IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussels, 21.11.2017
COM(2017) 672 final
2017/0306(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar l-Iswed
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussels, 21.11.2017
COM(2017) 672 final
2017/0306(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar l-Iswed
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
·Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE ifittex jiżgura li r-riżorsi akkwatiċi ħajjin huma sfruttati f’kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli. Għodda importanti f’dan ir-rigward hija l-istabbiliment annwali tal-opportunitajiet tas-sajd.
L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu ffissati għall-2018 l-opportunitajiet tas-sajd għall-Istati Membri fir-rigward tal-iktar stokkijiet kummerċjalment importanti fil-Baħar l-Iswed.
Għal-laċċa kaħla, il-proposta hija bbażata fuq il-parir xjentifiku għal kwota awtonoma, sabiex jinżamm il-livell attwali tal-mortalità mis-sajd.
Għall-barbun imperjali, il-proposta hija bbażata fuq it-TAC u l-kwoti kif stabbiliti bir-Rakkomandazzjoni tal-GFCM (GFCM/41/2017/4) dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd tal-barbun imperjali fis-subżona ġeografika 29 (il-Baħar l-Iswed).
·Kuntest ġenerali
·Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 (COM(2017) 368 final), tiddeskrivi l-kuntest tal-proposta.
·L-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 16(1) (li jirreferi għall-prinċipju tal-istabbiltà relattiva) u skont l-Artikolu 16(4) (li jirreferi għall-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd u għar-regoli previsti fil-pjanijiet pluriennali).
L-istokkijiet tal-Baħar l-Iswed sfruttati mill-Bulgarija u mir-Rumanija huma kondiviżi ma’ pajjiżi li mhumiex parti mill-UE, pereżempju, it-Turkija, l-Ukrajna, il-Georgia u l-Federazzjoni Russa. Madankollu, sal-2016 ma kien hemm l-ebda deċiżjoni dwar il-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) fil-livell reġjonali bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk li mhumiex tal-UE. L-Unjoni Ewropea ilha, kull sena mill-2008 ’l hawn, tistabbilixxi kwoti awtonomi għall-barbun imperjali u għal-laċċa kaħla sabiex tgħin fl-iżgurar tal-applikazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd (PKS).
Il-parir xjentifiku dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-2018 fil-Baħar l-Iswed ingħata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) matul is-sessjoni plenarja li saret f’Settembru 2017.
Is-sajd li jisfrutta l-laċċa kaħla huwa ta’ importanza soċjoekonomika kbira għall-pajjiżi riparji tal-Baħar l-Iswed. Skont il-valutazzjoni tal-Baħar l-Iswed għall-2015-2016 tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF), is-sehem tal-pajjiżi tal-UE fil-Baħar l-Iswed mill-qbid għal-laċċa kaħla fl-2014 kien jirrappreżenta 4 % tal-ħatt l-art irrappurtat uffiċjalment; fl-2013 il-perċentwal kien 14 % u fl-2012, 9 %. Skont ir-rapport tas-sessjoni tal-2017 tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), l-istokk tal-laċċa kaħla fil-Baħar l-Iswed huwa sfruttat b’mod sostenibbli. Madankollu, huwa meħtieġ li jinżamm il-livell attwali tal-mortalità mis-sajd, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbilità tal-istokk tal-laċċa kaħla fil-Baħar l-Iswed, jiġifieri 11.475 tunnellata.
Is-sajd li jisfrutta l-barbun imperjali huwa ta’ importanza soċjoekonomika kbira għall-pajjiżi riparji tal-Baħar l-Iswed. Fil-41 sessjoni annwali tagħha fl-2017, il-GFCM adottat Rakkomandazzjoni dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd tal-barbun imperjali fis-subżona ġeografika 29 (il-Baħar l-Iswed). Din ir-Rakkomandazzjoni GFCM/41/2017/4 tistabbilixxi l-Qabda Totali Permissibbli għall-barbun imperjali (644 tunnellata) għas-sentejn li ġejjin, 2018 u 2019, b’allokazzjoni temporanja ta’ kwoti lill-Partijiet Kontraenti. F’każ li l-parir mogħti fl-2018 mill-Grupp ta’ Ħidma tal-GFCM dwar il-Baħar l-Iswed ma jikkonfermax l-iżvilupp favorevoli tal-mortalità mis-sajd lejn ir-rikostruzzjoni tad-daqs tal-istokk tal-barbun imperjali, it-TAC u l-kwoti jistgħu jiġu riveduti mill-GFCM. Għall-UE, il-kwota allokata hija 114-il tunnellata fl-2018. It-TAC u l-Kwota għall-barbun imperjali, il-ġestjoni tal-isforz tas-sajd u l-limitu ta’ jiem ta’ sajd għal 180 jum fis-sena u l-perjodu tal-għeluq applikabbli bħalissa ta’ xahrejn, mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju, jenħtieġ li jiġu trasposti f’dan ir-Regolament.
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 1 , huwa propost li l-Artikoli 3 u 4 ma japplikawx għall-istokkijiet koperti minn dan ir-Regolament. Madankollu, skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 il-flessibbiltà ta’ sena b’sena stipulata fl-istess Artikolu tapplika għall-istokkijiet koperti bl-obbligu ta’ ħatt l-art.
·Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta
L-opportunitajiet tas-sajd u l-mod li bih huma allokati lill-Istati Membri huma rregolati kull sena. L-aħħar att legali ta’ dan it-tip huwa r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2016/2372 2 tat-19 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 għal ċerti stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed.
Minbarra l-opportunitajiet tas-sajd annwali, għas-sajd tal-Baħar l-Iswed kopert b’din il-proposta jenħtieġ li jissemmew il-miżuri rilevanti li ġejjin. Il-Kummissjoni qed taħdem fuq il-proposta biex jiġu trasposti r-Rakkomandazzjonijiet tal-GFCM, madankollu xi wħud minnhom huma marbuta b’mod intrinsiku mal-opportunitajiet annwali tas-sajd u għalhekk iridu jitqiesu f’din il-proposta:
–Id-daqsijiet minimi ta’ konservazzjoni u d-daqsijiet minimi tax-xbieki fir-rigward tas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed huma stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 227/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 3 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1434/98 li jispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħattu l-aringi għal skopijiet industrijali li mhux għall-konsum dirett tal-bniedem.
–Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/37/2013/2 li tistabbilixxi sett ta’ standards minimi għas-sajd bl-għeżula tal-qiegħ għall-barbun imperjali u għall-konservazzjoni taċ-ċetaċji fil-Baħar l-Iswed adottata mill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) fis-37 sessjoni tagħha (Split, Mejju 2013).
–Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/39/2015/3 li tistabbilixxi sett ta’ miżuri li jevitaw, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed adottata mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) fid-39 sessjoni tagħha (Milan, Mejju 2015).
–Id-Dikjarazzjoni ta’ Bucharest 4 approvata fil-kuntest ta’ laqgħa ta’ livell għoli organizzata mill-GFCM dwar il-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed f’Ottubru 2016. Il-konferenza adottat din id-Dikjarazzjoni, li tenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċi komuni u kollaborattivi fost l-Istati riparji biex itejbu s-sostenibbiltà tas-sajd fil-Baħar l-Iswed.
–L-istrateġija plurienniali tal-GFCM 2017–2020 għas-sostenibbilità tas-Sajd fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed 5 , li tadotta, fost l-oħrajn, sett ta’ azzjonijiet biex isaħħu fil-livell multilaterali l-governanza tas-sajd fil-Baħar l-Iswed.
–L-implimentazzjoni tal-impenji mogħtija mill-Bulgarija u r-Rumanija f’Diċembru 2016, fil-kuntest tal-possibbiltajiet tas-sajd tar-Regolament tal-2017 biex jittejjeb il-kontroll, fil-ġlieda kontra l-IUU u sabiex jiġu implimentati sett ta’ miżuri għall-barbun imperjali u għall-mazzola griża, hija effiċjenti. Kemm il-Bulgarija kif ukoll ir-Rumanija ħadu serje ta’ azzjonijiet, jiġifieri biex jillimitaw l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd fil-livelli tal-2016, biex jirreġistraw il-qabdiet kollha inklużi taħt il-50 kg, biex iżidu l-ispezzjonijiet fuq is-suq u fuq il-baħar u l-spezzjonijiet konġunti taħt l-EFCA.
·Konsistenza ma’ politiki u ma’ għanijiet oħra tal-UE
Il-miżuri proposti huma konformi mal-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.
2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
·Ġbir u użu tal-kompetenzi
L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati
L-organizzazzjoni xjentifika kkonsultata hija l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).
Kull sena, l-Unjoni titlob lill-STECF għal parir xjentifiku dwar il-qagħda ta’ stokkijiet ta’ ħut importanti. L-STECF jagħti l-parir tiegħu billi jsegwi t-termini ta’ referenza li jirċievi mingħand il-Kummissjoni. L-istokkijiet kollha tal-Baħar l-Iswed li għalihom huma proposti kwoti se jkunu koperti mill-parir l-aktar reċenti u preċiż fiż-żmien tad-diskussjoni ta’ din il-proposta fil-Kunsill.
L-għan aħħari tal-Unjoni huwa li ġġib u żżomm l-istokkijiet f’livelli li jistgħu jwasslu r-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY). Dan l-għan ġie inkorporat b’mod espliċitu fir-Regolament bażiku tal-PKS, li l-Artikolu 2(2) tiegħu, jgħid li dan l-għan “għandu jintlaħaq sal-2015, fejn hu possibbli, u […] mhux iktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha”. Dan jirrifletti l-impenn li ħadet l-Unjoni fir-rigward tal-konklużjonijiet tas-Samit Dinji tal-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f’Johannesburg u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni marbut miegħu.
·Konsultazzjoni mal-partijiet interessati
Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018. Il-bażi xjentifika għall-proposta se tingħata mill-STECF. Ir-rapporti kollha tal-STECF huma disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ MARE.
·Valutazzjoni tal-impatt
Fil-livell tal-UE, ir-riskju ta’ impatt negattiv fuq l-irkupru tal-popolazzjoni tal-istokk huwa llimitat b’miżuri ta’ kontroll addizzjonali introdotti u implimentati mir-Rumanija u mill-Bulgarija biex jikkonformaw mal-impenji tagħhom mogħtija minn dawn l-Istati Membri fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar l-Iswed.
Fil-livell multilaterali, ir-riskju ta’ impatt negattiv fuq l-irkupru tal-popolazzjoni tal-istokk huwa limitat minn għadd ta’ azzjonijiet ġodda: 1) l-adozzjoni waqt il-41 Sessjoni Annwali tal-GFCM tal-Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali tal-GFCM biex jiġi miġġieled is-sajd IUU, 2) l-implimentazzjoni f’livell multilaterali tal-proġett (GFCM) “BlackSea4Fish” li jikkonsisti minn koperazzjoni reġjonali fid-dejta xjentifika. 3) l-adozzjoni tal-41 Sessjoni Annwali tal-GFCM ta’ pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd tal-Barbun Imperjali fil-Baħar l-Iswed (GSA 29). Dan il-pjan huwa bbażat fuq approċċ b’żewġ fażijiet: (a) il-limitu ta’ qbid għal sentejn (2018-2019) u proġett pilota ta’ spezzjoni fuq il-baħar; (b) TAC bi kriterju ta’ allokazzjoni bi programm ta’ spezzjoni permanenti sal-2020. Il-klawżola ta’ reviżjoni mdaħħla fil-pjan tippermetti r-reviżjoni tat-TAC u tal-kwoti fis-sena ta’ wara, jekk il-parir xjentifiku ma jikkonfermax l-iżvilupp favorevoli tal-mortalità mis-sajd. Dan il-pjan jikkontribwixxi biex l-attività ta’ sajd IUU tiġi miġġielda b’mod effiċjenti u għall-ġestjoni xierqa tal-istokk tal-barbun imperjali mill-pajjiżi riparji kollha.
Il-proposta ma tirriflettix biss tħassib għal żmien qasir iżda hija wkoll parti minn approċċ aktar fit-tul li matulu l-livell tas-sajd jiġi adattat gradwalment għal livelli ta’ sostenibbiltà fit-tul.
Għaldaqstant, l-approċċ meħud fil-proposta jista’ jwassal għal tnaqqis fl-isforz tas-sajd fi żmien medju, iżda li fit-tul jista’ jwassal għal kwoti stabbli jew li jiżdiedu. Il-konsegwenzi tal-approċċ fit-tul huma mistennija jkollhom impatt imnaqqas fuq l-ambjent minħabba l-adattament tal-isforz tas-sajd u tal-opportunitajiet tas-sajd. Is-sostenibbiltà tal-attivitajiet tas-sajd se tiżdied fuq żmien twil.
3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
·Sommarju tal-azzjoni proposta
Il-proposta tistabbilixxi l-limiti tal-qbid applikabbli għas-sajd tal-UE fil-Baħar l-Iswed sabiex jintlaħaq l-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd li jiġi żgurat sajd f’livelli li huma bijoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli.
·Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-obbligi tal-Unjoni għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin jirriżultaw mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku dwar il-PKS.
·Prinċipju tas-sussidjarjetà
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
·Prinċipju tal-proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja.
Il-Politika Komuni tas-Sajd hija politika komuni. Skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
Ir-Regolament propost tal-Kunsill jalloka l-opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri. B’kont meħud tal-Artikolu 16(6) u (7) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, kull Stat Membru huwa liberu li jalloka dawn l-opportunitajiet lil bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu skont kif jidhirlu xieraq. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom spazju kemm iridu biex jimmanuvraw dwar deċiżjonijiet relatati mal-mudelli soċjali u ekonomiċi tal-għażla tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom.
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja ġdida għall-Istati Membri. Dan ir-Regolament huwa adottat mill-Kunsill kull sena, u l-mezzi pubbliċi u privati għall-implimentazzjoni tiegħu diġà jinsabu fis-seħħ.
·Għażla tal-istrumenti
L-istrumenti proposti: Regolament.
Din hija proposta għall-ġestjoni tas-sajd abbażi tal-Artikolu 43(3) tat-TFUE u skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.
2017/0306 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar l-Iswed
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jistipula li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, irid jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
(2)Ir-Regolament(UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 jeżiġi li jiġu adottati miżuri ta’ konservazzjoni filwaqt li jittieħed kont tal-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli, inklużi, fejn ikunu rilevanti, rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF).
(3)Il-Kunsill għandu d-dmir li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont is-sajd jew il-grupp tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif xieraq. L-Artikolu 16(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprovdi li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu mqassma fost l-Istati Membri b’tali mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk ta’ ħut jew żona tas-sajd u skont l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tal-istess Regolament.
(4)Fil-41 Laqgħa Annwali tagħha fl-2017, il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/40/2017/4 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd tal-barbun imperjali fis-subżona ġeografika 29 (il-Baħar l-Iswed). Ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-Qabda Totali Permissibbli għall-Barbun Imperjali għal sentejn (2018-2019) b’allokazzjoni temporanja ta’ kwoti. Dik il-miżura jenħtieġ li tiġi trasposta fil-liġi tal-Unjoni.
(5)L-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, b’kunsiderazzjoni ta’ aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jkun żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi fil-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
(6) Skont il-parir xjentifiku disponibbli tal-STECF, huwa meħtieġ li jinżamm il-livell attwali tal-mortalità mis-sajd, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbilità tal-istokk tal-laċċa kaħla fil-Baħar l-Iswed.
(7)Għas-sajd tal-laċċa kaħla, l-obbligu ta' ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 japplika mill-1 ta' Jannar 2015. Għas-sajd tal-barbun imperjali, l-obbligu ta' ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 japplika mill-1 ta' Jannar 2017.
(8)L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd kif stabbiliti f'dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 7 u b'mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 tiegħu, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tan-notifika tad-dejta dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, hemm bżonn li jiġu speċifikati l-kodiċijiet li jridu jintużaw mill-Istati Membri meta jibagħtu d-dejta lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet li huma soġġetti għal dan ir-Regolament.
(8)Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 8 , iridu jiġu identifikati l-istokkijiet li huma soġġetti għall-miżuri varji msemmija fih.
(9)Fir-rigward tal-istokk tal-barbun imperjali, jenħtieġ li jittieħdu aktar miżuri rimedjali. Iż-żamma tal-perjodu tal-għeluq applikabbli bħalissa ta’ xahrejn, mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju, tkompli tipprovdi l-protezzjoni għall-istokk matul l-istaġun riproduttiv tal-barbun imperjali. Il-ġestjoni tal-isforz tas-sajd u l-limitu ta’ jiem ta’ sajd għal 180 jum fis-sena, iħallu impatt ta’ konservazzjoni pożittiv fuq l-istokk tal-barbun mperjali.
(10)Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, huwa importanti li fl-1 ta' Jannar 2018 jinfetħu t-tipi tas-sajd inkwistjoni fil-Baħar l-Iswed. Għal raġunijiet ta’ urġenza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.
(11)Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jintużaw f'konformità sħiħa mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi għall-2018 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tal-Bulgarija u tar-Rumanija għall-istokkijiet li ġejjin:
(a) Laċċa Kaħla (Sprattus sprattus) fil-Baħar l-Iswed
(b) Barbun Imperjali (Psetta maxima) fil-Baħar l-Iswed;
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tal-Bulgarija jew tar-Rumanija u joperaw fil-Baħar l-Iswed.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“GFCM” tfisser il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran;
(b)“Il-Baħar l-Iswed” tfisser is-subżona ġeografika 29 kif iddefinita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 ;
(c)“Bastiment tas-sajd” tfisser kull bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;
(d)“Bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u rreġistrat fl-Unjoni;
(e) “Stokk” tfisser riżorsa bijoloġika tal-baħar li tinsab f'żona ta' ġestjoni partikolari;
(f)“Kwota awtonoma tal-Unjoni” tfisser limitu tal-qabdiet allokati b'mod awtonomu lil bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fin-nuqqas ta' qbil dwar Qabda Totali Permissibbli (TAC);
(g)Il-“kwota analitika" tfisser il-kwota awtonoma tal-Unjoni li għaliha tkun disponibbli valutazzjoni analitika.
KAPITOLU II
Opportunitajiet tas-sajd
Artikolu 4
Allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd
1. Il-kwota awtonoma tal-Unjoni għal-laċċa kaħla, l-allokazzjoni ta' tali kwota fost l-Istati Membri, u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn xieraq, huma stabbiliti fl-Anness.
2. It-TAC għall-barbun imperjali, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u l-allokazzjoni ta’ tali TAC fost l-Istati Membri u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn xieraq, huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet
L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stipulat f’dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:
(a)skambji magħmula skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(b)tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(c)tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Artikolu 6
Ġestjoni tal-isforz tas-sajd għall-barbun imperjali
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li huma awtorizzati għas-sajd tal-barbun imperjali fiil-Baħar l-Iswed, irrispettivament mit-tul tal-bastimenti, ma għandhomx jaqbżu l-180 jum ta’ sajd fis-sena.
KAPITOLU III
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 7
Trażmissjoni tad-dejta
Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu dejta lill-Kummissjoni relatata mal-ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta’ stokkijiet maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Done at Brussels,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,21.11.2017
COM(2017) 672 final
ANNESS
ta' [...]
Proposta għal Regolament tal-Kunsill
li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar l-Iswed
ANNESS
|
Speċi: |
Laċċa Kaħla |
Żona: |
L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed |
||||
|
Sprattus sprattus |
(SPR/F37.4.2.C) |
||||||
|
Il-Bulgarija |
8 032,50 |
Kwota analitika L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika. |
|||||
|
Ir-Rumanija |
3 442,50 |
||||||
|
L-Unjoni |
11 475 |
||||||
|
TAC |
Mhux rilevanti / Mhux miftiehma |
||||||
|
|
Barbun imperjali |
Żona: |
L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed |
||||
|
Psetta maxima |
(TUR/F37.4.2.C) |
||||||
|
Il-Bulgarija |
57 |
TAC analitika L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika. |
|||||
|
Ir-Rumanija |
57 |
||||||
|
L-Unjoni |
114 |
(*) |
|||||
|
TAC |
644 |
||||||
|
_________ |
|||||||
|
(*) L-ebda attività tas-sajd inkluż it-trażbord, it-teħid abbord, il-ħatt l-art u l-ewwel bejgħ mhi permessa mill-15 ta' April sal-15 ta' Ġunju 2018.
|
|||||||