Brussell,20.9.2017

COM(2017) 537 final

2017/0231(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Din il-proposta tagħmel parti minn pakkett ta’ miżuri bil-għan li żżid is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji tal-UE billi ttejjeb l-operat tas-sistema tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u taċċellera u tlesti l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Din il-proposta tikkonċerna s-superviżjoni u s-setgħat tal-
Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u tipprovdi għat-trasferiment ta’ ċerti setgħat superviżorji li bħalissa jinsabu mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji 2014/65/UE (MiFID II) 1   tintroduċi tip ġdid ta' servizzi li huma soġġetti għal awtorizzazzjoni u superviżjoni: Servizzi ta’ Rapportar tad-Dejta (DRSs) operati minn Fornituri tas-Servizzi ta' Rapportar tad-Dejta (DPSPs). Iċ-ċirkulazzjoni, monitoraġġ u rikostruzzjoni effettivi tad-dejta tan-negozjar ma ġewx indirizzati fid-Direttiva 2004/39/KE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFID I) 2 . Dan wassal għal dejta tan-negozjar li la kienet konsistenti u lanqas ma kienet ta’ kwalità xierqa biex timmonitorja jekk l-objettivi tal-MiFID kienux qegħdin jinkisbu sew. Barra minn hekk, id-dejta tan-negozjar ma kinitx disponibbli bi prezz raġonevoli madwar l-UE mill-postijiet tan-negozjar rilevanti.

Peress li l-inkonsistenzi fil-kwalità, l-ifformattjar, l-affidabbiltà u l-ispejjeż għandhom effett ħażin fuq it-trasparenza tad-dejta, il-protezzjoni għall-investituri u l-effiċjenza tas-swieq, il-MIFID II għandu l-intenzjoni li jtejjeb il-kwalità u l-aċċessibbiltà tad-dejta tan-negozjar billi jistipula format standard għad-dejta tan-negozjar li huwa faċli biex jiġi kkonsolidat, jinftiehem malajr u huwa disponibbli bi spiża raġonevoli, u billi jimponi rekwiżiti organizzattivi formali fuq
fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ data (DRSP) u j
irrikjedihom ikunu awtorizzati mill-awtorità nazzjonali tagħhom.

Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tal-immaniġġjar tad-dejta, il-benefiċċji tal-ġbir ta’ kompetenzji relatati mad-dejta - inklużi ekonomiji potenzjali ta’ skala - u l-impatt avvers ta’ diverġenzi potenzjali fil-prattiċi superviżorji fuq kemm il-kwalità tad-dejta tan-negozjar u fuq id-dmirijiet ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta , huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta jiġu trasferiti mill-awtoritajiet nazzjonali lill-ESMA.

Il-proposta attwali għalhekk hija limitata fit-trasferiment ta’ setgħat biex tawtorizza u tissorvelja dawk l-entitajiet minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-ESMA billi ddaħħal dawk is-setgħat fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFIR) 3 mingħajr ma ġġib ebda bidla oħra għar-regoli sostantivi applikabbli għad-DRSP, inklużi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti organizzazzjonali inizjalment stabbiliti mill-MIFID II. B’konsegwenza ta’ dan, tħassru d-dispożizzjonijiet rilevanti li jirrelataw mad-DRSPs stabbiliti fil-MiFID II.

Barra minn hekk, din il-proposta tikkonċerna wkoll l-irwol tal-EIOPA fil-proċessi ta’ approvazzjoni għal mudelli interni.

Id-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II (id-Direttiva 2009/138/KE 4 ) tipprovdi li, f’konformità mal-approċċ orjentat lejn ir-riskju għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza (RKS), huwa possibbli, f’ċirkostanzi speċifiċi, li l-impriżi u l-gruppi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, fil-livell ta’ impriżi individwali jew gruppi, jużaw mudelli interni għall-kalkolu tal-RKS, milli l-formula standard. Dawn il-mudelli interni huma soġġetti għal approvazzjoni superviżorja. Minkejja l-ħidma ta’ valur imwettqa mill-EIOPA dwar il-konverġenza superviżorja fir-rigward ta’ mudelli interni, għad fadal inkonsistenzi kbar fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ awtoritajiet kompetenti għal mudelli interni, u jeżistu diffikultajiet sabiex jintlaħqu ftehimiet konġunti dwar mudelli interni tal-grupp fi ħdan il-kolleġġi tas-superviżuri.

Id-diverġenza fis-superviżjoni u fl-approvazzjoni ta’ mudelli interni twassal għal inkonsistenzi u toħloq kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost parteċipanti fis-swieq. Il-proposta b’hekk tippromwovi konverġenza superviżorja billi tkabbar ir-rwol tal-EIOPA fir-rigward ta’ mudelli interni, permezz ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, flimkien ma’ setgħat għall-EIOPA biex tadotta Opinjonijiet f’dan il-qasam, u biex tikkontribwixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess dwar ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn awtoritajiet superviżorji, inkluż permezz ta’ medjazzjoni vinkolanti.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

Il-proposta kurrenti hija konsistenti ma’ biċċiet oħra tal-liġi tal-Unjoni, inklużi dawk li jagħtu setgħat diretti lill-ASE:

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta ma taffettwax politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà (l-Artikolu 5.3 tat-TFUE), l-azzjoni fuq livell tal-UE għandha tittieħed biss meta l-miri previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar mill-UE.

L-awtorizzazzjoni u superviżjoni sostantivi diġà huma koperti mill-MiFID II u għalhekk ġiet konferita sostantiva fil-livell tal-Unjoni. L-unika modifika li rriżultat minn din il-proposta hija li l-ESMA se tkun responsabbli għall-awtorizzazzjoni tad-DRSP u s-superviżjoni tagħhom, u mhux l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. F’dan ir-rigward, is-swieq finanzjarji huma, fin-natura tagħhom, transfruntiera b’mod inerenti u dejjem qed isiru aktar hekk. L-intensità tad-dejta tas-swieq finanzjarji wkoll qed tiżdied b’ritmu mgħaġġel. Hemm bżonn ta’ effiċjenza mtejba fit-trattament ta’ aspetti rilevanti ta’ dejta tal-qafas MIFID II sabiex jintlaħqu dawn l-isfidi. Permezz tat-trasferiment tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ fornituri tas-servizzi ta’ rappurtar tad-dejta lill-ESMA, wieħed jista’ jiżgura kundizzjonijiet uniformi għan-negozjar ta’ dejta u kanali ta’ rappurtar ta’ negozjar, u fl-istess ħin, jista’ jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jilliberaw riżorsi għas-superviżjoni tal-utenti finali tad-dejta.

Il-prinċipju tal-approvazzjoni superviżorja għal mudelli interni diġà tinsab fid-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II. Il-modifiki li ġabet din il-proposta għandhom l-għan li jtejbu l-irwol tal-EIOPA sabiex tikseb aktar konverġenza superviżorja f’dan il-qasam, b’mod partikolari għal gruppi ta’ assigurazzjoni preżenti f’bosta Stati Membri tal-UE, filwaqt li tħalli s-setgħa tal-approvazzjoni ta’ tali applikazzjonijiet f’idejn is-superviżuri u, kif applikabbli, il-kulleġġ superviżorju.

Proporzjonalità

Il-proposta tqis b’mod sħiħ il-prinċipju tal-proporzjonalità, billi hija adegwata biex tilħaq l-objettivi u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan isir. Il-proposta hija kumpatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità u tqis il-bilanċ tajjeb bejn l-interess pubbliku inkwistjoni u l-kosteffiċjenza tal-miżura.

Għażla tal-istrument

Il-proposta temenda Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata abbażi tal-Artikolu 53(1) tat-TFUE u Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottata abbażi tal-Artikolu 53 u 62 TFUE. Għalhekk hija meħtieġa proposta għal Direttiva biex temenda dawn iż-żewġ Direttivi.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Valutazzjoni tal-impatt

L-emendi proposti ta’ dawn id-Direttivi huma ta’ natura limitata ħafna u minħabba l-implimentazzjoni riċenti u l-applikazzjoni ta’ dawn id-Direttivi, il-bidliet ma jiġġustifikawx it-twettiq tal-ebda evalwazzjoni separata.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-punt uniku ta’ servizz mogħti għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni bis-saħħa tal-emenda tal-MiFID II u l-MiFIR se jikkontribwixxi biex jitnaqqas il-piż regolatorju, inkluż għal DRSP iżgħar. Is-setgħat u l-kompetenzi ta’ awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ DRSP se jiġu trasferiti lill-ESMA. Din l-awtorizzazzjoni waħdenija u l-qafas ta’ sorveljanza se jirriżultaw f’simplifikazzjoni sostanzjali għall-DRSP bi preżenza transfruntiera u bi tnaqqis fil-piż amministrattiv.

Fir-rigward tas-Solvibbiltà II, il-konverġenza superviżorja tikkontribwixxi għal proċessi ta’ applikazzjoni u rekwiżiti ssimplifikati fl-Unjoni kollha, u b’hekk jitnaqqsu l-kundizzjonijiet mhux ekwi, partikolarment għal gruppi ta’ assigurazzjoni.

Drittijiet fundamentali

Id-dritt għal proċess ġust u d-dritt għad-difiża ġew salvagwardjati prinċipalment permezz ta’ qafas proċedurali ċar u kontroll ġudizzjarju ta’ miżuri investigatorji fejn dawn ikunu meħtieġa minn imħallef nazzjonali, u minn deċiżjonijiet finali taħt dan ir-Regolament mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Dan huwa kopert mill-emendi lill-MiFIR u l-amendi lir-Regolament li waqqaf l-EIOPA.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tal-proposta jistabbilixxi emendi li huma meħtieġa għat-trasferiment ta’ setgħat u kompetenzi attwali mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA, li se tkun responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ ditti li għandhom l-intenzjoni li jwettqu servizzi ta’ rappurtar ta’ dejta.

Dawn l-emendi inkludu l-modifika u t-tħassir ta’ diversi sezzjonijiet tal-MiFID II, inklużi tat-Titolu V li jikkonċernaw id-DRSPs, it-Taqsima D tal-Anness I u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti li jimponu sanzjonijiet fuq id-DRSPs.

L-Artikolu 2 ta’ din il-proposta jinkludi l-emendi għad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II sabiex l-EIOPA tingħata rwol ikbar sabiex tikkontribwixxi fil-konverġenza superviżorja fil-qasam tal-applikazzjoni tal-mudell intern, u jinkludi tibdil fir-rigward tal-qsim ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ tali mudelli ta’ applikazzjonijiet, il-possibbiltà li l-EIOPA toħroġ Opinjonijiet fir-rigward ta’ dik il-kwistjoni, kif ukoll sabiex l-EIOPA tassisti fis-soluzzjoni ta’ tilwim bejn awtoritajiet superviżorji, jew fuq it-talba tagħhom, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jew, f’ċerti ċirkostanzi, fuq it-talba ta’ impriżi ikkonċernati.

L-emendi jipprovdu wkoll li l-EIOPA jenħtieġ li tipprepara rapporti annwali fuq din il-kwistjoni. Dan se jippermetti monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-mudell tal-applikazzjonijiet interni, inkluż li jiġi żvelat kwalunkwe tħassib dwar il-konverġenza superviżorja f’dan il-qasam.

Dan l-Artikolu jallinja wkoll xi partijiet tas-Solvibbiltà II (l-Artikolu 231(3) u 237(3)) mat-tibdil fir-Regolament li waqqaf l-EIOPA li jinsabu fil-proposta tal-Kummissjoni għal dak ir-Regolament dwar medjazzjoni vinkolanti. Barra minn hekk, dan l-Artikolu japplika l-emendi meħtieġa lill-Artikolu 248(4) tas-Solvibbiltà II dwar medjazzjoni vinkolanti billi jneħħi referenzi għal proċedura dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim mas-CEIOPS (il-Kumitat tas-Sorveljanti tal-Assigurazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej) li ġiet sostitwita mill-EIOPA.

L-Artikoli 3 u 4 jistabbilixxu t-traspożizzjoni u d-dispożizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ.

2017/0231 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) u (62) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, 5

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)id-Direttiva 2014/65/UE toħloq qafas regolatorju għal fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar tad-dejta u tirrikjedi li servizzi ta’ rappurtar ta’ dejta wara l-kummerċ jiġu awtorizzati bħala arranġamenti ta’ pubblikazzjoni approvati (APAs). Barra minn hekk, fornituri ta’ tape konsolidat (CTP) huma obbligati li joffru dejta konsolidata ta’ kummerċ li tkopri l-kummerċ kollu f’kemm l-istrumenti ta’ ekwità u dawk mhux ta’ ekwità fl-Unjoni kollha, f’konformità mad-Direttiva 2014/65/UE. Id-Direttiva 2014/65/UE tifformalizza wkoll kanali ta’ rappurtar ta’ tranżazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti billi tirrikjedi li partijiet terzi jirrapportaw f’isem il-kumpaniji li jridu jiġu awtorizzati bħala mekkaniżmi ta’ rapportar approvati (ARMs).

(2)Il-kwalità tad-dejta ta’ negozjar u tal-ipproċessar u l-forniment ta’ dik id-dejta, inklużi l-ipproċessar u l-forniment ta’ dejta transfruntiera huma ta’ importanza kbira sabiex jinkiseb l-objettiv ewlieni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li huwa li tissaħħaħ it-trasparenza tas-swieq finanzjarji. Dejta preċiża tipprovdi lill-utenti b’ħarsa ġenerali tal-attività ta’ negozjar fis-swieq finanzjarji u fl-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni b’informazzjoni preċiża u komprensiva dwar it-tranżazzjonijiet relevanti. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tal-immaniġġjar tad-dejta, il-benefiċċji tal-ġbir ta’ kompetenzi relatati mad-dejta, inklużi ekonomiji potenzjali ta’ skala - u l-impatt avvers ta’ diverġenzi potenzjali fil-prattiċi superviżorji fuq kemm il-kwalità tad-dejta tan-negozjar u fuq id-dmirijiet ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta, huwa għalhekk xieraq li l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta, kif ukoll setgħat ta’ ġbir ta’ dejta jiġu trasferiti mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA

(3)Sabiex jinkiseb trasferiment konsistenti ta’ tali setgħat, huwa xieraq li jitħassru dispożizzjonijiet rispettivi li jirrelataw mar-rekwiżiti operazzjonali għal DRSPs u mal-kompetenzi ta’ awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar ta’ dejta stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE, u biex jiġu introdotti d-dispożizzjonijiet rispettivi fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 .

(4)It-trasferiment tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar ta’ dejta lill-ESMA huwa kompatibbli mal-kompiti tal-ESMA. B’mod iktar speċifiku, l-għoti ta’ setgħat ta’ ġbir ta’ dejta, l-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza minn awtoritajiet kompetenti lill-ESMA huwa strumentali għall-kompiti l-oħra li ESMA qed twettaq taħt ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, bħall-monitoraġġ tas-suq, setgħat ta’ intervenzjoni temporanji tal-ESMA u setgħat ta’ ġestjoni ta’ pożizzjoni, kif ukoll l-iżgurar ta’ konformità konsistenti ma’ rekwiżiti ta’ trasparenza ta’ qabel u ta’ wara l-kummerċ. Id-Direttiva 2014/65/UE jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan,

(5)Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 (Solvibbiltà II) tipprovdi li, f’konformità mal-approċċ orjentat lejn ir-riskji tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, huwa possibbli, f’ċirkostanzi speċifiċi, li impriżi u gruppi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni jużaw mudelli interni għall-kalkolu ta’ dak ir-rekwiżit minflok ma’ jużaw il-formula l-istandard.

(6)Biex it-titolari tal-poloz u l-benefiċjarji jkunu pprovduti b’livell ekwivalenti ta’ protezzjoni, tali mudelli interni jenħtieġ li jkunu suġġetti għal approvazzjoni superviżorja preliminari abbażi ta’ proċessi u standards armonizzati.

(7)Sabiex jiġi żgurat grad għoli ta’ konverġenza fil-qasam tas-superviżjoni u l-approvazzjoni ta’ mudelli interni, l-EIOPA jenħtieġ li tkun kapaċi li toħroġ Opinjonijiet dwar kwistjonijiet li jirrelataw ma’ tali mudelli interni.

(8)Bil-għan li tippromwovi konverġenza superviżorja, l-EIOPA jentħieġ li tkun tista’, fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-awtoritajiet superviżorji, tgħinhom biex jilħqu ftehim. F’ċirkostanzi speċifiċi, fejn l-awtoritajiet superviżorji jonqsu milli jilħqu ftehim fuq l-approvazzjoni ta’ mudell intern tal-grupp u qabel mas-superviżur tal-grupp jadotta d-deċiżjoni finali tiegħu, impriża jenħtieġ li tkun tista’ titlob l-EIOPA biex timmedja u tassisti l-awtoritajiet superviżorji biex jilħqu ftehim. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw u jaqsmu kull informazzjoni rilevanti mal-EIOPA biex jiżguraw li l-EIOPA tista’ tipparteċipa b’mod sħiħ fil-proċess ta’ approvazzjoni ta’ mudelli interni tal-grupp.

(9)Sabiex iqisu t-twaqqif il-ġdid ta’ panels skont ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010, dispożizzjonijiet rilevanti fis-Solvibbiltà II li jirreferu għal panels għandhom jiġu emendati sabiex jallinjawhom mal-proċedura l-ġdida għal medjazzjoni vinkolanti skont dak ir-Regolament.

(10)Sabiex titqies is-sostituzzjoni tal-Kumitat tas-Sorveljanti tal-Assigurazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (CEIOPS) mill-EIOPA, jenħtieġ li jitħassru referenzi fis-Solvibbiltà II għal CEIOPS.

(11)Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2009/138/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE

Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

"1.    Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti tal-investiment, għal operaturi tas-swieq u ditti ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew li jwettqu attivitajiet ta’ investiment permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa fl-Unjoni.”;

(b) fil-paragrafu 2, il-punt (d) jitħassar;

(2) fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) il-punti (36) u (37) jinbidlu b'dan li ġej:

"(36)    “korp ta' ġestjoni” jfisser korp jew korpi ta' ditta ta’ investiment jew ta’ operatur tas-suq, li jkunu maħturin skont il-liġi nazzjonali, li jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità, u li jissorveljaw u jimmonitorjaw it-teħid ta' deċiżjonijiet ta' ġestjoni, u jinkludu persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni. 

Fejn din id-Direttiva tirreferi għall-korp amministrattiv u, skont il-liġi nazzjonali, il-funzjonijiet ta' ġestjoni u superviżorji tal-korp ta' ġestjoni jkunu assenjati lil korpi differenti jew membri differenti fi ħdan korp wieħed, l-Istat Membru għandu jidentifika l-korpi jew il-membri tal-korp ta' ġestjoni responsabbli f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor minn din id-Direttiva;

(37)    “maniġment superjuri” jfisser persuni naturali li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi fi ħdan ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq, u li huma responsabbli u jwieġbu għall-korp tal-ġestjoni għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-entità, inkluż għall-implimentazzjoni tal-politiki li jikkonċernaw id-distribuzzjoni ta’ servizzi u prodotti lil klijenti mid-ditta u mil-persunal tagħha;”;

(c) il-punti (52), (53), (54) u (55)(c) jitħassru;

(3) It-Titolu IV jitħassar;

(4) L-Artikolu 70 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-punt (a) tal-paragrafu 3, is-sottopunti (xxxvii) sa (xxxx) jitħassru;

(b) fil-paragrafu 4, il-punt (a) jinbidel bis-segwenti:

“(a) l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6(2) jew l-Artikoli 34, 35, 39 jew 44 ta’ din id-Direttiva; jew”;

(c) fil-paragrafu 6, il-punt (c) huwa sostitwit bis-segwenti:

“(c) fil-każ ta’ ditta ta’ investiment, operatur tas-suq awtorizzat li jopera MTF jew OTF, jew suq regolat, l-irtirar jew sospensjoni tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni f’konformità mal-Artikolu 8, u l-Artikolu 43;”;

(5) fl-Artikolu 71, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"6. Meta sanzjoni kriminali jew amministrattiva ppubblikata tirrigwarda ditta tal-investiment, operatur tas-suq, istituzzjoni ta' kreditu fir-rigward ta' servizzi jew attivitajiet ta' investiment u servizzi anċillari, kif ukoll fergħat ta' ditti minn pajjiżi terzi awtorizzati bi qbil ma' din id-Direttiva, l-ESMA għandha żżid referenza għas-sanzjoni ppubblikata fir-reġistru rilevanti.”;

(6) fl-Artikolu 77, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiddisponu, mill-anqas, li kwalunkwe persuna awtorizzata skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, li twettaq f’ditta ta’ investiment jew f’suq regolat, il-kompitu deskritt fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/34/UE jew fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/65/KE, jew kwalunkwe kompitu ieħor preskritt mil-liġi, ikollha d-dmir li tirrapporta minnufih lill-awtoritajiet kompetenti kwalunkwe fatt jew deċiżjoni li jikkonċernaw lil dik l-impriża, li dwarha dik il-persuna tkun saret konxja waqt li tkun twettqet dak il-kompitu, u li hija responsabbli għal:

* Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).”;

(7) L-Artikolu 89 huwa emendat kif ġej:

(a) paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

"2. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4) l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), u l-Artikolu 79(8) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-2 ta' Lulju 2014.”;

(b) il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

"3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4) l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), l-Artikolu u l-Artikolu 79(8) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”;

(c) il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

"5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4), l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6) u l-Artikolu 79(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika dwar dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma għarrfu lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(8) fl-Artikolu 90, il-paragrafi 2 u 3 huma mħassra;

(9) fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 93, it-tieni subparagrafu huwa mibdul b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-3 ta' Jannar 2018.”;

(10) fl-Anness I, it-Taqsima D titħassar.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2009/138/KE

Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 112(4), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Ladarba l-applikazzjoni titqies kompluta mill-awtoritajiet superviżorji, huma għandhom jinfurmaw lill-EIOPA dwar l-applikazzjoni.

Fuq talba tal-EIOPA, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lill-EIOPA bid-dokumentazzjoni kollha sottomessa mill-impriża fl-applikazzjoni tagħha.

L-EIOPA tista’ toħroġ Opinjoni lill-awtoritajiet superviżorji ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 21a(1)(a) u 29(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fi żmien 4 xhur minn meta tasal għand l-awtorità superviżorja tal-applikazzjoni kompluta.

Fejn tkun inħarġet tali Opinjoni, l-awtorità superviżorja għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu f’konformità ma’ dik l-Opinjoni, jew tipprovdi raġunijiet bil-miktub lill-Eiopa u lill-applikant ta’ fejn id-deċiżjoni ma ttieħditx f’konformità ma’ dik l-Opinjoni.”;

(2)L-Artikolu 231 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 hu emendat kif ġej:

(i) l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1. Fil-każ ta' applikazzjoni għall-permess biex ikun ikkalkulat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat, kif ukoll ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp, abbażi ta' mudell intern, imressqa minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-impriżi relatati tagħha, jew b'mod konġunt mill-impriżi relatati ta' kumpanija holding tal-assigurazzjoni, l-awtoritajiet ta' sorveljanza konċernati għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-EIOPA biex jiddeċiedu jekk jagħtux il-permess jew le u biex jiddeterminaw it-termini u l-kundizzjonijiet, jekk ikun il-każ, li għalihom huwa suġġett l-għoti ta' dan il-permess.

(ii) it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Is-superviżur tal-grupp għandu jinforma lill-membri oħra tal-kulleġġ ta’ superviżuri dwar il-wasla tal-applikazzjoni u jibgħat l-applikazzjoni sħiħa, inkluża d-dokumentazzjoni li ddaħħlet mill-impriża, lill-membri tal-kulleġġ, inkluż lill-EIOPA, mingħajr dewmien.”;

(b)Jiddaħħal paragrafu ġdid, 2b, kif ġej.

"2b. Fejn l-EIOPA tqis li applikazzjoni, kif imsemmija fl-ewwel paragrafu, tippreżenta kwistjonijiet partikolari fir-rigward tal-konsistenza fl-approvazzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-mudelli interni fl-Unjoni kollha, l-EIOPA tista’ toħroġ Opinjoni lill-awtoritajiet superviżorji ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 21a(1)(a) u 29(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fi żmien 4 xhur minn meta l-applikazzjoni kompluta tasal għand is-superviżur tal-grupp.

Fejn tkun inħarġet tali Opinjoni, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jieħdu d-deċiżjoni konġunta tagħhom kif imsemmi fit-tieni paragrafu f’konformità ma’ dik l-Opinjoni, jew jipprovdu raġunijiet bil-miktub lill-EIOPA u lill-applikant ta’ fejn id-deċiżjoni konġunta ma ttieħditx f’konformità ma’ dik l-Opinjoni.”;

(c)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i) l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Jekk matul il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati rreferiet il-kwistjoni lill-EIOPA f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, jew jekk l-EIOPA qed tassisti l-awtoritajiet superviżorji fuq l-inizjativa tagħha f’konformità mal-Artikolu 19(1)(b) ta’ dak ir-Regolament, is-superviżur tal-grupp għandu jiddiferixxi d-deċiżjoni tiegħu sa mal-EIOPA tadotta deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 19(3) ta’ dak ir-Regolament, u għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu f’konformità mad-deċiżjoni adottata tal-EIOPA. Id-deċiżjoni tas-superviżur tal-grupp għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.

(ii) l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu hija sostitwita b'dan li ġej:

“Fejn l-EIOPA ma tadottax deċiżjoni kif imsemmija fit-tieni subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu deċiżjoni finali.”;

(d)Fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Is-superviżur tal-grupp għandu jqis kif xieraq kwalunkwe fehmiet u riżervi tal-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati u tal-EIOPA espressi waqt dak il-perjodu ta' sitt xhur.”;

(e)Fil-paragrafu 6, it-tielet subparagrafu għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

Is-superviżur tal-grupp għandu jagħti lill-applikant, lill-awtoritajiet superviżorji konċernati l-oħra u l-EIOPA b’dokument li jispjega d-deċiżjoni motivata bis-sħiħ tiegħu.”;

(f)Paragrafu ġdid 6a hu miżjud:

"6a. Wara l-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 2 u qabel ma s-superviżur tal-grupp jieħu deċiżjoni kif imsemmija fil-paragrafu 6, l-impriża li ssottomettiet l-applikazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 tista’ titlob li l-EIOPA tassisti l-awtoritajiet superviżorji biex jilħqu ftehim, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Is-superviżur tal-grupp se jiddiferixxi d-deċiżjoni tiegħu sa mal-EIOPA tadotta deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u se jieħu d-deċiżjoni tiegħu f’konformità mad-deċiżjoni adottata tal-EIOPA. Id-deċiżjoni tas-superviżur tal-grupp għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.

L-EIOPA għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar (1) minn tmiem il-perjodu ta’ konċiljazzjoni msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

“Fejn l-EIOPA ma tadottax deċiżjoni kif imsemmija fit-tielet subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 1094/2010 ta’ dak ir-Regolament, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu deċiżjoni finali. Id-deċiżjoni tas-superviżur tal-grupp għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.”;

(3)L-Artikoli l-ġodda 231a u 231b jiddaħħlu kif ġej:

'l-Artikolu 231a
Approvazzjoni superviżorja fir-rigward ta’ mudelli interni

1. L-EIOPA tista’, fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-awtoritajiet superviżorji jew impriżi ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni, toħroġ Opinjoni lill-awtoritajiet superviżorji f’konformità mal-Artikolu 21a(1)(a) u 29(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, fuq mudelli interni u approvazzjonijet ta’ applikazzjonijiet ta’ mudell interni kif stabbilit fl-Artikoli 112 sa 127, l-Artikolu 230, l-Artikolu 231 u l-Artikolu 233, bil-għan li titrawwem konverġenza superviżorja.

Fejn l-EIOPA toħroġ Opinjoni kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jieħdu d-deċiżjoni jew id-deċiżjoni konġunta tagħhom, kif applikabbli f’konformità ma’ dik l-Opinjoni, jew jipprovdu raġunijiet bil-miktub lill-EIOPA u lill-applikant ta’ fejn id-deċiżjoni jew id-deċiżjoni konġunta ma tittieħidx f’konformità ma’ dik l-Opinjoni.

2. Fejn awtoritajiet superviżorji jwettqu spezzjonijiet konġunti fuq il-post fejn jipparteċipaw il-persunal tal-EIOPA f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, ta’ impriżi jew gruppi li japplikaw mudell intern sħiħ jew parzjali skont l-Artikoli 112 sa 127, 230, 231 jew 233, il-persunal tal-EIOPA għandu jipproduċi rapport speċifiku fuq il-mudell intern. Dak ir-rapport għandu jiġi sottomess lill-Bord Eżekuttiv tal-EIOPA.

L-Artikolu 231b
Reviżjoni

1. Fuq bażi annwali, l-EIOPA għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ġenerali li l-awtoritajiet superviżorji wettqu fil-proċess tal-approvazzjoni ta’ mudelli interni jew bidliet tagħhom, skont l-Artikoli 112 sa 127, 230, 231 u 233.

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lill-EIOPA bl-informazzjoni li l-EIOPA tikkunsidra relevanti biex tipproduċi tali rapport.

2. Sal-1 ta’ Jannar 2020, u wara li tkun wettqet konsultazzjoni pubblika, l-EIOPA għandha tissottometti Opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 112 sa 127, l-Artikolu 230, l-Artikolu 231 u l-Artikolu 233 minn awtoritajiet superviżorji, inklużi atti delegati u l-implimentazzjoni ta’ standards tekniċi adottati skont dan. Dik l-Opinjoni se tivvaluta wkoll kwalunkwe diverġenza fil-mudelli interni fl-Unjoni.

3. Skont l-opinjoni sottomessa mill-EIOPA f’konformità mal-paragrafu 2, il-Kummissjoni se tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 112 sa 127, l-Artikolu 230, l-Artikolu 231 u l-Artikolu 233 minn awtoritajiet superviżorji, inklużi atti delegati u l-implimentazzjoni ta’ standards tekniċi adottati skont dan, sal-1 ta’ Jannar 2021,”;

(4)Fl-Artikolu 237, il-paragrafu 3, l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu hija sostitwita b'dan li ġej:

“Jekk l-EIOPA ma tadottax deċiżjoni kif imsemmija fit-tieni subparagrafu skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu deċiżjoni finali.”; kif ukoll

(5)Fl-Artikolu 248, it-tielet subparagrafu ta' paragrafu 4 huwa mħassar;

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa [12/18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għal konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jkunu adottaw fil-qasam kopert b’din id-direttiva.

2.Stati Membri għandhom japplikaw il-miżuri fir-rigward tal-Artikolu 1 minn [36 xahar mid-dħul fis-seħħ] u fir-rigward tal-Artikolu 2 minn [id-data tal-applikazzjoni tal-emenda fir-Regolament tal-EIOPA].

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Id-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(2) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(4) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p.1).
(5) ĠU C , , p. .
(6) ĠU C , , p. .
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(8) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p.1).