IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.11.2017
COM(2017) 735 final
2017/0328(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini kienet stabbilita permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2309/93, li ġie sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 726/2004. Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 1993 meħuda bi ftehim komuni bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-livell ta’ Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, fuq il-post tas-sede ta’ ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej u l-Europol, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għandha s-sede tagħha f’Londra, ir-Renju Unit.
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Fl-20 ta’ Novembru 2017, is-27 Stat Membru li fadal, filwaqt li aġixxew fil-marġini tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Art. 50), għażlu lil Amsterdam, fin-Netherlands, bħala s-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Billi l-att li jrid jiġi emendat huwa bbażat fuq l-Artikoli 114 u 168(4)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), jenħtieġ li l-att emendatorju jkun ibbażat fuq dik il-bażi ġuridika.
•Għażla tal-istrument
L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 726/2004. L-emenda korrispondenti għalhekk hija proposta bħala Regolament ta’ emenda.
•Sussidjarjetà u Proporzjonalità
Il-kwistjoni dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija taqa’ fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-miżura hija proporzjonata mal-għan tar-Regolament propost, jiġifieri li tiġi kkonfermata s-sede l-ġdida tal-Aġenzija skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ir-rilokazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini se jkollha implikazzjonijiet baġitarji, b’mod partikolari fid-dawl tal-ispejjeż relatati mat-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt tal-kera attwali tagħha f’Londra bħala konsegwenza tal-ħruġ, l-ispejjeż marbuta mat-trasferiment innifsu u l-ispejjeż relatati ta’ installazzjoni f’bini ġdid f’Amsterdam. Kif stipulat fid-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2017 għan-negozjar ta’ ftehim mar-Renju Unit li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li r-Renju Unit ikopri kompletament l-ispejjeż speċifiċi, marbuta mal-proċess tal-ħruġ, bħar-rilokazzjoni tal-aġenziji bbażati fir-Renju Unit.
Uħud mill-ispejjeż ta’ rilokazzjoni, jista’ jkun li jkollhom jiġu ffinanzjati minn qabel mill-baġit tal-UE, qabel is-saldu finanzjarju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtiġijiet addizzjonali possibbli ta’ finanzjament biex jiġu mgħoddija mill-baġit tal-UE b’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Skont kif ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali għall-2019, u jekk ikun meħtieġ, għall-2018. Dan jikkonċerna pereżempju l-ispejjeż marbuta mat-trasferiment innifsu. Barra minn hekk, l-ispejjeż marbuta mal-installazzjoni fil-bini l-ġdid se jiġu ppreżentati wkoll fil-kuntest tal-proċedura tal-kostruzzjoni stabbilita fl-Artikolu 203 tar-Regolament Finanzjarju, li jeħtieġ li jkun hemm l-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill qabel ma jiġu konklużi l-kuntratti relatati mal-proġetti ta’ kostruzzjoni. Din il-proċedura hija mistennija li tiġi mnedija mill-aktar fis possibbli (l-iktar tard kmieni fis-sena 2018).
.
2017/0328 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 u l-Artikolu 168(4)(c) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Fil-kuntest n-notifika tar-Renju Unit fid-29 ta’ Marzu 2017 bl-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, is-27 Stati Membri l-oħra, imlaqqa’ fil-marġini tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 50”), għażlu lil Amsterdam, in-Netherlands, bħala s-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.
(2)Wara li kkunsidraw l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jkollha l-uffiċċju rreġistrat il-ġdid tagħha mid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit jew mit-30 ta’ Marzu 2019, skont liema data tiġi l-ewwel.
(3)Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fil-post il-ġdid tagħha, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar il-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini qabel ma tibda s-sede l-ġdida tagħha.
(4)Sabiex l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tingħata biżżejjed żmien biex tiġi rilokata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza.
(5)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jiġi emendat skont dan,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fir-Regolament (KE) Nru 726/2004, jiżdied l-Artikolu 71a li ġej:
“Artikolu 71a
L-Aġenzija għandu jkollha s-sede tagħha f’Amsterdam, fin-Netherlands.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit jew mit-30 ta’ Marzu 2019, skont liema data tiġi l-ewwel.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
F’isem il-Kunsill
Il-President
Il-President