Strasburgu, 13.6.2017

SWD(2017) 247 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi

{COM(2017) 331 final}
{SWD(2017) 246 final}












Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar emendi possibbli għar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għalfejn? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

F’konformità mal-ftehim li sar f’Pittsburgh mill-G20 fl-2009 biex jitnaqqas ir-riskju sistemiku marbut mal-użu estensiv ta’ derivattivi, fl-2012 l-UE adottat ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR). Pilastru ewlieni tal-EMIR huwa r-rekwiżit li l-kuntratt tad-derivattivi OTC standardizzati jiġu kklirjati permezz ta’ kontroparti ċentrali (CCP): dan daħal fis-seħħ f’Diċembru 2015. L-ikklirjar mandatorju għal ċerti klassijiet tal-assi, kif ukoll użu volontarju ikbar tal-ikklirjrar ċentrali huwa u jikber l-għarfien tal-benefiċċji tiegħu fost il-parteċipant fis-suq, wasslu għal tkabbir rapidu tal-volum tal-attività tas-CCPs mindu ġie adottat l-EMIR – kemm fl-UE kif ukoll globalment. Fuq l-isfond tal-konċentrazzjoni tar-riskju ta' kreditu assoċjata li qed tiżdied f’dawn l-infrastrutturi, l-arranġamenti superviżorji għas-CCPs tal-UE u ta’ pajjiżi terzi inklużi fl-EMIR jistgħu jsiru iktar effettivi.

L-arranġamenti preżenti bis-saħħa tal-EMIR għas-superviżjoni tas-CCPs tal-UE li jinvolvu kulleġġi koordinati mill-awtorità tal-pajjiż tad-domiċilju jqajmu għadd ta’ tħassib: (i) minħabba l-importanza ta’ għadd limitat ta’ CCPs għas-sistema finanzjarja tal-UE kollha kemm hi, id-dipendenza li hija prinċipalment fuq l-awtorità superviżorja tal-pajjiż ta’ domiċilju tqajjem tħassib; (ii) prattiki superviżorji diverġenti għas-CCPs madwar l-UE jistgħu joħolqu riskji ta’ arbitraġġ regolatorju u superviżorju għas-CCPs u indirettament għall-membri jew il-klijenti tal-ikklirjar tagħhom; (iii), ir-rwol tal-banek ċentrali – bħala emittenti tal-muniti – mhuwiex rifless kif xieraq fil-kulleġġi tas-CCPs.

Ifeġġ tħassib ukoll rigward l-arranġamenti superviżorji għal CCPs ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-UE: (i) l-implimentazzjoni tar-regoli ta’ ekwivalenza u rikonoxximent tal-EMIR uriet ċerti nuqqasijiet, b’mod partikolari fir-rigward tas-superviżjoni kontinwa ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti, (ii) hemm potenzjal għal miżallinjamenti bejn l-objettivi superviżorji u tal-banek ċentrali fil-kulleġġi fil-kuntest ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi fejn ikunu involuti awtoritajiet mhux tal-UE; (iii) jista’ jkun li bidliet għar-regoli u/jew il-qafas regolatorju għas-CCPs f’pajjiż terz iwasslu għal kondizzjonijiet żbilanċjati ta’ kompetizzjoni bejn is-CCPs tal-UE u ta’ pajjiżi terzi, u jinħoloq lok għal arbitraġġ regolatorju jew superviżorju, minħabba li bħalissa ma hemmx mekkaniżmu li jiżgura li l-UE tiġi infurmata awtomatikament b’tali tibdil. Volum sostanzjali ta’ tranżazzjonijiet ta’ derivattivi ddenominati f’euro u tranżazzjonijiet oħrajn soġġetti għall-obbligu tal-ikklirjar tal-UE bħalissa qiegħed jiġi kklirjat f’CCPs fir-Renju Unit; dan iżid mat-tħassib espress, fid-dawl tal-proporzjon ta’ tali tranżazzjonijiet li jiġu kklirjati f’CCPs barra mill-ġuriżdizzjoni tal-UE wara li r-Renju Unit jitlaq mill-UE.

X'mistenni jinkiseb b’din l-inizjattiva?

L-inizjattiva hija mistennija li żżid il-konsistenza tal-arranġamenti superviżorji għas-CCPs stabbiliti fl-UE, inkluż rikonoxximent adegwat tar-rwol speċifiku tal-Bank Ċentrali ta’ Emissjoni (Central Bank of Issue, CBI), u biex issaħħaħ il-ħila tal-UE li timmonitorja, tidentifika u timmitiga riskji minn CCPs ta’ pajjiżi terzi.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

L-EMIR jirregola l-qafas superviżorju għal CCPs stabbiliti fl-UE u r-reġim għal CCPs ta’ pajjiżi terzi li joffru servizz tal-ikklirjar fl-UE. Iktar konsistenza superviżorja fil-livell tal-UE se tgħin biex tindirizza: (i) ir-riskji sistemiċi maħluqa minn CCPs integrati u interkonnessi ħafna, li joperaw fuq bażi transfruntiera lil hinn mill-ambitu tas-superviżuri nazzjonali; u (ii) riskji li jinbtu minn prattiki superviżorji nazzjonali diverġenti, li l-Istati Membri ma jistgħux isolvu waħedhom. It-tisħiħ tal-intensità tas-superviżjoni tal-UE ta’ CCPs sistemiċi ta’ pajjiżi terzi jista’ wkoll jindirizza aħjar it-tħeddid għall-istabbiltà finanzjarja tal-UE kollha kemm hi.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva ġew ikkunsidrati? Hemm xi għażla ppreferuta jew le? Għalfejn?

Ġew meqjusin tliet għażliet b’rabta mal-konsistenza tal-arranġamenti superviżorji għal CCPs stabbiliti fl-UE: (1) jinżamm l-istatus quo (jiġifieri ma jkun hemm l-ebda azzjoni politika); (2) jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju tal-UE; u (3) jiġi stabbilit superviżur tal-UE uniku. L-għażla ppreferuta hija t-tieni waħda, li tkun tħalli s-setgħat superviżorji eżistenti fil-biċċa l-kbira mas-superviżuri nazzjonali fid-dawl tar-responsabilità fiskali taħghom, filwaqt li jinħoloq mekkaniżmu superviżorju tal-UE biex jindirizza oqsma ta’ interess komuni fuq bażi iktar iċċentralizzata u jsaħħaħ il-kontribut tal-banek ċentrali ta’ emissjoni fil-proċess superviżorju. Din l-għażla hija wkoll l-iktar waħda xierqa biex jinkiseb l-objettiv li tiżdied il-konsistenza tal-arranġamenti superviżorji għal CCPs tal-UE filwaqt li jiġu evitati n-nuqqasijiet tat-tielet għażla.

Ġew meqjusa tliet għażliet b’rabta tal-mitigazzjoni tar-riskji ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi. L-ewwel għażla tikkonsisti f’li jinżamm l-istatus quo (jiġifieri ma jkun hemm l-ebda azzjoni politika). Bit-tieni għażla, is-CCPs ta’ pajjiżi terzi jkunu meħtieġa jiġu stabbiliti u awtorizzati fl-UE biex jipprovdu servizzi lill-kontropartijiet jew ċentri tan-negozjar tal-UE jew biex jipprovdu servizzi tal-ikklirjar f’muniti tal-UE. Bit-tielet għażla, il-grad u l-intensità tas-superviżjoni tal-UE jkunu proporzjonali u jiddependu fuq ir-riskji ppreżentati mis-CCPs ta’ pajjiżi terzi lejn l-UE. Jistgħu jiġu stabbiliti kriterji jew limiti differenti: (i) CCPs b’impatt baxx jistgħu jkunu soġġetti għal implimentazzjoni msaħħa tar-reġim ta’ ekwivalenza u rikonoxximent tal-EMIR; u (ii) CCPs b’impatt medju għal għoli jistgħu jkunu soġġetti għal skala varjabbli ta’ rekwiżiti superviżorji addizzjonali. Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li t-tielet għażla hija dik li hija l-iktar xierqa biex tikseb l-objettiv li ssaħħaħ il-ħila tal-UE li timmonitorja, tidentifika u timmitiga r-riskji minn CCPs ta’ pajjiżi terzi.

Min jappoġġa liema għażla?

Inkiseb feedback mill-partijiet ikkonċernati permzz ta’ tliet konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni: il-konsultazzjoni tal-2015 dwar ir-Rieżami tal-EMIR, il-konsultazzjoni tal-2017 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-konsultazzjoni tal-2017 dwar l-operat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Dwar is-superviżjoni tas-CCPs stabbiliti fl-UE, dawk li wieġbu, fosthom il-maġġuranza tal-kumpaniji, enfasizzaw il-ħtieġa għal konverġenza superviżorja msaħħa fil-livell tal-UE biex tirrifletti n-natura sistemika tas-CCPs, filwaqt li jiġi żgurat rwol adegwat għall-awtoritajiet nazzjonali u l-banek ċentrali ta’ emissjoni. Dwar is-superviżjoni ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi, l-ESMA u l-awtoritajiet pubbliċi appoġġaw it-titjibil-proċess ta’ rikonoxximent eżistenti, filwaqt li għadd ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi rappreżentati mill-industrija, wissew dwar ir-riskju tal-frammentazzjoni tas-suq.

C. L-impatti tal-għażla ppreferuta

X'inhuma l-benefiċċji  tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?

F’dak li għandu x’jaqsam mal-konsistenza tal-arranġamenti superviżorji għas-CCPs stabbiliti fl-UE, l-għażla ppreferuta ttejjeb il-koerenza tal-arranġamenti superviżorji filwaqt li tiżgura li oqsma speċifiċi tar-responsabbiltà superviżorja u r-responsabbiltà fiskali nazzjonali relatata jibqgħu allinjati. Din l-għażla tkun tiżgura wkoll l-involviment xieraq tal-banek ċentrali ta’ emissjoni fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tagħhom u tagħti lis-CCPs u lill-parteċipant fis-suq iktar ċarezza u prevedibbiltà bil-mod li bih is-CCPs ikunu ssorveljati fl-UE. Billi jiġu razzjonalizzati elementi ewlenin tas-superviżjoni tas-CCPs, l-għażla ppreferuta għandha tbaxxi l-kostijiet kemm għall-awtoritajiet superviżorji kif ukoll għas-CCPs.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-mitigazzjoni tar-riskji minn CCPs ta’ pajjiżi terzi, l-għażla ppreferuta tkun tippermetti lill-awtoritajiet tal-UE biex jimmonitorjaw u jimmitigaw aħjar tali riskji u jsaħħu l-istabbiltà ġenerali tas-sistema finanzjarja tal-UE.

Iż-żewġ għażliet preferuti jgħinu biex tkompli titbaxxa l-probabbiltà diġà baxxa (iżda b'impatt estremament għoli) ta’ falliment ta’ CCP permezz tal-abbiltà msaħħa tal-awtoritajiet pubbliċi relevanti fl-UE li jipprevjenu l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi f’CCPs tal-UE u li jimmitigaw it-trażmissjoni ta’ diffikultà finanzjarja dannuża permezz ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi.

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?

Rigward il-konsistenza tal-arranġamenti superviżorji għal CCPs stabbiliti fl-UE, l-għażla ppreferuta, li tinvolvi t-twaqqif ta’ mekkaniżmu superviżorju Ewropew għas-CCPs, ma jkollha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE, minħabba li l-kostijiet addizzjonali jkunu koperti minn tariffi superviżorji miġburin mingħand is-CCPs tal-UE. Dawn, madankollu, ikunu proporzjonali għall-attività tagħhom u jkunu jirrappreżentaw biss frazzjoni negliġibbli tal-fatturat tagħhom. Għaldaqstant, l-għażla ppreferuta mhijiex mistennija li jkollha impatt sinifikanti fuq il-kost tal-ikklirjar, sew hux għall-membri tal-ikklirjar, sew hux għall-klijenti diretti jew indiretti tagħhom.

B’mod simili, it-tibdil ippjanat li jimmitiga r-riskji ppreżentati minn CCPs ta’ pajjiżi terzi wkoll ma jkollu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE, minħabba li r-riżorsi addizzjonali li jkunu meħtieġa għall-mekkaniżmu Ewropew ukoll jiġu ffinanzjati mill-ġbir tat-tariffi superviżorji minn CCPs ta’ pajjiżi terzi. Lil hinn mill-ispejjeż relatati mas-superviżjoni, ħafna mill-kostijiet li l-kontropartijiet tal-ikklirjar (il-membri tal-ikklirjar u l-klijenti tagħhom) jaffaċċjaw ikunu marbutin mal-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ lokazzjoni għas-CCPs tal-Grad 2, li jkun skattat abbażi ta’ kriterji oġġettivi.

Kif se jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-kostijiet assoċjati mas-superviżjoni msaħħa tas-CCPs tal-UE u ta’ pajjiżi terzi potenzjalment jistgħu jingħaddew lill-klijenti finali tas-CCPs, fosthom in-negozji, l-SMEs, u l-mikrointrapriżi. F'termini netti, iż-żieda possibbli tal-kostijiet tal-ikklirjar aktarx ma tkunx sinifikanti, b’mod partikolari meta mqabbla mal-benefiċċji assoċjati mal-proposta. In-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi se jgawdu minn iktar stabbiltà li tirriżulta mill-abbiltà msaħħa tal-awtoritajiet fl-UE li jipprevjenu l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi f’CCPs tal-UE u li jimmitigaw it-trażmissjoni ta’ diffikultà finanzjarja permezz ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi. Il-kjarifikazzjoni tal-arranġamenti superviżorji għas-CCPs tal-UE u ta’ pajjiżi terzi, flimkien mal-inizjattiva reċenti REFIT tal-EMIR tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-kostijiet sproporzjonati għal kontropartijiet iżgħar, huma mistennija jgħinu biex jippromwovu iktar l-użu tal-ikklirjar ċentrali u jiffaċilitaw l-abbiltà tal-SMEs li jaċċessaw strumenti finanzjarji, sew biex jiħħeġġjaw it-tranżazzjonijiet tagħhom jew biex jinvestu.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Le. L-emendi kkunsidrati ma għandhomx jikkawżaw spejjeż rilevanti għall-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?  

Le.

D. Segwitu

Meta se tiġi riveduta l-politika?  

Jenħtieġ li ssir evalwazzjoni tal-EMIR fl-intier tiegħu, b’enfasi partikolari fuq l-effettività u l-effiċjenza tal-arranġementi superviżorji proposti biex jilħqu l-objettivi oriġinali tal-EMIR. L-evalwazzjoni ta’ min issir tal-anqas ħames (5) snin wara l-applikazzjoni ta’ dawn l-emendi.