6.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/166


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

(2017/C 417/26)

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“ERA”), li tinsab f’Lille u f’Valenciennes, inħolqot bir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li ġie sostitwit mir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu tal-Aġenzija huwa li żżid il-livell ta’ interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji u li tiżviluppa approċċ komuni għas-sikurezza sabiex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ settur ferrovjarju Ewropew aktar kompetittiv u b’livell għoli ta’ sikurezza.

2.

It-Tabella hawn taħt tippreżenta ċ-ċifri ewlenin għall-Aġenzija (2).

Tabella

Iċ-ċifri ewlenin għall-aġenzija

 

2015

2016

Baġit (miljun EUR)

26,3

27,5

Total tal-persunal fil-31 ta’ Diċembru (3)

157

155

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

OPINJONI

4.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet,

kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

5.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Aġenzija għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fil-31 ta’ Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Dħul

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

6.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Pagamenti

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

7.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

8.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontrolli interni rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Aġenzija jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

9.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Aġenzija li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

10.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

11.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

12.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontrolli interni. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Aġenzija għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor, jekk ikun il-każ.

14.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati meta r-riċevitur tal-fondi jipprovdi ġustifikazzjoni għall-użu xieraq tagħhom u l-Aġenzija taċċetta l-ġustifikazzjoni billi tapprova l-pagament bil-quddiem, sew jekk fl-istess sena u sew jekk aktar tard.

15.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u d-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Aġenzija kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (6).

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

16.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni korrettiva li ttieħdet b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Baudilio TOMÉ MUGURUZA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ Settembru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  ĠU L 220, 21.6.2004, p. 3, u ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1. Skont ir-Regolament tal-aħħar, l-isem oriġinali tal-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji, inbidel għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji.

(2)  Aktar informazzjoni dwar il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: www.era.europa.eu.

(3)  Il-persunal jinkludi uffiċjali, persunal temporanju u kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati.

Sors: data pprovduta mill-Aġenzija.

(4)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kummenti tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2013

Skont ir-regolament fundatur tal-Aġenzija (1), il-persunal għandu jikkonsisti minn:

impjegati temporanji reklutati mill-Aġenzija għal massimu ta’ ħames snin minn fost professjonisti mis-settur ferrovjarju, abbażi tal-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom fil-qasam tas-sigurtà (sikurezza) u l-interoperabbiltà ferrovjarja;

uffiċjali assenjati jew sekondati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri għal massimu ta’ ħames snin; u

ħaddiema oħrajn biex iwettqu kompiti implimentattivi jew segretarjali.

Ikkompletata (2)

Fi tmiem l-2013, 136 impjegat temporanju kienu jaħdmu għall-Aġenzija. Ir-regolament fundatur jistipula wkoll li matul l-ewwel 10 snin ta’ operat tal-Aġenzija, il-perjodu ta’ 5 snin għalihom jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ 3 snin oħra meta meħtieġ biex tiġi garantita l-kontinwità tal-operat. L-Aġenzija użat din il-possibbiltà bħala prattika standard sa nofs l-2013. Barra minn hekk, fil-perjodu minn Settembru 2013 sa Marzu 2014, l-Aġenzija impjegat mill-ġdid erba’ impjegati temporanji (għal perjodu ta’ tmien snin) li l-kuntratti tagħhom mal-ERA kienu ntemmu fl-2013 wara l-perjodu massimu ta’ tmien snin.

Fl-2013, l-Aġenzija adottat deċiżjoni ġdida bi ftehim mal-Bord Amministrattiv (Bord ta’ Tmexxija) tagħha u l-Kummissjoni, skont liema impjegati temporanji jista’ jkollhom kuntratti indefiniti. Il-proposta għal regolament fundatur rivedut għall-ERA tinkludi dispożizzjonijiet simili iżda mhuwiex ċar jekk u meta din se tiġi adottata mill-Parlament u mill-Kunsill.

2013

L-Aġenzija tinsab f’Lille u f’Valenciennes. Kif semmiet il-Qorti fir-Rapport Annwali Speċifiku tagħha għas-sena finanzjarja 2006, huwa probabbli li l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu jekk l-operazzjonijiet kollha jiġu ċċentralizzati f’post wieħed. Dan għandu mnejn ukoll jiffaċilita ftehim komprensiv dwar is-sede mal-Istat Membru ospitanti, biex b’hekk jiġu kkjarifikati l-kundizzjonijiet li taħthom l-Aġenzija u l-persunal tagħha joperaw.

Għadha għaddejja


(1)  L-Artikolu 24(3) tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1), li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 881/2004, indirizza l-osservazzjoni tal-Qorti rigward l-arranġamenti tar-reklutaġġ ta’ persunal tal-aġenzija.


IR-RISPOSTA TAL-AĠENZIJA

L-Aġenzija ħa nota tar-rapport tal-Qorti.