Brussell, 19.12.2017

SWD(2017) 477 final

IL-PAKKETT DWAR IL-PRODOTTI

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI – RAPPORT FIL-QOSOR

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Prodotti

{COM(2017) 796 final}
{SWD(2017) 471 final}
{SWD(2017) 472 final}
{SWD(2017) 475 final}
{SWD(2017) 476 final}


Werrej

1.GĦANIJIET TAL-KONSULTAZZJONI

1.1.Metodi u għodod ta’ konsultazzjoni

2.RIŻULTATI TAL-ATTIVITAJIET TA’ KONSULTAZZJONI

2.1.Laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku

2.2.Konferenza tal-partijiet ikkonċernati tas-17 ta’ Ġunju 2016

2.3.Konsultazzjoni Pubblika

2.3.1.Kif il-partijiet ikkonċernati jaraw ir-rikonoxximent reċiproku u n-nuqqasijiet potenzjali tiegħu

2.3.2.Funzjonament tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku

2.3.3.Valutazzjoni tal-komunikazzjoni meta jintuża r-Rikonoxximent Reċiproku

2.3.4.Prijoritajiet biex jittejjeb ir-Rikonoxximent Reċiproku

2.3.5.Għażliet

2.4.Stħarriġijiet imwettqa mill-kuntratturi esterni

2.5.Kontribuzzjonijiet oħra riċevuti (dokumenti ta’ pożizzjoni jew ittri elettroniċi)

3.FEEDBACK LILL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

 

1.GĦANIJIET TAL-KONSULTAZZJONI 

L-“Istrateġija tas-Suq Uniku” (COM(2015)550 tat-28.10.2015) tixħet dawl fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ is-suq uniku għall-oġġetti fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku. Dan il-prinċipju jippermetti li prodotti kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru u mhux soġġetti għal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-armonizzazzjoni jgawdu mid-dritt għall-moviment liberu, minkejja nuqqas ta’ konformità mar-regoli tekniċi nazzjonali tal-Istat Membru tad-destinazzjoni. Madankollu, dan il-prinċipju għadu ma jintużax bil-potenzjal kollu tiegħu kif muri f'evalwazzjoni riċenti tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

Biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni li japplika madwar l-UE kollha favur is-sensibilizzazzjoni, b’enfasi fuq setturi problematiċi. Il-Kummissjoni se tinvestiga wkoll il-ħtieġa għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 764/2008 biex tiġi żgurata applikazzjoni aħjar fost in-negozji u l-awtoritajiet nazzjonali. Għaldaqstant, l-objettiv tal-konsultazzjoni kien li jiġu kkonsultati l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-applikazzjoni kurrenti u futura tar-Rikonoxximent Reċiproku.

1.1.Metodi u għodod ta’ konsultazzjoni

Il-Membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku 1  ntalbu jipprovdu l-feedback tagħhom matul l-aħħar laqgħat tagħhom fit-2 ta’ Diċembru 2015 u fil-25 ta’ Ottubru 2016.

Konsultazzjoni pubblika fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE ġiet ippubblikata fuq sit web ta’ konsultazzjoni ospitat fuq Europa. Il-konsultazzjoni saret bejn Ġunju u Settembru 2016.

Il-konsultazzjoni pubblika ġiet issupplimentata minn konferenza tal-partijiet ikkonċernati organizzata mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Ġunju 2016.

2.RIŻULTATI TAL-ATTIVITAJIET TA’ KONSULTAZZJONI

2.1.Laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku

Il-“Kumitat Konsultattiv dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku” iltaqa’ għas-seba’ u għat-tmien darba fit-2 ta’ Diċembru 2015 u fil-25 ta’ Ottubru 2016 rispettivament. Il-membri tal-Kumitat huma rappreżentanti tal-Istati Membri li jindirizzaw kwistjonijiet relatati mar-rikonoxximent reċiproku. Il-Kummissjoni ppreżentat ideat għas-sensibilizzazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku, li ntlaqgħu mill-Istati Membri, analiżi preliminari tal-problemi ewlenin iġġenerati mill-funzjonament subottimali tar-rikonoxximent reċiproku u tal-għażliet preliminari għat-titjib tar-rikonoxximent reċiproku u talbet il-feedback tad-delegazzjonijiet.

Fir-rigward tal-introduzzjoni possibbli ta’ dikjarazzjoni tal-konformità, ċerti Stati Membri saħqu fuq il-piż amministrattiv possibbli fuq l-operaturi ekonomiċi filwaqt li għarfu li dikjarazzjoni bħal din tkun tiffaċilita l-kompiti tagħhom.

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll alternattivi maħsuba biex iħeġġu lill-awtoritajiet nazzjonali jikkonformaw mal-obbligu ta’ notifika tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jċaħħdu jew jirrestrinġu r-rikonoxximent reċiproku, bħal aktar trasparenza u l-użu ta’ għodda tal-IT, u l-possibbiltà li jinħoloq mekkaniżmu rapidu ġdid li jkun alternattiva għall-proċeduri għaljin u twal li hemm disponibbli bħalissa fil-qrati. .

L-għażla ta’ sistema ta’ għoti ta’ awtorizzazzjoni preliminari għat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq irċiviet oppożizzjoni minn ħafna Stati Membri li esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal din l-għażla, peress li din tkun ixxekkel il-moviment liberu tal-merkanzija.

Fir-rigward tal-għażla ta’ żgurar tal-moviment liberu tal-merkanzija ggarantit bil-konformità mal-istandards Ewropej, l-Istati Membri qiesu li l-iffokar fuq rekwiżiti essenzjali jġib aktar benefiċċji mill-użu ta’ standards normali.

L-Istati Membri appoġġjaw il-possibbiltà ta’ tkabbir u ta’ tisħiħ tal-Punti ta’ Kuntatt tal-Prodotti peress li l-Punti ta’ Kuntatt tal-Prodotti għandhom nuqqas ta’ riżorsi u ta’ persunal.

L-Istati Membri kienu ferm kontra l-armonizzazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti bażiċi, peress li l-armonizzazzjoni parzjali għall-fini tal-moviment liberu biss ma ġġibx benefiċċji proporzjonati għal-livell ta’ burokrazija żejda li żżid.

2.2.Konferenza tal-partijiet ikkonċernati tas-17 ta’ Ġunju 2016

Fis-17 ta’ Ġunju 2016 ġie organizzat avveniment għall-partijiet ikkonċernati biex jiġu identifikati l-problemi ewlenin għall-funzjonament tar-rikonoxximent reċiproku u biex jiġu identifikati modi possibbli kif isir progress. 144 parteċipant attendew l-avveniment, fosthom rappreżentanti tan-negozji (62), awtoritajiet nazzjonali (60) u oħrajn (22), bħal organizzazzjonijiet tal-konsumatur, rappreżentanti tat-trade unions. Il-minuti dettaljati ta’ din il-konferenza, tal-parteċipanti u tal-preżentazzjonijiet jistgħu jinkisbu minn fuq: http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/17963?locale=mt

Il-preżentazzjonijiet u d-diskussjonijiet ġew segwiti minn 3 sessjonijiet ta’ ħidma, b’rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-awtoritajiet nazzjonali, tan-negozji u tal-assoċjazzjonijiet.

2.3.Konsultazzjoni Pubblika

Ġew riċevuti 153 tweġiba matul il-konsultazzjoni pubblika. In-negozji kellhom rappreżentazzjoni b’saħħitha (91), segwiti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri (45) u miċ-ċittadini (17). 45 awtorità mill-Istati Membri wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika. Il-kumpaniji individwali (44) u l-organizzazzjonijiet tan-negozju (44) kienu rappreżentati b’mod ugwali.

F’termini tas-setturi tal-attività, is-settur tal-manifattura hu l-aktar wieħed rappreżentat (46%), segwit min-negozji għall-operaturi u għall-konsumaturi, (13%), mill-agrikoltura, mill-forestrija u s-sajd (8%) u mill-provvista tal-ilma (6%).

Ir-rappreżentazzjoni ġeografika hi bbilanċjata mhux ħażin għan-negozji. Rigward l-awtoritajiet nazzjonali, 18-il Stat Membru u n-Norveġja ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika.

Kif il-partijiet ikkonċernati jaraw ir-rikonoxximent reċiproku u n-nuqqasijiet potenzjali tiegħu

Il-maġġoranza tal-kumpaniji li wieġbu li jixtiequ jbigħu prodotti fi Stat Membru ieħor jivverifikaw ir-regoli applikabbli f’dak l-Istat Membru, u, jekk dawn ir-regoli ma jħalluhomx ibigħu l-prodott, ħafna minnhom jadattawh. Dan iseħħ minkejja l-fatt li 70% minnhom huma kompletament konxji mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Aktar minn nofs in-negozji li wieġbu ppruvaw jużaw ir-rikonoxximent reċiproku biex jidħlu f’suq ġdid. Fosthom, nofshom ġew miċħuda aċċess għas-suq, u 2% biss ikkontestaw din id-deċiżjoni b’suċċess.

Minkejja l-livell għoli indikat ta’ għarfien dwar ir-rikonoxximent reċiproku, il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu tqis li s-sensibilizzazzjoni għadha neċessarja.

Fir-rigward tal-ostakoli għall-funzjonament tar-rikonoxximent reċiproku, in-negozji identifikaw li l-akbar nuqqas huwa n-nuqqas ta’ rimedji veloċi għall-kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet nazzjonali li jiċħdu l-aċċess għas-suq, segwit min-nuqqas ta’ komunikazzjoni fost l-awtoritajiet. 52% ta' dawk li wieġbu affaċċjaw ostakoli bħal dawn huma stess.

Funzjonament tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku

Effikaċja: sa liema punt ir-Regolament irnexxilu jikseb l-objettivi tiegħu?

Il-maġġoranza tawk li wieġbu jafu bir-Regolament, u tqis li ħafna mill-għodod imdaħħla fis-seħħ huma siewja u għadhom neċessarji. Fir-rigward ta’ jekk ir-Regolament laħaqx l-objettiv tiegħu, ftit li xejn huma l-operaturi ekonomiċi li jqisu li sar aktar faċli li jbigħu prodotti fi Stati Membri oħra mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament. Il-maġġoranza tqis li r-Regolament ma tejjibx is-sitwazzjoni, jew ma jafux, għaliex ma jużawx ir-rikonoxximent reċiproku jew inkella għaliex ma jbigħux prodotti barra minn pajjiżhom.

Effiċjenza: l-ispejjeż u l-benefiċċji tar-Regolament

L-awtoritajiet nazzjonali kklassifikaw dawn l-ispejjeż bħala medji, u jaqblu, bis-sħiħ jew b’mod parzjali, li r-Regolament iġib miegħu benefiċċji f’termini ta’ ffaċilitar tal-aċċess għas-suq.

Għan-negozji, l-ispejjeż ewlenin imġarrba huma miġjuba mill-ħtieġa ta’ adattament tal-prodotti għar-regoli nazzjonali applikabbli, meta r-rikonoxximent reċiproku jiġi miċħud jew inkella ma jintużax għall-penetrazzjoni tas-suq. L-ispejjeż għoljin huma relatati wkoll ma’ dewmien fid-dħul f’suq, u mal-opportunitajiet mitlufa, meta n-negozji jagħżlu li ma jidħlux f’suq minħabba regoli nazzjonali differenti li jeħtieġu l-adattament tal-prodotti. L-ispejjeż relatati mal-kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jiċħdu l-aċċess għas-suq huma meqjusa anqas importanti, l-aktar għaliex ftit operaturi ekonomiċi jagħżlu li jagħmlu dan.

L-ispejjeż huma relatati wkoll mal-valutazzjoni dwar jekk ir-rikonoxximent reċiproku jistax jintuża għall-bejgħ ta’ prodotti fi Stat Membru ieħor. Ftit li xejn huma l-operaturi ekonomiċi (2%) li qed jesternalizzaw din il-valutazzjoni, filwaqt li 26% qed jagħmluha internament. 46% qed jagħmlu t-tnejn li huma, skont il-prodott.

F’termini ta' benefiċċji li jġib miegħu r-regolament, il-perċezzjoni tan-negozji li jwieġbu hi kemxejn imħallta. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom tendenza li jqisu li l-ispejjeż tar-Regolament huma proporzjonati għall-benefiċċji li jiġġenera, in-negozji fil-parti l-kbira ma jaqblux, b’9% biss li jaqblu.

Koerenza

Hemm kunsens fost dawk li wieġbu fir-rigward tal-koerenza tar-Regolament.

Valur miżjud tal-UE

Il-valur miżjud Ewropew tar-regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku hu wkoll ferm enfasizzat minn dawk li wieġbu.

Valutazzjoni tal-komunikazzjoni meta jintuża r-Rikonoxximent Reċiproku

Ħafna min-negozji li wieġbu qatt ma kkuntattjaw Punt ta’ Kuntatt tal-Prodotti biex jiksbu informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli dwar il-prodotti, l-aktar għaliex ma jafux bl-eżistenza tagħhom. L-Istati Membri li wieġbu jqisu li l-komunikazzjoni mal-awtoritajiet fi ħdan pajjiżhom stess hi tajba, filwaqt li l-komunikazzjoni mal-awtoritajiet minn Stati Membri oħra hi kemxejn medja jew dgħajfa.

Prijoritajiet biex jittejjeb ir-Rikonoxximent Reċiproku

Jekk in-negozji jikklassifikaw il-ħtieġa għal rimedji effettivi bħala l-akbar prijorità, l-Istati Membri u ċ-ċittadini huma favur iż-żieda tal-għarfien dwar ir-rikonoxximent reċiproku.

Għażliet

L-għażliet kollha proposti biex ir-rikonoxximent reċiproku jsir aktar faċli biex jiġi applikat u aktar affidabbli rċvew livell għoli ta’ appoġġ fost dawk li wieġbu.

Rigward dik li tkun l-aktar alternattiva xierqa għar-rikonoxximent reċiproku, il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu taqbel li l-armonizzazzjoni hi l-aktar għodda xierqa li għandha tintuża meta r-rikonoxximent reċiproku ma jaħdimx kif xieraq.

2.4.Stħarriġijiet imwettqa mill-kuntratturi esterni

Fil-kuntest tal-istudju estern li evalwa l-funzjonament tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku 2 , fid-9 ta’ Ottubru 2014 tnedew erba’ stħarriġijiet differenti li tlestew fil-5 ta’ Jannar 2015. Is-sejbiet tal-istħarriġijiet u tal-intervisti juru li l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku hi impenjattiva u li għad hemm ostakoli għall-moviment liberu tal-oġġetti kummerċjalizzati legalment dovuti għar-rekwiżiti addizzjonali u għat-testijiet eżistenti f’ċerti Stati Membri. In-nuqqas ta’ għarfien u ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku għadu problematiku. Ftit li xejn komunikazzjoni u kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali ġew indikati wkoll bħala dgħjufija.

Fil-kuntest tal-istudju li jivvaluta l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-għażliet differenti previsti għat-titjib tar-rikonoxximent reċiproku, saru stħarriġ u intervisti mill-kuntrattur estern. Il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati ma ffokatx biss fuq il-funzjonament kurrenti tar-rikonoxximent reċiproku – u l-problemi ewlenin tiegħu – iżda anki fuq ir-reviżjoni tar-Regolament, permezz tal-għażliet ta’ politika proposti mill-Kummissjoni. L-istħarriġijiet u l-intervisti mmirati ppermettew fehim tal-perspettiva tal-partijiet ikkonċernati dwar l-Għażliet ta’ Politika. L-awtoritajiet nazzjonali jenfasizzaw li: l-ambitu wiesa’, id-daqs u l-frammentazzjoni tas-suq li jaqa’ taħt ir-rikonoxximent reċiproku u l-preżenza ta’ ħafna leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti tista’ toħloq diffikultajiet biex ikun hemm proċeduri ċari għall-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku; prodotti li jaqgħu f’oqsma fejn jeżistu armonizzazzjoni parzjali u/jew xi standards tal-UE joħolqu diffikultajiet għall-awtoritajiet, peress li tista’ tkun tapplika taħlita ta’ regoli nazzjonali u tal-UE, u b’hekk ikun meħtieġ aktar sforz min-naħa tagħhom biex jivverifikaw u jiddeċiedu; jeżisti wkoll ċertu nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn l-Istati Membri. In-negozji xeħtu dawl fuq l-ostakoli marbuta mad-diffikultà ta’ kisba ta’ aċċess faċli għall-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri rilevanti fis-seħħ (ostakoli lingwistiċi) u ż-żmien biex tiġi riċevuta tweġiba mingħand l-awtoritajiet nazzjonali. Kemm l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali jaqblu li jridu jittieħdu miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni. Filwaqt li fost l-Awtoritajiet Nazzjonali hemm kunsens kemxejn mifrux dwar il-ħtieġa ta’ intervent, permezz ta’ strumenti legali nonvinkolanti jew vinkolanti, l-operaturi ekonomiċi jidhru li huma aktar kawti rigward l-effikaċja tal-għażliet proposti fl-evitar ta’ aċċess imdewwem għas-suq u fit-tnaqqis tal-ispejjeż għalihom. Madankollu, l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet nazzjonali jidhru li huma favur it-taħlita ta’ subgħażliet differenti, minflok l-adozzjoni ta’ għażla ta’ politika sħiħa waħda.

2.5.Kontribuzzjonijiet oħra riċevuti (dokumenti ta’ pożizzjoni jew ittri elettroniċi)

Diversi partijiet interessati oħra ssottomettew dokumenti ta’ pożizzjoni, li ħafna minnhom isejħu għal aktar ambizzjoni biex jittejbu r-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja fost l-Istati Membri.

Uħud isemmu li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jista’ jkompli jissaħħaħ bl-introduzzjoni ta’ preżunzjoni ta’ konformità għal prodotti ttestjati indipendentement (minn partijiet terzi).

Oħrajn jisħqu li hemm bżonn li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku, biex tiġi pprovduta gwida għall-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità u biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu introdotti mezzi dissważivi biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jinnotifikaw skont l-obbligi tagħhom fir-Regolament. Minbarra dan, irid ikun hemm rimedji effettivi disponibbli għan-negozji biex dawn ikunu jistgħu jiksbu ċarezza aktar malajr dwar deċiżjonijiet meħuda kontra l-prodotti tagħhom fis-Suq Uniku, inkluża trasparenza msaħħa biex jaraw id-deċiżjonijiet. Apparti minn hekk, jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt tal-Prodotti jiġu ottimizzati u jagħtu lin-negozji aċċess faċli għal informazzjoni dwar deċiżjonijiet nazzjonali u regoli tekniċi. Hemm ukoll ħtieġa ġenerali għat-trawwim ta’ fiduċja u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri fi ħdan is-Suq Uniku.

In-nuqqas ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jingħeleb u jenħtieġ li d-deċiżjonijiet nazzjonali jsiru aktar trasparenti. Proċedura ta’ Valutazzjoni Veloċi, li tippermetti għal evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-aċċess għas-suq mingħajr deċiżjoni vinkolanti, hi għodda potenzjali li tista’ twassal għal fehim aħjar tal-prinċipju tar-Rikonoxximent Reċiproku u ttejjeb il-funzjonament tar-Regolament kurrenti.

3.FEEDBACK LILL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

Il-proċess ta’ konsultazzjoni pprovda firxa wiesa’ ta’ fehmiet rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament f’termini ta’ dak li ħadem sew u dak li ma ħadimx sew wisq, kif inhuwa perċepit minn dawn il-partijiet ikkonċernati. Il-laqgħat mal-partijiet ikkonċernati pprovdew opportunità bikrija għall-promozzjoni tal-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali, u b’hekk saħħew il-possibbiltajiet ta’ rata ta’ rispons tajba.

L-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva hu li tikseb suq uniku aktar approfondit għall-oġġetti permezz ta’ aktar rikonoxximent reċiproku mkattar u aħjar. Dan ser isir billi jiżdied l-għarfien dwar ir-rikonoxximent reċiproku, tissaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt għan-negozji u għall-awtoritajiet nazzjonali meta jużaw ir-rikonoxximent reċiproku u jittejbu l-kooperazzjoni amministrattiva u l-fiduċja fost l-awtoritajiet. Dan se jirriżulta fl-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tas-suq intern, billi jiġu ffaċilitati l-użu u l-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku, jitnaqqas ir-riskju għan-negozji li l-prodotti tagħhom mhumiex se jiksbu aċċess għas-suq jew li jkollhom jirtiraw b’mod mhux iġġustifikat mis-suq u jiġu offruti aktar għażliet bi prezzijiet orħos għall-konsumaturi. Filwaqt li l-benefiċċji mistennija ta’ aktar rikonoxximent reċiproku u ta’ rikonoxximent reċiproku aħjar ma jistgħux jiġu stmati bi preċiżjoni, studju riċenti dwar “L-Ispejjeż tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku” juri li tnaqqis fl-ostakoli kummerċjali jista’ jwassal għal żieda fil-kummerċ intra-UE ta’ aktar minn EUR 100 biljun fis-sena. Il-kunċett ta’ ostakoli kummerċjali f'dan l-istudju hu usa’ mir-rikonoxximent reċiproku biss, iżda jipprovdi stima tal-benefiċċji mistennija.

Il-valur miżjud tal-UE ta’ din l-inizjattiva jinsab fl-istabbilimnet ta’ sett komuni ta’ regoli li jiggarantixxi trattament indaqs u jippermetti applikazzjoni konsistenti, koerenti u korretta tar-rikonoxximent reċiproku. Ir-rikonoxximent reċiproku jirriżulta mill-Artikoli 34-36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u jikkontribwixxi b’mod dirett għall-kisba tas-suq intern għall-oġġetti, waħda mill-kisbiet ewlenin tal-UE. Azzjoni mill-Istati Membri waħedhom tkun qed iddgħajjef il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u tkissru fi 28 proċedura nazzjonali differenti u potenzjalment kontradittorji.

L-għażliet ta’ politika previsti inklużi f’din il-valutazzjoni tal-impatt kienu:

Għażla 2 - Liġi mhux vinkolanti biex jittejjeb il-funzjonament tar-rikonoxximent reċiproku (sensibilizzazzjoni, taħriġ, skambju ta’ uffiċjali, eċċ.)

Għażla 3 - Tibdiliet leġiżlattivi minimi għar-Regolament (KE) Nru 764/2008 (trasparenza tad-deċiżjonijiet amministrattivi, użu tal-istandards tal-UE, rwol akbar għall-PCPs)

Għażla 4 - Tibdiliet leġiżlattivi komprensivi għar-Regolament (KE) Nru 764/2008 (dikjarazzjoni volontarja tal-konformità, proċedura rapida ta’ appell, Punti ta’ Kuntatt tal-Prodotti u kooperazzjoni msaħħa)

Għażla 5 - Awtorizzazzjoni volontarja minn qabel għat-tqegħid fis-suq

L-għażla relatata mar-revoka tar-Regolament u l-għażla tal-proposta ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni ulterjuri dwar rekwiżiti bażiċi speċifiċi li jkopru ċerti aspetti tal-prodotti twarrbu fi stadju bikri, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-konformità minn parti terza.

L-għażla ppreferuta hi l-għażla 4 (tibdiliet leġiżlattivi komprensivi għar-Regolament (KE) Nru 764/2008), ikkomplementata mill-għażla 2 (miżuri tal-liġi li mhumiex vinkolanti).

(1)      Il-membri ta’ dan il-Kumitat huma l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-rikonoxximent reċiproku fit-28 Stat Membru u fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera u fit-Turkija. Rappreżentanti ta’ partijiet terzi oħra jew esperti oħra jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem f’suġġett speċifiku, fuq bażi ta’ każ b’każ.
(2)      http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/13381?locale=mt