Brussell, 6.11.2017

COM(2017) 644 final

2017/0286(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tirrigwarda d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE b'rabta mal-adozzjoni prevista ta' deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi li tirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("Ftehim ta' Cotonou")

Il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE 1 ("il-Ftehim") għandu l-għan li jwaqqaf Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati AKP. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-01/04/2003.

L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jgħid li l-Annessi Ia, Ib, II, III, IV u VI tiegħu jistgħu jiġu riveduti, rieżaminati u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp tal-AKP-UE.

L-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jgħid li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE ddeċieda li jagħti delega tas-setgħat tiegħu lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE f'Dakar matul il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali Konġunt tas-6 ta' Mejju 2017, għall-fini li tittieħed deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE qabel il-31 ta' Diċembru 2017.

2.2.IL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE

Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE jista' jieħu deċiżjonijiet li jkunu legalment vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jinkludi, fuq naħa waħda, ir-rappreżentant permanenti ta' kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Kummissjoni, u fuq in-naħa l-oħra, il-Kap tal-missjoni ta' kull Stat tal-AKP għall-Unjoni Ewropea. L-uffiċċju tal-President tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi jinżamm darba mir-Rappreżentat Permanenti ta' Stat Membru nominat mill-Komunità, u darba oħra minn Kap ta' missjoni li jirrappreżenta Stat tal-AKP, nominat mill-Istati tal-AKP. Il-Kumitat jgħin lill-Kunsill tal-Ministri fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u jwettaq kull mandat fdat lilu mill-Kunsill. F'dan il-kuntest, huwa jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u l-progress lejn il-kisba tal-għanijiet hemm imsemmija. Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jiltaqa' regolarment, partikolarment biex iħejji s-sessjonijiet tal-Kunsill u kull meta jkun hemm bżonn.

2.3.L-att previst tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE

Qabel il-31/12/2017, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandu jadotta deċiżjoni rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("l-att previst").

Id-Deċiżjoni se tapplika għall-Anness II il-Kapitolu 3 u timmira li ttejjeb il-funzjonament tas-sistema ta' finanzjament għall-appoġġ f'każ ta' xokkijiet eżoġeni.

L-att ippjanat se jsir vinkolanti fuq il-partijiet f'konformità mal-Artikolu 15.3 tal-Ftehim li jipprevdi li "Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jieħu deċiżjonijiet li jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet" u mal-Arikolu 15.4 tal-Ftehim, li jipprevdi li: "Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jiddelega s-setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.".

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni

F'konformità mal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE "il-Partijiet jirrikonoxxu li l-instabbiltà makroekonomika li tirriżulta minn xokkijiet eżoġeni tista' taffettwa b'mod ħażin l-iżvilupp tal-Istati AKP u tipperikola l-kisba tar-rekwiżiti tal-iżvilupp tagħhom. Għaldaqstant qed tiġi stabbilita sistema ta' appoġġ addizzjonali sabiex timmitiga l-effetti negattivi ta' terminu qasir, li jirriżultaw mix-xokkijiet eżoġeni, inklużi l-effetti fuq id-dħul mill-esportazzjoni, u dan fil-qafas finanzjarju multiannwali ta' kooperazzjoni skont dan il-Ftehim."

Il-Kapitolu 3 tal-Anness II tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-fluttwazzjonijiet fi żmien qasir fid-dħul mill-esportazzjonijiet (FLEX). Dan l-Anness ġie emendat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill AKP-UE 1/2008 tat-13/06/2008 2 .

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma soġġetti għal xokkijiet eżoġeni negattivi rikkorrenti li jimponu tnaqqis qawwi fl-output u fil-benesseri fuq żmien qasir, kif ukoll tnaqqis prolongat fit-tkabbir, li ma humiex relatati biss ma' fluttwazzjonijiet fi dħul tal-esportazzjoni. Dawn ix-xokkijiet eżoġeni jistgħu jirrigwardaw l-iżviluppi ekonomiċi globali, b'mod partikolari tnaqqis fit-tkabbir globali, kif ukoll diżastri naturali.

Fuq il-bażi tal-esperjenzi ta' FLEX, inkluż il-finanzjament speċifiku wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija tal-2008 (Vulnerability-FLEX), u f'konformità mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, għalhekk, ġie żviluppat approċċ ġdid għal appoġġ li jgħin lill-pajjiżi jassorbu x-xokkijiet b'impatt makroekonomiku, li jikkunsidra wkoll l-ispazju fiskali, il-kapaċità makroekonomika tal-gvern li jwieġeb għal xokkijiet eżoġeni.

It-trattament armonizzat tat-talbiet f'envelopp wieħed għall-ħtiġijijet mhux previsti, għalhekk, jiżgura bl-aħjar mod il-flessibbiltà sabiex it-tweġiba tal-Kummissjoni tiġi adatta fuq bażi ta' każ b'każ. Wara dan, intlaħaq ftehim man-naħa tal-AKP sabiex l-appoġġ għax-xokkijiet makroekonomiċi jkun kopert fl-envelopp għall-ħtiġijiet mhux previsti tal-11-il FEŻ.

L-għan tal-att previst huwa għalhekk li jipprovdi appoġġ f'każ ta' xokkijiet eżoġeni, kif previst mill-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, lil ċerti pajjiżi AKP. Dan l-appoġġ għandu jkun kopert taħt l-envelopp uniku għal ħtiġijiet mhux previsti.

Sabiex jiġi implimentat l-approċċ deskritt hawn fuq, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni legalment vinkolanti tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet stabbiliti skont il-Ftehim ta' Cotonou.

Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tal-5 ta' Mejju 2017 iddeċieda li l-proposta dwar l-appoġġ fil-każ ta' xokkijiet eżoġeni, kif previst mill-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, għandha tkun koperta taħt l-envelopp għal ħtiġijiet mhux previsti u ta delega tas-setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex jadotta deċiżjoni sal-31 ta' Diċembru 2017, li se tkun tapplika għall-kapitolu 3 Anness II tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

B'hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill jadotta d-deċiżjoni attwali.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu "l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim."

Il-kunċett ta’ "atti li jkollhom effetti legali" jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li "jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni". 3

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ta' Cotonou.

L-att li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE huwa msejjaħ li jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali b’konformità mal-Artikolu 15.3 u 15.4 tal-Ftehim ta' Cotonou.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi meħuda pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlieni tal-att previst jirrigwardaw il-"kooperazzjoni għall-iżvilupp". Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 209(2) TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 209(2) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE se japplika għall-Anness II tal-Ftehim ta' Cotonou, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2017/0286 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE")  4 ,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku ("AKP"), minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra ("il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE"), ġie ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000. Il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2003.

(2)Skont l-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, l-Annessi Ia, Ib, II, III, IV u VI tiegħu jistgħu jiġu riveduti, rieżaminati u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp tal-AKP-UE.

(3)Skont l-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

(4)Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE ddeċieda li jagħti delega tas-setgħat tiegħu lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE f'Dakar matul il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali Konġunt tas-6 ta' Mejju 2017, għall-fini li tittieħed deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE qabel il-31 ta' Diċembru 2017.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li se tiġi meħuda f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, peress li d-Deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

(6)Din id-Deċiżjoni se tapplika għall-Anness II il-Kapitolu 3 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u timmira biex jitjieb il-funzjonament tas-sistema ta' finanzjament għal appoġġ fil-każ ta' xokkijiet eżoġeni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

2. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE jistgħu jiftehmu dwar tibdil minuri għall-abbozz ta' Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 65, 08.03.2003, p.27).
(2) ĠU L 171, 1.7.2008, p. 63.
(3) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4) Il-Ftehim (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3) kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L287, 4.11.2010, p 3).

Brussell,6.11.2017

COM(2017) 644 final

ANNESS

tal-

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE


ANNESS

DEĊIŻJONI Nru .../2017

TAL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE

ta' ../../2017

dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

IL- KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra 1 , (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu, flimkien mal-Artikoli 15(4) u 16(2);

Billi:

(1)L-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jistipola li sistema ta' mekkaniżmu ta' appoġġ addizzjonali għandha titqiegħed fis-seħħ sabiex timmitiga l-effetti negattivi fuq żmien qasir li jirriżultaw minn xokkijiet eżoġeni li jaffettwaw l-ekonomija tal-Istati AKP. Il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu jistabbilixxi li l-modalitajiet tal-mekkaniżmu ta' appoġġ huma mniżżla fl-Anness II tal-Ftehim.

(2)Il-mekkaniżmu kif definit attwalment fl-Anness II tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jeħtieġ li jkun adatt biex jirrifletti l-ħtiġijiet tal-Partijiet u jiżgura kunsinna flessibbli u rapida tal-assistenza.

(3)L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jistipula li l-Annessi Ia, Ib, II, IV u VI tal-Ftehim inkwistjoni jistgħu jiġu riveduti, rieaminati u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta' Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp tal-AKP-UE.

(4)L-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jistipula li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

(5)L-Artikolu 16(2) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jistipola li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandu jwettaq kwalunkwe mandat fdat lilu mill-Kunsill.

(6)Il-laqgħa tal-tal-Ministri AKP-UE tal-5 ta' Mejju 2017 tat mandat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex jadotta deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE rigward xokkijiet eżoġeni u li temenda l-Anness II, il-Kapitolu 3.

(7)Jenħtieġ li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE jadotta d-deċiżjoni attwali.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-appoġġ finanzjarju lil pajjiżi AKP fil-każ ta' instabbiltà makroekonomika li tirriżulta minn xokkijiet eżoġeni, previst fl-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("il-Ftehim"), huwa mmexxi mid-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

1.Appoġġ finanzjarju addizzjonali jista' jiġi mobilizzat mill-11-il riżerva tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għal ħtiġijiet mhux previsti, sabiex jimmitiga l-effetti negattivi fuq żmien qasir li jirriżultaw minn xokkijiet eżoġeni, inkluż l-effetti fuq id-dħul mill-esportazzjonijiet, u jissalvagwardja r-riformi u l-politiki soċjoekonomiċi pperikolati min-nuqqas fid-dħul,

2.Il-pajjiżi AKP, milquta minn xokkijiet eżoġeni, għandhom jindirizzaw talba lill-Kummissjoni Ewropea għal appoġġ finanzjarju għal dan il-għan, li se tiġi eżaminata b'approċċ każ b'każ orjentat lejn il-ħtiġijiet fil-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni taħt il-Ftehim.

3.L-għajnuna għandha tiġi amministrata u implimentata skont il-proċeduri li jippermettu li l-operazzjonijiet ikunu rapidi, flessibbli u effettivi. Il-Kummissjoni Ewropea se tirrapporta perjodikament lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp tal-AKP-UE.

Artikolu 3

Il-Partijiet Kuntrattwali għall-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-AKP għandhom ikunu informati dwar l-implimentazzjoni prattika tal-modalitajiet tal-Artikolu 68.

Artikolu 4

L-Anness II, il-Kapitolu 3 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE għandu jiġi applikat f'konformità mad-deċiżjoni attwali.

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi […], […]

   Għall-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE

   Il-President

(1) Il-Ftehim (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3) kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L287, 4.11.2010, p 3).