|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt ta’ proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti.
|
|
A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
X’inhi l-problema u għalfejn hija problema fil-livell tal-UE?
|
|
Ġew identifikati tliet problemi bħala l-motivaturi ta’ frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti:
1.Ċerti reati ma jistgħux jiġu investigati u pproċessati b’mod effettiv bil-qafas legali attwali.
2.Ċerti reati ma jistgħux jiġu investigati u pproċessati b’mod effettiv minħabba ostakli operazzjonali.
3.Il-kriminali jieħdu vantaġġ minn lakuni fil-prevenzjoni biex iwettqu frodi.
Il-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti hija theddida għas-sigurtà (hija sors ta’ dħul għall-kriminalità organizzata u b’hekk tippermetti t-twettiq ta’ attivitajiet kriminali oħrajn bħalma huma t-terroriżmu, it-traffikar tad-drogi u t-traffikar tal-bnedmin). Barra minn hekk, hija ostaklu għas-suq uniku diġitali (iddgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi u tikkawża telf ekonomiku dirett).
|
|
X’għandu jinkiseb?
|
|
Żewġ objettivi ġenerali:
·Tissaħħaħ is-sigurtà, billi titnaqqas l-attraenza (jiġifieri jonqos il-qligħ, jiżdied ir-riskju) għall-gruppi tal-kriminalità organizzata tal-frodi ta’ pagamenti bi flus mhux kontanti bħala sors ta’ dħul.
·Jingħata appoġġ lis-suq uniku diġitali,billi tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji fil-proċessi ta’ pagament kif ukoll billi jitnaqqas it-telf dirett ikkawżat mill-frodi tal-pagamenti mhux bi flus kontanti.
Tliet objettivi sġeċifiċi:
·Jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ qafas ta’ politika / legali ċar, robust u teknoloġikament newtrali.
·Jiġu eliminati l-ostakli operazzjonali li jfixklu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni.
·Titjieb il-prevenzjoni.
|
|
X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?
|
|
Il-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti għandha dimensjoni transfruntiera importanti. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux effettivament jikkumbattuha fuq livell individwali jew b’mod mhux koordinat ma’ pajjiżi oħra.
L-azzjoni tal-UE tiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux l-UE peress li d-dimensjoni internazzjonali tal-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti spiss tmur lil hinn mill-fruntieri tal-UE.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’inhuma l-opzjonijiet differenti biex jintlaħqu dawn l-objettivi? Hemm opzjoni preferuta jew le? Jekk le, għaliex?
|
|
Opzjoni A: titjieb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tiġi ffaċilitata l-awtoregolamentazzjoni għall-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat.
Opzjoni B: jiġi introdott qafas leġiżlattiv ġdid u tiġi ffaċilitata l-awtoregolamentazzjoni għall-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat.
Opzjoni C: l-istess bħal opzjoni B imma b’dispożizzjonijiet dwar l-inkoraġġiment tar-rappurtar għal kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat minflok l-awtoregolamentazzjoni, u dispożizzjonijiet ġodda dwar is-sensibilizzazzjoni.
Opzjoni D: l-istess bħall-opzjoni C iżda b’dispożizzjonijiet addizzjonali ta’ ġuriżdizzjoni li jikkomplementaw l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea u r-regoli ta’ mandat ta’ inibizzjoni.
L-opzjoni C hija l-preferuta, kemm kwalitattivament kif ukoll f’termini ta’ spejjeż u benefiċċji.
|
|
X’inhuma l-opinjonijiet tad-diversi partijiet ikkonċernati? Min jappoġġa liema opzjoni?
|
|
B’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati esprimew dubji dwar ir-rilevanza, l-effettività u l-valur miżjud tal-qafas legali attwali (id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti).
B’mod partikolari, il-partijiet ikkonċernati qablu li d-definizzjonijiet inklużi fid-Deċiżjoni Qafas mhumiex aġġornati (b’mod partikolari, l-esperti tal-awtoritajiet ġudizzjarji indikaw il-każ tal-muniti virtwali; dan kellu wkoll appoġġ wiesa’ mill-opinjonijiet tal-individwi u l-partijiet ikkonċernati matul il-konsultazzjoni pubblika miftuħa) u li għandhom jiġu kkunsidrati reati ġodda mhux inklużi fil-leġiżlazzjoni (esperti mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji indikaw b’mod partikolari il-bejgħ, l-akkwiżizzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kredenzjali misruqa; dan kellu wkoll appoġġ wiesa’ mill-kontributi li waslu matul il-konsultazzjoni pubblika miftuħa).
Il-partijiet ikkonċernati indikaw il-bżonn li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur pubbliku. Il-partijiet ikkonċernati mill-istituzzjonijiet finanzjarji u partijiet privati oħra (pereż. n-negozjanti) ilmentaw dwar in-nuqqas ta’ ċertezza legali, li xxekkilhom milli jkunu jistgħu jikkondividu informazzjoni, filwaqt li esperti mill-infurzar tal-liġi osservaw li ż-żmien meħtieġ sabiex tinkiseb l-informazzjoni ma jippermettix li ssir investigazzjoni effettiva tar-reat.
|
|
C. L-impatti tal-opzjoni preferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-opzjoni preferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?
|
|
Din l-inizjattiva mistennija twitti t-triq lejn azzjoni ta’ infurzar tal-liġi aktar effettiva u effiċjenti kontra l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, permezz ta’ applikazzjoni aktar koerenti tar-regoli madwar l-UE, kooperazzjoni transfruntiera aħjar u kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn is-settur pubbliku u dak privat u skambju ta’ informazzjoni.
L-inizjattiva għandha tinkoraġġixxi wkoll il-fiduċja fis-suq uniku diġitali, billi titjieb is-sigurtà.
|
|
X’inhuma l-ispejjeż tal-opzjoni preferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?
|
|
- L-ispejjez għall-Istati Membri biex tiġi elaborata u implimentata inizjattiva ġdida huma stmati li jkunu madwar EUR 561 000 (ta’ darba).
- L-ispejjeż kontinwi għall-implimentazzjoni u l-infurzar għall-Istati Membri huma stmati li jkunu EUR 2 285 140 fis-sena (it-total għall-Istati Membri kollha).
|
|
X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?
|
|
Peress li l-proposta ma tipprevedi l-ebda regola mandatorja dwar ir-rappurtar, ma għandux ikun hemm impatt f’dak li jirrigwarda spejjeż addizzjonali għan-negozji, inklużi l-SMEs. Id-dispożizzjonijiet l-oħra li jkunu inklużi fil-proposta wkoll ma għandhomx effett fuq l-SMEs.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Kollox ma’ kollox, l-impatt kumulattiv tal-miżuri proposti fuq l-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji, mistenni li jkun ogħla mil-livelli attwali, hekk kif l-għadd ta’ każijiet li jkollhom jiġu investigati se jpoġġi pressjoni fuq ir-riżorsi tal-infurzar tal-liġi f’dan il-qasam, li jkollhom bżonn jiżdiedu. Ir-raġunijiet prinċipali għal dan huma:
·definizzjoni usa’ tal-mezzi ta’ pagament u tar-reati addizzjonali li jkollhom jiġu indirizzati (atti preparatorji) x’aktarx li żżid l-għadd ta’ każijiet li huma responsabbli għalihom il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji;
·ikunu meħtieġa riżorsi addizzjonali biex tiżdied il-kooperazzjoni transfruntiera;
·obbligu għall-Istati Membri biex jiġbru l-istatistika joħloq piż amministrattiv addizzjonali.
Min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ qafas legali ċar biex jindirizza l-faċilitaturi għall-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti jipprovdi opportunità għad-detezzjoni, l-ipproċessar u s-sanzjonar ta’ attivitajiet relatati mal-frodi minn punt aktar bikri. Barra minn hekk, filwaqt li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat għandu kost f’termini ta’ riżorsi, ir-redditu fuq l-investiment f’termini ta’ effettività u effiċjenza tal-azzjoni tal-infurzar tal-liġi huwa immedjat.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
L-ebda impatt ambjentali sinifikanti jew impatt fuq il-livell ġenerali tal-impjiegi fil-livell tal-UE.
Billi ssaħħaħ il-koerenza mar-regoli eżistenti (pereż. id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament), l-inizjattiva se toħloq sinerġiji fir-rigward tal-protezzjoni tal-istrumenti ta’ pagament mhux bi flus kontanti.
|
|
Proporzjonalità?
|
|
L-opzjoni preferuta tintroduċi sett minimu ta’ definizzjonijiet, livell minimu ta’ sanzjonijiet massimi u drittijiet għall-vittmi. Għalhekk, l-Istati Membri jżommu ammont ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-livelli tas-sanzjonijiet. Bl-istess mod, l-Istat Membri jkunu jistgħu jagħtu drittijiet aktar favorevoli lill-vittmi tal-frodi ta’ pagament mhux bi flus kontanti.
L-opzjoni preferuta ma timponix obbligi sproporzjonati fuq is-settur privat (inklużi l-SMEs) u fuq iċ-ċittadini, peress li ma timponix obbligi ta’ rraportar.
Fl-aħħar nett, l-istrument magħżul huwa direttiva, li tagħti lill-Istati Membri flessibiltà f’termini ta’ implimentazzjoni.
L-opzjoni preferuta ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex tissolva l-problema oriġinali u tissodisfa l-objettivi identifikati għall-intervent tal-UE.
|
|
D. Segwitu
|
|
Il-politika meta se tiġi rieżaminata?
|
|
Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-implimentazzjoni ta’ proposta dwar il-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti fir-rigward ta’ x’inkiseb permezz tal-objettivi ta’ politika identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt. Din l-evalwazzjoni għandha ssir sitt snin wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni tal-att leġiżlattiv biex ikun żgurat li jkun hemm perjodu twil biżżejjed biex jiġu evalwati l-effetti tal-inizjattiva wara li tkun ġiet kompletament implimentata fl-Istati Membri kollha.
|