Brussell, 19.12.2017

COM(2017) 783 final

2017/0349(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tal-obbligu li tiġi rispettata rata standard minima


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija l-aktar taxxa fuq il-konsum li ilha teżisti fl-Ewropa. Fl-1967, sar impenn sabiex tiġi stabbilita sistema definittiva tal-VAT li topera fil-Komunità Ewropea kollha bl-istess mod li kieku topera f’pajjiż wieħed mingħajr 1 ma sar qbil dwar regoli speċifiċi dwar ir-rati tal-VAT għajr għall-applikazzjoni ta’ rata standard tal-VAT, iżda ma ġew imposti l-ebda limiti massimi jew minimi tar-rata 2 .

It-tneħħija tal-fruntieri tat-taxxa bejn l-Istati Membri sa tmiem l-1992 ġabet magħha l-ħtieġa li jerġa’ jiġi kkunsidrat il-mod li bih il-kummerċ fil-merkanzija kien intaxxat fil-Komunità. L-għan kien li l-oġġetti jiġu ntaxxati fil-pajjiż ta’ oriġini, u dan jirrifletti perfettament l-idea ta’ suq intern ġenwin. Peress li l-kundizzjonijiet politiċi u tekniċi ma kinux lesti għal sistema ta’ dan it-tip, ġew adottati arranġamenti tranżitorji tal-VAT 3 .

Is-sistema tranżitorja kienet teħtieġ regoli dwar ir-rati tal-VAT biex jiġu evitati distorsjonijiet fix-xiri u l-kummerċ transfruntiera wara t-tneħħija tal-fruntieri tat-taxxa. F’Ottubru 1992, il-Kunsill laħaq ftehim dwar regoli li jillimitaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri biex jiffissaw ir-rati tal-VAT 4 . L-Istati Membri ntalbu japplikaw rata standard minima tal-VAT ta’ 15 % sal-31 ta’ Diċembru 1996.

Il-minimu ta’ 15 % għar-rata standard tal-VAT ġie estiż sitt darbiet minn dak iż-żmien. Bħalissa, l-Artikolu 97 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 5 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva tal-VAT”) jistipula li mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2017 ir-rata standard ma għandhiex tkun inqas minn 15 %.

Fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT tagħha tal-2016 6 , il-Kummissjoni pproponiet li tissostitwixxi l-arranġamenti tranżitorji attwali għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’arranġamenti definittivi bbażati fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni sabiex tinħoloq żona tal-VAT Ewropea unika b’saħħitha. Sadanittant, mill-2010 il-post tat-tassazzjoni tas-servizzi kien inbidel progressivament għall-pajjiż ta’ destinazzjoni wkoll. Id-deċiżjoni ttieħdet fl-2008, meta l-Kunsill adotta proposta bl-għan li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri li joperaw b’rati tal-VAT differenti 7 .

Fl-4 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni adottat l-ewwel proposta li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri 8 u fis-segwitu tagħha għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT 9 ddeskriviet il-passi u l-passi sekondarji suċċessivi biex tiġi introdotta din is-sistema. Ħabbret ukoll li se tipproponi riforma tar-rati tal-VAT, li se jkunu konsistenti mal-arranġamenti definittivi bbażati fuq il-prinċipju tad-destinazzjoni li bil-mod il-mod se jissostitwixxu l-arranġamenti tranżitorji attwali.

Għalkemm sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tista’ tagħti aktar flessibbiltà lill-Istati Membri fl-iffissar tar-rati tal-VAT, jenħtieġ li tinżamm rata standard minima tal-VAT f’sistema tal-VAT bħal din u għalhekk din issir permanenti.

Meta wieħed iqis li l-Istati Membri kollha japplikaw rata standard ta’ mill-inqas 17 %, l-arranġament attwali għal rata standard minma ta’ 15 % għadu xieraq. Dan l-arranġament se jimplimenta b’mod permanenti limitu miftiehem li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li fl-istess ħin titħalla flessibbiltà lill-Istati Membri biex jiffissaw ir-rata standard tal-VAT.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Jekk dispożizzjoni temporanja eżistenti tinbidel f’waħda permanenti (l-Artikolu 97 tad-Direttiva tal-VAT), il-proposta tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni attwali.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Mhux rilevanti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Id-Direttiva temenda d-Direttiva tal-VAT. Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika billi l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin:

L-Unjoni diġà stabbiliet id-dispożizzjonijiet armonizzati dwar l-applikazzjoni tar-rati tal-VAT fid-Direttiva tal-VAT. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu emendati jew estiżi biss b’att tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tistax tiddevja mir-regoli armonizzati.

Għalhekk, azzjoni mill-Unjoni biss tista’ tilħaq l-għanijiet tal-proposta u tiżgura t-trattament indaqs taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta b’hekk hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, minħabba li żżomm il-qagħda attwali fejn l-Istati Membri japplikaw rata standard minima tal-VAT ta’ 15 %.

Għażla tal-istrument

Tinħtieġ Direttiva biex id-Direttiva tal-VAT attwali tiġi emendata.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux rilevanti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ġiet organizzata konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar ir-rati tal-VAT għal 12-il ġimgħa mill-21 ta’ Diċembru 2016 sal-21 ta’ Marzu 2017 u din irriżultat f’327 kontribut. Aktar minn nofs ir-rispondenti (52 %) qablu li jinżamm il-minimu attwali ta’ 15 % filwaqt li 16 % kienu kontra li jinżamm. 32 % ma esprimewx opinjoni dwar din il-kwistjoni 10 .

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt ekonomiku, soċjali, reġjonali jew ambjentali, minħabba li l-Istati Membri kollha jikkonformaw mar-rekwiżit minimu u ma huma meħtieġa l-ebda bidliet fil-liġijiet nazzjonali.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta mhijiex marbuta mar-REFIT u ma tinvolvi l-ebda piż regolatorju.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja li l-Istati Membri jirrispettaw il-minimu ta’ 15 % għar-rata standard tal-VAT.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Bħalissa l-Istati Membri kollha jikkonformaw mar-rata minima tal-VAT ta’ 15 %. Ma hemmx bżonn ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 97 jevita li l-minimu ta’ 15 % għar-rata standard jiskadi fl-1 ta’ Jannar 2018 u jiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw rata standard minima ta’ 15 % fuq bażi permanenti.

2017/0349 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tal-obbligu li tiġi rispettata rata standard minima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 11 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)L-Artikolu 97 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 13  jipprevedi li mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2017 ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %.

(2)L-applikazzjoni ta’ rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-sistema komuni tal-VAT u għalhekk għandha tinżamm fis-seħħ.

(3)Huwa xieraq li tinżamm ir-rata standard minima attwali ta’ 15 %, anki f’sistema definittiva tal-VAT bbażata fuq il-prinċipju ta’ tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, u li ssir permanenti.

(4)Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 97 tad-Direttiva 2006/112/KE jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 97

Ir-rata standard ma għandhiex tkun inqas minn 15 %.”

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2018. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE tal-11 ta’ April 1967 fuq l-armonizazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ.
(2)    Second Council Directive 67/228/EEC of 11 April 1967 on the harmonisation of legislation of Member States concerning turnover taxes – Structure and procedures for application of the common system of value added tax.
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 li tissuplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temeda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali (ĠU L 376, 31.12.1991, p. 1).
(4)    Council Directive 92/77/EEC of 19 October 1992 supplementing the common system of value added tax and amending Directive 77/388/EEC (approximation of VAT rates) (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 1).
(5)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu (COM(2016) 148 final).
(7)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11).
(8)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta’ ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (COM(2017) 569 final).
(9)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Wasal iż-żmien li naġixxu (COM(2017) 566 final).
(10)    Paġna tal-konsultazzjoni: https://ec.europa.eu/taxation_customs/consultations-get-involved/tax-consultations/review-existing-legislation-vat-reduced-rates_en
(11)    ĠU C , , p. .
(12)    ĠU C , , p. .
(13)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).