanija, u l-użu ta’ terminoloġija komuni fl-organizzazzjoni kollha, jgħinu biex is-sitwazzjoni tittejjeb. Il-Fondazzjoni ħejjiet pjan għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwaturi.

KUMMENTI OĦRA

18.

Fir-Rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena 2011, il-Qorti diġà kienet enfasizzat il-fatt li s-sitwazzjoni rigward il-bini tal-Fondazzjoni mhijiex sodisfaċenti u hemm ir-riskju li twassal għall-interruzzjoni tal-attivitajiet. Is-sitwazzjoni tibqa’ waħda ta’ status quo peress li l-Konsorzju li kien qed jimmaniġġja u jokkupa parti mill-kumpless ġie llikwidat fl-2011 u ħalla parti mill-kumpless vojt. Hemm ħtieġa urġenti biex il-pajjiż ospitanti jsib soluzzjoni għal din il-kwistjoni. Skont il-ftehim mal-pajjiż ospitanti, faċilitajiet xierqa huma garantiti sal-2027.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

19.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni korrettiva li ttieħdet b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Baudilio TOMÉ MUGURUZA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ Settembru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1.

(2)  Aktar informazzjoni dwar il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: www.etf.europa.eu.

(3)  Il-persunal jinkludi uffiċjali, persunal temporanju u kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati.

Sors: data pprovduta mill-Fondazzjoni.

(4)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  L-Aġenziji l-oħra li se jkunu koperti huma l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Dublin), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (Bilbao) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali (Salonka).


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kummenti tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2013

Fi tmiem l-2013, il-Fondazzjoni kellha EUR 7,5 miljun f’kontijiet f’bank wieħed bi klassifikazzjoni baxxa tal-kreditu (F3, BBB) (1).

Ikkompletata


(1)  Ammont imnaqqas għal EUR 1,8 miljun.


IT-TWEĠIBIET TAL-FONDAZZJONI

L-Aġenzija ħa nota tar-rapport tal-Qorti.