IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.12.2017
COM(2017) 723 final
2017/0319(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta’ Tielet Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti ta’ Messiku, min-naħa l-oħra biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha
Il-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni (“il-Ftehim Globali”), kien iffirmat fit-8 ta’ Diċembru 1997, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2000.
Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument ġuridiku għall-konklużjoni tat-Tielet Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim Globali (“il-Protokoll”), biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.
Skont l-Artikolu 6(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, il-Kroazja impenjat ruħha li taċċedi mal-ftehimiet eżistenti konklużi jew iffirmati mill-Istati Membri u mill-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi. Sakemm mhux previst mod ieħor fi ftehimiet speċifiċi, il-Kroazja taċċedi għal dawn il-ftehimiet eżistenti permezz ta’ protokolli li l-Kunsill, li jkun qed jaġixxi unanimament f’isem l-Istati Membri jikkonkludi mal-pajjiżi terzi kkonċernati.
Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati bil-ħsieb li jiġu konklużi l-protokolli rilevanti. In-negozjati mal-Messiku tlestew b’suċċess. Il-Protokoll propost jinkorpora lir-Repubblika tal-Kroazja bħala parti għall-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku. It-testi tal-Ftehim Globali u tal-Att Finali fil-lingwa Kroata ser isiru awtentiċi taħt l-istess kundizzjonijiet tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn tal-Ftehim.
Dan il-Protokoll se jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta' wara d-data ta' meta l-Partijiet innotifikaw lil xulxin li jkunu lestew il-proċeduri interni rilevanti. Madankollu, il-Protokoll se japplika b’mod provviżorju sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill mehmuża dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta’ Tielet Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Messiku, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
2017/0319 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta’ Tielet Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti ta’ Messiku, min-naħa l-oħra biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91, 100(2), 207 u 211, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Messiku min-naħa l-oħra (il-Ftehim Globali), kien iffirmat fit-8 ta’ Diċembru 1997, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2000.
(2)Skont l-Artikolu 6(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, il-Kroazja impenjat ruħha li taċċedi mal-ftehimiet eżistenti konklużi jew iffirmati mill-Istati Membri u mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi. Sakemm mhux previst mod ieħor fi ftehimiet speċifiċi, ir-Repubblika tal-Kroazja taċċedi għal dawn il-ftehimiet eżistenti permezz ta’ protokolli konklużi bejn il-Kunsill, li jaġixxi unanimament f’isem l-Istati Membri, u l-pajjiżi terzi kkonċernati.
(3)Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati bil-ħsieb li jiġu konklużi l-protokolli rilevanti.
(4)In-negozjati mal-Istati Uniti tal-Messiku biex jintlaħaq ftehim dwar it-Tielet Protokoll Addizzjonali biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea tlestew b’suċċess.
ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kunsill b’dan japprova, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, it-Tielet Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Messiku, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Skont l-Artikolu 5(2) tat-Tielet Protokoll Addizzjonali, it-Tielet Protokoll Addizzjonali għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar il-konklużjoni tal-proċeduri interni meħtieġa għal dak l-għan.
Artikolu 3
Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-President tiegħu jaħtar lill-persuna/i li jkollhom is-setgħa jagħtu n-notifika prevista fl-Artikolu 5(2) tat-Tielet Protokoll Addizzjonali.
Artikolu 4
It-test tal-Protokoll huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.12.2017
COM(2017) 723 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tat-Tielet Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea
Anness
IT-TIELET PROTOKOLL ADDIZZJONALI
TAL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA EKONOMIKA,
KOORDINAZZJONI POLITIKA U KOPERAZZJONI
BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA,
MIN-NAĦA L-WAĦDA,
U L-ISTATI UNITI MESSIKANI,
MIN-NAĦA L-OĦRA,
SABIEX TITQIES L-ADEŻJONI
TAR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA FL-UNJONI EWROPEA
IR-RENJU TAL-BELĠJU,
IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,
IR-REPUBBLIKA ĊEKA,
IR-RENJU TAD-DANIMARKA,
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,
L-IRLANDA,
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,
IR-RENJU TA’ SPANJA,
IR-REPUBBLIKA TA' FRANZA,
IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA,
IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,
IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,
L-UNGERIJA,
IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,
IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,
IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,
IR-RUMANIJA,
IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,
IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,
IR-RENJU TAL-IŻVEZJA
IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,
Il-Partijiet Kontraenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Istati Membri”, u
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,
minn naħa, u
L-ISTATI UNITI MESSIKANI, minn hawn 'il quddiem imsejħin “Il-Messiku”,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem imsejħin flimkien “il-Partijiet”,
BILLI l-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti tal-Messiku min-naħa l-oħra, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Globali”, kien iffirmat fi Brussell fit-8 ta’ Diċembru 1997, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2000;
BILLI l-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ġie iffirmat f’Mexico City fit-2 ta’ April 2004 u fi Brussell fid-29 ta’ April 2004;
BILLI t-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ġie iffirmat f’Mexico City fid-29 ta’ Novembru 2006;
Billi t-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “It-Trattat ta’ Adeżjoni”, ġie ffirmat fi Brussell fid-9 ta’ Diċembru 2011;
BILLI, skont l-Artikolu 6(2) tal-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mehmuż mat-Trattat ta’ Adeżjoni, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Ftehim għandha tiġi miftiehma bil-konklużjoni ta' Protokoll tal-Ftehim.
BILLI skont l-Artikolu 55 tal-Ftehim, għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, “il-Partijiet” tfisser, min-naħa, il-Komunità jew l-Istati Membri tagħha jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, skont l-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, kif derivat mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-Messiku;
Billi skont l-Artikolu 56 tal-Ftehim, dan il-Ftehim japplika għat-territorju li fih it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea huwa applikat taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, min-naħa l-waħda, u għat-territorju tal-Messiku, min-naħa l-oħra;
BILLI skont l-Artikolu 59 tal-Ftehim, il-Ftehim tfassal f’dupplikat fil-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Fillandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża, Spanjola u Svizzera, b’kull waħda minn dawn il-lingwi tkun awtentika bl-istess mod;
Billi l-Ewwel Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim jieħu kont tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka ma’ l-Unjoni;
BILLI l-Ftehim ġie awtentiċizzat fil-lingwa Ċeka, Estonjana, Ungeriża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Slovakka u Slovena bl-istess kundizzjonijiet bħall-verżjonijiet miktuba bil-lingwi oriġinali tal-Ftehim;
BILLI t-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim iqis l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni;
BILLI l-Ftehim ġie awtentiċizzat fil-lingwa Bulgara u Rumena bl-istess kundizzjonijiet bħall-verżjonijiet miktuba bil-lingwi oriġinali tal-Ftehim;
BILLI l-Artikolu 5(3) ta’ dan il-Protokoll jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha qabel ma jkunu tlestew il-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
ARTIKOLU 1
Ir-Repubblika tal-Kroazja qiegħda b’dan tiġi inkorporata bħala Parti fil-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra.
ARTIKOLU 2
1.
Wara l-iffirmar ta’ dan il-Protokoll, l-Unjoni għandha tikkomunika l-verżjoni bil-lingwa Kroata tal-Ftehim lill-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti Messikani.
2.
Suġġett għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-protokoll, il-verżjoni bil-Kroat għandha ssir awtentika bl-istess kundizzjonijiet tal-verżjonijiet tal-Ftehim bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Netherlandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, u Żvediża.
ARTIKOLU 3
Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali mill-Ftehim.
ARTIKOLU 4
Dan il-Protokoll għandu jiġi kkompilat f’duplikat bil-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku bl-istess mod.
ARTIKOLU 5
1.
Dan il-Protokoll għandu jiġi ffirmat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom.
2.
Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew.
3.
Minkejja l-paragrafu 2, il-Partijiet jaqblu li, sakemm jitlestew il-proċeduri interni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jagħtu notifika dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dak l-iskop u l-Messiku jagħti notifika tat-tlestija tal-proċeduri interni tagħha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll.
4.
In-notifiki għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se jkun id-depożitarju ta' dan il-Protokoll.
B'XHIEDA TA' DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, mogħtija s-setgħa għal dan l-effett, iffirmaw dan il-Protokoll.
Magħmul fi..............., dan.......... jum ta’...........fis-sena...........
GĦALL-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA
GĦALL-ISTATI UNITI MESSIKANI