Brussell, 16.11.2017

COM(2017) 668 final

2017/0301(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward ta’ ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà alimentari, tal-appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċjali, inkluż għall-qoton, tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fil-biedja, tas-sussidji għas-sajd, tar-regolamentazzjoni domestika fis-servizzi, u tal-SMEs/Trasparenza tal-Miżuri Regolatorji tal-Kummerċ fl-Oġġetti


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Is-Suġġett tal-Proposta

Il-proposta attwali għal Deċiżjoni tikkonċerna l-istabbiliment tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-11-il Konferenza Ministerjali (MC11) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) b’konnessjoni mal-adozzjoni possibbli ta’ diversi deċiżjonijiet dwar l-Aġenda tal-Iżvilupp ta’ Doha (DDA). Il-proposta tkopri: ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà alimentari, tal-appoġġ domestiku fil-biedja li joħloq distorsjoni, inkluża tal-qoton, tar-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni fil-biedja, tas-sussidji għas-sajd, tar-regolamentazzjoni domestika fis-servizzi, u tal-SMEs/it-trasparenza ta’ miżuri regolatorji għall-kummerċ f’oġġetti.

2.Il-Kuntest tal-Proposta

2.1.Il-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”)

Il-Ftehim ta’ Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995. L-Unjoni Ewropea 1 u kull wieħed mit-28 Stat Membru tagħha huma parti fil-Ftehim.

2.2.Il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Il-Konferenza Ministerjali hija l-ogħla korp deċiżjonali tad-WTO u jiltaqa’ mill-inqas darba kull sentejn. Il-laqgħa li jmiss tal-Konferenza Ministerjali se ssir fi Buenos Aires, l-Arġentina (bejn l-10 u t-13 ta’ Diċembru, 2017).

2.3.L-atti previsti tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO

L-MC11 tista’ tadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali rigward (1) ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà alimentari; (2) appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni fil-kummerċ, inkluż dak tal-qoton; (3) restrizzjonijiet tal-esportazzjoni fil-biedja; (4) sussidji għas-sajd; (5) regolamentazzjoni domestika fis-servizzi; u (6) l-SMEs/it-trasparenza ta’ miżuri regolatorji għall-kummerċ f’oġġetti (“l-atti previsti”).

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-obbjetiv ta’ din il-proposta huwa li tippermetti lill-Unjoni tissieħeb ma’ kunsens possibbli fl-MC11 dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali rigward tal-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq.

Filwaqt li għadu mhuwiex ċar jekk, u sa liema punt, il-Membri tad-WTO humiex se jkunu jistgħu jilħqu kunsens, il-pożizzjoni tal-UE fl-MC11 għandha tiġi stabbilita minn qabel mill-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) TFUE 2 .

Il-proposta kurrenti tkopri dawk il-kwistjonijiet li dwarhom jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet:

·Ħażna pubblika għal skopijiet ta' sigurtà alimentari: in-negozjati għandhom l-għan li jintlaħaq ftehim dwar “soluzzjoni permanenti” li tissodisfa l-għan stabbilit skont id-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali tas-7 ta’ Diċembru 2013 dwar Ħażna Pubblika għal Skopijiet ta’ Sigurtà Alimentari (WT/MIN(13)/38-WT/L/913), kif interpretata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2014 (WT/L/939) sussegwenti u fid-Deċiżjoni Ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2015 (WT/MIN(15)/44-WT/L/979). Deċiżjoni bħal din tista’ tkun simili għas-soluzzjoni interim kurrenti ta’ Bali, b'kundizzjonijiet addizzjonali jew mingħajrhom u b’kamp ta’ applikazzjoni usa’ jew minajru (biex tinkludi wkoll programmi aktar tard “post-Bali”).

·Appoġġ domestiku fil-biedja li joħloq distorsjoni tal-kummerċ, inkluż għall-qoton: In-negozjati dwar appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċajli huma inkorporati fl-Artikolu 20 tal-Ftehim dwar il-Biedja tad-WTO u kienu parti mill-mandat tad-DDA, kif imnaqqax fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha tal-14 ta’ Novembru 2001 (WT/MIN(01)/DEC/1). Sabiex tingħata spinta lill-proċess, l-UE flimkien mal-Brażil, mal-Kolombja, mal-Perù u mal-Urugwaj ippreżentat proposta (JOB/AG/99) dwar appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċjali (inkluż appoġġ domestiku għall-qoton li joħloq distorsjoni kummerċjali kif ukoll dwar il-ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà alimentari). L-UE jenħtieġ li tappoġġa l-eżitu li jista’ jinkiseb dwar l-appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni, inkluż għall-qoton, fl-MC11.

·Restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni: In-negozjati dwar it-tisħiħ tad-dixxiplini dwar projbizzjonijiet u restrizzjonijiet tal-esportazzjoni fl-Artikolu 12.1 tal-Ftehim dwar il-Biedja huma inkorporati fl-Artikolu 20 tal-Ftehim dwar il-Biedja tad-WTO u huma parti min-negozjati tad-DDA. Minħabba l-importanza ta’ din il-kwistjoni għall-proċess ta’ riforma agrikola u biex noqorbu lejn sistema ta' negozjar agrikolu ġusta u orjentata lejn is-suq, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa eżitu dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet sa tali punt li dan jinkiseb.

·Sussidji għas-sajd: In-negozjati dwar is-Sussidji għas-Sajd huma parti mid-DDA u l-eliminazzjoni ta’ ċerti sussidji għas-sajd hija prevista fl-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 Mira 6 (“SDG 14.6”) tan-Nazzjonijiet Uniti maqbula mill-Kapijiet tal-Istati fl-2015. L-UE ppreżentat lid-WTO proposta dwar il-kwistjoni (TN/RL/GEN/181/Rev.1). In-negozjati jinsabu għaddejjin u l-Unjoni jenħtieġ li tapoġġa eżitu f’dan il-qasam sa tali punt li dan jinkiseb.

·Regolamentazzjoni domestika (RD): in-negozjati dwar ir-regolamentazzjoni domestika fis-servizzi kienu previsti fl-Artikolu VI: 4 tal-Ftehim Ġenerali tad-WTO dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS). Matul dawn l-aħħar xhur ix-xogħol dwar ir-RD mexa ‘l quddiem biex irriżulta fi proposta għal test ikkonsolidat tan-negozjati appoġġat minn madwar 50 Membru tal-WTO (inkluża l-UE). Id-dixxiplini tar-RD proposti huma limitati biss għal rekwiżiti u proċeduri relatati ma’ liċenzji u kwalifiki, kif ukoll għal standards tekniċi, u japplikaw għas-setturi fejn saru impenji għall-aċċess għas-suq skont il-GATS. In-negozjati jinsabu għaddejjin u l-Unjoni jenħtieġ li tapoġġa eżitu f’dan il-qasam sa tali punt li dan jinkiseb.

·SMEs/Trasparenza tal-Miżuri Regolatorji tal-Kummerċ f’Oġġetti: Il-mandat tad-DDA ppreveda negozjati dwar l-aċċess għas-suq għal prodotti mhux agrikoli inklużi ostakoli nontariffarji. Fl-2017, l-UE ressqet il-proposta relatata mal-ostakoli nontariffarji fid-WTO dwar “Deċiżjoni Ministerjali dwar l-Iffaċilitar tal-Kummerċ tal-SME: Trasparenza ta’ Miżuri Regolatorji tal-Kummerċ fl-Oġġetti” (TN/MA/W/144/Rev.3, ko-sponsorjata mill-Awstralja, minn Hong Kong, mit-Tajwan, minn Singapor, u mill-Ġappun). Il-proposta tal-UE tista’ tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs fil-kummerċ internazzjonali billi ssaħħaħ it-trasparenza (permezz tan-notifika tat-testi finali lid-WTO u l-ħolqien ta’ repożitorju pubbliku) kif ukoll permezz ta’ prattiki regolatorji tajba (konsultazzjoni pubblika tal-partijiet interessati dwar miżuri ġodda, b’ambitu limitat għal miżuri Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ u dawk sanitarji u fitosanitarji). In-negozjati jinsabu għaddejjin u l-Unjoni jenħtieġ li tapoġġa eżitu f’dan il-qasam sa tali punt li dan jinkiseb.

Billi bħalissa għaddejjin negozjati dwar l-elementi kollha tal-pakkett possibbli ta’ Buenos Aires, il-Kummissjoni tistenna li l-Kunsill jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar il-pożizzjoni tal-UE dwar l-eżitu tan-negozjati ladarba s-sitwazzjoni rigward it-testi rilevanti tkun ċara biżżejjed, possibbilment matul il-Konferenza Ministerjali stess.

L-inizjattiva hija kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti. Tħejjew deċiżjonijiet simili għal Konferenzi Ministerjali tad-WTO preċedenti, inkluż l-aktar waħda riċenti għall-Għaxar Konferenza Ministerjali tad-WTO fl-2015.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Konferenza Ministerjali tad-WTO hija korp imwaqqaf bi ftehim, fosthom il-Ftehim tad-WTO li skont l-Artikolu IV:1 għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti taħt kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet kummerċjali multilaterali, inklużi deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali.

Huwa previst li l-atti msemmija hawn fuq jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali, peress li dawn jistgħu jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala l-ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-atti previsti jirrigwardaw il-politika kummerċjali komuni, minħabba li d-deċiżjonijiet previsti possibbli dwar kwistjonijiet tad-DDA jaqgħu taħtu.

Għalhekk il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Il-pubblikazzjoni tal-atti prevista

Peress li l-atti tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO se jissupplimentaw il-Ftehim tad-WTO, huwa xieraq li dawn jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħhom.

2017/0301 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward ta’ ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà alimentari, tal-appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċjali, inkluż għall-qoton, tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fil-biedja, tas-sussidji għas-sajd, tar-regolamentazzjoni domestika fis-servizzi, u tal-SMEs/Trasparenza tal-Miżuri Regolatorji tal-Kummerċ fl-Oġġetti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) kien konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 3 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)Skont l-Artikoli IV:1 u IX:1 tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) tista’ tadotta deċiżjonijiet b’kunsens.

(3)Il-Konferenza Ministerjali tad-WTO, matul l-11-il laqgħa tagħha fl-10-13 ta’ Diċembru 2017, tista’ tadotta deċiżjonijiet dwar ħażniet pubbliċi għal skopijiet ta’ sigurta alimentari, appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċjali, inkluż tal-qoton; restrizzjonijiet tal-esportazzjoni fil-biedja; sussidji għas-sajd, ir-regolamentazzjoni domestika fis-servizzi, u l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs)/ it-Trasparenza tal-Miżuri Regolatorji tal-Kummerċ fl-Oġġetti.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li se tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO, sal-punt li dawn id-deċiżjonijiet jista’ jkollhom effetti legali.

(5)Il-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO hi meqjusa minn Membri tad-WTO bħala l-iskadenza għall-adozzjoni ta’ soluzzjoni permanenti dwar il-kwistjoni ta’ ħażniet pubbliċi għal skopijiet ta’ sigurtà alimentari. Dan il-għan ġie stipulat fid-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali tas-7 ta’ Diċembru 2013 dwar Ħażna Pubblika għal Skopijiet ta’ Sigurtà alimentari (WT/MIN(13)/38-WT/L/913), kif interpretata u kkonfermata mill-ġdid permezz ta’ deċiżjonijiet sussegwenti. F’dan ir-rigward, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa soluzzjoni permanenti dwar il-kwistjoni ta’ ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà alimentari sa tali punt li din tinkiseb.

(6)In-negozjati dwar appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċjali huma inkorporati fl-Artikolu 20 tal-Ftehim dwar il-Biedja tad-WTO u, flimkien mal-qoton, huma parti mill-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (DDA). F’dan ir-rigward, fl-2017 l-UE flimkien mal-Brażil, mal-Kolombja, mal-Perù u mal-Urugwaj ippreżentat proposta (JOB/AG/99) dwar l-appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċjali (inkluż appoġġ domestiku għall-qoton li joħloq distorsjoni kummerċjali kif ukoll dwar il-ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà alimentari). Minħabba l-importanza ta’ din il-kwistjoni u l-fatt li l-Unjoni kienet waħda mill-proponenti tagħha, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa eżitu dwar l-appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċjali, inkluż għall-qoton,sa tali punt li dan jinkiseb.

(7)In-negozjati dwar it-tisħiħ tad-dixxiplini dwar projbizzjonijiet u restrizzjonijiet tal-esportazzjoni fl-Artikolu 12.1 tal-Ftehim dwar il-Biedja huma inkorporati fl-Artikolu 20 tal-Ftehim dwar il-Biedja tad-WTO u huma parti min-negozjati tad-DDA. Minħabba l-importanza ta’ din il-kwistjoni għall-proċess ta’ riforma agrikola u biex noqorbu lejn sistema ta' negozjar agrikolu ġusta u orjentata lejn is-suq, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa eżitu dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet sa tali punt li dan jinkiseb.

(8)In-negozjati dwar is-sussidji għas-sajd huma parti mid-DDA u l-eliminazzjoni ta’ ċerti sussidji għas-sajd kienet identifikata bħala prijorità fl-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 Mira 6 (“SDG 14.6”) tan-Nazzjonijiet Uniti maqbula mill-Kapijiet tal-Istati fl-2015. Minħabba l-importanza ta’ din il-kwistjoni għall-kummerċ u għall-iżvilupp sostenibbli, u l-fatt li l-Unjoni kienet waħda mill-proponenti tagħha, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa eżitu sa tali punt li dan jinkiseb.

(9)In-negozjati dwar ir-regolamentazzjoni domestika fis-servizzi kienu previsti fl-Artikolu VI: 4 tal-Ftehim Ġenerali tad-WTO dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) u jiffurmaw parti mid-DDA. Eżitu jista’ jkopri l-amministrazzjoni tal-miżuri, l-indipendenza, it-trasparenza, l-istandards tekniċi, l-iżvilupp ta’ miżuri u t-Trattament Speċjali u Differenzjali. Minħabba l-maturità tad-diskussjonijiet u l-importanza sistemika biex tintlaħaq deċiżjoni dwar il-kwistjoni, l-Unjoni, peress li hija wkoll waħda mill-proponenti, jenħtieġ li tappoġġaw eżitu sa tali punt li jinkiseb.

(10)In-negozjati dwar l-aċċess għas-suq għal prodotti mhux agrikoli huma parti mill-mandat tad-DDA u jinkludu ostakoli nontariffarji (NTBs). Fl-2017 l-UE ppreżentat lid-WTO proposta għal “Deċiżjoni Ministerjali dwar l-Iffaċilitar tal-Kummerċ tal-SME: Trasparenza tal-Miżuri Regolatorji tal-Kummerċ fl-Oġġetti” (TN/MA/W/144/Rev.3). Din id-deċiżjoni, fl-intier tagħha jew b’kamp ta’ applikazzjoni usa’ jew idjaq tista’ tkun adottata fl-MC11. Minħabba l-importanza ta’ din il-kwistjoni u l-fatt li l-Unjoni kienet waħda mill-proponenti tagħha, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa eżitu abbażi tal-proposta tal-UE sa tali punt li dan jinkiseb.

(11)Fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO, l-Unjoni trid tiġi rappreżentata mill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-11-il sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO għandha tkun kif ġej:

Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Ħdax-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li tingħaqad mal-kunsens milħuq fost il-Membri tad-WTO bil-għan li jkunu adottati deċiżjonijiet fir-rigward ta’ ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà alimentari, tal-appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċjali, inkluż għall-qoton, tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fil-biedja, tas-sussidji għas-sajd, tar-regolamentazzjoni domestika fis-servizzi, u tal-SMEs/Trasparenza tal-Miżuri Regolatorji tal-Kummerċ fl-Oġġetti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).
(2) Sal-punt li, kuntrarjament għall-aspettativi kurrenti, il-kunsens kien formalizzat fi ftehim internazzjonali li jemenda l-ftehim tad-WTO jew fi ftehim internazzjonali plurilaterali bejn il-Membri tad-WTO, il-Kummissjoni tagħmel il-proposti neċessarji skont l-Artikolu 218(6) TFUE wara l-adozzjoni tat-testi u tal-ftuħ tagħhom għall-aċċettazzjoni mill-MC11 jew mill-membri tad-WTO kkonċernati matul l-MC11.
(3) ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1.