Brussell, 8.11.2017

SWD(2017) 363 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri

{COM(2017) 648 final}
{SWD(2017) 362 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Minkejja l-kontribut tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat, l-użu tat-trasport intermodali fl-Ewropa ma żdiedx biżżejjed biex tintlaħaq il-mira tal-bidla modali stabbilita fil-White Paper tal-2011. Dan seħħ minħabba:

A) in-nuqqas ta’ investimenti f’infrastruttura intermodali, speċjalment fejn jidħlu t-terminals tat-trażbord, u

B) in-nuqqasijiet tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat li tidentifika l-evalwazzjoni REFIT:

1)L-implimentazzjoni tad-Direttiva mhix effettiva għax il-kriterji tal-eliġibbiltà huma kumplessi u limitati u għax hemm nuqqas ta’ kundizzjonijiet tal-infurzar effettivi;

2)L-appoġġ ekonomiku mhux effettiv u mhux biżżejjed: il-miżuri ta’ appoġġ għandhom ambitu limitat, m’hemmx appoġġ ekonomiku biżżejjed, il-monitoraġġ hu limitat u hemm nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ reviżjoni.

Dawn il-problemi jolqtu lill-atturi kollha fil-katina tat-trasport tal-merkanzija internazzjonali, bħat-trasportaturi, il-burdnara, l-awtoritajiet nazzjonali involuti fl-infurzar tal-kundizzjonijiet tat-trasport ikkombinat, u l-bqija. Minbarra dan, dawn ixekklu anki l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ appoġġ.

Fin-nuqqas ta’ intervent, it-trasport intermodali se jibqa’ inqas kompetittiv meta mqabbel mat-trasport bit-triq filwaqt li l-mira tal-bidla modali għall-2030 stabbilita fil-White Paper tal-2011 mhux se tintlaħaq u se twassal biex jibqgħu jippersistu l-esternalitajiet. .

X’għandu jinkiseb?

L-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb l-effikaċja tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat (definizjoni kumplessa, inċentivi limitati u dispożizzjonijiet skaduti) u ssaħħaħ il-miżuri ta’ appoġġ parzjalment ineffettivi li jeżistu bħalissa li tfasslu biex jindirizzaw il-fallimenti regolatorji u tas-suq għal użu aktar mifrux tat-trasport intermodali (il-bidla modali). In-nuqqasijiet tad-Direttiva għandhom x’jaqsmu l-aktar mad-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat, mal-limitazzjonijiet tal-inċentivi fiskali u mad-dispożizzjonijiet skaduti fejn jidħlu d-dokumenti tat-trasport. It-tliet għanijiet speċifiċi ewlenin huma: 1) Biex tkun iċċarata d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà tat-trasport ikkombinat; 2) biex tkompli tiġi stimulata l-kompetittività tat-trasport ikkombinat; 3) biex jiżdied l-investiment fit-terminals intermodali u tiżdied il-kapaċità tagħhom.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (is-sussidjarjetà)?

Hemm bżonn azzjoni kkoordinata tal-UE fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat biex tindirizza l-esternalitajiet negattivi tat-trasport (speċjalment it-trasport bit-triq) u biex tħeġġeġ il-bidla modali ħalli jintlaħqu l-għanijiet tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport, tal-Istrateġija għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi u ta’ politiki oħrajn tal-UE f’dan il-qasam. Għal dan il-għan, hemm bżonn definizzjoni u kriterji komuni aġġornati biex jiżguraw li l-benefiċċji previsti fid-Direttiva jkunu applikabbli bl-istess mod madwar l-UE, b’mod partikolari meta wieħed iqis li 81 % tal-operazzjonijiet tat-trasport intermodali kollha fl-UE huma transfruntieri. Jekk l-Istati Membri jkollhom definizzjonijiet differenti, jinfurzaw id-Direttiva b’mod differenti u japplikaw skemi ta’ appoġġ differenti, l-operaturi jaf ma jkunux kapaċi jibbenefikaw mill-inċentivi previsti tul il-katina tat-trasport.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet varji biex jinkisbu l-għanijiet? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

L-alternattivi ta’ politika jikkonsistu f’pakketti ta’ miżuri ta’ politika li jindirizzaw l-għanijiet speċifiċi u, b’mod partikolari, il-fatturi ewlenin tal-problema identifikati:

L-Alternattiva ta’ Politika 1 (PO1): Il-bidla li ssir tkun minima b’enfasi fuq is-simplifikazzjoni: meta mqabbla max-xenarju bażi, din tikkonsisti minn simplifikazzjoni tad-definizzjoni (jiġifieri d-distanza tal-parti bit-triq tal-vjaġġ tkun 150 km); l-aċċettazzjoni ta’ dokumenti elettroniċi sempliċi bħala prova tal-eliġibbiltà u l-estensjoni tal-inċentiv fiskali għat-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq meta jintużaw modi oħra tat-trasport għajr it-trasport ferrovjarju waqt il-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq (bħalma huma t-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni jew it-trasport marittimu);

L-Alternattiva ta’ Politika 2 (PO2): Jiġu ssimplifikati l-kriterji tal-eliġibbiltà (definizzjoni) u l-kontroll tagħhom u jingħata appoġġ ekonomiku aktar effettiv. Jeżistu żewġ subalternattivi:

— b’ambizzjonijiet limitati (PO2A): l-estensjoni tal-ambitu ġeografiku biex ikun jinkludi t-trasport ikkombinat nazzjonali; definizzjoni komuni tal-parti bit-triq tal-vjaġġ (150 km jew 20 % skont liema tkun l-itwal); l-aċċettazzjoni ta’ unitajiet tat-tagħbija identifikati ISO/ILU biss; id-definizzjoni ċara tar-rekwiżiti għall-prova tal-eliġibbiltà; u aktar possibbiltajiet ta’ appoġġ ekonomiku.

— b’ambizzjonijiet akbar (PO2B): apparti dawk f’PO2A, il-possibbiltà li l-Istati Membri jkollhom ċerta flessibbiltà fejn tidħol id-distanza tal-parti bit-triq tal-vjaġġ; l-estensjoni tal-unitajiet tat-tagħbija għal kull daqs; miżura obbligatorja ta’ appoġġ għall-bini tat-terminals.

L-Alternattiva ta’ Politika 3 (PO3): Jinbidlu l-kriterji tal-eliġibilità (definizzjoni) biex ikopru t-trasport intermodali kollu b’miżuri obbligatorji ta’ appoġġ: l-estensjoni tal-kopertura ġeografika kif inhi fil-PO2; l-ebda limitu la fuq il-parti bit-triq tal-vjaġġ u fuq il-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq, u lanqas fuq l-unitajiet tat-tagħbija; l-ebda rekwiżit tad-dejta għall-prova tal-eliġibbiltà; miżuri obbligatorji ta’ appoġġ (reġim ta’ benefiċċju) għal kull trasport intermodali.

L-għażla ppreferuta hi l-PO2B għax tiżgura li tintlaħaq il-mira tal-bidla modali għall-2030 u għax iġġib redditu akbar fuq l-investiment (B/C) u aktar effiċjenza ambjentali mill-PO3.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet konċernati differenti? Liema alternattiva u min jappoġġaha?

Fost il-partijiet konċernati kollha jeżisti qbil mifrux li ma jistax jinżamm l-istatus quo (ix-xenarju bażi), u dawn jappoġġaw miżuri li jiċċaraw id-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat, jiffaċilitaw l-infurzar tagħha u li jipprovdu miżuri ta’ appoġġ usa’. In-nuqqas ta’ qbil jeżisti fejn tidħol in-natura tal-miżuri ta’ appoġġ: l-operaturi jaqblu mal-estensjoni u l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ għal kull tip ta’ trasport intermodali (il-PO3), u l-Istati Membri jippreferu titħalla ċerta flessibbiltà fejn jidħlu l-miżuri ta’ appoġġ li jenħtieġ jew li għandhom japplikaw (il-PO2A u l-PO2B). L-Istati Membri jappoġġaw ukoll li titħalla ċerta flessibbiltà fid-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat diment li l-parti bit-triq tal-vjaġġi tibqa’ “kemm jista’ jkun qasira” (il-PO2B). Il-maġġoranza tal-partijiet konċernati (żewġ terzi, ħafna minnhom operaturi) jappoġġaw l-estensjoni ġeografika tat-trasport ikkombinat nazzjonali (il-PO2A, il-PO2B u l-PO3). Nota: Dwar l-hekk imsejħin l-eżenzjonijiet ta’ “kabotaġġ”, il-maġġoranza tal-partijiet konċernati (operaturi u Stati Membri) jappoġġaw iż-żamma tad-dispożizzjonijiet attwali għalkemm l-Istati Membri jenfasizzaw il-ħtieġa li jkunu żgurati kundizzjonijiet tal-infurzar aħjar biex b’hekk tkun evitata l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni, permezz tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat, tar-regoli dwar “il-kabotaġġ”.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella ta’ dawk ewlenin)?

— potenzjal qawwi biex tintlaħaq il-mira tal-bidla modali ta’ 30 % jew ta’ trasport tal-merkanzija (> 300 km) sal-2030;

— impatt pożittiv fuq l-industrija (jiġifieri l-operaturi) mil-lat ta’ ffrankar (inqas spejjeż) minħabba kundizzjonijiet aktar ċari fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, l-użu ta’ dokumenti tat-trasport elettroniċi u mezzi elettroniċi, appoġġ ekonomiku usa’, u l-bqija. Dawn huma stmati għal madwar €64.6 biljun għall-perjodu mill-2022 sal-2030;

— impatt pożittiv mil-lat ta’ ffrankar tal-ispejjeż esterni (minħabba l-bidla modali) ta’ madwar €1.62 biljun għall-perjodu mill-2022 sal-2030;

— impatt pożittiv mil-lat ta’ impjiegi li mistennija jinħolqu biż-żieda fl-investimenti fit-terminals, u dan mistenni jħalli benefiċċju ekonomiku ta’ €361.41 miljun għall-perjodu mill-2020 sal-2030.

X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?

— l-ispiża addizzjonali kkombinata għall-awtoritajiet minħabba l-miżuri ta’ appoġġ addizzjonali (operazzjonali u tal-investiment) fil-perjodu 2022-2030 tammonta għal €2.9 biljun.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Filwaqt li hemm tendenza li l-operaturi intermodali fil-qasam tat-trasport ferrovjarju u marittimu jkunu kumpaniji medji kbar jew kbar, ħafna drabi l-operaturi tat-trasport bit-triq u fil-passaġġi fuq l-ilma huma SMEs. Għal dawn, l-impatti tal-alternattiva ta’ politika PO2B huma mistennija jikkawżaw bidla akbar lejn it-trasport intermodali għax se titwessa’ d-definizzjoni tal-kriterji tal-eliġibbiltà. Madankollu, l-introduzzjoni tad-dejta strutturata b’mod elettroniku għall-finijiet ta’ kontroll jaf iġġib magħha spejjeż relattivament kbar ta’ investiment għall-SMEs involuti fl-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport u fit-tħejjija tad-dejta (eż. €137,250 għal kull kumpanija), iżda huma mistennija jiġu ffrankati €145,000 kull sena għal kull kumpanija. B’hekk, l-impatt fuq l-operaturi bit-triq li huma SMEs u li jużaw is-sistemi l-ġodda għandhom ikunu żgħar u pożittivi.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Kif imsemmi hawn fuq, l-għażla ippreferuta se żżid l-ispiża għall-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurzaw ir-regoli (iżda dawn huma ferm inqas sinifikanti mill-iffrankar għan-negozji).

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

Kif imsemmi hawn fuq, l-inizjattiva hi mistennija tħalli impatti ambjentali pożittivi sinifikanti (iffrankar estern ta’ €1.62 biljun għall-perjodu mill-2022 sal-2030) u impatti fuq il-livell ġenerali tal-impjiegi fil-livell tal-UE (bejn 1428 u 4759 mill-2022 sal-2030).

Il-proporzjonalità?

L-għażla ppreferuta ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex tissolva l-problema oriġinali u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-inizjattiva. L-Istati Membri se titħallielhom ċerta flessibbiltà fejn jidħlu l-applikazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet (id-definizzjoni tal-parti bit-triq tal-vjaġġ) u l-miżuri ta’ appoġġ li għandhom jittieħdu, filwaqt li se jkun żgurat fehim komuni tas-sett tar-regoli fundamentali.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Qed jiġu previsti kundizzjonijiet aġġornati għall-monitoraġġ u mekkaniżmu ta’ reviżjoni, bl-ewwel rapport wara ħames snin mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.