IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,8.11.2017
COM(2017) 647 final
2017/0288(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2017) 358 final}
{SWD(2017) 359 final}
{SWD(2017) 360 final}
{SWD(2017) 361 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Din il-proposta hi parti mit-tieni pakkett tal-mobbiltà li għandha l-għan li tmexxi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li l-industrija Ewropea ssir aktar b’saħħitha u aktar kompetittiva, u li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-għażla taċ-ċittadini għall-mobbiltà tagħhom ta’ kuljum. Il-moviment liberu fit-territorju kollu tal-Unjoni hu kisba essenzjali tal-Unjoni Ewropea. Dan fetaħ il-bibien liċ-ċittadini biex jivvjaġġaw bla xkiel bejn l-Istati Membri kemm għal xogħol jew għal vaganza. Din il-proposta se ttejjeb il-mobbiltà taċ-ċittadini fuq distanzi twal, u żżid l-użu ta’ modi sostenibbli tat-trasport. Din se twassal biex is-servizzi jadattaw aħjar għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini, l-aktar għal dawk b’introjtu aktar baxx, bil-vantaġġ li jinkisbu benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Il-proposta tissodisfa d-domanda globali dejjem akbar għal konnettività bejn iż-żoni ġeografiċi kollha u tiżgura l-aċċessibbiltà għal firxa usa’ tal-popolazzjoni. Din tikkontribwixxi direttament għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni b’rabta mal-impjiegi u t-tkabbir u l-Unjoni tal-Enerġija.
Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 ġie adottat bħala parti minn pakkett leġiżlattiv mar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. Flimkien, dawn iż-żewġ Regolamenti jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-professjoni u s-suq fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. Iż-żewġ Regolamenti jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku fit-trasport bit-triq u għall-effiċjenza u l-kompetittività tiegħu.
Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li magħhom għandha tkun konformi kull impriża li jkun beħsiebha topera fis-suq internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u fis-swieq nazzjonali għajr fis-suq nazzjonali tal-Istat Membru tal-istabbiliment tagħha (l-hekk magħrufa operazzjonijiet ta’ kabotaġġ). Dan fih dispożizzjonijiet dwar id-dokumenti li jridu jinħarġu lil dawk l-impriżi mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni (il-liċenzja Komunitarja) u mill-awtorità awtorizzanti (l-awtorizzazzjoni għal servizz regolari). Dan jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet meta jinkisru dawk l-obbligi, u dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri.
Evalwazzjoni ex post tar-Regolament saret bejn l-2015 u l-2017 u kkonkludiet li r-Regolament hu effettiv biss parzjalment biex jinkiseb l-għan oriġinali tiegħu li jippromwovi s-servizzi tat-trasport bil-kowċ u x-xarabank bħala alternattiva sostenibbli għat-trasport bil-karozzi individwali. Din ħarġet fid-dieher li l-ftuħ tas-swieq nazzjonali għal servizzi regolari bil-kowċ u x-xarabank joħloq massa kritika ta’ operaturi li jibdew jintroduċu wkoll servizzi internazzjonali, u dan iħalli impatt akbar fuq l-għadd ta’ rotot internazzjonali u frekwenzi tas-servizz milli tħalli leġiżlazzjoni pan-Ewropea waħedha. B’aktar ftuħ tas-swieq nazzjonali, se jsaħħaħ l-iżvilupp tas-suq internazzjonali għal servizzi regolari, b’mod separat mill-benefiċċji għall-passiġġieri li jagħmlu vjaġġi nazzjonali. Il-problemi ewlenin identifikati kienu l-ostakli fis-swieq nazzjonali li jxekklu l-iżvilupp ta’ servizzi interurbani tat-trasport bil-kowċ u x-xarabank u s-sehem żgħir ta’ modi sostenibbli tat-trasport tal-passiġġieri. Din il-proposta, bħala inizjattiva tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (ir-REFIT), għandha l-ħsieb li xxejjen dawn in-nuqqasijiet.
•
Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta hi parti minn rieżami kontinwu usa’ tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport bit-triq. Din għandha rabta mill-qrib ma’ atti legali eżistenti oħrajn dwar it-trasport bit-triq, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għall-professjoni (ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009), dwar il-leġiżlazzjoni soċjali (ir-Regolament (KE) Nru 561/2006, id-Direttiva 2002/15/KE, id-Direttiva 2006/22/KE u r-Regolament (UE) Nru 165/2014, u l-Eurovignette (id-Direttiva 1999/62/KE). Għaldaqstant, li jkun faċilitat il-forniment ta’ servizzi interurbani tat-trasport bil-kowċ u x-xarabank, kif tissuġġerixxi l-proposta preżenti, se jsir eħfef billi jitqiesu flimkien ir-regoli dwar is-suq intern, ir-regoli soċjali u r-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema ħalli jkunu żgurati kemm kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol lis-sewwieqa u anki kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hi konsistenti għalkollox mal-prijorità tal-Kummissjoni li jinħoloq suq intern aktar profond u aktar ġust. Is-suq intern għal operazzjonijiet tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri li jużaw is-servizzi tal-kowċ u x-xarabank se jissaħħaħ. Din hi konformi wkoll mal-għanijiet ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, mal-għan tal-Unjoni tal-Enerġija li ssir dekarbonizzazzjoni tat-trasport, u anki mal-politika komuni dwar it-trasport, kif deskritt fil-White Paper tal-2011 dwar Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Il-proposta se toħloq opportunitajiet ġodda tan-negozju għall-operaturi fis-settur, u b’hekk se żżid l-opportunitajiet ta’ impjiegi u tkabbir, u l-għażla għall-passiġġieri. Minbarra dan, din il-proposta tnaqqas il-piż regolatorju lill-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u tiċċara l-qafas legali, li t-tnejn huma għanijiet tal-Programm REFIT tal-UE.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika ta’ dan ir-Regolament u tal-emenda proposta toħroġ mit-Titolu VI (Trasport) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), b’mod partikolari l-Artikolu 91 li fost l-oħrajn jiddikjara li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jistabbilixxu regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri, kif ukoll il-kundizzjonijiet li skonthom it-trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi tat-trasport fi Stat Membru.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)
L-UE taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri fil-qasam tat-trasport skont l-Artikolu 4(2)(g) tat-TFUE. Iżda l-emendi fir-regoli eżistenti jistgħu jsiru biss mil-leġiżlatur tal-UE nnifsu.
Barra minn hekk, il-frammentazzjoni tar-regoli tal-aċċess għas-swieq nazzjonali għas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank ixxekkel il-kapaċità tat-trasportaturi biex joħolqu servizzi fi ħdan in-netwerks tal-kowċ pan-Ewropej u ċċaħħdilhom il-possibbiltà li joffru integrazzjoni ma’ modi oħra ta’ trasport u servizzi tal-kowċ. Waħedhom, l-Istati Membri la jistgħu jintroduċu regoli uniformi tal-aċċess għas-suq li huma meħtieġa biex jinħoloq suq intern ġenwin għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, jew lanqas jistgħu jiżguraw il-koerenza u l-koordinazzjoni tagħhom. Għalhekk hemm bżonn jiġu stabbiliti regoli fil-livell tal-UE.
•Proporzjonalità
Kif tindika t-Taqsima 7.3 tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt, il-proposta ta’ politika hi proporzjonata mal-problemi li ġew identifikati u ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex dawn jissolvew. Il-proposta fiha xi emendi mmirati għar-Regolament ħalli jgħinu biex jitjieb il-qafas regolatorju eżistenti li bih jopera s-settur tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq fl-UE u ma toħloqx rekwiżiti regolatorji addizzjonali għall-partijiet interessati li ma jkunux proporzjonati mal-problemi identifikati.
•Għażla tal-istrument
L-att legali li jrid jiġi emendat hu Regolament u għalhekk fil-prinċipju l-att li jemendah jenħtieġ jieħu l-istess forma.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-evalwazzjoni ex post tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 ġie adottat b’din il-proposta.
Dawn huma l-kwistjonijiet ewlenin identifikati:
—
Is-settur interurban tal-kowċ u x-xarabank ma rnexxilux jikber b’rata komparabbli mas-settur ta’ modi oħra tat-trasport u s-sehem modali tiegħu baqa’ jonqos matul perjodu estiż.
—
Jeżistu ostakli fis-swieq nazzjonali li qed ixekklu l-iżvilupp ta’ servizzi interurbani tal-kowċ u x-xarabank.
—
Mingħajr servizzi interurbani kompetittivi, is-servizzi regolari internazzjonali tal-kowċ u x-xarabank joffru servizzi inqas attraenti lill-utenti.
—
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-għanijiet tar-Regolament oriġinali ma jkoprix il-problema tad-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-vendi.
—
Jeżistu kostijiet amministrattivi żejda tad-dħul.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati
Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati li saru waqt it-tħejjija ta’ din il-proposta jikkonformaw mal-istandards minimi tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002 (COM(2002) 704 final).
Il-proċess ta’ konsultazzjoni inkluda ħames attivitajiet ta’ konsultazzjoni separati. Intużaw metodi ta’ konsultazzjoni miftuħa u mmirati, u diversi għodod ta’ konsultazzjoni.
Fir-rigward tal-konsultazzjoni miftuħa, saret konsultazzjoni pubblika fuq l-internet mifruxa fuq 13-il ġimgħa bejn l-14 ta’ Diċembru 2016 u l-15 ta’ Marzu 2017, li kopriet kemm l-evalwazzjoni ex post u kif ukoll il-valutazzjoni tal-impatt.
L-għanijiet ewlenin kienu:
—
jgħinu fil-verifika tal-problemi li jsib is-settur, kif identifikati fl-evalwazzjoni ex post;
—
jivvalidaw l-għanijiet tal-interventi ta’ politika possibbli; kif ukoll
—
jiksbu l-opinjoni tal-partijiet interessati dwar kemm huma xierqa l-interventi u l-impatti mistennija tagħhom.
Din kienet tinkludi żewġ kwestjonarji, wieħed għaċ-ċittadini u ieħor aktar speċjalizzat għall-partijiet interessati ewlenin. B’kollox il-Kummissjoni rċeviet 171 kontribut. It-18-il kontribut għall-kwestjonarju ġenerali: 8 tweġibiet mingħand ċittadini/konsumaturi; 7 tweġibiet mingħand kumpaniji; 2 tweġibiet mingħand organizzazzjonijiet mhux governattivi; u tweġiba (1) waħda mingħand kontributur ieħor. Il-153 kontribut għall-kwestjonarju speċjalizzat: 68 tweġiba mingħand kumpaniji involuti fil-katina tat-trasport; 28 tweġiba mingħand awtoritajiet mhux governattivi; 17-il tweġiba mingħand ħaddiema tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq; 7 tweġibiet mingħand awtoritajiet regolatorji; 3 tweġibiet mingħand awtoritajiet governattivi fl-UE; 3 tweġibiet mingħand awtoritajiet tal-infurzar; tweġiba (1) waħda mingħand ċittadin/konsumatur; tweġiba (1) waħda mingħand akkademiku; u 25 tweġiba mingħand kontributuri oħrajn.
Waqt il-konsultazzjoni mmirata ntbagħat kwestjonarju ddettaljat lill-partijiet interessati ewlenin identifikati matul il-fażi tal-bidu tal-istudju. Saru erba’ kwestjonarji differenti, kull wieħed differenti skont it-tip tal-parti interessata: 20 tweġiba mingħand Ministeri/Regolaturi; 2 tweġibiet mingħand organizzazzjonijiet pan-Ewropej; 3 tweġibiet mingħand operaturi; u 6 tweġibiet mingħand assoċjazzjonijiet tal-operaturi.
Saru intervisti biex jinġabar tagħrif aktar dettaljat dwar l-esperjenzi tal-partijiet interessati u dwar fehmiethom fuq id-diversi miżuri li qed jitqiesu. Matulhom kien hemm iċ-ċans li tintalab id-dejta kwantitattiva meħtieġa għall-valutazzjoni tal-impatt. F’kull każ, ġew ippreżentati ċerti mistoqsijiet speċifiċi minn qabel u/jew intalbu xi kjarifiki dwar informazzjoni mogħtija fil-kwestjonarji. Saru intervisti ma’ 6 Ministeri/Regolaturi; ma’ 4 organizzazzjonijiet pan-Ewropej; ma’ 4 operaturi; u ma’ 4 assoċjazzjonijiet tal-operaturi.
Fost iċ-ċittadini Ewropej tal-UE-28 sar ukoll stħarriġ tal-Ewrobarometru speċjali tal-opinjoni pubblika dwar is-servizzi tal-kowċ. Bejn it-18 ta’ Marzu 2017 u s-27 ta’ Marzu 2017 saru 27,901 intervista. Dan l-istħarriġ sar bil-għan li tinkiseb l-opinjoni taċ-ċittadini Ewropej fuq għadd ta’ kwistjonijiet relatati mas-sodisfazzjon bil-livell attwali tas-servizzi tal-kowċ fl-Istat Membru tagħhom u r-raġunijiet għalfejn jużaw jew ma jużawx dawn is-servizzi. Is-sejbiet ewlenin tal-istudju huma:
—
Madwar l-UE, numru żgħir biss ta’ dawk li wieġbu jużaw is-servizzi tal-kowċ u aktar minn sitta minn kull għaxra (64 %) jgħidu li qatt ma jużaw is-servizzi tal-kowċ għall-ivvjaġġar domestiku.
—
L-aktar raġuni komuni li jsemmu dawk li jużaw is-servizzi tal-kowċ hi l-prezzijiet irħas (33 %).
—
L-aktar sitwazzjonijiet komuni li ssemmew biex jiżdied iċ-ċans li dawk li ma jużawx is-servizzi bil-kowċ jibdew jużawhom huma jekk ma jkollhomx karozza (37 %), jekk ikollhom prezzijiet orħos (26 %) u jekk jitwessa’ n-netwerk tar-rotot u l-vendi (11 %).
Waqt l-evalwazzjoni ex post u l-valutazzjoni tal-impatt ġew organizzati bosta seminars għall-partijiet interessati, laqgħat u avvenimenti oħra.
L-informazzjoni miġbura waqt il-konsultazzjoni tikkonferma li jeżistu l-problemi ewlenin identifikati fl-evalwazzjoni ex post.
Dwar il-miżuri ta’ politika possibbli, kien hemm appoġġ qawwi fost il-partijiet interessati kollha li tingħeleb id-diskriminazzjoni fil-provvista tal-aċċess għall-vendi. Iżda b’rabta mal-miżuri ta’ politika possibbli biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq nazzjonali interurbani kien hemm reazzjonijiet differenti għax xi gruppi ta’ partijiet interessati appoġġaw it-tibdil filwaqt li oħrajn esprimew nuqqas ta’ ħeġġa. B’mod ġenerali, il-gruppi tar-rappreżentanti tal-operaturi, l-operaturi u l-individwi li jaħdmu fl-industrija kienu aktar favur oqfsa komuni, filwaqt li xi korpi governattivi, ir-regolaturi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi saħqu fuq il-ħtieġa li jitħaddmu arranġamenti tal-aċċess għas-swieq li jirriflettu ċ-ċirkostanzi ta’ Stati Membri individwali u li jipprovdu protezzjoni għall-kuntratti tas-servizz pubbliku.
•
Ġbir u użu tal-għarfien espert
Kuntrattur estern ta kontribut fl-istudju ta’ appoġġ mehmuż mal-valutazzjoni tal-impatt, li ġie konkluż f’Awwissu 2017.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta twieżnet b’valutazzjoni tal-impatt, li ġiet ikkunsidrata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (iktar ’il quddiem il-“Bord”) f’żewġ okkażjonijiet. Għall-ewwel, din ingħatat opinjoni negattiva fl-24 ta’ Lulju 2017, iżda mbagħad kisbet opinjoni pożittiva b’ċerti riżervi fit-13 ta’ Settembru 2017. Il-kummenti ewlenin kollha tal-Bord ġew indirizzati fil-verżjoni riveduta tal-valutazzjoni tal-impatt. Kif jissemma fl-Anness 1 tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt, ir-riżervi ġew indirizzati kif ġej:
—
L-argumentazzjoni ssaħħet biex tiċċara l-ħtieġa għal azzjoni fil-livell tal-UE;
—
Id-definizzjoni tal-problema ssawret mill-ġdid u ġiet riveduta biex jitqies is-sehem żgħir ta’ modi sostenibbli tat-trasport;
—
L-għanijiet ġenerali ġew riveduti. Hemm żewġ għanijiet ġenerali li huma kumplimentari u mhumiex esklussivi reċiprokament;
—
Ġie deskritt ir-rispons possibbli b’rabta mal-introduzzjoni ta’ servizzi kummerċjali u l-impatti mistennija fuq il-kuntratti tas-servizz pubbliku, u ġew ippreżentati l-mudelli tal-kuntratti li tipikament jintużaw għal konnessjonijiet fost iż-żoni rurali;
—
Ġew inklużi d-differenzi nazzjonali fis-setturi tat-triq u tal-ferrovija; u
—
Ġiet ippreżentata informazzjoni addizzjonali dwar il-vendi u ġie ċċarat li l-valutazzjoni tal-impatt tiffoka fuq l-aċċess ekwu għall-vendi.
Il-valutazzjoni tal-impatt ikkunsidrat żewġ settijiet ta’ pakketti ta’ politika.
–L-ewwel sett jindirizza l-problemi ta’ “Spejjeż amministrattivi eċċessivi għad-dħul” u “Aċċess ristrett għas-swieq nazzjonali interurbani”.
–It-tieni sett ta’ żewġ pakketti ta’ politika jindirizza l-problema ta’ “Aċċess ristrett għal infrastruttura ewlenija”.
Il-problemi marbuta mal-aċċess għas-swieq u l-problemi assoċjati mal-aċċess għall-vendi mhumiex interkonnessi u l-ambitu ġeografiku tal-effett hu differenti f’kull każ. B’mod aktar speċifiku, f’14-il Stat Membru biss japplikaw restrizzjonijiet kbar fuq l-aċċess għas-swieq, filwaqt li l-problema ta’ aċċess diskriminatorju għall-vendi teżisti fost l-UE-28. Fiż-żewġ settijiet, ġew definiti pakketti ta’ politika biex jirriflettu l-livelli dejjem akbar ta’ intervent regolatorju u tal-impatti mistennija.
L-ewwel pakkett ta’ politika jiftaħ l-aċċess għas-swieq tas-servizzi regolari bil-possibbiltà li tiġi rifjutata l-awtorizzazzjoni jekk ikun kompromess il-bilanċ ekonomiku ta’ xi kuntratt eżistenti tas-servizz pubbliku.
It-tieni pakkett ta’ politika jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jirrifjutaw awtorizzazzjoni jekk ikun kompromess il-bilanċ ekonomiku ta’ xi kuntratt eżistenti tas-servizz pubbliku b’servizz ġdid propost li jġorr il-passiġġieri għal distanzi inqas minn 100 km f’linja dritta.
It-tielet pakkett ta’ politika jneħħi l-proċess tal-awtorizzazzjoni għas-servizzi regolari li jġorru l-passiġġieri għal distanzi ta’ 100 km jew iżjed f’linja dritta.
Ir-raba’ pakkett ta’ politika jħeġġeġ lill-operaturi u lill-meniġers tal-vendi biex jipprovdu aċċess għat-trasportaturi li joperaw servizzi regolari, b’mod ġust u raġonevoli u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-operaturi.
Il-ħames pakkett ta’ politika fih regoli dwar l-aċċess ekwu għall-operaturi u għall-meniġers tal-vendi biex jipprovdu aċċess għat-trasportaturi li joperaw servizzi regolari, b’mod ġust u raġonevoli u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-operaturi.
Il-valutazzjoni turi li l-aqwa triq ’il quddiem tkun taħlita tat-tieni u l-ħames pakketti ta’ politika. B’mod ġenerali, dawn it-tnejn huma l-aktar taħlita effettiva u bi stima li tiġġenera ffrankar amministrattiv għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet ta’ madwar EUR 1 560 miljun għall-UE-28 matul il-perjodu tal-valutazzjoni (2015-2035). Din it-taħlita se tħalli wkoll impatt pożittiv fuq it-trasport bħala tali għax twassal biex tiżdied l-attività tat-trasport tal-kowċ b’aktar minn 11 % fl-2030, meta mqabbel max-xenarju bażi u se żżid is-sehem modali tiegħu bi kważi punt perċentwali wieħed. Din se ttejjeb il-konnettività tal-gruppi soċjali żvantaġġjati bi 62 biljun kilometri tal-passiġġieri fl-2030 filwaqt li se toħloq 85 000 impjieg ġdid u tikkontribwixxi biex jonqsu l-kostijiet tal-inċidenti ta’ EUR 2,8 biljun għall-UE-28 fil-perjodu tal-valutazzjoni. Bl-istess mod, din tħalli impatt pożittiv fuq l-ambjent, bi ffrankar kumulattiv nett ta’ EUR 183 miljun fil-kostijiet tal-emissjonijiet tas-CO2 u bi ffrankar kumulattiv nett ta’ EUR 590 miljun fil-kostijiet tat-tniġġis tal-arja għall-UE-28. Hu mistenni li din l-għażla twassal għal bidla limitata mit-trasport ferrovjarju għat-trasport bit-triq u ġġib tnaqqis fis-sehem modali tal-ferrovija ta’ 0,4 punti perċentwali fl-2030 meta mqabbel max-xenarju bażi (minn 8,4 % għal 8 %) b’telf ta’ introjtu ta’ 1,4 % għall-kuntratti tas-servizz pubbliku tat-trasport ferrovjarju u żieda ta’ inqas minn 1 % fis-sussidju għall-kuntratti tas-servizz pubbliku tal-kowċ. Dan mhux se jdgħajjef is-sostenibbiltà tal-kuntratti tas-servizz pubbliku li jaqdu liż-żoni urbani mbiegħda.
Il-proposta hi konformi mal-għażla ppreferuta fil-valutazzjoni tal-impatt.
•Idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni
Il-proposta għandha l-ħsieb tilħaq l-għan tar-REFIT li tiżdied l-effikaċja u jonqsu l-piżijiet regolatorji għan-negozji. Dan iseħħ l-aktar billi titħaffef il-proċedura tal-awtorizzazzjoni għax jonqos l-għadd ta’ raġunijiet għar-rifjut tal-awtorizzazzjonijiet ta’ linja ġdida tal-kowċ. Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni hi aktar sempliċi u aktar trasparenti u għalhekk tnaqqas effettivament ix-xkiel għal parteċipanti ġodda fis-suq. L-operaturi jibbenefikaw għax jekk jonqsu r-raġunijiet għar-rifjut, dawn ikollhom aktar ċertezza meta jkunu qed jivvalutaw il-vijabbiltà ta’ linja ġdida. L-aċċess imtejjeb għall-vendi se jnaqqas id-dewmien biex l-impriżi jiksbu aċċess għall-vendi u se jippermettilhom iniedu linji ġodda tal-kowċ aktar qabel u jiżguralhom introjtu gradwali aktar malajr. Fl-aħħar nett, jekk titneħħa l-formola tal-vjaġġ, it-trasportaturi se jkollhom inqas ħidma amministrattiva x’jagħmlu.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet tal-implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Il-Kummissjoni se tissorvelja u tevalwa l-implimentazzjoni u l-effikaċja tar-Regolament. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn ħames snin mill-jum meta jibda japplika. Dan ir-Regolament jilliberalizza s-swieq nazzjonali għas-servizzi regolari tal-kowċ u x-xarabank, u b’hekk mistenni jikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. L-informazzjoni rilevanti trid tinġabar mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u bi stħarriġ fost l-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq.
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-elementi ewlenin tal-proposta huma dawn li ġejjin:
Il-Kapitolu I – DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
L-Artikolu 1 – Il-kamp ta’ applikazzjoni
Bħalissa, l-Artikolu 1(4) jinkludi s-servizzi nazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq għall-kiri jew kumpens fuq bażi temporanja minn trasportatur mhux residenti u skont il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Hu propost li din id-dispożizzjoni tiġi emendata biex skont il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tkun tinkludi s-servizzi regolari kollha għall-kiri u kumpens minn trasportatur mhux residenti.
L-Artikolu 2 – Id-definizzjonijiet
Hu propost li jiġi emendat il-punt 2 biex tiġi ċċarata li s-servizzi express iridu jitqiesu bħala servizzi regolari.
Hu propost li jiġi emendat il-punt 7 biex tiġi aġġornata d-definizzjoni wara l-liberalizzazzjoni tas-servizzi regolari nazzjonali.
Hu propost li jiżdiedu definizzjonijiet ġodda ta’ venda u ta’ operatur ta’ venda. Dawn id-definizzjonijiet huma prerekwiżit indispensabbli biex jirregolaw l-aċċess għall-vendi.
Hu propost li tiżdied definizzjoni ġdida ta’ alternattiva vijabbli biex jiġi ċċarat liema vendi oħra jenħtieġ jiġu indikati mill-operatur tal-venda lit-trasportatur meta dan jirrifjuta l-aċċess għall-venda tiegħu stess.
L-Artikolu 3a – Il-korp regolatorju
Hu propost li jiżdied Artikolu ġdid biex jeżiġi li l-Istati Membri jaħtru korp regolatorju li jenħtieġ ikun indipendenti minn kull awtorità pubblika oħra. Dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jkunu evitati l-kunflitti ta’ interess meta korp regolatorju jkun qed iwettaq analiżi ekonomika biex isib jekk hux kompromess il-bilanċ ekonomiku ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku, jew meta dan ikun qed jaġixxi bħala korp tal-appell għal aċċess għall-vendi. Il-korp maħtur jista’ jkun korp ġdid jew korp eżistenti. Il-proċeduri previsti biex jinħatar il-persunal jenħtieġ jikkontribwixxu għall-indipendenza tiegħu. Il-korp jenħtieġ ikun jista’ jikseb l-informazzjoni mitluba u jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu b’penali xierqa. Fl-aħħar nett, id-daqs tal-korp regolatorju f’kull Stat Membru jenħtieġ ikun b’mod proporzjonat mal-livell tal-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq f’dak l-Istat Membru.
Il-Kapitolu II – IL-LIĊENZJA KOMUNITARJA U L-AĊĊESS GĦAS-SWIEQ
L-Artikolu 5 – L-aċċess għas-swieq
Hu propost li jitħassar il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 5(3) għax hu kkunsidrat li r-rekwiżit li jikkomunikaw l-ismijiet tat-trasportaturi u l-punti ta’ konnessjoni fir-rotta lill-awtoritajiet kompetenti ma għadux rilevanti u jiġġenera piż amministrattiv bla bżonn.
L-Artikolu 5a – L-aċċess għall-vendi
Hu propost li jiżdied Artikolu ġdid biex jeżiġi li t-trasportaturi jingħataw drittijiet tal-aċċess għall-vendi b’mod ġust, ekwu, mhux diskriminatorju u trasparenti għall-fini tal-operat tas-servizzi regolari. Il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-vendi jenħtieġ jiġu ppubblikati.
L-Artikolu 5b – Il-proċedura għall-għoti tal-aċċess għall-vendi
Hu propost li jiżdied Artikolu ġdid biex jipprovdi l-proċedura għall-għoti tal-aċċess għall-vendi. L-applikazzjonijiet għall-aċċess jenħtieġ jiġu rrifjutati biss jekk fil-venda jkun hemm nuqqas ta’ kapaċità. Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-aċċess iridu jittieħdu fi żmien xahrejn u għandhom jinkludu dikjarazzjoni xierqa bir-raġunijiet. It-trasportaturi għandhom ikunu jistgħu jappellaw id-deċiżjonijiet quddiem il-korp regolatorju. Id-deċiżjoni tal-korp regolatorju jenħtieġ tkun vinkolanti.
Il-Kapitolu III – IS-SERVIZZI REGOLARI SOĠĠETTI GĦALL-AWTORIZZAZZJONI
L-Artikolu 8 – Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri fuq distanza inqas minn 100 km f’linja dritta
Qed jiġi emendat l-Artikolu 8 biex jipprovdi l-proċedura tal-awtorizzazzjoni għas-servizzi regolari tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri għal distanza inqas minn 100 km f’linja dritta L-awtoritajiet awtorizzanti jeħtieġu l-qbil ta’ Stati Membri oħra, meta l-passiġġieri jitrikkbu u jitniżżlu u jiġu ttrasportati fuq distanzi inqas minn 100 km. L-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw, diment li r-rifjut ma jkunx ġustifikat b’raġunijiet ċari u speċifiċi. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar l-awtorizzazzjoni, il-kwistjoni tista’ tiġi riferuta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jeħtieġ tieħu deċiżjoni li tibqa’ tapplika sakemm l-awtorità awtorizzanti tadotta d-deċiżjoni tagħha.
L-Artikolu 8a – Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri fuq distanza ta’ 100 km jew iżjed f’linja dritta
Qed jiżdied l-Artikolu 8a biex jipprovdi l-proċedura tal-awtorizzazzjoni għas-servizzi regolari tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri għal distanza ta’ 100 km jew iżjed f’linja dritta. Ir-rifjut ta’ servizz ġdid ma jistax ikun ġustifikat bir-raġuni li dan jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku.
L-Artikolu 8b – Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni għas-servizzi regolari nazzjonali
Qed jiġi propost l-Artikolu 8b biex jipprovdi l-proċedura tal-awtorizzazzjoni għas-servizzi regolari nazzjonali. L-awtorizzazzjoni għal servizz ġdid li jġorr il-passiġġieri fuq distanza inqas minn 100 km f’linja dritta tista’ tiġi rrifjutata jekk din tkun tikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku. Minħabba d-differenzi fil-mod kif l-Istati Membri jorganizzaw il-modi differenti tat-trasport pubbliku fit-territorji tagħhom u ċ-ċirkostanzi ġeografiċi differenti fl-Istati Membri, il-limitu tad-distanza jista’ jiżdied sa 120 km jekk is-servizz ġdid huwa propost biex jaqdi lil post tat-tluq u lil destinazzjoni li diġà jinqdew minn aktar minn kuntratt tas-servizz pubbliku wieħed.
L-Artikolu 8c – Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet awtorizzanti
L-Artikolu 8c qed jiġi propost li jiżdied biex jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-korpi awtorizzanti. Dan jipprevedi li l-awtoritajiet awtorizzanti jagħtu awtorizzazzjonijiet, jagħtu awtorizzazzjonijiet b’limitazzjonijiet, jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjonijiet. Dan jeżiġi li d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw l-awtorizzazzjonijiet jew li jagħtu awtorizzazzjonijiet b’limitazzjonijiet għandhom jiġu ġġustifikati. Dan jispeċifika r-raġunijiet għar-rifjut ta’ applikazzjoni.
L-Artikolu 8d – Restrizzjoni fuq id-dritt tal-aċċess
L-Artikolu 8d qed jiġi propost li jiżdied biex jipprovdi l-proċedura li tipproteġi l-kuntratti tas-servizz pubbliku. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw l-applikazzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet jekk ikunu jikkompromettu l-bilanċ ekonomiku ta’ xi kuntratt tas-servizz pubbliku. Huma biss il-partijiet interessati speċifikati li jistgħu jitolbu lill-korp regolatorju biex iwettaq analiżi ekonomika. Il-korp regolatorju jista’ jikkonkludi li l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata, tista’ tingħata b’xi kundizzjonijiet, jew tista’ tiġi rifjutata. Il-konklużjonijiet tal-korp regolatorju jenħtieġ ikunu vinkolanti.
Il-Kapitolu IV – IS-SERVIZZI REGOLARI SPEĊJALI LI HUMA EŻENTATI MILL-AWTORIZZAZZJONI
L-Artikolu 12 — Id-dokumenti tal-kontroll
Hu propost li jitħassar l-Artikolu 12(1) sa (5) biex titneħħa l-formola tal-vjaġġ bħala dokument tal-kontroll għal servizzi okkażjonali. Dan jelimina piż amministrattiv bla bżonn.
L-Artikolu 13 – L-eskursjonijiet lokali
Hu propost li jitħassar l-Artikolu 13 għax l-eskursjonijiet lokali huma liberalizzati bl-Artikolu 15 u għalhekk dan l-Artikolu mhux meħtieġ.
Il-Kapitolu V – IL-KABOTAĠĠ
L-Artikolu 15 – L-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ awtorizzati
Hu propost li jiġi emendat dan l-Artikolu biex jispeċifika li qed jitħassru r-rekwiżit tas-servizzi regolari li jridu jitwettqu bħala parti minn servizz regolari internazzjonali u l-projbizzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fil-forma ta’ servizzi regolari mwettqa b’mod indipendenti minn servizz regolari. L-eskursjonijiet lokali huma operazzjoni ta’ kabotaġġ awtorizzati u jkoprihom is-subparagrafu (b).
L-Artikolu 17 – Id-dokumenti tal-kontroll għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ
Hu propost li jitħassar l-Artikolu 17 biex il-formoli tal-vjaġġ ma jkunux aktar meħtieġa għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fil-forma ta’ servizzi okkażjonali. Id-dokumenti tal-kontroll għal servizzi regolari speċjali huma speċifikati fl-Artikolu 12(6).
Il-Kapitolu VI – IL-KONTROLLI U L-PENALI
L-Artikolu 19 – L-ispezzjonijiet fit-triq u fl-impriżi
Hu propost li fl-Artikolu 19(2) jiġi speċifikat li l-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fil-forma ta’ servizzi regolari jeħtieġ jippermettu li jsiru spezzjonijiet għax dawn is-servizzi se jitħallew joperaw b’mod indipendenti mit-trasport internazzjonali tal-passiġġieri.
Il-Kapitolu VII – L-IMPLIMENTAZZJONI
L-Artikolu 28 – Ir-rappurtar
Hu propost li jiġu stabbiliti obbligi ta’ rappurtar biex il-Kummissjoni jkollha informazzjoni konsistenti u affidabbli mingħand kull Stat Membru biex tkun tista’ tissorvelja u tevalwa l-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni. L-abbozz tal-paragrafu 5 il-ġdid jistipula li l-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 5 snin wara d-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar sa liema punt dan ir-Regolament ikkontribwixxa għal funzjonament aħjar tas-suq tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq.
2017/0288 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill uriet li l-operaturi fis-swieq nazzjonali qed iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli biex jiżviluppaw it-trasport interurban tal-kowċ. Barra minn hekk, is-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq ma mxewx paripassu mal-ħtiġijiet taċ-ċittadini li dejjem qed jevolvu, fejn jidħlu d-disponibbiltà u l-kwalità, u l-modi tat-trasport sostenibbli għad għandhom sehem modali żgħir. Minħabba f’hekk, ċerti gruppi ta’ ċittadini qed ikunu żvantaġġati fejn tidħol id-disponibbiltà tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, filwaqt li qed jiġru aktar inċidenti tat-traffiku u qed jiżdiedu l-emissjonijiet u l-konġestjonijiet għax qed jiżdiedu l-karozzi fit-toroq.
(2)Biex ikun żgurat qafas koerenti għat-trasport interurban tal-passiġġieri b’servizz regolari tat-trasport bil-kowċ u x-xarabank madwar l-Unjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jenħtieġ japplika għal kull trasport interurban li jsir bis-servizzi regolari. Għalhekk jenħtieġ jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.
(3)F’kull Stat Membru jenħtieġ jinħatar korp regolatorju indipendenti u imparzjali biex jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. Dan il-korp jista’ jkun responsabbli wkoll għal setturi regolati oħrajn fosthom is-settur ferrovjarju, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni.
(4)Jenħtieġ li l-operazzjonijiet kummerċjali tas-servizzi regolari ma jkunux jikkompromettu l-bilanċ ekonomiku tal-kuntratti eżistenti tas-servizz pubbliku. Għaldaqstant, il-korp regolatorju jenħtieġ ikun jista’ jwettaq analiżi ekonomika oġġettiva biex jiżgura li dan ikun il-każ.
(5)Is-servizzi regolari fil-forma ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ jenħtieġ ikunu bil-kundizzjoni li tkun inkisbet liċenzja tal-Komunità. Jenħtieġ jiġu ċċarati r-regoli dwar il-ħruġ tal-liċenzji tal-Komunità ħalli l-awtoritajiet tal-infurzar isibuha faċli jwettqu kontrolli effettivi ta’ dawk is-servizzi.
(6)L-operaturi tas-servizzi regolari jenħtieġ jingħataw drittijiet tal-aċċess għal vendi fl-Unjoni b’mod ġust, ekwu, mhux diskriminatorju u trasparenti ħalli tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta fis-suq. L-appelli kontra xi deċiżjonijiet li jirrifjutaw jew jillimitaw l-aċċess jenħtieġ jitressqu quddiem il-korp regolatorju.
(7)Filwaqt li tinżamm l-awtorizzazzjoni għas-servizzi regolari, jenħtieġ jiġu adattati ċerti regoli b’rabta mal-proċedura tal-awtorizzazzjoni.
(8)Għas-servizzi regolari nazzjonali kif ukoll internazzjonali, l-awtorizzazzjoni jenħtieġ tkun soġġetta għal proċedura tal-awtorizzazzjoni. L-awtorizzazzjoni jenħtieġ tingħata, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċifiċi għal rifjut marbuta mal-applikant, jew sakemm is-servizz ma jkunx jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta’ xi kuntratt tas-servizz pubbliku. Jenħtieġ jiddaħħal limitu tad-distanza biex ikun żgurat li l-operazzjonijiet kummerċjali tas-servizzi regolari ma jkunux jikkompromettu l-bilanċ ekonomiku tal-kuntratti eżistenti tas-servizz pubbliku. Jekk xi rotot ikunu diġà moqdija b’aktar minn kuntratt tas-servizz pubbliku wieħed, jenħtieġ ikun possibbli li dan il-limitu jiżdied.
(9)It-trasportaturi mhux residenti jenħtieġ jitħallew joperaw servizzi regolari nazzjonali bl-istess kundizzjonijiet bħat-trasportaturi residenti.
(10)Il-formalitajiet amministrattivi jenħtieġ jitnaqqsu kemm jista’ jkun mingħajr ma jkunu abbandunati l-kontrolli u l-penali li jiggarantixxu l-applikazzjoni korretta u l-infurzar effettiv tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009. Il-formola tal-vjaġġ toħloq piż amministrattiv bla bżonn u għalhekk jenħtieġ titneħħa.
(11)L-eskursjonijiet lokali huma operazzjoni ta’ kabotaġġ awtorizzati u jkopruhom ir-regoli ġenerali dwar il-kabotaġġ. Għalhekk jenħtieġ jitħassar l-Artikolu dwar l-eskursjonijiet lokali.
(12)Minħabba l-importanza ta’ infurzar effettiv tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009, ir-regoli dwar l-ispezzjonijiet fit-triq u fl-impriżi jenħtieġ jiġu emendati biex jinkludu l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.
(13)Sa fejn dan ir-Regolament jarmonizza r-regoli fis-swieq nazzjonali tas-servizzi regolari tat-trasport bil-kowċ u x-xarabank u l-aċċess għall-vendi, l-għanijiet tiegħu, jiġifieri l-promozzjoni tal-mobbiltà interurbana u ż-żieda fis-sehem modali tal-modi tat-trasport sostenibbli tal-passiġġieri, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri. Għaldaqstant, l-UE tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.
(14)Sabiex jitqiesu l-iżviluppi tas-suq u l-progress tekniku, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ tingħata lill-Kummissjoni biex temenda l-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009, u biex tissupplimenta dak ir-Regolament b’regoli li jikkonċernaw il-format taċ-ċertifikati għal operazzjonijiet tat-trasport għall-kont proprju, il-format tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet innifishom, il-proċedura u l-kriterji li jridu jitħaddmu biex jinstab jekk is-servizz propost ikunx jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta’ xi kuntratt tas-servizz pubbliku, u l-obbligi tar-rappurtar tal-Istati Membri. Hu importanti b’mod partikolari li matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni ndaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess waqt mal-esperti tal-Istati Membri, u jenħtieġ li l-esperti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ikollhom aċċess b’mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(15)Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jenħtieġ jiġi emendat skont dan,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 hu emendat kif ġej:
(1)
fl-Artikolu 1, il-paragarafu 4 jinbidel b’dan li ġej:
“4.
Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi nazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq għall-kiri jew kumpens minn trasportatur mhux residenti kif previst fil-Kapitolu V.”;
(2)
l-Artikolu 2 hu emendat kif ġej:
(a)
il-punt 2 jinbidel b’dan li ġej:
“2.
“servizzi regolari” tfisser servizzi li jipprovdu l-ġarr ta’ passiġġieri f’intervalli speċifikati matul rotot speċifikati, b’punti ta’ waqfien intermedjarji jew inkella li jrikkbu u jniżżlu l-passiġġieri f’punti ta’ waqfien predeterminati;”;
(b)
il-punt 7 jinbidel b’dan li ġej:
“7.
“operazzjoni ta’ kabotaġġ” tfisser servizz nazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq għall-kiri jew kumpens fi Stat Membru ospitanti;”;
(c)
jiżdiedu il-punti 9 sa 11 li ġejjin:
“9.
“venda” tfisser faċilità b’superfiċje minima ta’ 600 m2, li tipprovdi post ta’ parkeġġ għall-kowċijiet u x-xarabank biex irikkbu u jniżżlu l-passiġġieri.
10.
“operatur tal-venda” tfisser kull entità responsabbli biex tagħti aċċess għal venda;
11.
“alternattiva vijabbli” tfisser venda oħra li tkun aċċettabbli ekonomikament għat-trasportatur u li tippermettilu jopera s-servizz tal-passiġġieri kkonċernat.”;
(3)
qabel il-Kapitlu II, jiddaħħal dan l-Artikolu 3a li ġej:
“Artikolu 3a
Il-korp regolatorju
1.
Kull Stat Membru għandu jaħtar korp regolatorju nazzjonali uniku għas-settur tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. Dan il-korp għandu jkun awtorità imparzjali li, mil-lat organizzattiv, funzjonali, ġerarkiku u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, tkun distinta legalment u indipendenti minn kull entità pubblika jew privata oħra. Dan għandu jkun indipendenti minn kull awtorità kompetenti involuta fl-għoti ta’ xi kuntratt tas-servizz pubbliku.
Il-korp regolatorju jista’ jkun responsabbli għal setturi regolati oħra.
2.
Il-korp regolatorju għas-settur tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq għandu jkollu l-kapaċità organizzattiva meħtieġa mil-lat ta’ riżorsi umani u riżorsi oħrajn, b’mod li tkun proporzjonata mal-importanza ta’ dak is-settur fl-Istat Membru kkonċernat.
3.
Il-korp regolatorju għandu jwettaq dawn il-kompiti li ġejjin:
(a)jagħmel analiżijiet ekonomiċi dwar jekk xi servizz ġdid propost ikunx qed jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta’ xi kuntratt tas-servizz pubbliku;
(b)jiġbor u jipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-vendi; u
(c)jiddeċiedi dwar l-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-operaturi tal-vendi.
4.
Waqt il-qadi ta’ dmirijietu, il-korp regolatorju jista’ jitlob informazzjoni rilevanti mingħand l-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi tal-vendi, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni u xi parti terza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.
L-informazzjoni mitluba għandha tingħata fi żmien perjodu raġonevoli stabbilit mill-korp regolatorju u mhux itwal minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-korp regolatorju jista’ jestendi l-limitu taż-żmien għas-sottomissjoni tal-informazzjoni sa mhux aktar minn ġimagħtejn. Il-bord regolatorju għandu jkun jista’ jinforza t-talbiet għall-informazzjoni permezz ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
5.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju jkunu soġġetti għal analiżi ġudizzjarja. Dik l-analiżi jaf tħalli effett sospensiv biss meta l-effett immedjat tad-deċiżjoni tal-korp regolatorju jista’ jikkawża danni irreparabbli jew evidentement eċċessivi għall-appellant. Din id-dispożizzjoni hi mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-qorti li tkun qed tisma’ l-appell kif mogħtija lilha mil-liġi kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.
6.
Id-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju għandhom isiru pubbliċi.”;
(4)
l-Artikolu 4 hu emendat kif ġej:
(a)
il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:
“1.
It-trasport internazzjonali tal-passiġġieri u l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ bil-kowċ u x-xarabank għandhom isiru jekk tkun inkisbet liċenzja Komunitarja mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment.”;
(b)
fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:
“Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex temenda l-Annessi I u II ħalli jkunu adattati għall-progress tekniku.”;
(5)
l-Artikolu 5 hu emendat kif ġej:
(a)
fil-paragrafu 3, jitħassar il-ħames subparagrafu;
(b)
fil-paragrafu 5, it-tielet subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:
“Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex tistabbilixxi l-format taċ-ċertifikati.”;
(6)
jiddaħħal dan l-Artikolu 5a li ġej:
“Artikolu 5a
L-aċċess għall-vendi
1.
L-operaturi tal-vendi għandhom jagħtu d-dritt tal-aċċess għall-vendi lit-trasportaturi biex joperaw is-servizzi regolari inkluż għal kull faċilità jew servizz pprovduti f’dik il-venda b’kundizzjonijiet ġusti, ekwi, mhux diskriminatorji u trasparenti.
2.
L-operaturi tal-vendi għandhom jagħmlu ħilithom biex jilqgħu t-talbiet kollha għall-aċċess biex jiżguraw l-aqwa użu tal-vendi.
It-talbiet għall-aċċess jistgħu jiġu rifjutati biss meta jkun hemm bażi ta’ nuqqas ta’ kapaċità.
Meta operatur ta’ venda jirrifjuta talba għall-aċċess, dan għandu jindika kwalunkwe alternattiva vijabbli.
3.
L-operaturi tal-vendi għandhom għall-inqas jippubblikaw din l-informazzjoni li ġejja b’żewġ lingwi uffiċjali jew aktar tal-Unjoni:
(a) lista tas-servizzi kollha pprovduti, u l-prezzijiet ta’ dawk is-servizzi;
(b) ir-regoli dwar l-iskedar tal-allokazzjoni tal-kapaċità;
(c) l-iskeda u l-allokazzjoni tal-kapaċità attwali.
Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mingħajr ħlas b’format elettroniku mill-operatur tal-venda u mill-korp regolatorju meta jintalbu, u fuq is-siti web tagħhom, jekk ikollhom.
L-informazzjoni għandha tinżamm aġġornata u tiġi emendata kif meħtieġ.”;
(7)
jiddaħħal dan l-Artikolu 5b li ġej:
“Artikolu 5b
Il-proċedura għall-għoti tal-aċċess għall-vendi
1.
Trasportatur li qed jitlob aċċess għal venda għandu jressaq applikazzjoni lill-operatur tal-venda.
2.
Jekk ma jkunx jista’ jingħata aċċess, kif mitlub fl-applikazzjoni, l-operatur tal-venda għandu jibda konsultazzjonijiet mat-trasportaturi interessati kollha bl-għan li jilqa’ l-applikazzjoni.
3.
L-operatur tal-venda għandu jieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni tal-aċċess għal venda fi żmien xahrejn mid-data meta t-trasportatur iressaq l-applikazzjoni. Id-deċiżjonijiet dwar l-aċċess għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom.
4.
L-applikanti jistgħu jappellaw kontra d-deċiżjonijiet tal-operaturi tal-vendi. L-appelli għandhom jitressqu quddiem il-korp regolatorju.
5.
Meta l-korp regolatorju jisma’ appell kontra deċiżjoni ta’ operatur ta’ venda, dan għandu jadotta deċiżjoni motivata fi żmien stabbilit u, fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet ġimgħat minn meta tkun waslet l-informazzjoni rilevanti kollha.
Id-deċiżjoni tal-korp regolatorju dwar l-appell għandha tkun vinkolanti. Il-bord regolatorju għandu jkun jista’ jinforzaha permezz ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Id-Deċiżjoni għandha tkun soġġetta għal analiżi ġudizzjarja biss.”;
(7)
l-Artikolu 6 hu emendat kif ġej:
(a)
fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tinbidel b’dan li ġej:
“L-awtorizzazzjonijiet għandhom jinħarġu f’isem it-trasportatur b’format stampat jew elettroniku u ma għandhomx ikunu trasferibbli.”;
(b)
il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:
“4.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex tistabbilixxi l-format tal-awtorizzazzjonijiet.”;
(8)
l-Artikolu 7 hu emendat kif ġej:
(a)
il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:
“1.
L-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-servizzi regolari għandhom jitressqu lill-awtorità awtorizzanti b’format stampat jew elettroniku.
2.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex tistabbilixxi l-format tal-applikazzjonijiet.”;
(9)
l-Artikolu 8 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 8
Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri fuq distanza inqas minn 100 km f’linja dritta
1.
L-awtorizzazzjonijiet għandhom jinħarġu bi ftehim mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha li fit-territorju tagħhom il-passiġġieri jitrikkbu jew jitniżżlu u jiġu ttrasportati għal distanzi inqas minn 100 km f’linja dritta. L-awtorità awtorizzanti għandha tibgħat kopja tal-applikazzjoni, flimkien ma’ kopji ta’ dokumenti rilevanti oħrajn, fi żmien ġimagħtejn minn meta dawn l-awtoritajiet kompetenti jirċievu l-applikazzjoni b’talba għall-qbil tagħhom. Fl-istess ħin, l-awtorità awtorizzanti għandha tibgħat dawn id-dokumenti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra li t-territorji tagħhom jiġu traversati, għall-finijiet ta’ informazzjoni.
2.
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jintalab il-qbil tagħhom, għandhom jgħarrfu lill-awtorità awtorizzanti bid-deċiżjoni tagħhom dwar l-applikazzjoni fi żmien tliet xhur. Dan il-limitu taż-żmien għandu jiġi kkalkulat mid-data meta tkun waslet it-talba għal qbil kif turi l-irċevuta. Jekk ma jkunx hemm qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkun intalab il-qbil tagħhom, dawn għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom.
Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkun intalab il-qbil tagħhom ma jweġbux fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-ewwel subparagrafu, dawn għandhom jitqiesu li jaqblu.
3.
L-awtorità awtortizzanti għandha tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fi żmien erba’ xhur mid-data meta t-trasportatur iressaq l-applikazzjoni.
4.
L-awtorizzazzjoni għandha tingħata għajr meta r-rifjut ikun jista’ jiġi ġġustifikat minħabba xi waħda mir-raġunijiet elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 8c(2).
5.
Jekk waħda mill-awtoritajiet kompetenti ma taqbilx mal-awtorizzazzjoni, il-kwistjoni tista’ tiġi riferuta lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn minn meta tkun waslet it-tweġiba tagħha.
6.
Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ma qablux, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien erba’ xhur minn meta tkun waslet il-komunikazzjoni mingħand l-awtorità awtorizzanti. Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 30 jum wara n-notifika tagħha lill-Istati Membri kkonċernati.
7.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tapplika sakemm l-Istati Membri jaqblu u l-awtorità awtorizzanti tadotta deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.
(10)
jiddaħħlu dawn l-Artikoli 8a sa 8d li ġejjin:
“Artikolu 8a
Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri fuq distanza ta’ 100 km jew iżjed f’linja dritta
1.
L-awtorità awtortizzanti għandha tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fi żmien xahrejn mid-data meta t-trasportatur iressaq l-applikazzjoni.
2.
L-awtorizzazzjoni għandha tingħata għajr meta r-rifjut ikun jista’ jiġi ġġustifikat minħabba xi waħda mir-raġunijiet elenkati fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 8c(2).
3.
L-awtorità awtorizzanti għandha tibgħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha li fit-territorju tagħhom jitrikkbu jew jitniżżlu l-passiġġieri, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li t-territorji tagħhom jiġu traversati mingħajr ma l-passiġġieri jitrikkbu jew jitniżżlu, kopja tal-applikazzjoni, flimkien ma’ kopji ta’ dokumenti rilevanti oħrajn, u l-valutazzjoni tagħha, għall-finijiet ta’ informazzjoni.
Artikolu 8b
Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni għas-servizzi regolari nazzjonali
1.
L-awtorità awtortizzanti għandha tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fi żmien xahrejn mid-data meta t-trasportatur iressaq l-applikazzjoni. Dan jista’ jiġi estiż għal erba’ xhur meta tintalab analiżi skont l-Artikolu 8c(2)(d).
2.
L-awtorizzazzjonijiet għal servizzi regolari nazzjonali għandhom jingħataw għajr meta r-rifjut ikun jista’ jiġi ġġustifikat minħabba xi waħda mir-raġunijiet elenkati fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 8c(2) u, jekk is-servizz hu l-ġarr tal-passiġġieri għal distanzi inqas minn 100 km f’linja dritta, l-Artikolu 8c(2)(d).
3.
Id-distanza msemmija fil-paragrafu 2 tista’ tiżdied għal 120 km jekk is-servizz regolari li se jiddaħħal ikun jaqdi punt tat-tluq u destinazzjoni li diġà huma moqdija b’aktar minn kuntratt tas-servizz pubbliku wieħed.
Artikolu 8c
Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet awtorizzanti
1.
Bil-proċedura stabbilita fl-Artikoli 8, 8a jew 8b, l-awtorità awtorizzanti għandha tagħti l-awtorizzazzjoni, tagħti l-awtorizzazzjoni b’limitazzjonijiet jew tirrifjuta l-applikazzjoni. L-awtorità awtorizzanti għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti kollha msemmija fl-Artikolu 8(1) bid-deċiżjoni tagħha.
2.
Id-deċiżjonijiet li applikazzjoni ġiet rifjutata jew li ngħatat b’limitazzjonijiet għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom.
L-awtorizzazzjoni għandha tingħata għajr meta r-rifjut ikun jista’ jiġi ġġustifikat minħabba xi waħda minn dawn ir-raġunijiet:
(a)
jekk l-applikant ma jkunx kapaċi jipprovdi s-servizz li hu s-suġġett tal-applikazzjoni bl-apparat disponibbli direttament għalih.
(b)
jekk l-applikant ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew internazzjonali dwar it-trasport bit-triq u b’mod partikolari mal-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti relatati mal-awtorizzazzjonijiet għas-servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, jew ikun wettaq xi ksur serju tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-vetturi u għall-perjodi tas-sewqan u l-mistrieħ tax-xufiera;
(c)
jekk fil-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid ta’ awtorizzazzjoni ma jkunx hemm konformità mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni;
(d)
jekk b’analiżi ekonomika oġġettiva, il-korp regolatorju jistabbilixxi li s-servizz ikun jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta’ xi kuntratt tas-servizz pubbliku.
L-awtoritajiet awtorizzanti ma għandhomx jirrifjutaw applikazzjoni sempliċiment għax it-trasportatur ikun qed joffri prezzijiet orħos minn dawk offruti minn trasportaturi bit-triq oħrajn jew għax ir-rotta inkwistjoni tkun diġà qed issir minn trasportaturi bit-triq oħrajn.
3.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk id-deċiżjonijiet tal-awtorità awtorizzanti jkunu soġġetti għal analiżi ġudizzjarja. Dik l-analiżi jaf tħalli effett sospensiv biss meta l-effett immedjat tad-deċiżjoni tal-awtorità awtorizzanti jista’ jikkawża danni irreparabbli jew evidentement eċċessivi għall-appellant. Din id-dispożizzjoni hi mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-qorti li tkun qed tisma’ l-appell kif mogħtija lilha mil-liġi kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 8d
Restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-aċċess
1.
L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt tal-aċċess għas-suq nazzjonali u internazzjonali għas-servizzi regolari jekk is-servizz regolat propost ikun jittrasporta passiġġieri għal distanzi inqas minn 100 km f’linja dritta u jekk is-servizz ikun jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta’ xi kuntratt tas-servizz pubbliku.
2.
L-awtoritajiet kompetenti li jkunu taw kuntratt tas-servizz pubbliku jew l-operaturi tas-servizz pubbliku li jkunu qed iwettqu l-kuntratt tas-servizz pubbliku jistgħu jitolbu lill-korp regolatorju biex iwettaq analiżi dwar jekk ikunx kompromess il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt tas-servizz pubbliku.
Il-korp regolatorju għandu jeżamina t-talba u jiddeċiedi jekk għandhiex issir l-analiżi ekonomika. Dan għandu jinforma lill-partijiet interessati bid-deċiżjoni tiegħu.
3.
Meta l-korp regolatorju jagħmel analiżi ekonomika, dan għandu jinforma lill-partijiet interessati kollha bir-riżultati ta’ dik l-analiżi u bil-konklużjonijiet tiegħu fi żmien sitt ġimgħat minn meta tkun waslet l-informazzjoni rilevanti kollha. Il-korp regolatorju jista’ jikkonkludi li l-awtorizzazzjoni għandha tingħata, għandha tingħata b’xi kundizzjonijiet, jew għandha tiġi rifjutata.
Il-konklużjonijiet tal-korp regolatorju għandhom ikunu vinkolanti fuq l-awtoritajiet awtorizzanti.
4.
L-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi tas-servizz pubbliku għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-korp regolatorju għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3.
5.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex tistabbilixxi l-proċedura u l-kriterji li għandhom jitħaddmu għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.”;
(11)
fl-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu jinbidel b’dan li ġej:
“L-Artikoli 8, 8a, 8b u 8c għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-applikazzjonijiet għal tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet jew għal tibdil fil-kundizzjonijiet li skonthom għandhom jiġu operati s-servizzi soġġetti għal awtorizzazzjoni.”;
(12)
it-titolu tal-Kapitolu IV jinbidel b’dan li ġej:
“IS-SERVIZZI REGOLARI SPEĊJALI LI HUMA EŻENTATI MILL-AWTORIZZAZZJONI”
(13)
fl-Artikolu 12, jitħassru l-paragrafi 1 sa 5;
(14)
jitħassar l-Artikolu 13;
(15)
l-Artikolu 15 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 15
L-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ awtorizzati
L-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ għandhom jiġu awtorizzati għal dawn is-servizzi:
(a)is-servizzi regolari speċjali mwettqa b’mod temporanju, diment li jkunu koperti b’kuntratt konkluż bejn l-organizzatur u t-trasportatur;
(b)is-servizzi okkażjonali mwettqa b’mod temporanju;
(c)is-servizzi regolari mwettqa skont dan ir-Regolament.”;
(16)
jitħassar l-Artikolu 17;
(17)
fl-Artikolu 19(2), l-ewwel sentenza tinbidel b’dan li ġej:
“2.
It-trasportaturi li joperaw kabotaġġ jew trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank għandhom jippermettu l-ispezzjonijiet kollha maħsuba biex jiżguraw li l-operazzjonijiet qed isiru sew, b’mod partikolari fejn jidħlu l-perjodu tas-sewqan u l-mistrieħ.
(18)
l-Artikolu 20 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 20
L-assistenza reċiproka
1.
L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin biex jiżguraw l-applikazzjoni u l-monitoraġġ ta’ dan ir-Regolament. Dawn għandhom jaqsmu l-informazzjoni bejniethom permezz tal-punti nazzjonali ta’ kuntatt stabbiliti skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009.
2.
Il-korpi regolatorji għandhom jikkoperaw meta jkunu qed iwettqu analiżi ekonomika dwar jekk is-servizzi regolari proposti jkunx jikkompromettu xi kuntratt tas-servizz pubbliku għall-operazzjoni internazzjonali tas-servizzi tat-trasport pubbliku. L-awtorità awtorizzanti għandha tikkonsulta lill-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra kollha li jiġu traversati bis-servizz regolari internazzjonali kkonċernat u, meta xieraq, għandha titlob mingħandhom kull informazzjoni meħtieġa qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha.”;
(19)
l-Artikolu 26 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 26
L-eżerċizzju tad-delega
1.
Is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.
Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 4(2), 5(5), 6(4), 7(2), 8d(5) u 28(3) tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [date of entry into force of this Regulation].
3.
Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 4(2), 5(5), 6(4), 7(2), 8d(5) u 28(3) tista’ tiġi revokata kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun fis-seħħ.
4.
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.
Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin.
6.
Att delegat adottat skont l-Artikoli 4(2), 5(5), 6(4), 7(2), 8d(5) u 28(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jkunux oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta dak l-att ikun ġie notifikat lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;
(20)
l-Artikolu 28 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 28
Ir-rappurtar
1.
Kull sena, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar, u fl-ewwel darba sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar […the first January following the entry into force of this Regulation], l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għal servizzi regolari maħruġa matul is-sena ta’ qabel u t-total ta’ awtorizzazzjonijiet għal servizzi regolari validi fil-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. Din l-informazzjoni għandha tingħata b’mod separat għal kull pajjiż tad-destinazzjoni tas-servizz regolari. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni wkoll bid-data dwar l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, fil-forma ta’ servizz regolari speċjali u servizzi okkażjonali, imwettqa matul is-sena ta’ qabel mit-trasportaturi residenti.
2.
Kull sena, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar, u fl-ewwel darba sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar […the first January following the entry into force of this Regulation], l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jipprovdu statistika lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fil-forma ta’ servizzi regolari kif jissemma fl-Artikolu 15(c) matul is-sena ta’ qabel.
3.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex tistabbilixxi l-format tat-tabella li trid tintuża biex jintbagħtu l-istatistika msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u d-data li trid tingħata.
4.
Kull sena, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar, u fl-ewwel darba sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar […the first January following the entry into force of this Regulation], l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-għadd ta’ trasportaturi li għandhom liċenzja Komunitarja mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel u l-għadd ta’ kopji ċċertifikati li jikkorrispondu għall-għadd ta’ vetturi li jiċċirkolaw f’dak il-jum.
5.
Sa mhux aktar tard minn [please insert the date calculated 5 years after date of application of this Regulation], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar sa liema punt dan ir-Regolament ikkontribwixxa għal funzjonament aħjar tas-suq tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq.”
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika minn [XX]
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President