IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2017
COM(2017) 764 final
2017/0344(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (CUMYL-4CN-BINACA) għal miżuri ta’ kontroll
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda tipprovdi għal proċedura ta' tliet passi li tista' twassal biex sustanza psikoattiva ġdida tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni.
Fl-4 ta’ Lulju 2017, ġie ppubblikat rapport konġunt taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA - European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction) u l-Europol, imħejji f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI. Fil-15 ta’ Settembru 2017, wara t-talba li saret mill-Kummissjoni u seba' Stati Membri u skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq, il-Kunsill talab li ssir valutazzjoni tar-riskji kkawżati mill-użu, il-manifattura u t-traffikar tas-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cianobutil)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (CUMYL-4CN-BINACA), l-involviment tal-kriminalità organizzata u l-konsegwenzi possibbli tal-miżuri ta' kontroll introdotti dwar din is-sustanza.
Ir-riskji tal-CUMYL-4CN-BINACA ġew ivvalutati mill-Kumitat Xjentifiku taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Ir-rapport ta' valutazzjoni tar-riskji ġie sottomess lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-14 ta’ Novembru 2017. Ir-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni tar-riskju huma dawn li ġejjin:
·Il-CUMYL-4CN-BINACA hija kannabinojdi sintetika. Din turi effetti simili għat-THC, li huwa responsabbli għall-effetti psikoattivi ewlenin tal-kannabis, iżda b’effetti addizzjonali ta’ tossiċità għall-ħajja. Il-qawwa kbira ta’ CUMYL-4CN-BINACA u l-kontenut kbir u varjabbli tas-sustanza f’taħlitiet tat-tipjip jikkostitwixxu riskju għoli ta’ avvelenament.
·Il-CUMYL-4CN-BINACA ilha disponibbli fl-Unjoni Ewropea mill-inqas minn Ottubru 2015 u ġiet identifikata fi ħdax-il Stat Membru. Ġew irrapportati ħdax-il każ ta' mewt bil-CUMYL-4CN-BINACA minn żewġ Stati Membri. F'mill-inqas ħamest imwiet il-CUMYL-4CN-BINACA kienet il-kawża tal-mewt jew x’aktarx li kkontribwixxiet għall-mewt.
Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha tirċievi r-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Kunsill jew inizjattiva biex is-sustanzi psikoattivi ġodda jiġu soġġetti għal miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni kollha, inkella rapport li jispjega l-opinjonijiet tagħha dwar għaliex inizjattiva bħal din ma titqiesx meħtieġa. Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' April 2015 fil-Kawżi Konġunti C-317/13 u C-679/13 il-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat qabel ma att ibbażat fuq l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI jiġi adottat.
Abbażi tas-sejbiet tar-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju, il-Kummissjoni tqis li hemm raġunijiet biex is-sustanza tiġi soġġetta għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni. Skont ir-rapport ta' valutazzjoni tar-riskju, it-tossiċità akuta tal-CUMYL-4CN-BINACA hija tali li tista' tikkawża ħsara kbira għas-saħħa tal-individwi.
2.
OBJETTIV TAL-PROPOSTA
L-objettiv ta' din il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill huwa li l-Istati Membri jintalbu jissoġġettaw il-CUMYL-4CN-BINACA għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali, kif stipulat mil-leġiżlazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.
2017/0344 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (CUMYL-4CN-BINACA) għal miżuri ta’ kontroll
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda, u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)Tfassal rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji għas-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (CUMYL-4CN-BINACA) b'mod konformi mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), u sussegwentement intbagħat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-14 ta' Novembru 2017.
(2)Il-CUMYL-4CN-BINACA hija kannabinojdi sintetika. Din turi effetti simili għat-THC, li huwa responsabbli għall-effetti psikoattivi ewlenin tal-kannabis, iżda b’effetti addizzjonali ta’ tossiċità għall-ħajja. Il-qawwa kbira ta’ CUMYL-4CN-BINACA u l-kontenut kbir u varjabbli tas-sustanza f’taħlitiet tat-tipjip jikkostitwixxu riskju għoli ta’ avvelenament.
(3)Il-CUMYL-4CN-BINACA ilha disponibbli fl-Unjoni mill-inqas minn Ottubru 2015 u ġiet identifikata fi ħdax-il Stat Membru. Minħabba n-natura ta’ CUMYL-4CN-BINACA, il-każijiet identifikati x’aktarx ma jiġux rappurtati biżżejjed peress li s-sustanza mhijiex skrinjata b’mod regolari. F’ħafna każijiet, is-sustanza ġiet issekwestrata bħala trab jew materjal veġetali, imma kienet ukoll issekwestrata b’mod anqas, f’forom fiżiċi oħrajn (pereż. prodott li jassorbi). Saru aktar minn 270 sekwestru fi ħdan l-Unjoni.
(4)Ġew irrapportati ħdax-il każ ta' mewt bil-CUMYL-4CN-BINACA minn żewġ Stati Membri. F'mill-inqas ħamest imwiet il-CUMYL-4CN-BINACA kienet il-kawża tal-mewt jew x’aktarx li kkontribwixxiet għall-mewt. Barra minn hekk, ħames każijiet mhux fatali ta' intossikazzjoni akuta assoċjati ma’ CUMYL-4CN-BINACA kienu rrappurtati minn żewġ Stati Membri. Minħabba n-natura ta’ CUMYL-4CN-BINACA, kemm l-intossikazzjonijiet mhux fatali u kif ukoll l-imwiet x’aktarx ma jiġux identifikati u rappurtati biżżejjed.
(5)Ma hemm ebda informazzjoni speċifika dwar l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni (it-traffikar) u l-forniment ta’ CUMYL-4CN-BINACA fl-Unjoni. Id-dejta disponibbli tissuġġerixxi li l-CUMYL-4CN-BINACA hija prodotta minn kumpaniji kimiċi fiċ-Ċina.
(6)Il-CUMYL-4CN-BINACA tipikament tinbiegħ f’ammonti żgħar u f’ammonti ta’ bejgħ bl-ingrossa magħrufin bħala “drogi legali” f’forma ta’ taħlitiet tat-tipjip u bħala trab f’headshops, kif ukoll fuq l-internet bħala sostituzzjoni “legali” għall-kannabis. Tista’ wkoll tinbiegħ direttament fuq is-suq tad-drogi illeċiti. Minħabba li dawn il-prodotti rarament jiddikjaraw l-ingredjenti, ħafna mill-utenti ma jkunux konxji li huma qegħdin jużaw kannabinojdi sintetiċi b’mod ġenerali u l-CUMYL-4CN-BINACA b’mod partikolari.
(7)Il-CUMYL-4CN-BINACA ma għandha ebda użu mediku għall-bniedem jew użu mediku veterinarju rikonoxxut la fl-Unjoni u lanqas apparentament f'xi imkien ieħor. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-CUMYL-4CN-BINACA tista’ tintuża għal xi skop ieħor minbarra bħala standard analitiku ta’ referenza u fir-riċerka xjentifika.
(8)Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju juri li bosta mistoqsijiet relatati mal-CUMYL-4CN-BINACA li jitqiegħdu minħabba n-nuqqas ta’ dejta dwar ir-riskji għas-saħħa individwali, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-riskji soċjali, jistgħu jitwieġbu permezz ta’ iktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa u soċjali li toħloq is-sustanza jipprovdu bażi suffiċjenti biex il-CUMYL-4CN-BINACA tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni.
(9)Il-CUMYL-4CN-BINACA mhijiex elenkata għall-kontroll taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. Is-sustanza bħalissa mhijiex qed tiġi vvalutata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.
(10)Billi disa’ Stati Membri jikkontrollaw il-CUMYL-4CN-BINACA fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll tad-drogi u ħames Stati Membri jikkontrollaw il-CUMYL-4CN-BINACA taħt leġiżlazzjoni oħra, li din is-sustanza tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat li jfeġġu ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntieri, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.
(11)Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni fil-każ li jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi tissottoponi dawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex il-CUMYL-4CN-BINACA titqiegħed taħt miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.
(12)Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni 2002/475/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
(13)L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni 2002/475/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
(14)Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (CUMYL-4CN-BINACA) għandha tkun suġġetta għal miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni.
Artikolu 2
Sa [sena mid-data li fiha tiġi ppubblikata din id-Deċiżjoni] l-aktar tard, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex is-sustanza psikoattiva l-ġdida msemmija fl-Artikolu 1 tkun soġġetta għal miżuri ta’ kontroll u għal pieni kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom, b'mod konformi mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b'konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President