|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku fuq il-prodotti
|
|
A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?
|
|
L-Evalwazzjoni kkonkludiet li r-rikonoxximent reċiproku ma jaħdimx kif suppost, minħabba n-nuqqas ta’ għarfien, l-inċertezza tad-dritt u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni u ta’ kooperazzjoni effiċjenti fost il-partijiet ikkonċernati. L-operaturi ekonomiċi ma jibbenefikawx bis-sħiħ mid-drittijiet eżistenti tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali jitilfu ż-żmien u r-riżorsi. Il-konsumaturi jaffaċċjaw prezzijiet ogħla u anqas għażliet. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni fil-livell tal-UE, hu mistenni li l-problema se tibqa’.
|
|
X’mistenni li jinkiseb b’din l-inizjattiva?
|
|
Filwaqt li l-benefiċċji mistennija ma jistgħux jiġu stmati bi preċiżjoni, studju riċenti dwar “L-Ispejjeż tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku” juri li tnaqqis fl-ostakoli kummerċjali jista’ jwassal għal żieda fil-kummerċ intra-UE ta’ aktar minn EUR 100 biljun fis-sena. Il-kunċett ta’ ostakoli kummerċjali f'dan l-istudju hu usa’ mir-rikonoxximent reċiproku biss, iżda jipprovdi stima tal-benefiċċji mistennija.
|
|
X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE?
|
|
L-istabbiliment ta’ sett komuni ta’ regoli jiggarantixxi trattament indaqs u jippermetti applikazzjoni koerenti tar-rikonoxximent reċiproku. Azzjoni mill-Istati Membri waħedhom tkun qed tkisser il-prinċipju fi 28 proċedura nazzjonali differenti u potenzjalment kontradittorji.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
Liema huma l-alternattivi leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi li ġew ikkunsidrati? Teżisti xi għażla ppreferuta, jew le? Għaliex?
|
|
L-għażliet ta’ politika vvalutati kienu:
·Għażla 2 - Liġi mhux vinkolanti
·Għażla 3 - Tibdiliet leġiżlattivi minimi
·Għażla 4 - Tibdiliet leġiżlattivi komprensivi
·Għażla 5 - Awtorizzazzjoni volontarja minn qabel għall-kummerċjalizzazzjoni
L-għażla ppreferuta hi l-għażla 4 kkomplementata mill-għażla 2.
|
|
Min jappoġġa liema għażla?
|
|
L-għażla 2 kienet appoġġjata minn kulħadd, speċjalment jekk ikkomplementata minn għodod oħra.
L-għażla 3 tqieset potenzjalment effettiva minn kulħadd iżda anqas effettiva minn għażliet oħra.
L-għażla 4 tqieset bħala l-aktar waħda effettiva minn kulħadd.
Kien hemm kunsens kontra l-għażla 5.
|
|
Ċ. L-impatti tal-għażla ppreferuta
|
|
X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)?
|
|
L-għażla 4 flimkien mal-għażla 2 se jissensibilizzaw u jżidu l-għarfien dwar ir-rikonoxximent reċiproku, filwaqt li jġibu ċertezza tad-dritt dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju u jtejbu l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri.
|
|
X'inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)?
|
|
L-ispejjeż għall-kumpaniji huma minimi. L-Istati Membri u l-Kummissjoni ser iġarrbu ċerti spejjeż neċessarji, stmati kif ġej: organizzazzjoni u koordinazzjoni tal-avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ (EUR 500 000), skema ta’ skambju ta’ uffiċjali (EUR 170 000 fis-sena), il-proċedura rapida ta’ appell (3-4 FTEs tal-Kummissjoni, EUR 225 000-300 000 fis-sena), kooperazzjoni amministrattiva akbar (EUR 1 200 000 fis-sena).
|
|
Kif se jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?
|
|
Il-mikrointrapriżi u l-SMEs se jiġu affettwati b’mod pożittiv mill-inizjattiva bla ma jġarrbu ebda spiża addizzjonali.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Il-Punti ta’ Kuntatt tal-Prodotti jistgħu jiġu affettwati peress li ser ikun hemm bżonn ta’ riżorsi xierqa għall-kompiti inkarigati.
|
|
Ser ikun hemm xi impatti sinifikanti oħrajn?
|
|
Ser ikun hemm opportunitajiet akbar tas-suq għall-kumpaniji, b’mod partikolari għal dawk innovattivi.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi riveduta l-politika?
|
|
Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament il-ġdid u kull ħames snin wara dan.
|