Brussell, 31.5.2017

SWD(2017) 189 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty ġodda u l-konsum tal-fjuwil tagħhom

{COM(2017) 279 final}
{SWD(2017) 188 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty ġodda u l-konsum tal-fjuwil tagħhom

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

L-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u l-konsum tal-fjuwil minn vetturi heavy-duty (HDVs) ġodda mqiegħda fis-suq tal-UE, s’issa għadhom ma ġewx immonitorjati u lanqas irrapportati. Din il-lakuna fl-għarfien twassal għal: 1) opportunitajiet mitlufa biex jitfasslu politiki li jnaqqsu l-kont tal-fjuwil għall-operaturi tat-trasport, li prinċipalment huma SMEs; 2) żieda fil-kompetizzjoni għall-manifatturi ta’ vetturi; 3) sfidi bl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) għas-settur tal-HDVs fil-kontribuzzjoni għall-ilħuq tal-miri tal-UE għall-GHG.

X’mistenni li jinkiseb b’din l-inizjattiva?

Il-monitoraġġ u r-rapportar tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet ta’ CO2 speċifiċi tal-HDVs jegħlbu l-falliment tas-suq, iżidu t-trasparenza u jagħlqu l-lakuna fl-għarfien b’data robusta u komparabbli. Dan jippermetti li jsiru deċiżjonijiet tax-xiri informati sew, u jistimula l-kompetittività u l-iżvilupp ta’ politiki razzjonali, li jippromwovi l-użu ta’ vetturi effiċjenti fil-konsum tal-fjuwil.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Ħafna skemi ta’ monitoraġġ fil-livell nazzjonali jirriżultaw f’nuqqas ta’ komparabilità u kompletezza tad-data. Dan jiġġenera frammentazzjoni tas-suq tal-UE u telf tat-trasparenza tas-suq. MInflok, b'bażi tad-data komuni id-data tal-monitoraġġ tkun disponibbli għall-użu mix-xerrejja u għal dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali.

B. Soluzzjonijiet

Liema huma l-għażliet leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi li ġew ikkunsidrati? Teżisti xi għażla ppreferuta, jew le? Għaliex? 

Bid-dħul fis-seħħ tar-regolament dwar iċ-ċertifikazzjoni, il-konsum ta’ CO2 u fjuwil tat-trakkijiet ġodda kollha jrid jiġi kkalkulat bl-għodda tas-simulazzjoni VECTO. Tqiesu l-għażliet dwar jekk din id-data għandhiex tiġi rrapportata u mmonitorjata fil-livell tal-UE u kif dan għandu jsir. Ix-xenarju bażi huwa li ma tittieħed l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE. L-għażliet leġiżlattivi meqjusin huma: 1) ir-rapportar mill-awtoritajiet nazzjonali; 2) ir-rapportar mill-manifatturi tal-HDVs u 3) ir-rapportar imħallat mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-manifatturi.

L-Għażla Nru 3 hija ppreferuta. Din hija l-aktar waħda effettiva, partikolarment għaliex tiżgura l-fluss diġitali tal-informazzjoni u tipprovdi kopertura tad-data kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, u l-ispiża amministrattiva tagħha hija modesta.

Liema għażla u min jappoġġjaha? 

L-appoġġ minn organizzazzjonijiet professjonali, intrapriżi privati, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet pubbliċi huwa maqsum bejn l-għażliet 1 u 3. L-għażla 3 hija l-favorita wkoll fost l-individwi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u hija appoġġjata mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati.

L-għażla 2 hija appoġġjata l-aktar minn xi organizzazzjonijiet professjonali.

C. L-impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)? 

Huwa probabbli li trawwem il-kompetizzjoni biex jiġu prodotti iżjed vetturi effiċjenti fl-użu tal-enerġija u inċentivi għall-innovazzjoni. L-effetti ta’ trasport tal-merkanzija aktar effiċjenti fl-enerġija huma mistennija li jinfirxu, mill-inqas parzjalment, għall-maġġoranza tas-setturi tal-ekonomija tal-UE: spejjeż operattivi tal-fjuwil aktar baxxi tat-trasport jiġġeneraw prezzijiet tat-trasport aktar baxxi, u dan inaqqas l-ispejjeż tas-setturi l-oħrajn u eventwalment ikunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi tal-UE.

Huma mistennija benefiċċji fl-impjiegi fuq perjodu ta’ żmien medju/twil.

Titjib inkrementali fl-effiċjenza tal-vetturi mixtrija għandu jirriżulta fi ffrankar fl-emissjonijiet ta’ CO2. Tnaqqis favorevoli iżda mhux neġliġibbli huwa mistenni f’emissjonijiet oħrajn.

X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)? 

L-uniċi spejjeż ekonomiċi huma dawk amministrattivi. Dawn huma mistennija li jkunu negliġibbli: madwar €1 kull vettura.

Kif se jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-maġġoranza tal-kumpaniji tat-trasport tal-UE huma SMEs li joperaw biss ftit vetturi. Dawn huma mistennija li jibbenefikaw mill-monitoraġġ. Aktar trasparenza fuq il-prestazzjoni tal-konsum tal-fjuwil tal-HDVs tippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet fuq ix-xiri iżjed informati biex jiġi żgurat iffrankar tal-fjuwil.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Minbarra l-ispejjeż amministrattivi ta’ madwar €3.500 fis-sena, l-Istati Membri huma mistennija li jibbenefikaw mid-disponibbiltà tad-data tal-monitoraġġ tal-HDVs għat-tfassil ta’ politiki li jippromwovu tnaqqis fl-emissjonijiet, pereżempju skemi ta’ tassazzjoni jew inċentivi speċifiċi, inklużi n-nollijiet tat-triq u l-akkwist pubbliku.

Se jkun hemm xi impatt sinifikanti ieħor? 

Il-kompetittività u l-impatt internazzjonali huma mistennija li jkunu pożittivi fuq perjodu ta’ żmien medju/twil.

D. Segwitu

Meta se tiġi riveduta l-politika?

Wara perjodu ta’ applikazzjoni ta’ 5 snin.