|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar l-Istatistika Ewropea tan-Negozju (“FRIBS”)
|
|
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?
|
|
Il-ħtiġijiet dejjem akbar għall-informazzjoni biex titfassal il-politika u għal finijiet oħra qed kulma jmur iżidu l-pressjoni fuq il-Eurostat u l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSAs) biex jipprovdu statistika ta’ kwalità kbira. Is-sistema attwali għall-istatistika Ewropea tan-negozju hi frammentata f’għaxar (10) atti legali separati u speċifiċi skont il-qasam, li b’mod riġidu tistabbilixxi l-kontenut u r-rekwiżiti tekniċi tal-produzzjoni tad-dejta. Is-sistema legali frammentata u inflessibbli tikkontribwixxi għal dawn il-problemi ewlenin: (1) nuqqas ta’ qafas legali konsistenti u simplifikat; (2) nuqqas ta’ flessibbiltà; (3) ftit li xejn appoġġ għall-użu ta’ metodi u sorsi tad-dejta innovattivi; (4) kwistjonijiet ta’ kwalità b’mod partikolari fejn tidħol il-konsistenza fost l-oqsma differenti tal-istatistika tan-negozju; u (5) piż kbir fuq il-fornituri tad-dejta. Minħabba f’hekk, kulma jmur il-produzzjoni tal-istatistika Ewropea tan-negozju qed issir iżjed ineffiċjenti u riġida filwaqt li min jużaha mhux sodisfatt.
|
|
X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?
|
|
L-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb il-flessibbiltà u l-ħila tar-rispons tal-istatistika Ewropea tan-negozju skont il-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-utenti; u li żżid il-konsistenza u l-kwalità tagħha. L-inizjattiva tappoġġa l-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni għax tipprovdi aktar dejta konsistenti u rilevanti biex ikunu jistgħu jiġu segwiti pereżempju t-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-suq uniku diġitali, l-impatt tal-globalizzazzjoni u l-funzjonament tas-suq intern. L-inizjattiva tagħmilha eħfef biex il-produzzjoni tad-dejta tkun aktar kosteffiċjenti u moderna, u tipprovdi l-mezzi biex il-fornituri tad-dejta (in-negozji) jonqsilhom il-piż amministrattiv b’mod sinifikanti.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?
|
|
Skont l-Artikolu 338 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-leġiżlaturi tal-UE għandu jkollhom il-kompetenza biex jadottaw miżuri għall-produzzjoni tal-istatistika, meta jkun meħtieġ, għall-prestazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni. Hemm firxa sħiħa ta’ oqsma ta’ politika tal-UE (attivitajiet) li l-iżvilupp u l-monitoraġġ tagħhom jistrieħ fuq dejta li tkopri l-istatistika tan-negozju, pereżempju l-impjiegi, il-kompetittività, l-innovazzjoni, il-kummerċ, l-industrija, u l-politika reġjonali, ekonomika u monetarja. B’hekk, il-ġabriet tad-dejta li tqiesu f’din il-valutazzjoni tal-impatt jikkontribwixxu għall-prestazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni. L-intervent tal-UE huwa indispensabbli minħabba l-ħtieġa essenzjali tal-komparabbiltà internazzjonali.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’alternattivi ta’ politika leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva ġew ikkunsidrati? Hemm xi għażla ppreferuta jew le? Għaliex?
|
|
Tqiesu firxa ta’ alternattivi, u l-partijiet konċernati ġew ikkonsultati b’mod estensiv. L-għażla ppreferuta (l-Alternattiva C4 — l-immodernizzar tal-istatistika tan-negozju f’qafas wieħed (FRIBS) permezz ta’ taħlita ta’ miżuri (taħlita ta’ alternattivi sekondarji SIMSTAT u l-Intrastat Rivedut)), hi l-aħjar waħda biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika u l-miri tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (ir-REFIT) għax permezz ta’ qafas legali wieħed tissimplifika u tirrazzjonalizza l-leġiżlazzjoni eteroġenja u inkonsistenti li bħalissa qed tirregola l-istatistika tan-negozju. Din għandha l-akbar potenzjal biex tnaqqas il-piż regolatorju. Din l-alternattiva tagħmel is-sistema tal-istatistika Ewropea tan-negozju adegwata għall-ġejjieni għax tiffaċilita l-użu ta’ metodi tal-produzzjoni tad-dejta moderni u kosteffettivi, ittejjeb il-flessibbiltà u l-ħila ta’ rispons skont il-ħtiġijiet tal-utenti tal-politika, iżżid il-valur analitiku u l-kwalità tad-dejta, u żżid kemm jista’ jkun il-valur miżjud tal-UE.
|
|
Liema alternattiva u min jappoġġaha?
|
|
Kull reviżjoni tal-metodi tal-produzzjoni tad-dejta jew tar-rekwiżiti tad-dejta tfisser spejjeż għall-NSAs fuq żmien qasir, iżda jingħaraf il-potenzjal li maż-żmien, l-ispejjeż jonqsu. L-utenti tad-dejta jaqblu li għandhom jitjiebu l-puntwalità, il-koerenza u l-komparabbiltà tad-dejta kif ukoll il-ħila tar-rispons tagħha skont il-ħtiġijiet tagħhom. Il-fornituri tad-dejta jappoġġaw u jibbenefikaw mill-potenzjal ta’ tnaqqis fil-piż massimu tar-rispons li toffri l-Alternattiva C. B’mod aktar speċifiku, il-kompilaturi tad-dejta (l-NSAs) jappoġġaw l-għażla ppreferuta C4 — l-immodernizzar tal-istatistika tan-negozju f’qafas wieħed (FRIBS) permezz ta’ taħlita ta’ miżuri (taħlita ta’ alternattivi sekondarji SIMSTAT u l-Intrastat Rivedut) għall-immodernizzar tal-Intrastat.
|
|
C. Impatti tal-għażla ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Minbarra l-vantaġġi kwalitattivi msemmija, l-Alternattiva C4 għandha l-potenzjal li tnaqqas il-piż minn fuq il-fornituri tad-dejta (il-piż jonqos bi 13,5 %) filwaqt li l-istatistika ġġenerata tibqa’ ta’ kwalità kbira. Il-qafas legali razzjonalizzat u ssimplifikat jilħaq l-għanijiet tal-programm REFIT u joħloq flessibbiltà mtejba. Dan huwa ta’ benefiċċju għall-utenti tad-dejta – inkluż il-produtturi tal-indikaturi makroekonomiċi bħall-PDG – għax itejjeb il-puntwalità u l-ħila ta’ rispons, il-kwalità tad-dejta u jiżgura l-konsistenza tal-istatistika tan-negozju fuq perjodu itwal ta’ żmien.
Il-proċessi tal-produzzjoni tal-kompilaturi tad-dejta nazzjonali se jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għal sorsi tad-dejta amministrattiva u sorsi oħrajn, u jkunu jistgħu jużaw u jiskambjaw il-mikrodejta. Peress li l-proċessi jkunu aktar integrati, dawn għandhom jibbenefikaw minn iffrankar fl-ispejjeż ġenerali fuq perjodu twil ta’ żmien.
|
|
X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Bl-għażla ppreferuta, il-kompilaturi tad-dejta jġarrbu ċerti spejjeż tal-implimentazzjoni inizjali minħabba reviżjonijiet fil-proċessi tal-produzzjoni tad-dejta u minħabba rekwiżiti ġodda tad-dejta. Il-valutazzjoni tal-impatt turi li l-ispejjeż addizzjonali tal-implimentazzjoni għall-NSAs fuq żmien qasir tikkumpensahom iż-żieda fl-effiċjenza fil-livell ta’ sistema li tinkiseb fuq perjodu itwal ta’ żmien. L-ispejjeż tal-investiment ta’ darba li huma stmati għal kull Stat Membru se jkunu bejn EUR 1,25 miljun u EUR 1,9 miljun u l-ispejjeż operazzjonali addizzjonali inizjali jkunu bejn EUR 691 000 u EUR 700 000 kull sena għal kull Stat Membru. L-effetti mistennija fuq perjodu itwal ta’ żmien fil-livell tal-UE huma stmati li jkunu bejn l-iffrankar nett massimu fl-ispejjeż ta’ EUR 10 miljun u ż-żieda netta massima fl-ispejjeż ta’ EUR(+)9 miljun fuq perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ għaxar snin (f’termini tal-valur bħalissa, skont il-modalitajiet tal-implimentazzjoni finali fl-Istati Membri individwali).
|
|
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?
|
|
Minn naħa, ir-rekwiżiti tad-dejta addizzjonali jaf joħolqu piż limitat għall-SMEs, l-aktar b’rabta mal-informazzjoni miżjuda dwar is-settur tas-servizzi. Fir-risposti kwalitattivi tal-konsultazzjoni li taw il-kompilaturi tad-dejta (l-NSAs) assiguraw li se tingħata l-akbar attenzjoni biex jiżguraw li l-piż fuq l-SMEs ikun limitat kemm jista’ jkun, pereżempju billi tintuża d-dejta amministrattiva jew metodi avvanzati tal-istatistika. Min-naħa l-oħra, l-immodernizzar tal-istatistika tal-kummerċ intra-UE tal-oġġetti se jnaqqas ukoll b’mod sinifikanti l-piż tal-SMEs (involuti fil-kummerċ intra-UE tal-oġġetti). Kull żieda possibbli fil-piżijiet fuq l-SMEs se tinżamm limitata wkoll għax bosta pajjiżi se jużaw id-dejta amministrattiva (flimkien ma’ metodi tal-istima bbażati fuq mudell) biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda tad-dejta.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
L-ispejjeż tal-implimentazzjoni jħallu impatt fuq il-baġit tal-NSAs, u għalhekk iħallu impatt indirett fuq il-baġits nazzjonali. Il-qafas regolatorju tal-istatistika jipprevedi salvagwardji li jillimitaw kemm jista’ jkun l-ispejjeż. Il-Kummissjoni diġà kkontribwiet madwar EUR 13-il miljun fl-għamla ta’ għotjiet biex tiffinanzja l-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-NSAs biex jadattaw il-proċessi tagħhom tal-produzzjoni għall-bidliet li jdaħħal il-FRIBS. Fil-futur se jintużaw riżorsi finanzjarji addizzjonali – skont id-disponibbiltà tal-baġit – biex teħfief l-implimentazzjoni tal-FRIBS. Ċerta żieda fl-effiċjenza minħabba dispożizzjonijiet oħra tal-FRIBS, ma twassalx għal tnaqqis malajr fl-ispejjeż, iżda teħtieġ iż-żmien, u għalhekk iż-żidiet inizjali fl-ispejjeż huma mistennija li jiġu kkumpensati fi żmien medju u fuq perjodu itwal ta’ żmien.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
Ma ġie identifikat l-ebda impatt sinifikanti ieħor.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
L-inizjattiva tipprevedi rappurtar regolari dwar il-kwalità mill-Istati Membri li għandhom informazzjoni rilevanti dwar il-monitoraġġ tad-diversi elementi fil-mira. Il-Programm Ewropew tal-Istatistika – inkluż l-istatistika Ewropea tan-negozju – li bħalissa jkopri l-perjodu 2013-2017 (se jiġi estiż sal-2020) huwa vvalutat f’nofs it-terminu u meta jintemm. Is-segwitu tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni jsir kull sena.
|