6.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/68


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

(2017/C 417/10)

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea (l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni) (minn hawn ’il quddiem“l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“EASA”), li tinsab f’Cologne, ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li tħassar bir-Regolament (KE) Nru 216/2008 (2). L-Aġenzija ngħatat kompiti regolatorji u eżekuttivi speċifiċi fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

2.

It-Tabella tippreżenta ċ-ċifri ewlenin għall-Aġenzija (3).

Tabella

Iċ-ċifri ewlenin għall-aġenzija

 

2015

2016

Baġit (miljun EUR)

185,4

193,4

Total tal-persunal fil-31 ta’ Diċembru (4)

779

774

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

OPINJONI

4.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (5) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet,

kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

5.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Aġenzija għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fil-31 ta’ Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Dħul

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

6.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Pagamenti

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

7.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

8.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Aġenzija jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

9.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Aġenzija li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

10.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

11.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

12.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqies il-kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Aġenzija għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor, jekk ikun il-każ.

14.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti minbarra pagamenti bil-quddiem fil-punt meta jsiru. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati meta r-riċevitur tal-fondi jipprovdi ġustifikazzjoni għall-użu xieraq tagħhom u l-Aġenzija taċċetta l-ġustifikazzjoni billi tapprova l-pagament bil-quddiem, sew jekk fl-istess sena u sew jekk aktar tard.

15.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u d-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Aġenzija kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (7).

Kwistjoni oħra

16.

Mingħajr ma tixħet dubju fuq l-opinjoni tagħha, il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit (UK) innotifika lill-Kunsill Ewropew dwar id-deċiżjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Ftehim li jistipula l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu se jiġi nnegozjat. Perċentwal ta’ 70 % tal-baġit 2016 tal-Aġenzija ġie ffinanzjat minn tariffi miġbura mill-industrija tal-avjazzjoni filwaqt li perċentwal ta’ 30 % ġie ffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Huwa possibbli li, fil-futur, id-dħul tal-Aġenzija jonqos b’riżultat tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE.

17.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjoni tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET

18.

Għalkemm l-attivitajiet tal-2016 li ġew iffinanzjati mill-Industrija rriżultaw f’defiċit ta’ EUR 7,6 miljun, ir-riżultati baġitarji jvarjaw matul is-snin (8) u l-Aġenzija kellha bilanċ pożittiv ta’ EUR 52 miljun minn din il-kategorija ta’ attività. Ir-Regolament fundatur tal-Aġenzija jistabbilixxi li l-ħlasijiet (it-tariffi) imposti fuq l-Industrija għandhom ikunu adegwati biex ikopru l-ispiża tal-Aġenzija għall-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni relatati. Madankollu, hija ma tipprevedix li se jkollha bilanċ pożittiv.

KUMMENTI OĦRA

19.

Matul il-perjodu mill-2014 sal-2016, l-Aġenzija nefqet EUR 9,4 miljun (EUR 4,4 miljun fl-2016) mill-bilanċ pożittiv tagħha biex tiffinanzja l-ispiża ta’ EUR 12,4 miljun għar-rinnovament (u t-tneħħija), biex l-Aġenzija tiġi rrilokata f’bini ġdid. Il-Kummissjoni kkontribwiet ukoll EUR 3 miljun mill-baġit tal-UE għal dan il-għan. Dan il-finanzjament, maqsum bejn il-kontribuzzjonijiet mill-industrija u mill-Unjoni, kien konformi mal-metodoloġija standard ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż użata mill-Aġenzija, u rriżulta fil-fatt li dawn ix-xogħlijiet ġew iffinanzjati, fil-biċċa l-kbira, minn tariffi imposti fuq l-industrija.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

20.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni korrettiva li ttieħdet b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Baudilio TOMÉ MUGURUZA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-19 ta’ Settembru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  ĠU L 240, 7.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(3)  Aktar informazzjoni dwar il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: www.easa.europa.eu.

(4)  Il-persunal jinkludi uffiċjali, persunal temporanju u kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati.

Sors: data pprovduta mill-Aġenzija.

(5)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(8)  Fl-2014 u fl-2015, kien hemm bilanċi pożittivi ta’ EUR 15,3 miljun u EUR 16,9 miljun, rispettivament.


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kummenti tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2013

L-Aġenzija saret operazzjonali fl-2004 u sal-lum ħadmet fuq il-bażi ta’ korrispondenza u skambji mal-Istat Membru ospitanti. Madankollu, ma ġiex iffirmat ftehim komprensiv dwar il-kwartieri ġenerali bejn L-Aġenzija u l-Istat Membru. Ftehim ta’ dan it-tip ikun jippromwovi t-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom joperaw l-Aġenzija u l-persunal tagħha.

Ikkompletata (1)

2015

Ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati kienu għoljin għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) f’ammont ta’ EUR 4,4 miljun, jiġifieri 20,2  % (2014: EUR 3,6 miljun, jiġfieri 22 %) u għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) f’ammont ta’ EUR 2 miljun, jiġifieri 32,0  % (2014: EUR 2 miljun, jiġifieri 38,1  %). Dawn ir-riporti huma prinċipalment relatati ma’ żviluppi fl-IT li ġew ordnati lejn tmiem is-sena, kif ukoll ma’ attivitajiet ta’ regolamentazzjoni u ma’ proġetti ta’ riċerka li komplew wara l-2015.

M/A


(1)  Ġie ffinalizzat Ftehim dwar is-Sede bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri, u dan daħal fis-seħħ mis-17 ta’ Awwissu 2017.


IR-RISPOSTA TAL-AĠENZIJA

16.

L-aġenzija tieħu nota tal-osservazzjoni tal-Qorti. Ġie stabbilit grupp ta’ ħidma biex jinvestiga din il-kwistjoni u wettaq l-ewwel analiżi dwar ir-riskji u l-impatt potenzjali tal-Brexit.

20.

Ir-regolamenti bażi u finanzjarji jinkludu dispożizzjonijiet biex it-tariffi tal-Industrija jitqiesu bħala dħul assenjat. Konsegwentament, l-Aġenzija hi responsabbli għal kwalunkwe eċċess jew defiċit relatat mal-attivitajiet tal-ħlasijiet u tat-tariffi f’eċċess akkumulat. Dan l-eċċess akkumulat ivarja minn sena għal sena skont ir-riżultat tas-sena finanzjarja. Bejn l-2010 u l-2015, l-eċċess jew id-defiċit varja bejn defiċit ta’ 5,9 miljuni u eċċess ta’ 16,9 miljun. Dan l-eċċess akkumulat jew bafer jipprovdi kopertura għad-defiċit u jammonta għal 6 xhur ta’ operazzjoni kontinwa. L-Aġenzija għandha l-għan li temenda kemm ir-regolament Finanzjarju u tal-Ħlasijiet kif ukoll dak tat-tariffi biex tifformalizza aħjar dan it-trattament ta’ eċċess akkumulat.

21.

Skont l-artikolu 88 tar-RF tal-Aġenzija, il-president tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija informa lill-Awtorità tal-Baġit (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) dwar il-proġett tal-kwartieri ġenerali l-ġodda tal-Aġenzija. Fit-22 ta’ Mejju 2013 intbagħat rapport dettaljat, li b’mod partikolari jinkludi l-iskema ta’ finanzjament, u konsegwentement:

L-Aġenzija aġixxiet skont l-informazzjoni kkomunikata lill-awtorità tal-Baġit.

Hemm komunikazzjoni annwali dwar il-bini skont l-artikolu 87 tar-RF li ntbagħtet kull sena lill-Awtorità tal-Baġit.

Il-PE approva r-rapport u l-mekkaniżmu ta’ finanzjament f’konformità mal-iskema ta’ finanzjament tal-Aġenzija.