Brussell, 6.11.2017

COM(2017) 640 final

2017/0282(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness II
(Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (mehmuż mal-proposta ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE sabiex jinkorpora d-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika 1 .

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-abbozz mehmuż tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt jestendi l-politika diġà eżistenti tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein).

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-estensjoni tal-acquis tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA, permezz tal-inkorporazzjoni tagħhom fil-Ftehim ŻEE titwettaq f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji ta’ dan il-Ftehim li fil-mira tagħhom għandhom it-twaqqif ta’ Żona Ekonomika Ewropea dinamika u omoġenja, ibbażata fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-leġiżlazzjoni li għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE hija bbażata fuq l-Artikoli 114, 337 u 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 2 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn, fuq proposta tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tippreżenta, f’kooperazzjoni mas-SEAE, l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità li jkollha.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.

L-objettiv ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-proċess ta’ inkorporazzjoni tal-acquis tal-UE fil-Ftehim ŻEE jitwettaq f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jikkonferma l-approċċ meħud.

Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħha.

Għażla tal-istrument

F’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettivi tal-Ftehim ŻEE. Għal dan l-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Mhux applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Ma hija mistennija l-ebda implikazzjoni għall-baġit minħabba l-inkorporazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/1535 fil-Ftehim ŻEE.

5.ELEMENTI OĦRA

L-adattamenti ewlenin mitluba min-naħa tal-EFTA

Ġustifikazzjoni u soluzzjoni proposta:

Id-definizzjoni “speċifikazzjoni teknika”, l-Artikolu 1(1)(c), l-adattament (a)

L-adattament jiżgura li s-sentenza “prodotti agrikoli kif imsemmija fi (…) l-Artikolu 38(1) ta’ (…) TFUE” ma tibqax tapplika bħala parti mid-definizzjoni ta’ “speċifikazzjoni teknika”, fuq il-bażi li l-Artikolu 38(1) TFUE jirreferi għall-PAK u l-PKS tal-UE, li tnejn huma strumenti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE. Diġà japplika adattament identiku taħt il-Ftehim ŻEE.

Talbiet għal informazzjoni ulterjuri, l-Artikolu 5(1), l-adattament (c)

Ġie inkluż adattament biex ikun żgurat li jkun hemm biżżejjed skambju ta’ informazzjoni bejn il-pilastru tal-UE u l-pilastru tal-EFTA. Ta’ min jinnota li adattament simili diġà huwa applikabbli taħt il-Ftehim ŻEE.

Iċ-ċirkolazzjoni tal-kummenti, l-Artikolu 5(2), l-adattament (d)

L-adattament jiċċara kif il-kummenti għat-tfassil tar-regolamenti tekniċi għandhom ikunu kkomunikati bejn il-pilastru tal-UE u l-pilastru tal-EFTA. Ta’ min jinnota li adattament identiku diġà huwa applikabbli taħt il-Ftehim ŻEE.

2017/0282 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness II

(Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114, 337 u 43 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, inter alia, l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE.

(3)Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.

(5)Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz mehmuż tad-deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1–15.
(2) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6–8.
(3) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(4) ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(5) Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1–15).

Brussell, 6.11.2017

COM(2017) 640 final

ANNESS

tal-proposta għal

Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness II
(Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru .../2017


ta’


li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni)

tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika 1  għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(2)Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tħassar id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandha titħassar skont il-Ftehim ŻEE.

(3)Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness II tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-punt 1 (id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)  tal-Kapitolu XIX tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE huwa mibdul b’dan li ġej:

32015 L 1535: Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1)(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“It-terminu ‘speċifikazzjoni teknika’ jkopri wkoll il-proċessi u l-metodi ta’ produzzjoni użati fir-rigward ta’ prodotti maħsubin għall-konsum mill-bniedem u mill-annimali, u fi prodotti mediċinali kif definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83/KE (id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 82/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 3 ), kif ukoll proċessi u metodi ta’ produzzjoni relatati ma’ prodotti oħra, meta dawn ikollhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom.”;

(b)Dan li ġej għandu jiżdied fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1):

“Test sħiħ tal-abbozz tar-regolament tekniku nnotifikat għandu jkun disponibbli bil-lingwa oriġinali kif ukoll bi traduzzjoni kompluta f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”;

(c)Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 5(1):

“Il-Kummissjoni jew l-Istati Membri permezz tal-Kummissjoni, minn naħa, u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew l-Istati tal-EFTA permezz tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, min-naħa l-oħra, jistgħu jitolbu għal informazzjoni ulterjuri dwar abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat.”;

(d)Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 5(2):

“Il-kummenti tal-Istati tal-EFTA għandhom jintbagħtu mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA lill-Kummissjoni fl-għamla ta’ komunikazzjoni unika koordinata u l-kummenti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għandhom jintbagħtu mill-Kumissjoni lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.”;

(e)L-Artikolu 6(3), (4), (5) u (6) ma għandux japplika.”

Artikolu 2

It-test tal-punt 5i (id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE jitħassar.

Artikolu 3

It-testi tad-Direttiva (UE) 2015/1535 bl-Iżlandiż u bin-Norveġiż, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE*.

4Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President


   Is-Segretarji

   Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
   

(1) ĠU L 241, 17.9.2015. p. 1.
(2) ĠU L 204, 21.7.1998. p. 37.
(3) Suppliment taż-ŻEE Nru 49, 3.10.2002, p. 22.
(4) [Ma hemm indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]