Brussell, 2.5.2017

SWD(2017) 212 final

Pakkett ta' Konformità

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

RAPPORT TA' SINTEŻI DWAR IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI DWAR IL-PORTAL DIĠITALI UNIKU

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri, u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012

{COM(2017) 256 final}
{SWD(2017) 211 final}
{SWD(2017) 213 final}
{SWD(2017) 214 final}


Rapport ta' sinteżi dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
dwar il-portal diġitali uniku

1.Ħarsa ġenerali lejn il-proċess ta’ konsultazzjoni

Il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-portal diġitali uniku (SDG) beda f’Novembru 2015 u ntemm f’Diċembru 2016.

Dan kien jinkludi sessjoni ta’ ħidma ddedikata għall-partijiet ikkonċernati, konsultazzjoni pubblika online, laqgħat ma’ rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll skambji mal-Istati Membri. Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet u tar-reazzjonijiet għalihom, ġie deċiż li ma tiġix imnedija konsultazzjoni speċifika li tkun immirata għall-SMEs u għan-negozji ġodda.

L-eżiti ewlenin ta’ kull attività ta’ konsultazzjoni huma analizzati hawn taħt.

2.Riżultati tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni

2Konklużjonijiet mis-sessjoni ta’ ħidma tal-partijiet ikkonċernati tal-SDG

F’Marzu 2016 saret sessjoni ta’ ħidma dwar l-SDG fi Brussell. Il-parteċipanti kienu jinkludu rappreżentanti tal-Punti ta’ Kuntatt Waħdieni (PSCs), il-kmamar tal-kummerċ u l-awtoritajiet nazzjonali.

Il-parteċipanti qalu li hemm bosta problemi f’termini tal-aċċess għall-informazzjoni, id-disponibbiltà tal-proċeduri elettroniċi u l-aċċess għas-servizzi ta’ assistenza. Dawn huma dovuti għal nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni, nuqqas ta’ informazzjoni jew assistenza, kif ukoll implimentazzjoni mhux sodisfaċenti mill-awtoritajiet lokali u nazzjonali.

2Informazzjoni online dwar ir-regoli nazzjonali u tal-UE applikabbli

Il-parteċipanti sostnew li huwa għali u ta’ piż għan-negozji li jistabbilixxu ruħhom, jipprovdu servizzi jew ibigħu prodotti minn naħa għall-oħra tal-fruntieri. Anki meta tkun teżisti informazzjoni online, huwa diffiċli li din tinstab jew tinftiehem, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ lingwi alternattivi u l-użu mifrux ta’ lingwaġġ tekniku. Barra minn hekk, meta tiġi offruta biss informazzjoni ġenerali, din ma tistax tiġi applikata għal każ partikolari. Il-parteċipanti rrakkomandaw l-użu ta’ standards ta’ kwalità għolja għall-informazzjoni online. Il-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni għandhom jittejbu b’mod kostanti abbażi tal-feedback tal-utenti.

3Proċeduri elettroniċi għall-konformità mar-regoli nazzjonali

Il-parteċipanti rrimarkaw li huwa diffiċli ħafna li jintużaw proċeduri elettroniċi minn naħa għall-oħra tal-fruntieri. Għalkemm xi Stati Membri għamlu progress impressjonanti f’termini tal-gvern elettroniku fil-livell domestiku, ir-rikonoxximent tal-firma elettronika u tal-e-IDs barranin għadu limitat ħafna, li allura jagħmilha impossibbli għall-utenti barranin li jiksbu aċċess għall-proċeduri elettroniċi.

4Servizzi għal pariri u assistenza personalizzati

L-aċċess għas-servizzi ta’ assistenza u ta' soluzzjoni tal-problemi għadu limitat minħabba l-livelli baxxi ta’ għarfien u l-ostakli lingwistiċi. Fil-fehmiet tal-parteċipanti, SDG għandu joffri servizzi ta’ informazzjoni personalizzata u assistenza kemm fil-lingwa nazzjonali kif ukoll bl-Ingliż, bir-rispons jingħata fi żmien raġjonevolment qasir.

3Kontribut mill-konsultazzjoni pubblika online

Il-konsultazzjoni pubblika kienet miftuħa mit-28 ta’ Awwissu 2016 sat-28 ta’ Novembru 2016. Il-gruppi fil-mira kienu n-negozji (inklużi l-kumpaniji, il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-negozji), iċ-ċittadini (inklużi l-individwi privati, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini jew lill-konsumaturi u l-akkademiċi) u l-awtoritajiet pubbliċi.

Tabella 1 - Distribuzzjoni ta’ dawk li wieġbu

Tip ta’ parteċipanti li wieġbu

Nru. ta’ tweġibiet

% tat-tweġibiet

Persuna li taħdem għal rasha

33

9 %

Kumpanija

94

26 %

Li minnhom:

-SME (1 sa 249 impjegat)

87

93 % tal-kumpaniji li wieġbu

-Impriża b’aktar minn 250 impjegat

7

7 % tal-kumpaniji li wieġbu

Organizzazzjoni li tirrappreżenta lin-negozji

35

10 %

Total għall-kategorija tan-negozju

162

45 %

Individwu privat

147

40 %

Organizzazzjoni li tirrappreżenta liċ-ċittadini / lill-konsumaturi

11

3 %

Istituzzjoni tar-riċerka / akkademika

8

2 %

Total għaċ-ċittadini

166

45 %

Awtorità pubblika (inkluż il-gvern)

39

10 %

Total għall-Awtorità pubblika (inkluż il-gvern)

39

10 %

GĦADD TOTALI TA’ TWEĠIBIET

367

100 %

Ara l-Anness 16 tal-IA għal analiżi dettaljata tar-riżultati.

Hija enfasizzat kunsens qawwi fost in-negozji u ċ-ċittadini rigward l-importanza tal-pilastri ewlenin tal-portal diġitali uniku, jiġifieri:

-il-ħtieġa għal informazzjoni online dwar ir-regoli u l-proċeduri f’pajjiżi oħrajn tal-UE: 93 % tan-negozji li wieġbu u 92 % taċ-ċittadini li wieġbu jqisuha bħala importanti ħafna jew importanti;

-l-aċċess għall-proċeduri elettroniċi: 94 % tan-negozji li wieġbu u 92 % taċ-ċittadini li wieġbu jqisuha bħala importanti ħafna jew importanti;

-l-aċċess għas-servizzi li jipprovdu assistenza fuq talba: 88 % tan-negozji li wieġbu u 87 % taċ-ċittadini li wieġbu jqisuha bħala importanti ħafna jew importanti.

2.2.1    Informazzjoni online dwar ir-regoli nazzjonali u tal-UE applikabbli

In-negozji u ċ-ċittadini esprimew tħassib simili ħafna rigward l-informazzjoni online dwar ir-regoli nazzjonali u tal-UE. Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu jużaw l-internet bħala l-ewwel sors ta’ informazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet (74 % tan-negozji u 80 % taċ-ċittadini). Ħafna minnhom ipprovaw isibu tali informazzjoni online (78 % u 70 %, rispettivament), iżda sabu li dan kien diffiċli (80 % u 60 %, rispettivament). Id-diffikultajiet ewlenin huma d-diffikultà biex isibu l-informazzjoni (48 % u 43 %, rispettivament), il-kwalità (40 % fiż-żewġ każijiet) u l-lingwa (24 % u 13 %, rispettivament).

Dan huwa rifless fit-tweġibiet dwar il-kriterji ta’ kwalità għall-informazzjoni online. Għaż-żewġ kategoriji, it-tliet elementi ewlenin huma li l-informazzjoni għandha tkun tista' tinstab faċilment (82 % u 72 %, rispettivament), rilevanti, prattika u aġġornata (77 % u 69 %, rispettivament) u disponibbli b’lingwa oħra tal-UE (72 % u 64 %, rispettivament). 91 % tan-negozji u 87 % taċ-ċittadini jistgħu jifhmu l-informazzjoni b’lingwa tal-UE differenti, l-aktar komuni fosthom l-Ingliż (88 % u 78 %, rispettivament), segwit mill-Franċiż u mill-Ġermaniż.

Dawk li wieġbu jemmnu li għandu jkun obbligatorju għall-awtoritajiet li jipprovdu l-livell minimu tal-informazzjoni meħtieġa sabiex iwettqu attivitajiet transfruntiera (80 % fiż-żewġ każijiet) u li din l-informazzjoni għandha tkun b’mill-inqas lingwa waħda oħra tal-UE (77 % u 72 %, rispettivament). L-aktar mezz effettiv għall-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipprevjenu n-nuqqasijiet huwa li jipprovdu l-informazzjoni kollha (77 % tan-negozji u 63 % taċ-ċittadini jqisu dan il-mezz bħala effettiv ħafna) jew għall-inqas l-informazzjoni minima meħtieġa għall-utenti transfruntiera (68 % tan-negozji jqisu li dan huwa effettiv ħafna) u b’mill-inqas lingwa waħda oħra (72 % tan-negozji u 63 % taċ-ċittadini jqisu li dan huwa effettiv ħafna). Ħafna mill-awtoritajiet pubbliċi jqisu li l-informazzjoni meħtieġa hija diġà pprovduta (50 %). Ħafna minnhom huma tal-fehma li huwa diffiċli iżda fattibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-attivitajiet transfruntiera (50 %), l-informazzjoni f’bażi ta’ dejta ċentralizzata tal-UE (48 %) u l-informazzjoni b’mill-inqas lingwa waħda oħra tal-UE.

Fir-rigward tar-regoli u l-proċeduri għall-prodotti u s-servizzi, il-maġġoranza tan-negozji (81 %) huma favur l-amalgamazzjoni tal-punti ta’ kuntatt rispettivi. Din hija għażla realistika għall-awtoritajiet pubbliċi li wieġbu (70 %). Il-maġġoranza tagħhom iqisu din l-għażla bħala waħda mixtieqa jew mixtieqa ħafna, minkejja li jqisu l-integrazzjoni bħala diffiċli jew kemxejn diffiċli (28 % u 48 %, rispettivament).

2.2.2    Proċeduri elettroniċi għall-konformità mar-regoli nazzjonali

Madwar nofs in-negozji u ċ-ċittadini pprovaw iwettqu proċedura elettronika f’pajjiż ieħor tal-UE/taż-ŻEE. Il-problemi ewlenin li qegħdin jiffaċċjaw in-negozji huma l-użu eċċessiv ta’ lingwaġġ tekniku, in-nuqqas ta’ tranżazzjonalità sħiħa u l-ħtieġa tat-traduzzjoni jew taċ-ċertifikazzjoni tad-dokumenti. Għaċ-ċittadini, il-problemi ewlenin huma n-nuqqas ta’ transazzjonalità sħiħa, id-diffikultà biex isibu l-proċedura u l-problemi tal-lingwa. Il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-lingwa u l-provvista tad-dokumenti ġew identifikati miż-żewġ gruppi ta’ dawk li wieġbu bħala l-aktar kwistjonijiet urġenti li jridu jiġu indirizzati.

L-aktar elementi ta’ kwalità importanti tal-proċeduri elettroniċi huma t-tranżazzjonalità online tal-proċeduri (69 % tan-negozji u 72 % taċ-ċittadini), il-faċilità tan-navigazzjoni u l-gwida pass pass (80 % u 72 %, rispettivament), it-traduzzjoni f’lingwa oħra tal-UE (65 % u 67 %, rispettivament) u helpdesk (51 % u 63 %, rispettivament).

It-tliet proċeduri ta’ prijorità li jridu jitpoġġew online għan-negozji huma 1) ir-reġistrazzjoni tal-attività kummerċjali, 2) ir-reġistrazzjoni tal-VAT u 3) id-dikjarazzjoni tal-VAT. Għaċ-ċittadini, dawn huma 1) it-talba għal ID jew it-tiġdid tagħha, 2) it-talba għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u 3) ir-reġistrazzjoni ta’ bidla tal-indirizz.

Dawk li wieġbu jaqblu li għandu jkun obbligatorju li l-proċeduri jkunu disponibbli b’mill-inqas lingwa waħda oħra tal-UE (78 % tan-negozji, 73 % taċ-ċittadini u 55 % tal-awtoritajiet pubbliċi). Għandu jkun obbligatorju wkoll li l-aktar proċeduri importanti (67 %, 69 % u 70 %, rispettivament) jew kwalunkwe proċedura rilevanti meħtieġa skont il-liġi Ewropea futura (69 %, 67 % u 48 %, rispettivament) ikunu kompletament online.

Dawn l-azzjonijiet ġew meqjusa bħala l-aktar miżuri effettivi sabiex jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni għall-proċeduri elettroniċi. Nofs l-awtoritajiet pubbliċi jqisu dawn l-azzjonijiet bħala diffiċli iżda fattibbli. In-nofs l-ieħor huwa maqsum bejn dawk li jqisu dawn il-proċeduri bħala li huma diġà fis-seħħ u dawk li jqisuhom mhux fattibbli jew mhux neċessarji.

Il-maġġoranza tal-awtoritajiet pubbliċi jaraw it-tranżizzjoni tagħhom għal gvern elettroniku bħala waħda newtrali (50 %) jew pożittiva (30 %). L-amministrazzjonijiet huma maqsuma b’mod indaqs fost dawk li qegħdin jippjanaw li jpoġġu aktar proċeduri online fis-sentejn li ġejjin (kompletament tranżazzjonali fi 83 % ta’ dawk il-każijiet) u dawk li mhumiex.

2.2.3    Servizzi għal pariri u assistenza personalizzati

Dawk li wieġbu qalu li dawn li ġejjin huma l-aktar kriterji ta’ kwalità importanti għas-servizzi ta’ assistenza personalizzata; it-tweġibiet għandhom jingħataw malajr (70 % tan-negozji u 63 % taċ-ċittadini), għandhom iwieġbu l-mistoqsija speċifika (75 % u 79 %, rispettivament), ikunu affidabbli u legalment tajbin (69 % u 60 %, rispettivament), ikunu ċari, sempliċi u b’terminoloġija mhux legali (64 % tan-negozji), is-servizzi għandhom ikunu disponibbli b’lingwa barranija (68 % u 58 %, rispettivament) u jingħataw b’mezzi differenti (35 % taċ-ċittadini).

2.2.4    Mekkaniżmu ta’ feedback

Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu huma lesti li jagħtu feedback dwar l-esperjenza tagħhom tas-suq uniku, għall-fini tal-orjentazzjoni tat-tfassil tal-politika.

2.3Laqgħat u skambji man-negozji u ċ-ċittadini kkonċernati

Il-kontribuzzjonijiet ewlenin jinkludu:

-Is-seduta ta’ smigħ “Iċ-Ċittadinanza tal-UE fil-prattika” f’Marzu 2016;

-Diskussjoni fl-Assemblea Annwali tal-SMEs fil-Lussemburgu f’Novembru 2015; diskussjoni mar-Rappreżentanti tal-SMEs f’Ġunju u Ottubru 2016;

-Laqgħat bilaterali ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-negozji u lill-konsumaturi matul l-2016 (Eurochambres, Eurocommerce, BUSINESSEUROPE, il-kmamar tal-kummerċ nazzjonali, CEA-PME, Startup City Alliance Europe, European Roundtable of Industrialists, eċċ.), kif ukoll man-negozji li joperaw f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE;

-Diskussjonijiet fil-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni, inkluż dwar il-gvern elettroniku, dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, dwar id-dritt għall-moviment liberu tal-persuni, dwar id-dritt taċ-ċittadini mhux irrappreżentati għal protezzjoni konsulari barra l-pajjiż u dwar il-Grupp ta’ Interservizzi dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE;

-Diskussjonijiet fin-netwerks tal-Kummissjoni, bħall-kumitat dwar kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati, il-pjattaforma REFIT, il-Forum tas-Suq Uniku, il-laqgħat tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar;

-Dokumenti ta’ pożizzjoni tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tan-negozju mibgħuta bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika online;

-Il-preżentazzjoni tal-għodod eżistenti u d-diskussjoni dwarhom fil-gruppi ta’ esperti, inklużi l-Bord Editorjali tal-Ewropa Tiegħek, Pariri tal-Ewropa Tiegħek, in-netwerk SOLVIT, in-netwerk EU-GO (Punti ta’ Kuntatt Waħdieni), iċ-Ċentri ta’ Kuntatt tal-Europe Direct, eċċ.

2.3.1    Informazzjoni online dwar ir-regoli nazzjonali u tal-UE applikabbli

Il-laqgħat mal-partijiet ikkonċernati kkonfermaw li l-informazzjoni dwar ir-regoli fil-pajjiżi tal-UE hija meħtieġa u diffiċli tinkiseb.

Wieħed miċ-Ċentri għall-Konsumaturi Ewropej jirrakkomanda li l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-involviment f’attivitajiet privati jew kummerċjali transfruntiera b’mill-inqas lingwa barranija waħda.

Il-partijiet ikkonċernati tan-negozju rrimarkaw li l-informazzjoni għandha tkun ta’ kwalità għolja, kompleta, affidabbli, aġġornata u kredibbli sabiex l-utenti jkunu jistgħu jistrieħu fuqha. Hija għandha tinkludi rekwiżiti tekniċi u regolatorji dettaljati dwar l-ittestjar u r-rapportar, kif ukoll informazzjoni dwar it-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali, eċċ.

L-istħarriġ intern ta’ Eurochambres identifika l-ostakli ewlenin għas-suq uniku. Dawn kienu jinkludu n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà ta’ informazzjoni dwar ir-regoli u r-rekwiżiti (81 %) u r-regoli nazzjonali differenti dwar il-prodotti/is-servizzi (81 %).

Kumpanija kbira preżenti kważi fl-Istati Membri kollha rrimarkat li l-immappjar tar-rekwiżiti legali li japplikaw għall-prodotti tagħhom f’pajjiż ġdid jieħu mill-inqas sentejn qabel jibdew l-operazzjonijiet. Huma jiddedikaw riżorsi konsiderevoli għal dan il-proċess.

Fid-dokumenti ta’ pożizzjoni tagħhom, diversi organizzazzjonijiet tan-negozju jqisu li huwa utli li jiġu ssimplifikati l-għodod ta’ informazzjoni online kollha taħt umbrella waħda. Xi wħud jinkoraġġixxu arkitettura komuni għall-informazzjoni madwar l-Istati Membri. Din se tgħin lill-fornituri tal-informazzjoni jidentifikaw l-informazzjoni li huma obbligati li jagħmlu aċċessibbli u jiffaċilitaw il-proċess tat-tfittxija għall-utenti.

2.3.2    Proċeduri elettroniċi għall-konformità mar-regoli nazzjonali

Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati tan-negozju jsostnu li l-proċeduri kollha għandhom ikunu kompletament disponibbli online, sabiex b’hekk tiġi evitata l-ħela ta’ ħin u flus. Xi wħud huma lesti li jaċċettaw eċċezzjonijiet biss meta s-sigurtà tkun f’riskju.

Xi assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jiddispjaċihom li hemm biss ftit proċeduri disponibbli online u dawn huma disponibbli biss għal ċerti setturi fuq il-PSCs attwali. Huma favur li l-punti ta’ kuntatt jingħaqdu sabiex isiru aktar utli u effiċjenti. Xi partijiet ikkonċernati jissuġġerixxu li l-Kummissjoni għandha tikkoordina u tinforza l-kriterji tal-kwalità u ttejjeb l-interoperabbiltà bejn il-portali nazzjonali, inklużi l-firem elettroniċi transfruntiera u e-IDs faċli għall-utent.

Xi partijiet ikkonċernati enfasizzaw li l-permessi tal-awtorità lokali diffiċli jinkisbu b’mod elettroniku, minħabba l-inkompatibbiltà tas-sistema.

Xi negozji jsibuha utli li jkollhom glossarju sabiex jgħinhom isibu l-awtorità responsabbli minn proċedura speċifika f’pajjiż ieħor, minħabba li l-kompetenzi ta’ spiss jiġu distribwiti b’modi differenti.

Il-maġġoranza tar-rappreżentanti tan-negozji jappoġġaw l-idea ta’ formoli komuni u aktar armonizzazzjoni madwar l-Istati Membri għar-regoli u l-proċeduri elettroniċi.

Il-proċeduri identifikati bħala prijorità għat-tranżazzjonalità transfruntiera minn BusinessEurope huma: l-istabbiliment tal-kumpaniji, ir-reġistrazzjoni fiskali, il-preżentazzjoni ta’ formoli tat-taxxa u l-akkwist elettroniku.

2.3.3    Servizzi għal pariri u assistenza personalizzati

L-assoċjazzjonijiet tal-SMEs enfasizzaw il-ħtieġa għal servizzi ta’ assistenza ta’ kwalità tajba, b’mod partikolari sabiex jinstabu u jinftiehmu r-rekwiżiti nazzjonali. Anki n-negozji akbar jirrakkomandaw li għandha tkun disponibbli assistenza affordabbli sabiex tiggwida lill-utenti matul il-passi kollha tal-impenji transfruntiera tagħhom, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti lokali. Ir-rappreżentanti ta’ setturi iżgħar isostnu li huma ma għandhomx assoċjazzjonijiet nazzjonali li jistgħu jgħinuhom jespandu għal swieq ġodda.

Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati li ġew ikkonsultati enfasizzaw li s-servizzi ta’ assistenza għandhom ikunu disponibbli f’mill-inqas lingwa waħda li tinftiehem b’mod komuni madwar l-Istati Membri, eż. l-Ingliż, b’xi wħud saħansitra jissuġġerixxu li dawn għandhom ikunu bil-lingwi kollha.

2.4    Konsultazzjoni mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

L-Istati Membri ġew ikkonsultati permezz tal-Grupp ta’ Esperti fuq id-Direttiva dwar is-Servizzi, il-Kumitat ta’ Rikonoxximent Reċiproku, kif ukoll permezz ta’ laqgħat bilaterali mal-awtoritajiet nazzjonali u l-uffiċċji ta’ rappreżentanza tagħhom fi Brussell. Xi Stati Membri ppreżentaw ukoll dokumenti ta’ pożizzjoni għall-konsultazzjoni pubblika online.

Barra minn hekk, 17-il Stat Membru ħarġu dokument ta’ pożizzjoni li fih għamlu sejħa għal netwerk ta’ portali diġitali uniċi (portali tal-gvern elettroniku li jiffunzjonaw b’mod sħiħ) bil-għan li jgħinu lin-negozji jiftħu, jikbru u jagħmlu kummerċ bejn il-fruntieri billi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu joperaw fi Stat Membru ieħor. Huma jappoġġaw ukoll l-idea li n-negozji għandhom jgħaddu minn proċess diġitali wieħed biss sabiex jibdew u joperaw fi kwalunkwe pajjiż fl-UE.

2.4.1    Governanza tal-portal diġitali uniku

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jitkellmu favur distribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn il-livell nazzjonali u l-UE. Dawk kollha li wieġbu jemmnu li s-sjieda u l-ġestjoni tal-kontenut għandhom ikunu responsabbiltà nazzjonali. Il-maġġoranza tagħhom jixtiequ li l-Kummissjoni Ewropea jkollha rwol ta’ koordinazzjoni b’saħħtu, billi tiddefinixxi l-objettivi f’termini tal-aġġornamenti, il-kontenut, l-utilità, eċċ. Xi wħud jappoġġaw il-ħolqien ta’ korp ta’ koordinazzjoni aktar b’saħħtu, meta mqabbel, pereżempju, ma’ wieħed għan-netwerk EUGO. Ħafna jappoġġaw l-idea ta’ miżuri ta’ infurzar jekk l-istandards tal-kwalità ma jintlaħqux. L-Istati Membri enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jżommu l-awtonomija tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-inizjattivi nazzjonali.

L-Istati Membri rreferew ukoll għall-ħtieġa ta' integrazzjoni ulterjuri tal-inizjattivi u tal-portali fil-livell tal-UE.

Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati f’din il-kategorija huma favur il-ġbir tad-dejta u tal-feedback tal-utenti sabiex jittejbu s-servizzi.

2.4.2    Informazzjoni online dwar ir-regoli nazzjonali u tal-UE applikabbli

Il-maġġoranza tal-Istati Membri huma favur l-għoti ta’ informazzjoni bażika dwar l-operazzjonijiet transfruntiera u jappoġġaw l-idea li jamalgamaw jew jgħaqqdu l-punti ta’ kuntatt eżistenti, kif ukoll li jagħtu mandat għall-għoti ta’ informazzjoni b’lingwa oħra tal-UE li tintuża b’mod komuni.

2.4.3    Proċeduri elettroniċi għall-konformità mar-regoli nazzjonali

L-evidenza turi li t-tqegħid ta’ proċeduri online jeħtieġ investimenti sostanzjali, li xi drabi jnaqqas ir-ritmu tal-adozzjoni tagħhom. Madankollu, xi Stati Membri rrimarkaw li l-SDG jista’ jwassal għal komunikazzjoni aktar effiċjenti u kondiviżjoni ta’ dejta fost il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Dan jgħin fl-identifikazzjoni u fir-razzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-aktar proċeduri użati fl-Istati Membri kollha. Xi Stati Membri jiffavorixxu prinċipju ta’ “diġitali b’mod awtomatiku” għal-leġiżlazzjoni futura tal-UE u għall-implimentazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri enfasizzaw l-importanza tal-interoperabbiltà u l-isfidi kkawżati mill-identifikazzjoni, l-awtentikazzjoni u l-firma elettronika.

2.4.4    Servizzi għal pariri u assistenza personalizzati

Xi Stati Membri huma mħassbin dwar l-impatt li l-ħolqien ta’ SDG jista’ jkollu fuq l-investimenti magħmula għall-ħolqien tal-PSCs u punti ta’ kuntatt oħrajn jew portali tal-kmamar tal-kummerċ. Il-maġġoranza jippreferu li l-SDG jibni fuq is-sistemi eżistenti.

2.5    Konklużjonijiet

L-elementi ewlenin li joħorġu mill-konsultazzjoni huma l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni relatata mas-suq uniku, il-proċeduri elettroniċi u s-servizzi ta’ assistenza disponibbli. Hemm appoġġ wiesa’ għall-għanijiet tal-inizjattiva u livell għoli ta’ interess tal-partijiet ikkonċernati f’implimentazzjoni konkreta.

In-negozji u ċ-ċittadini huma tal-fehma li l-aċċess għall-informazzjoni applikabbli kollha jkun utli sabiex jittieħdu deċiżjonijiet informati. L-Istati Membri huma tal-fehma li diġà qiegħed jiġi offrut il-livell minimu ta’ informazzjoni meħtieġa u li l-offerta tal-informazzjoni kollha online toffri sfida.

Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu jixtiequ jwettqu proċeduri transfruntiera online. L-Istati Membri huma mħassba dwar il-fattibbiltà, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtentikazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-firem elettroniċi u fir-rigward tal-ispiża potenzjali biex il-proċeduri kollha jitqiegħdu online. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jixtiequ jiżguraw li l-SDG jibni fuq is-sistemi eżistenti.

Dawn ir-riżultati jittieħdu f’kunsiderazzjoni kompletament fil-pakkett tal-għażliet ippreferuti proposti, ippreżentat fil-valutazzjoni tal-impatt.