Brussell, 31.5.2017

SWD(2017) 191 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

PROPOSTA GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (tfassil mill-ġdid)

{COM(2017) 280 final}
{SWD(2017) 190 final}
{SWD(2017) 192 final}
{SWD(2017) 193 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt tar-reviżjoni tad-Direttiva 2004/52/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/750/KE (“Qafas Ġuridiku tal-EETS”)

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Is-swieq nazzjonali tal-ġbir elettroniku tal-pedaġġi huma ddominati mill-monopolji lokali u l-fornituri tas-servizzi tal-ġbir tal-pedaġġi madwar l-UE (“fornituri tal-EETS 1 ”) iħabbtu wiċċhom ma diversi ostakli biex jespandu fi swieq ġodda. B’riżultat ta’ dan, l-utenti tat-toroq għandhom bżonn diversi unitajiet abbord il-vettura (OBU), kif ukoll kuntratti u modalitajiet tal-fatturazzjoni biex iħallsu l-pedaġġi f’partijiet differenti tal-UE, li jirriżultaw f’ħafna spejjeż u inkonvenjenzi.

Problema oħra hija l-impunità relattiva ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru li ma jħallsux pedaġġ fi Stat Membru ieħor. Tabilħaqq, illum m’hemm l-ebda soluzzjoni effiċjenti fil-livell tal-UE għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-trasgressuri tal-pedaġġi. Dan jirriżulta f’telf tad-dħul mill-pedaġġi u frustrazzjoni fost is-sewwieqa konformi, u jtellef ukoll l-evoluzzjoni teknoloġika miċ-ċentri fiżiċi ta’ pedaġġ għal soluzzjonijiet moderni ta’ pedaġġ li ma jtellfux iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku.

X’għandu jinkiseb?

Objettiv ġenerali: Isir kontribut għat-tħaddim korrett tas-Suq Intern billi jiġi żgurat aċċess sħiħ għall-interoperabilità tas-servizzi ta’ pedaġġ, f’konformità u fi proporzjon mal-ħtiġijiet tal-utenti tat-toroq.

Objettiv speċifiku 1: It-tneħħija tal-ostakli għad-dħul fis-suq u t-trawwim tal-iżvilupp ta’ suq kompetittiv għas-servizzi elettroniċi tal-ġbir tal-pedaġġi

Objettiv speċifiku 2: It-titjib tal-livell ta’ infurzar tal-pedaġġi minn vetturi rreġistrati barra l-pajjiż

Objettiv speċifiku 3: It-tneħħija tal-obbligi eċċessivi għall-fornituri tal-EETS

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

L-organizzazzjoni subottimali tas-suq tal-ġbir elettroniku tal-pedaġġi fl-Istat Membru A jolqot b’mod negattiv lill-utenti tat-triq irreġistrati fl-Istat Membru B, u viċi versa. Għallhekk, l-ebda Stat Membru individwali ma għandu l-inċentiv biex ibiddel l-affarijiet sakemm ma jitqisux l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji tal-UE. Dan jista’ jinkiseb biss jekk l-azzjoni tittieħed fil-livell tal-UE.

F’dak li jirrigwarda l-infurzar transkonfinali tal-pedaġġi, intwera li approċċ purament intergovernattiv ma jaħdimx. Sistema effiċjenti ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar it-trasgressuri tal-pedaġġ tista’ tiġi implimentata biss mill-UE għall-Istati Membri kollha.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet għall-ksib tal-għanijiet? Hemm għażla preferuta jew le? Jekk le, għaliex?

Tqiesu tliet soluzzjonijiet alternattivi:

1) L-awtoregolamentazzjoni biex jinkiseb l-objettiv speċifiku 1 + miżuri leġiżlattivi biex jinkiseb l-objettivi speċifiċi 2 u 3. F’din l-alternattiva ta’ politika, il-Kummissjoni taqbel mal-industrija dwar għadd ta’ objettivi operazzjonali ċari bbażati fuq l-ewwel objettiv speċifiku, iżda toqgħod lura milli timponi mod biex jinkisbu dawn l-objettivi. L-awtoregolamentazzjoni hija kkompletata b’regolamentazzjoni iebsa biex jinkisbu l-objettivi speċifiċi 2 u 3.

2) Approċċ leġiżlattiv, fejn il-problemi kollha identifikati u l-kawżi sottostanti tal-problemi jiġu indirizzati mil-leġiżlazzjoni tal-UE (bidliet għad-Direttiva 2004/52/KE u għad-Deċiżjoni 2009/750/KE).

3) Standard uniku għall-ETC tal-UE biex jiffaċilita l-interoperabilità teknika u proċedurali+ miżuri leġiżlattivi biex jippromwovu swieq kompetittivi u biex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi nru 2 u 3. F’din l-għażla politika, il-kost għall-forniment ta’ servizzi interoperabbli huwa iżgħar minħabba li wassal għal armonizzazzjoni fil-fond tas-sistemi u l-proċeduri ta’ pedaġġ. L-objettivi l-oħra jinkisbu permezz ta’ tibdil fil-leġiżlazzjoni.

L-Għażla 2 hi l-alternattiva ppreferuta. Hija t-tieni l-aktar għażla effikaċi biex jintlaħqu l-għanijiet, iżda tinsab fl-ogħla pożizzjoni fil-kuntest tal-analiżi kost-benefiċċji.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

PO1 hija appoġġjata mill-Pjattaforma ta’ Faċilitazzjoni tal-EETS (EFP) — pjattaforma ta’ kooperazzjoni li tinvolvi l-atturi ewlenin involuti fl-industrija tal-pedaġġ elettroniku fi 12-il pajjiż. Il-maġġoranza tal-membri tal-EFP jappoġġjaw ukoll (partijiet kbar) mill-PO2.

Il-miżuri leġiżlattivi inklużi f’PO2 huma fil-biċċa l-kbira msejsa fuq is-sejbiet tal-industrija u l-amministrazzjonijiet nazzjonali dwar in-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni attwali. Kważi l-miżuri kollha rċevew appoġġ qawwi mill-partijiet interessati (u b’mod partikolari l-Istati Membri), għalkemm kien hemm xi oppożizzjoni għal ċerti elementi.

Fl-aħħar nett, PO3 għandha l-appoġġ tal-utenti tat-triq mhux professjonali, u ssemmiet minn ċerti politiċi bħala t-triq li għandha tiġi segwita. Madankollu, twarrbet b’mod ġenerali mill-industrija tal-pedaġġi.

C. Impatti tal-għażla preferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

PO2 twassal għal frankar ta’ EUR 370 miljun (valur preżenti nett (VPN) — 2016–2025) għall-utenti tat-toroq. Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-iffrankar sejjer jibbenefika lill-industrija tat-trasport bit-trakkijiet, li fil-biċċa l-kbira hija magħmula minn SMEs. L-amministraturi tan-netwerks tat-toroq jibbenefikaw minn frankar għaliex ma jkollhomx għalfejn jakkwistaw OBUs żejda (EUR 48 miljun NPV) u dħul addizzjonali mill-pedaġġi li jirriżultaw minn regoli aħjar dwar l-infurzar transkonfinali (EUR 150 miljun fis-sena). Il-fornituri tal-EETS jesperjenzaw tnaqqis tal-piż regolatorju marbut mal-penetrazzjoni fis-swieq nazzjonali (EUR 10 miljun NPV, għal grupp previst ta’ 12 l-fornituri tal-ETS). Barra minn hekk, se jesperjenzaw tkabbir fis-suq tagħhom bi dħul addizzjonali ta’ EUR 700 miljun fis-sena.

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

L-amministraturi tan-netwerks tat-toroq se jesperjenzaw kostijiet addizzjonali biex jadattaw is-sistemi ta’ pedaġġ tagħhom għal rekwiżiti ġodda li jammontaw għal EUR 174 miljun (NPV).

B’mod ġenerali, il-benefiċċju totali nett ta’ PO2 (kostijiet-benefiċċju) huwa ta’ EUR 254 miljun (NPV).

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

L-uniku tip ta’ impatt fuq l-SMEs huwa ta’ benefiċċju, għalhekk l-ebda eżenzjoni ma hi meħtieġa. Il-grupp tal-SMEs milqut l-aktar huwa dak tal-kumpaniji tat-trasport bit-triq. L-impatt ekonomiku pożittiv nett totali għalihom jammonta għal EUR 300 miljun (NPV).

Kumplessivament, l-inizjattiva se żżid il-livell ta’ kompetittività fis-suq ġbir elettroniku tal-pedaġġi billi tistabbilixxi regoli ġusti tas-suq. L-inizjattiva se tikkontribwixxi biex jiżdied il-livell ta’ kompetittività tat-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq(peress li se tnaqqsilhom il-piż regolatorju). Iżżid ferm il-kompetittività tal-fornituri tal-EETS.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Peress illi ħafna amministraturi tat-toroq fil-fatt huma aġenziji jew amministrazzjonijiet nazzjonali, il-kostijiet addizzjonali għall-amministraturi tat-toroq se jkollhom impatt fuq il-baġits nazzjonali. Dan l-impatt madankollu se jkun relattivament baxx (massimu ta’ żewġ miljun euro kull amministrazzjoni nazzjonali).

L-użu obbligatorju tal-mudell tar-”rivenditur”, fejn il-fornitur tal-EETS joħroġ il-fatturi lill-utenti f’ismu, minflok f’isem l-amministratur tat-toroq, jista’ jwassal għal xi diffikultajiet fl-implimentazzjoni fl-Istati Membri li jqisu l-pedaġġi bħala taxxi.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

L-impatti l-oħra mhux se jkunu sinifikanti meta mqabbla ma’ dawk diġà deskritti hawn fuq.

Proporzjonalità?

Il-miżuri tal-għażla ta’ politika 2 ġew definiti abbażi ta’ konsultazzjonijiet u djalogi twali mal-partijiet interessati kollha fis-suq tal-ETC u b’hekk jirriflettu kunsens bejn l-atturi fl-industrija. Dan għandu jiggarantixxi l-proporzjonalità.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Huwa previst li l-Kummissjoni se tanalizza l-impatti tal-leġiżlazzjoni ġdida fl-2025.



C. Impatti tal-għażla preferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

PO3b kieku

·tnaqqas l-ispejjeż tal-konġestjoni b’EUR 9 biljun sal-2030, tipprovdi dħul addizzjonali minn ħlasijiet għall-użu tat-triq ta’ EUR 10 biljun fis-sena u tgħin biex l-investiment fit-toroq jiżdied b’25 %

·tnaqqas l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ CO2, ta’ NOx u ta’ materja partikolata b’mod sinifikanti

·ittejjeb is-saħħa pubblika u tnaqqas l-ispejjeż tat-tniġġis tal-arja u tal-aċċidenti (EUR 0,37 biljun sal-2030)

·tippermetti li jiġu ġġenerati madwar 208 000 impjieg ġdid u benefiċċji addizzjonali ta’ 0,19 % tal-PDG, u

·tagħti kontribut għat-trattament ugwali taċ-ċittadini tal-UE billi tnaqqas bin-nofs il-prezz tal-vignettes għal perjodi qosra.

X'inhuma l-ispejjeż tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

L-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija jiżdiedu b’1.1 %, filwaqt li l-ispejjeż tat-trasport tal-passiġġieri jibqgħu kif inhuma. Fost l-ispejjeż li jkollhom iġarrbu l-awtoritajiet hemm dawk għall-iskjerament ta’ sistemi ta’ pedaġġ ġodda jew għall-espansjoni tas-sistemi eżistenti għall-Istati Membri kkonċernati (investiment totali ta’ darba ta’ bejn EUR 1,2 biljun u EUR 1,4 biljun) u spejjeż operatorji li jammontaw għal bejn EUR 168 miljun u EUR 200 miljun fis-sena. L-estensjoni tat-tariffi għall-użu tat-triq għal partijiet ġodda tan-netwerk u għal gruppi ġodda ta’ utenti tista’ żżid l-ispejjeż ta’ konformità għall-utenti tat-toroq b’bejn EUR 198 miljun u EUR 228 miljun fis-sena.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Kważi 100 % tal-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija bit-triq huma SMEs. L-estensjoni tal-pedaġġi tat-toroq kieku żżid l-ispejjeż ta’ konformità tagħhom; madankollu, il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż addizzjonali jiġu trasferiti lill-klijenti, u dan iwassal għal żieda marġinali (ta’ inqas minn 0,25 %) fil-prezzijiet.

Żieda tal-investiment fl-infrastruttura kieku jkollha impatt pożittiv qawwi fuq l-industrija tal-kostruzzjoni.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Is-settur pubbliku se jibbenefika minn dħul addizzjonali, li jista’ jinkiseb jekk isiru investimenti fl-iskjerament u fit-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi ġodda ta’ pedaġġ. L-impatt nett fuq il-baġits tal-Istati Membri jista’ jammonta għal surplus ta’ kważi EUR 10 biljun fis-sena.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

Huwa mistenni tnaqqis relattivament qawwi fil-konsum tad-diżil (ta’ 1,3 %).

Proporzjonalità?

L-inizjattiva sempliċiment tagħti kontribut għall-ilħiq tal-għanijiet. Aktar milli teżiġi l-applikazzjoni tat-tariffi għall-użu tat-triq, hija tikkoordina u tiffaċilita l-azzjoni nazzjonali. L-ispejjeż għall-Istati Membri, għan-negozji u għaċ-ċittadini huma limitati meta mqabbel mal-benefiċċji potenzjali. B’hekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu solvuti l-problemi li ġew identifikati u biex jintlaħqu l-għanijiet.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni se tevalwa l-leġiżlazzjoni l-ġdida fl-2025.

(1) EETS: Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku.