IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.6.2017
COM(2017) 540 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Italja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.6.2017
COM(2017) 540 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Italja
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Kuntest tal-proposta
Din id-deċiżjoni tkopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) għal ammont ta’ EUR 1 196 797 579 biex tingħata aktar assistenza lill-Italja b’rispons għal serje ta’ terremoti li seħħew bejn Awwissu 2016 u Jannar 2017 fir-reġjuni tal-Abruzzo, il-Lazio, il-Marche u l-Umbria. Din il-mobilizzazzjoni hija akkompanjata mill-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju (ABE) Nru 4/2017 1 li jipproponi li l-approprjazzjonijiet meħtieġa jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-2017, kemm f’impenji u kemm f’pagamenti, wara li jitnaqqas mill-pagament l-avvanz li diġà tħallas fl-2016 (EUR 30 000 000).
2.Informazzjoni u kundizzjonijiet
Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għal assistenza finanzjarja permezz tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, b’rabta ma’ serje ta’ terremoti li laqtu l-Abruzzo, il-Lazio, il-Marche u l-Umbria, wara li kienet irreġistrata l-ewwel ħsara fl-24 ta’ Awwissu 2016. Din l-applikazzjoni inizjali ma kinitx kompluta peress li seħħet serje oħra ta’ terremoti fi tmiem Ottubru 2016 u l-evalwazzjoni tal-ħsara addizzjonali kienet għadha trid issir. Nhar it-18 ta’ Jannar 2017, ftit qabel ma kellha tiġi ppreżentata applikazzjoni aġġornata seħħet it-tielet serje ta’ terremoti qawwija. Konsegwentement, fil-15 ta’ Frar 2017, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw applikazzjoni aġġornata bi stimi riveduti inklużi l-ħsarat kollha kkawżati bejn l-24 ta’ Awwissu 2016 u t-18 ta’ Jannar 2017.
Il-Kummissjoni eżaminat din l-applikazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 2 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament FSUE"), u b’mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 4 tiegħu. L-iktar elementi importanti tal-valutazzjonijiet huma deskritti hawn taħt.
(1)Matul il-perjodu bejn l-24 ta’ Awwissu 2016 u t-18 ta’ Jannar 2017, serje ta’ terremoti qawwija ta’ qawwa li tvarja minn 5.9 sa 6.5 fuq l-iskala Richter, segwiti minn bosta theżżiżiet affettwaw żoni kbar fil-katina tal-Apennini fiċ-ċentru tal-Italja, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-Abruzzo, il-Lazio, il-Marche u l-Umbria.
(2)It-terrimoti huma ta' oriġini naturali u għalhekk jaqgħu taħt il-qasam ewlieni ta' applikazzjoni tal-FSUE.
(3)L-applikazzjoni mill-Italja li waslet l-ewwel darba fis-16 ta' Novembru tal-2016, li kienet fil-limitu preskritt ta' 12-il ġimgħa wara li kienu rreġistrati l-ewwel ħsarat fl-24 ta' Awwissu 2016. Fl-applikazzjoni tagħhom l-awtoritajiet Taljani enfasizzaw li l-valutazzjoni tal-ħsara ma kinitx kompluta u li ċ-ċifri rilevanti kienu biss proviżorji. Il-fajl finali tal-applikazzjoni tlesta fil-15 ta’ Frar 2017 u kien jinkludi l-ħsarat li saru bejn l-24 ta’ Awwissu 2016 u t-18 ta’ Jannar 2017.
(4)Fl-applikazzjoni tagħha l-Italja talbet avvanz kif stabbilit fl-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE. Fid-29 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2016) 7861 li tat EUR 30 000 000 f’avvanz (l-ammont massimu permess skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-FSUE) mill-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata mill-FSUE u sussegwentement ħallset dan l-ammont kollu lill-Italja.
(5)L-awtoritajiet Taljani stmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru kienet ta’ EUR 21 878,8 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 1,36 % tal-IGN tal-Italja u jaqbeż il-limitu massimu għal “diżastru maġġuri” biex jiġi mobilizzat il-FSUE ta’ EUR 3 312,2 miljun applikabbli għall-Italja fl-2016 (jiġifieri EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2011). Peress li l-ħsara diretta totali stmata taqbeż il-livell limitu għal "diżastru maġġuri", id-diżastru jikkwalifika bħala "diżastru naturali maġġuri".
(6)Fir-rigward tal-impatt u l-konsegwenzi tad-diżastru, it-terremot tal-24 ta’ Awwissu 2016 kkawża 299 fatalità u 390 persuna kellhom jiddaħħlu l-isptar. It-terremoti f’Ottubru ma ħallewx vittmi. L-avvenimenti f’Jannar ħallew 34 vittma oħra. L-għadd tal-popolazzjoni megħjuna fix-xhur ta’ wara x-xokkijiet tas-26 u t-30 ta’ Ottubru 2016 laħaq il-quċċata tiegħu fis-7 ta’ Novembru bi kważi 32 000 ruħ megħjuna. Eluf ta’ persuni kellhom jiġu evakwati, inklużi pazjenti minn sptarijiet fir-reġjun tal-Umbria. Fit-8 ta’ Novembru 2016, il-popolazzjoni megħjuna qabżet it-30 000 unità fiż-żona tal-erba’ reġjuni milquta, fejn madwar 11 000 ġew akkomodati f’lukandi u akkomodazzjonijiet fit-territorji milquta direttament tul il-kosta tal-Marche u fl-intern tal-Umbria, filwaqt li persuni oħra ntlaqgħu f’faċilitajiet pubbliċi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-muniċipalitajiet. Iż-żona, li kienet diġà ntlaqtet ħażin ħafna fl-avvenimenti ta’ Awwissu u ta’ Ottubru, reġgħet intlaqtet minn aktar avvenimenti sismiċi fit-18 ta’ Jannar 2017 u borra qawwija wasslet biex għadd kbir ta’ rħula fir-reġjun ta’ Abruzzo spiċċaw iżolati u kkawżat ħsara sinifikanti fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni affettwata. L-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ kienu estremament kumplessi.
(7)Iż-żona milquta mit-terremot tal-24 ta’ Awwissu 2016 hija kkaratterizzata prinċipalment mill-agrikoltura u intrapriżi turistiċi. L-istrutturi ta’ ħafna azjendi agrikoli ġew danneġġati (remissi, imħażen u tagħmir). Fiż-żoni milquta fil-Marche u fl-Umbria, l-għadd ta’ servizzi u intrapriżi industrijali huwa konsiderevolment ogħla milli fil-bqija taż-żoni milquta. Il-ħsara lin-negozji f’dawn ir-reġjuni hija pjuttost sinifikanti. Barra minn hekk, l-avvenimenti sismiċi kellhom riperkussjonijiet negattivi ħafna fuq is-settur tat-turiżmu li kien b’saħħtu fiż-żona kollha. Għadd kbir ta’ djar ta’ villeġġjatura, li jinsabu f’parks nazzjonali, ġarrbu ħsara sinifikanti. Billi t-terremoti laqtu bosta bliet muntanjużi medjevali, il-ħsara fis-siti ta’ wirt kulturali hija sinifikanti. Pereżempju, iċ-ċentru tal-belt ta’ Amatrice nqered wara x-xokkijiet tal-24 ta’ Awwissu. It-terremot tat-30 ta’ Ottubru qered il-Bażilika tal-14-il seklu ta’ San Benedittu f’Norcia.
(8)L-ispejjeż tal-operazzjonijiet essenzjali ta' emerġenza u rkupru eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament SFUE ġew stmati mill-awtoritajiet Taljani li jammontaw għal EUR 2 149 363 344miljun u ġew ikkategorizzati skont it-tip ta' operazzjoni. L-akbar sehem jikkonċerna l-ispejjeż għar-restawr lura fi stat li taħdem tal-infrastruttura, b’mod partikolari t-toroq, segwit bl-ispejjeż tas-servizzi tas-salvataġġ u għall-akkomodazzjoni temporanja.
(9)Ir-reġjuni milqut huwa "reġjun fi tranżizzjoni u aktar żviluppati" skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) (2014-2020). L-awtoritajiet Taljani indikaw lill-Kummissjoni l-ħsieb tagħhom li jirriallokaw fondi mill-programmi tal-FSIE lejn miżuri ta’ rkupru.
(10)Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji tad-diżastri bħalissa ma hemm l-ebda proċedura ta’ ksur għaddejja. L-Italja tirrapporta li ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni dwar ir-riskji sismiċi. Madankollu, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili 3 , l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw valutazzjonijiet tar-riskju fil-livell nazzjonali jew il-livell subnazzjonali adatt u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sommarju tal-elementi rilevanti tagħhom sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2015 u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem. L-Italja hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni u diġà ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea (DĠ ECHO) l-Prospett tal-Valutazzjoni tar-Riskju Nazzjonali tagħha.
(11)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni l-Italja ma kinitx suġġetta għal proċedimenti ta’ ksur dwar leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatati man-natura tad-diżastru.
(12)L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li ma hemmx kopertura tal-assigurazzjoni li tagħmel tajjeb għall-ispejjeż eliġibbli.
3.Finanzjament mill-allokazzjonijiet tal-FSUE fl-2016, l-2017 u l-2018
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 4 , (minn hawn 'il quddiem “ir-regolament QFP”) u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FSUE, b’limitu massimu annwali ta’ EUR 500 000 000 (prezzijiet tal-2011). Il-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba 5 (IIA) jistipula l-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE.
Minħabba li s-solidarjetà kienet il-ġustifikazzjoni ċentrali għall-ħolqien tal-FSUE, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna mill-Fond jinħtieġ li tkun progressiva. Dan ifisser li, skont prattika preċedenti, il-porzjon tal-ħsarat li jaqbeż il-livell limitu ta' "diżastru maġġuri" għall-mobilizzazzjoni tal-Fond (jiġifieri 0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2011, skont liema minnhom ikun l-iżgħar ammont) jinħtieġ li jwassal għal intensità ta' għajnuna akbar mill-ħsarat sal-livell limitu. Ir-rata applikata fil-passat biex jiġu definiti l-allokazzjonijiet għal diżastri maġġuri hija ta' 2,5 % tal-ħsara diretta totali taħt il-livell limitu, u 6 % għall-parti tal-ħsarat 'il fuq minn dan. Għal diżastri reġjonali u diżastri aċċettati taħt id-dispożizzjoni ta' “pajjiż ġar” ir-rata hija ta’ 2,5 %.
Il-kontribuzzjoni ma tistax taqbeż l-ispiża totali stmata tal-operazzjonijiet eliġibbli. Il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għajnuna kienet imfassla fir-Rapport Annwali tal-2002-2003 dwar il-FSUE u aċċettata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.
Abbażi tal-applikazzjoni mill-Italja, il-kalkolu tal-għajnuna mill-FSUE, ibbażat fuq l-istima tal-ħsara diretta totali kkawżata, huwa kif ġej:
|
Diżastru |
Ħsara diretta totali
(f’miljuni ta’ EUR) |
Il-limitu massimu għal diżastru maġġuri (f’miljuni ta’ EUR) |
2,5 % tal-ħsara diretta sal-livell limitu (f’miljuni ta’ EUR)
|
6 % ta’ ħsara diretta 'l fuq mil-livell limitu
|
Ammont totali tal-għajnuna proposta (f’EUR) |
|
L-ITALJA |
21 878,767 |
3 312,242 |
82 806 050 |
1 113 991 529 |
1 196 797 579 |
|
TOTAL |
1 196 797 579 |
||||
L-ammont totali disponibbli għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-bidu tal-2017 kien ta’ EUR 1 115 121 612, li huwa s-somma tal-allokazzjoni tal-2017 ta’ EUR 563 081 210 (jiġifieri EUR 500 000 000 fi prezzijiet tal-2011) skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-QFP, flimkien mal-allokazzjoni sħiħa tal-2016 ta’ EUR 552 040 402 (jiġifieri EUR 500 000 000 fi prezzijiet tal-2011) li baqgħu ma ntefqux u ġew riportati għas-sena ta’ wara, skont l-Artikolu 10(2) tar-regolament tal-QFP.
L-ammont li jista’ jiġi mobilizzat f’dan l-istadju tas-sena 2017 huwa ta’ EUR 902 826 499. Dan jikkorrispondi għall-ammont totali disponibbli għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-bidu tal-2017 (EUR 1 115 121 612), bit-tnaqqis tal-mobilizzazzjoni preċedenti 6 (EUR 71 524 810), bit-tnaqqis tal-ammont miżmum ta’ EUR 140 770 303 sabiex jiġi rispettat l-obbligu li jinżammu 25 % mill-allokazzjoni annwali tal-2017 sal-1 ta’ Ottubru 2017 kif stipulat mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar il-QFP.
Dan l-ammont mhuwiex biżżejjed biex ikopri l-mobilizzazzjoni sħiħa tal-FSUE għall-Italja. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar il-QFP huma ssodisfati u tipproponi li tkopri d-differenza ta’ EUR 293 971 080 (EUR 1 196 797 579 nieqes EUR 902 826 499 taħt l-allokazzjoni tal-baġit tal-2017) minn l-ammont annwali disponibbli fl-2018.
|
Tabella sommarja tal-finanzjament mill-FSUE |
Ammont EUR |
|
Allokazzjoni tal-2016 riportata għall-2017 |
552 040 402 |
|
Allokazzjoni tal-2017 |
563 081 210 ---------------- |
|
Total disponibbli fil-bidu tal-2017 |
1 115 121 612 |
|
Bit-tnaqqis ta’ dak diġà mmobilizzat fl-2017 |
-71 524 810 |
|
Bit-tnaqqis ta’ 25 % tal-allokazzjoni tal-2017 miżmum |
-140 770 303 ---------------- |
|
L-ammont massimu disponibbli attwalment (allokazzjonijiet tal-2016+2017) |
902 826 499 |
|
Il-bilanċ li jibqa’ meħud mill-allokazzjoni tal-2018 |
293 971 080 |
|
Ammont totali ta' għajnuna proposta lill-Italja |
1 196 797 579 |
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Italja
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 7 , u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 8 , u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) jimmira len li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta' reġjuni milquta minn diżastri naturali.
(2)Il-Fond ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 500 000 000 (bil-prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 9 . L-allokazzjoni kollha tal-2016 baqgħet ma ntefqitx u ġiet riportata għas-sena ta’ wara, skont l-Artikolu 10(2) tar-regolament tal-QFP. L-allokazzjoni tal-2017 kienet għadha ma ntużat xejn.
(3)Fis-16 ta’ Novembru 2016, l-Italja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara terremot li laqat ir-reġjuni tal-Abruzzo, il-Lazio, il-Marche u l-Umbria fl-24 ta’ Awwissu 2016. Aktar terremoti laqtu ż-żoni li diġà kienu milquta u żiedu b’mod sinifikanti l-livell ta’ ħsara rrapportat qabel. L-Italja mbagħad ippreżentat l-applikazzjoni finali tagħha fil-15 ta’ Frar 2017, flimkien ma’ stimi riveduti li jinkludu l-ħsara kollha kkawżata bejn l-24 ta’ Awwissu 2016 u t-18 ta’ Jannar 2017.
(5)L-applikazzjoni mill-Italja tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.
(7)Għalhekk li l-Fond jinħtieġ li jiġi mobilizzat biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Italja.
(8)Peress li l-ammont li jista’ jiġi mobilizzat għal 2017 ma jkoprix il-kontribuzzjoni kollha, id-differenza jenħtieġ tiġi ffinanzjata permezz tal-ammont annwali disponibbli għall-2018 kif previst fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.
(9)Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-ħin li jieħu l-Fond biex jiġi mobilizzat, din id-Deċiżjoni jinħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 196 797 579 lill-Italja, f’approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Hija għandha tapplika minn … [id-data tal-adozzjoni tagħha]**.
10Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill