Brussell, 4.9.2017

COM(2017) 463 final

2017/0215(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tliet laqgħat li jmiss tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni inkluż il-laqgħat u l-azzjonijiet intersessjonali relatati


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Il-proposta attwali tikkonċerna Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni relatata ma’ laqgħat tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni (ICRW), inkluż laqgħat u azzjonijiet intersessjonali.

Din tibni fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li ġew adottati fit-2 ta’ Marzu 2009 u fit-13 ta’ Diċembru 2011 abbażi ta’ proposti mill-Kummissjoni 1 , li ppermettew lill-Unjoni tikkoordina l-pożizzjoni tagħha fuq għadd ta’ kwistjonijiet matul tliet laqgħat tal-IWC (fl-2012, fl-2014 u fl-2016) inkluż fil-laqgħat intersessjonali relatati.

In-natura multiannwali tad-Deċiżjonijiet preċedenti u l-approċċ ta’ politika stabbli li dawn pprovdew ippermettew lill-UE u l-Istati Membri tagħha jsiru aktar proattivi dwar il-kwistjonijiet tal-IWC bir-riżultat li l-UE qed tiġi dejjem aktar mitluba minn gvernijiet ta’ pajjiżi terzi biex, fi żmien qasir tieħu sehem fl-attivitajiet. Huwa għalhekk propost li d-Deċiżjoni futura tal-Kunsill jenħtieġ li mhux biss tirregola laqgħat relatati mal-IWC, iżda jenħtieġ li tintuża wkoll biex taġixxi fuq livell intersessjonali, fi ħdan il-qafas ta’ politika stabbilit fid-deċiżjoni, pereżempju f’démarches.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni (ICRW) iffirmata fl-1946 tiżgura kemm il-konservazzjoni kif ukoll il-ġestjoni sostenibbli tal-balieni fuq livell globali.

Il-Konvenzjoni tinkludi Skeda legalment vinkolanti, li tispeċifika l-ispeċijiet protetti u mhux protetti, l-ilmijiet miftuħa u magħluqa inkluż żoni santwarji, u tistabbilixxi l-limiti ta’ qbid għall-kaċċa kummerċjali u tas-sussistenza, għall-balieni. Il-Konvenzjoni tirregola wkoll il-kaċċa ta’ riċerka xjentifika għall-balieni. F’dan il-kuntest, l-Iskeda titlob lill-Gvernijiet Kontraenti jissottomettu proposti għal permess xjentifiku biex isir skrutinju mill-Kumitat Xjentifiku qabel jinħarġu. Dawn il-permessi jinħarġu minn pajjiżi individwali.

Bħala Konvenzjoni li saret qabel it-Trattat ta’ Ruma, l-isħubija fl-ICRW hija ristretta għall-Gvernijiet u għalhekk l-Unjoni Ewropea għandha biss status ta’ osservatur 2 . Fil-preżent, ħamsa u għoxrin Stat Membru tal-UE huma Gvernijiet Kontraenti għall-ICRW 3 li b’kollox għandha total ta’ sebgħa u tmenin Gvern Kontraenti.

2.2.Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni

Il-korp kompetenti li jirregola l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni huwa l-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) li tiltaqa’ kull sentejn. L-IWC teżerċita r-responsabbiltajiet bażiċi tagħha kemm għal ġestjoni sostenibbli kif ukoll għall-konservazzjoni billi tagħmel emendi fl-Iskeda għall-ICRW bħala tweġiba għat-talbiet mill-Gvernijiet Kontraenti. L-emendi jridu jiġu adotatti b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-membri votanti tal-IWC. Id-deċiżjonijiet tal-IWC biex tiġi emendata l-Iskeda għall-Konvenzjoni għandhom effetti legali diretti għaliex dawn jidħlu fis-seħħ f’perjodu preskritt mingħajr il-ħtieġa ta’ ratifika 4 . Prattikament f’kull laqgħa tal-IWC, ġew proposti emendi għall-Iskeda għall-Konvenzjoni biex tiġi awtorizzata l-kaċċa għall-balieni taħt ċerti kundizzjonijiet jew biex jitwaqqfu s-Santwarji.

Maż-żmien, l-IWC evolviet b’mod konsiderevoli u saret l-organizzazzjoni internazzjonali ta’ referenza għall-aspetti kollha relatati mal-balieni u l-kaċċa għall-balieni, twettaq attivitajiet bħal programmi ta’ riċerka fil-post, l-immudellar tal-popolazzjoni, il-pjanijiet ta’ konservazzjoni, l-għarfien u l-ġestjoni tat-theddid. L-IWC se tkun dejjem aktar influwenzata mill-Aġenda 2030 u mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli b’mod ġenerali, u b’mod partikolari mill-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 5 .

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Gvernijiet Kontraenti jiffurmaw id-dħul prinċipali tal-IWC, iżda jsiru kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali mill-gvernijiet membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jappoġġaw programmi ta’ ħidma partikolari ġestiti mill-IWC.

L-IWC tingħata l-pariri mingħand il-Kumitat Xjentifiku tagħha, li jassistiha b’mod partikolari fil-valutazzjoni tal-istatus tal-istokkijiet, fid-deċiżjonijiet dwar il-limiti tal-qbid, fl-analiżi tal-informazzjoni marbuta mal-balieni u l-kaċċa għall-balieni. Il-Kumitat Xjentifiku jirrevedi u jikkummenta wkoll dwar il-permessi tal-kaċċa għall-balieni għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika 6 qabel jinħarġu mill-Gvernijiet Kontraenti liċ-ċittadini 7 tagħhom.

Il-mandat doppju tal-IWC biex tamministra l-kaċċa għall-balieni kif ukoll tikkonservahom, wassal għal pożizzjonijiet polarizzati ħafna bejn Gvernijiet Kontraenti li jappoġġaw il-kaċċa għall-balieni u Gvernijiet Kontraenti li jiffukaw fuq konservazzjoni stretta. Din is-sitwazzjoni ddgħajjef lill-IWC, li, madankollu, tibqa’ l-unika qafas eżistenti li potenzjalment jista’ jirrisolvi kwistjonijiet li huma ta’ tħassib globali.

3.Pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni

3.1.Il-bżonn ta’ pożizzjoni tal-Unjoni

Id-deċiżjonijiet biex tiġi emendata l-Iskeda, li ġew adottati fl-IWC jistgħu jaffettwaw l-ilħuq tal-għanijiet tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni tal-UE marbutin maċ-ċetaċji.

Skont l-Artikolu 191(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), wieħed mill-għanijiet tal-politika tal-UE dwar l-ambjent huwa l-promozzjoni ta’ miżuri, fil-livell internazzjonali, li jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali. Dan l-għan jinkludi l-konservazzjoni tal-ispeċijiet fil-livell globali, inkluż balieni u ċetaċji oħrajn, u l-Unjoni Ewropea daħħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni ambjentali li tippromwovi l-protezzjoni effettiva tagħhom permezz ta’ armonizzazzjoni estensiva tar-regoli fil-livell tal-UE.

Fl-Anness IV tagħha, id-Direttiva dwar il-Ħabitats 8 telenka l-ispeċijiet kollha taċ-ċetaċji. Dan ifisser li l-ispeċijiet kollha tal-balieni u ċetaċji oħrajn huma protetti mit-tfixkil, mill-qbid jew mill-qtil intenzjonat fl-ilmijiet tal-UE. Dan jipprovdi wkoll kuntest ta’ politika tal-UE għal pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet bħal tniġġis akustiku, ħabtiet ma’ vapuri, tħabbil u qabda aċċessorja. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tipprojbixxi wkoll iż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew l-iskambju ta’ kampjuni maqbuda mis-selvaġġ. Din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix it-tkomplija mill-ġdid tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni.

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 338/97/KE dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, 9 li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) fl-UE, jipprojbixxi l-introduzzjoni taċ-ċetaċji fl-Unjoni għall-finijiet primarjament kummerċjali. Dan il-livell għoli ta’ protezzjoni jissaħħaħ aktar mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 10 li għandha ttejjeb il-kwalità tal-ambjent għall-balieni u ċetaċji oħrajn billi tippromwovi l-istatus ambjentali tajjeb tal-oċeani u l-ibħra tal-UE.

Madankollu, minħabba l-fatt li l-balieni jemigraw, il-politika tal-UE mhux se tkun effettiva fl-ibħra tal-UE jekk ma tkunx appoġġata minn azzjoni koerenti madwar id-dinja kollha skont qafas regolatorju internazzjonali komparabbli. Dak il-qafas huwa pprovdut mill-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni.

Is-sħubija tal-UE fi Ftehimiet Ambjentali Multilaterali bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes kif ukoll ir-ratifika tagħna tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju wkoll għandhom implikazzjonijiet għal firxa ta’ suġġetti li kienu s-suġġett ta’ Riżoluzzjonijiet tal-IWC.

3.2.Kwistjonijiet individwali ta’ politika

3.2.1.Il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, il-kaċċa kostali għall-balieni fuq skala żgħira u l-kriterji għal permessi xjentifiċi

L-IWC tirregola l-kaċċa kummerċjali għall-balieni u fl-1982 ddeċidiet li jenħtieġ li jkun hemm moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-ispeċijiet u l-popolazzjonijiet kollha tal-balieni mill-1986 ’il quddiem.

In-Norveġja u l-Iżlanda mhumiex marbuta mill-moratorju għaliex rispettivament ippreżentaw oġġezzjoni 11 u riżerva 12 għalih. Fil-preżent 13 huma qed ikomplu bil-kaċċa kummerċjali għall-balieni. Dawn iż-żewġ pajjiżi jistabbilixxu l-limiti tal-qbid tagħhom iżda jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-qbid tagħhom u dejta xjentifika assoċjata. Kemm in-Norveġja kif ukoll l-Iżlanda jsostnu li huma jistabbilixxu l-limiti tal-qbid tagħhom abbażi tal-Proċedura ta’ Ġestjoni Riveduta (RMP) żviluppata mill-IWC biex jiġu stmati limiti ta’ qbid sostenibbli tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni. L-applikazzjoni stretta tal-RMP bil-mod rakkomandat mill-Kumitat Xjentifiku hija element ewlieni biex jiġi evitat li jiġu stabbiliti limiti ta’ qbid eċċessivi.

Il-Ġappun huwa marbut mill-moratorju għall-kaċċa kummerċjali għall-balieni iżda jagħti permessi speċjali skont l-Artikolu VIII tal-ICRW, li jippermetti l-qtil, il-qbid u t-trattament tal-balieni “għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika soġġetti għal dawn ir-restrizzjonijiet fejn jikkonċerna l-għadd u soġġetti għal kundizzjonijiet oħra li l-Gvern Kontraenti iqis xierqa”. Madankollu, fl-2014, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-programm ewlieni ta’ “kaċċa xjentifika għall-balieni” tal-Ġappun kien illegali peress li ma kienx ta’ kwalità xjentifika suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat li huwa b’mod ċar “għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika” 14 . Barra minn hekk, il-bżonn ta’ kampjunar letali biex jintlaħqu l-għanijiet xjentifiċi dikjarati ma ntweriex. Minkejja dan, fl-2016 il-Ġappun reġa’ beda l-kaċċa “xjentifika” għall-balieni fl-Antartiku u kompla fl-2017 abbażi ta’ programm ġdid u mingħajr ma segwa l-proċess rivedut ta’ reviżjoni għall-permessi għall-kaċċa għall-balieni kif mitlub f’Riżoluzzjonijiet tal-IWC 15 rilevanti li għalihom il-Ġappun sab oġġezzjoni.

Minkejja l-kontinwazzjoni tal-kaċċa għall-balieni f’dawn il-pajjiżi, il-moratorju għall-kaċċa kummerċjali għall-balieni kkontribwixxa għall-protezzjoni tal-balieni matul dawn l-aħħar tletin sena. Madankollu, ħafna popolazzjonijiet tal-balieni għadhom eżawriti b’mod kritiku wkoll minħabba għadd ta’ theddid dejjem jiżdied li ma għandux x’jaqsam mal-kaċċa, bħal tħabbil fl-irkaptu tas-sajd, ħabtiet ma’ vapuri, tniġġis inkluż storbju taħt l-ilma, degradazzjoni tal-ħabitat, eċċ. Għaldaqstant, jibqa’ importanti li nevitaw il-pressjoni tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni biex ngħinu lil dawn il-popolazzjonijiet jirkupraw. Konsegwentement, il-projbizzjoni ġenerali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni li ġiet deċiża fl-IWC jenħtieġ li tibqa’. Hija konformi mal-politiki tal-UE u meħtieġa mill-UE.

Il-Ġappun fittex ukoll li jipperswadi lill-IWC tapprova kategorija ġdida ta’ kaċċa għall-balieni, il-kaċċa kostali għall-balieni fuq skala żgħira (STCW) 16 , li, effettivament, tkun qed tneħħi parzjalment il-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni. L-UE jenħtieġ li topponi proposti li jintroduċu kategoriji ġodda ta’ kaċċa għall-balieni u tappoġġa s-sejba tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja 17 li l-ICRW taqsam il-kaċċa għall-balieni fi tliet kategoriji: kaċċa kummerċjali għall-balieni u kaċċa għall-balieni ta’ sussistenza aboriġina (it-tnejn koperti mill-Iskeda) u kaċċa għall-balieni b’permess speċjali skont l-Artikolu VIII. Dan jevita l-lakuni fil-projbizzjoni tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni u jgħin jipprevjeni li dan il-kunċett jiġi applikat qrib l-ilmijiet tal-UE.

B’referenza għall-kaċċa “xjentifika” għall-balieni, l-UE jenħtieġ li tibqa’ soda fil-fehma li ma jistax jintuża l-Artikolu VIII li jippermetti kaċċa għall-balieni b’permess speċjali biex jiġġustifika dik li hija primarjament kaċċa kummerċjali għall-balieni. L-abbuż minn dan l-Artikolu jmur kontra l-ispirtu tal-moratorju u r-rieda tal-IWC kif espressa f’bosta riżoluzzjonijiet. Għall-UE, biex ikunu aċċettabbli bħala leġittimi skont l-Artikolu VIII, il-proposti għall-permessi speċjali jridu jissodisfaw il-konsiderazzjonijiet stabbiliti mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Marzu 2014 dwar il-Kaċċa għall-Balieni fl-Antartiku. Dan ifisser konformità stretta mar-Riżoluzzjoni 2014-5 dwar il-Kaċċa għall-Balieni taħt Permess Speċjali, li tirrikjedi li żewġ elementi kumulattivi jridu jiġu sodisfatti biex jinħareġ permess speċjali: jiġifieri li l-kampjunar letali huwa “riċerka xjentifika” u huwa biss “għall-iskopijiet ta’” dik ir-riċerka. F’termini prattiċi dan ikun ifisser li l-Kumitat Xjentifiku kien sodisfatt li kwalunkwe Parti Kontraenti li riedet toħroġ permessi speċjali wriet li r-riżultat mistenni tal-proġett kien ġustifikabbli bħala riċerka xjentifika, ikkunsidrat bir-reqqa jekk l-użu tal-kampjunar mhux letali jistax jilħaq l-għan tar-riċerka, ikkonkludiet li dan ma kienx fattibbli, u wriet li d-daqsijiet tal-kampjuni proposti kienu relatati b’mod strett mal-bżonn xjentifiku u ma kinux akbar milli huwa raġonevoli għall-għan xjentifiku.

Barra minn hekk, l-UE jenħtieġ li tippromwovi l-fehma, eventwalment aċċettata mill-partijiet kollha fil-każ tal-QIĠ, li l-IWC taqdi rwol leġittimu fid-dibattitu dwar il-kaċċa għall-balieni taħt permess speċjali. Għalhekk l-UE jenħtieġ li tkompli tippromwovi approċċi li jiggarantixxu li, qabel jinħareġ, kwalunkwe permess speċjali jiġi kkunsidrat mill-Kumitat Xjentifiku tal-IWC u mill-IWC infisha u jkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet dwaru.

3.2.2.Konservazzjoni

Fl-1946, l-ICRW kien wieħed mill-ewwel ftehimiet internazzjonali li għamel rabta bejn il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli. Maż-żmien, żdiedu l-impatti minn theddid li ma għandux x’jaqsam mal-kaċċa għall-balieni u t-tħassib dwar il-konservazzjoni, u saru wieħed mill-akbar sfidi li qed taffaċċa l-IWC.

Fl-2003 inħoloq Kumitat ta’ Konservazzjoni. Dan jikkollabora mill-qrib mal-Kumitat Xjentifiku biex jindirizza firxa ta’ theddid għall-balieni u l-ħabitats tagħhom. Fl-2016, l-IWC, bl-appoġġ tal-Gvernijiet Kontraenti tal-Istati Membri tal-UE abbażi ta’ pożizzjoni koordinata tal-UE, adottat Pjan Strateġiku 18 ġdid, akkumpanjat minn programm ta’ ħidma, li jidentifika t-theddid ta’ prijorità liċ-ċetaċji (ħabtiet mal-vapuri, skart fil-baħar, qabda aċċessorja, ħsejjes antropoġeniċi, tniġġis kimiku u tibdil fil-klima) kif ukoll azzjonijiet ta’ prijorità (osservazzjoni sostenibbli tal-balieni, pjanijiet ta’ ġestjoni għall-konservazzjoni, santwarji, ġbir ta’ dejta u rapportar).  Barra minn hekk, saret enfasi ġdida fuq il-kontribuzzjoni tal-balieni u ċetaċji oħrajn għar-regolamentazzjoni tal-ekosistemi u għall-provvediment tas-servizzi tal-ekosistema kemm f’ħajjithom kif ukoll f’mewthom.

L-UE jenħtieġ li tappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tal-involviment dejjem akbar tal-IWC fil-konservazzjoni, li huwa konformi mal-politika tal-UE u l-leġiżlazzjoni.

Bħala parti mill-impenn politiku qawwi tagħha għall-konservazzjoni, l-UE jenħtieġ li tkompli tappoġġa l-proposti kollha għas-Santwarji tal-Balieni 19 . Dawn il-proposti jirrikjedu modifika fl-Iskeda b’vot ta’ tliet kwarti maġġoranza biex jiġu adottati. Biex tintlaħaq din il-maġġoranza, se jirrikjedi li jkun hemm diskussjonijiet preparatorji attivi mal-Gvernijiet Kontraenti li normalment jivvotaw kontra s-Santwarji. L-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li ukoll jinkoraġġixxu trasparenza akbar billi jipproponu li d-dispożizzjonijiet fl-Iskeda li jittrattaw is-Santwarji jenħtieġ li jitpoġġew f’taqsima separata fi ħdan dak it-titolu 20 .

Bl-istess mod, il-proposti tal-IWC deżinjati biex itejbu l-benessri tal-balieni jenħtieġ li jiġu appoġġati. Ix-xogħol fuq il-benessri tal-annimali jista’ jinkludi iżda mhux limitat għal tħabbil, ħabtiet mal-vapuri, inkaljar tal-massa, osservazzjoni tal-balieni, tniġġis akustiku, titjib fil-metodi tal-qtil u tal-ewtanażja, eċċ.

Fis-snin riċenti l-IWC bdiet tindirizza kwistjonijiet relatati mal-mard fiċ-ċetaċji, b’mod partikolari dawk li jistgħu jkunu relatati mal-attivitajiet tal-bniedem u dawk li kapaċi jxerrdu l-mard bejn l-annimali u l-bnedmin, li jistgħu jkunu ta’ riskju għall-komunitajiet aboriġini li jikkaċċjaw għas-sussistenza meta dawn jikkunsmaw prodotti tal-balieni derivati minn kaċċa mhux kummerċjali. L-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jappoġġaw dawn id-dibattiti, diment li huma bbażati fuq ix-xjenza u li kunsiderazzjoni mill-IWC iżżid il-valur tax-xogħol ta’ fora oħrajn.

3.2.3.Kaċċa għall-Balieni ta’ Sussistenza Aboriġina

Il-Kaċċa għall-Balieni ta’ Sussistenza Aboriġina 21 (ASW) hija koperta fi Skedi suċċessivi u r-regolamentazzjoni tagħha hija parti fundamentali u integrali mid-dmirijiet imwettqa mill-IWC, li kull sitt snin (li jmiss fl-2018) tistabbilixxi l-limiti ta’ qbid tal-ASW. L-ASW mhix soġġetta għall-moratorju peress li mhix kaċċa kummerċjali għall-balieni. Hija r-responsabbiltà tal-gvernijiet li jipprovdu evidenza tal-ħtiġijiet tan-nies indiġeni tagħhom f’forma ta’ “dikjarazzjoni tal-ħtiġijiet” li tagħti dettalji dwar l-aspetti kulturali, tas-sussistenza u nutrizzjonali tal-kaċċa, tal-prodotti u tad-distribuzzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku jagħti pariri dwar is-sostenibbiltà tal-kaċċa proposta u l-limiti ta’ qbid sikuri u l-IWC, wara li tqis id-dikjarazzjoni tal-ħtiġijiet u l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku, tiddeċiedi dwar il-limiti ta’ qbid għal kull kaċċa. Madankollu, din kemm-il darba kienet kwistjoni taħraq, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-IWC. Is-sitwazzjoni mhix megħjuna mill-fatt li l-Iskeda tirrikonoxxi li l-qbid tal-ASW irid jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ sussistenza aboriġina 22 iżda dawn ma tiddefinixxihomx. Il-forniment ta’ definizzjoni bħal din huwa partikolarment delikat meta wieħed jikkunsidra l-kunċetti kumplessi, il-varjetà tal-kaċċa u l-partikularitajiet tal-komunitajiet li d-definizzjoni jenħtieġ li tkopri.

L-UE kollettivament u d-Danimarka f’isem Greenland ħadu inizjattivi importanti biex itaffu t-tensjonijiet fir-rigward tal-ASW. Fl-2014, l-IWC adottat ir-Riżoluzzjoni 2014-1 dwar il-ħtieġa li l-ASW tiġi rregolata fil-futur permezz ta’ approċċ aktar konsistenti u fit-tul. Talbet ukoll lill-Kumitat Xjentifiku u lis-Sottokumitat tal-ASW biex jieħdu inkarigi speċifiċi 23 qabel l-eżerċizzju ta’ ssettjar ta’ kwota għall-ASW li jmiss fl-2018 biex jipprovdu bażi aktar soda għad-deċiżjonijiet dwar il-limiti ta’ qbid.

Flimkien mar-Riżoluzzjoni 2014/1, esperti minn oqsma differenti inkluż rappreżentanti tal-komunitajiet tal-ASW iddiskutew il-kunċett ta’ ħtiġijiet tas-sussistenza f’rabta mad-drittijiet tan-nies indiġeni 24 . Huma rrakkomandaw żieda fil-fehim tad-drittijiet, titjib fir-rwol tan-nies indiġeni fl-IWC u l-ħolqien ta’ rabtiet bejn l-IWC u fora oħrajn rilevanti. Huma ssuġġerew ukoll li d-“dikjarazzjonijiet tal-ħtiġijiet”, iġġudikati li jillimitaw id-drittijiet tan-nies indiġeni li jużaw ir-riżorsi tagħhom, jiġu sostitwiti minn dokument anqas esiġenti. Finalment, huma pproponew proċess u skeda ta’ żmien imtejbin biex bihom jiġu kkunsidrati l-limiti tal-qbid tal-ASW wara l-2018.

Fl-IWC 66 f’Ottubru tal-2016, l-UE u l-Gvernijiet Kontraenti tal-Istati Membri tagħha rnexxielhom jappoġġaw f’termini wesgħin il-bżonn li tingħata attenzjoni akbar lid-drittijiet tan-nies indiġeni fix-xogħol tal-IWC u fil-proposta mill-esperti biex itejbu l-proċess li bih jiġu stabbiliti l-limiti ta’ qbid tal-ASW. Madankollu, ma kienx hemm qbil fir-rigward tal-bidla fit-terminu “dikjarazzjoni tal-ħtiġijiet”. B’riżultat ta’ dan, fl-IWC 66 ġie maqbul li l-Grupp ta’ Ħidma tal-ASW jenħtieġ li jagħti aktar kunsiderazzjoni lil dawn il-kwistjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet kif xieraq lill-IWC 67 fl-2018. F’dik il-perspettiva, se jkun importanti li ż-żewġ Stati Membri tal-UE l-aktar involuti fid-diskussjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet jaħdmu flimkien biex jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet li jsiru lill-IWC 67 ikunu jistgħu jiġu appoġġati mill-UE b’mod kollettiv.

Fir-rigward tad-drittijiet tan-nies indiġeni, l-UE ilha żmien twil tippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kullimkien madwar id-dinja u għandha firxa wiesgħa ta’ politiki li huma rilevanti għan-nies indiġeni 25 . Biex turi l-appoġġ tagħha għal approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, l-UE tista’ ssegwi r-rakkomandazzjonijiet mill-esperti 26 u tipproponi riżoluzzjoni dwar ir-rilevanza tal-iżviluppi riċenti fid-drittijiet tan-nies indiġeni lill-IWC kif ukoll tinkoraġġixxi li jiġu esplorati mekkaniżmi biex itejbu l-istatus ta’ delegati indiġeni fil-laqgħat tal-IWC. L-UE tista’ tikkunsidra wkoll li tespandi l-emendi għall-Iskeda proposti għall-IWC 67 biex tbiddel it-terminoloġija minn aboriġini għal nies indiġeni.

Ir-rakkomandazzjonijiet l-oħrajn dwar id-drittijiet tan-nies indiġeni, jiġifieri li jiġi kummissjonat stħarriġ ta’ strumenti dwar tali drittijiet, li r-Relatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tan-Nies Indiġeni jiġi mistieden fuq bażi regolari għal-laqgħat tal-IWC, li jinħatar rappreżentant tal-IWC biex jattendi sessjoni tal-Forum Permanenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Kwistjonijiet Indiġeni u li jiġu esplorati l-benefiċċji potenzjali jekk is-Segretarjat jingħaqad mal-Grupp ta’ Appoġġ Bejn l-Aġenziji dwar Kwistjonijiet Indiġeni, jidhru pjuttost sproporzjonati għal organizzazzjoni żgħira ta’ erba’ membri biss li jipprattikaw l-ASW. Il-forniment tal-informazzjoni rilevanti dwar dawn l-aspetti lill-IWC jista’ jsir b’mod ħafna iktar effettiv u orħos billi wieħed joqgħod fuq id-dikjarazzjonijiet mill-Gvernijiet Kontraenti u d-delegati tal-ASW rilevanti.

L-UE, biex tmexxi ’l quddiem approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, se tkun trid tkun konxja li d-drittijiet tan-nies indiġeni mhumiex assoluti u jistgħu jiġu affettwati minn azzjonijiet ġustifikati b’mod raġonevoli u oġġettiv. Pereżempju, is-sottomissjoni tal-informazzjoni biex tappoġġa t-talbiet tal-limiti tal-qbid tal-ASW hija ġustifikata b’mod raġonevoli u oġġettiv fid-dawl tad-dmir tal-IWC li tistabbilixxi l-limiti tal-qbid għall-ASW biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ sussistenza aboriġina. Il-limitazzjoni ta’ kwota tal-ASW minħabba tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-kaċċa wkoll tista’ tkun ġustifikata b’mod raġonevoli u oġġettiv fil-mandat tal-IWC li tamministra l-popolazzjonijiet tal-balieni fuq bażi globali.

3.3.Kwistjonijiet istituzzjonali

Peress li l-UE għandha status ta’ osservatur, il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-UE fi ħdan l-IWC huma espressi mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-UE, bil-mod li l-aħjar jippromwovi r-rikonoxximent tal-UE u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar ir-rappreżentazzjoni tal-UE.

Għalkemm jidher improbabbli li l-isforzi tal-President Ġappuniż attwali tal-IWC biex jibda diskussjonijiet dwar “L-IWC fil-Futur” se jwasslu għal sejħiet biex isiru l-emendi għat-trattati, l-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jieħdu vantaġġ minn kwalunkwe opportunità li tirriżulta li tkun qed tavvanza l-kawża tal-isħubija tal-UE.

Fin-nuqqas ta’ sħubija tal-UE, isir saħansitra aktar importanti li l-Istati Membri jużaw il-piż kollettiv tagħhom fil-massimu tiegħu biex jiddefendu l-pożizzjonijiet tal-UE fl-IWC, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera rifless fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-prinċipju tal-unità fir-rappreżentazzjoni esterna tal-UE. Pożizzjoni magħquda tal-UE hija essenzjali wkoll għaliex hija prerekwiżit biex jintlaħaq kunsens jew unanimità fi ħdan l-IWC, li huwa speċjalment importanti fid-dawl tas-sejba tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja li r-Riżoluzzjonijiet tal-IWC jistgħu jkunu rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni jew l-Iskeda tagħha jekk jiġu adottati b’kunsens jew b’vot unanimu 27 .

It-tkabbir tal-piż kollettiv tal-UE jirrikjedi li l-Istati Membri kollha huma Gvernijiet Kontraenti tal-IWC u huma f’pożizzjoni li jivvutaw fuq emendi fl-Iskeda u Riżoluzzjonijiet oħrajn. Bħalissa, ħamsa u għoxrin Stat Membru tal-UE huma Gvernijiet Kontraenti tal-IWC u huwa importanti li t-tlieta li għadhom mhumiex (Malta u l-Latvja) jew ma għadhomx (il-Greċja) jaderixxu malajr kemm jista’ jkun. Bl-istess mod, l-Istati Membri kollha jridu jħallsu l-kontribuzzjonijiet ivvalutati tagħhom fil-ħin biex ikollhom drittijiet tal-vot 28 .

Mhux l-Istati Membri kollha jridu jibagħtu rappreżentanti nazzjonali mill-kapitali għal-laqgħat tal-IWC biex tikber l-influwenza tal-UE kollettivament. Il-persunal tal-Ambaxxata lokali jista’ jingħata l-kredenzjali. Alternattivament, jekk Stat Membru ma għandux rappreżentanza f’pajjiż ospitanti tal-laqgħa tal-IWC u b’mod konformi mal-prattika skont ftehimiet oħrajn legalment vinkolanti, membru ta’ delegazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jista’ jingħata l-kredenzjali mill-awtorità nazzjonali xierqa qabel il-laqgħa.

Id-dmir ta’ kooperazzjoni sinċiera jfisser li Stati Membri tal-UE jenħtieġ li ma jivvutawx kontra xulxin u jenħtieġ li jagħmlu kull sforz biex jilħqu pożizzjoni komuni.

Peress li hemm sebgħa u tmenin Gvern Kontraenti għall-ICRW, il-livell attwali ta’ tnejn u għoxrin Stat Membru votant jirrappreżenta kwart tal-membri votanti tal-IWC.

Għalhekk iż-żewġ prinċipji ta’ politika bażika u s-saħħa tal-vot jirrikjedu li l-UE kumplessivament tasal għal ftehim sew qabel il-laqgħat tal-IWC dwar il-proposti tal-IWC.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit permezz ta’ ftehim, meta dak il-korp jintalab jadotta atti li jkollhom effetti legali, bl-eċċezzjoni ta’ atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.” L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru ta’ korp jew parti ta’ ftehim inkwistjoni 29 .

Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni hija korp imwaqqaf minn ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni. L-atti li l-IWC hija mitluba tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE (ara t-taqsima 3.1. hawn fuq). L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

Fil-kuntest tal-IWC, l-għan ewlieni tal-Unjoni huwa li tiżgura qafas regolatorju internazzjonali effettiv għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-balieni li jiggarantixxi titjib sinifikanti fl-istatus ta’ konservazzjoni tal-balieni u ċetaċji oħrajn u li jġib l-operazzjonijiet kollha tal-kaċċa għall-balieni mill-membri tal-IWC taħt il-kontroll tal-IWC. Fil-proposti preċedenti l-għan ewlieni u l-kontenut tal-att previst kien ikkunsidrat li jirrelata b’mod predominanti mal-ambjent u għalhekk intużat il-bażi ġuridika sostantiva tal-Artikolu 191(1) TFUE, filwaqt li l-Artikolu 43(2) TFUE ma ġiex propost bħala parti mill-bażi ġuridika operattiva għad-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-IWC (ara wkoll COM(2011)495 u COM(2008)711). Huwa propost, għalissa, li tiġi proposta l-istess bażi ġuridika bħal fl-2008 u fl-2011. Għandu jiġi enfasizzat li d-delineazzjoni tal-Artikoli 191(1) u 43(2) TFUE hija s-suġġett ta’ ċerti Kawżi pendenti tal-Qorti 30 . Din il-proposta għall-bażi ġuridika sostantiva hija strettament mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(d) flimkien mal-Artikolu 38 u l-Anness I tat-Trattat, u għaldaqstant tar-riżorsi akwatiċi ħajjin kollha skont il-Politika Komuni tas-Sajd, li titwettaq skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 31 . Dan l-approċċ ma għandux joħloq preċedent għal kwalunkwe negozjati futuri dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi akwatiċi ħajjin li jaqgħu taħt l-istess regolament u b’mod partikolari dan l-approċċ jista’ jkollu jiġi adattat fid-dawl tar-riżultat tal-Kawżi pendenti tal-Qorti rilevanti dwar id-delineazzjoni tal-Artikoli 191(1) u 43(2) TFUE.

4.3.Konklużjoni

Għalissa l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 191(1) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

2017/0215 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tliet laqgħat li jmiss tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni inkluż il-laqgħat u l-azzjonijiet intersessjonali relatati

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 191(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni (ICRW) iffirmata fl-1946 stabbiliet il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC), li hija l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-balieni fil-livell globali.

(2)Skeda li tirregola l-imġiba tal-kaċċa għall-balieni madwar id-dinja hija mehmuża mal-Konvenzjoni bħala parti integrali minnha. Din tipprovdi għal regolamenti dettaljati dwar il-kaċċa għall-balieni fir-rigward tal-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi mill-balieni. Id-dispożizzjonijiet u l-emendi tagħha adottati mill-IWC huma vinkolanti għall-Partijiet sakemm Parti ma toġġezzjonax formalment għal xi emenda skont l-Artikolu V(3) tal-ICRW.

(3)B’riżultat ta’ emenda fl-Iskeda maqbula mill-maġġoranza tal-pajjiżi rappreżentati fl-IWC, fl-1986 daħal fis-seħħ moratorju għall-kaċċa kummerċjali għall-balieni. Stati ewlenin li huma favur il-kaċċa għall-balieni kkontestaw il-moratorju b’mod konsistenti u xorta għadhom jiżvolġu l-kaċċa għall-balieni għal raġunijiet li huma jsejħulhom xjentifiċi jew taħt eċċezzjonijiet oħrajn.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni, fi ħdan l-IWC għaliex id-deċiżjonijiet adottati fl-IWC biex tiġi emendata l-Iskeda jista’ jkollhom effetti legali u jaffettwaw il-kisba tal-għanijiet tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward taċ-ċetaċji. Uħud mill-proposti li b’mod regolari jitressqu għal deċiżjoni waqt kull laqgħa tal-IWC għandhom l-għan li jawtorizzaw attivitajiet tal-kaċċa għall-balieni, billi jistabbilixxu l-kwoti u bl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni, jew li jwaqqfu santwarji għall-balieni, u jirrikjedu l-istabbiliment ta’ pożizzjoni tal-Unjoni.

(5)Is-sħubija fl-IWC hija miftuħa biss għall-gvernijiet. Bħalissa, ħamsa u għoxrin Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma parti għall-IWC 32 . L-Unjoni Ewropea għandha status ta’ osservatur fl-IWC u hija rappreżentata mill-Kummissjoni.

(6)Peress li l-Unjoni hija osservatur fl-IWC, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tagħha abbażi tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għaliex jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, jenħtieġ li tiġi deċiża mill-Kunsill u espressa mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(7)Sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-IWC tissaħħaħ, jenħtieġ li tiġi appoġġata kwalunkwe reviżjoni tal-ICRW li tippermetti l-possibbiltà li l-Unjoni ssir Parti għall-IWC.

(8)L-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE 33 jelenka ċ-ċetaċji kollha bħala speċijiet ta’ interess għall-Unjoni li huma fil-bżonn ta’ protezzjoni stretta. Għalhekk, l-ispeċijiet tal-balieni kollha huma protetti minn tfixkil, qbid jew qtil intenzjonat fl-ilmijiet tal-Unjoni. L-istess Direttiva tipprojbixxi wkoll iż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew l-iskambju, u offerta għall-bejgħ jew skambju, ta’ kampjuni maqbuda mis-selvaġġ.

(9)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 34 , li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu fl-Unjoni, jipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ ċetaċji fl-Unjoni għal finijiet primarjament kummerċjali. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 348/81 35 jippermetti biss importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti elenkati fl-Anness tiegħu jekk mhumiex se jintużaw għal finijiet kummerċjali.

(10)Il-balieni huma speċijiet migratorji. Għaldaqstant, il-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-balieni se jkunu aktar effettivi fl-ilmijiet tal-Unjoni jekk ikunu appoġġati minn azzjoni koerenti mad-dinja kollha.

(11)L-Unjoni tappoġġa d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tan-Nies Indiġeni u d-Dokument ta’ Eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni 36 tal-2014.

(12)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fit-tliet laqgħat li jmiss 37 tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC), inklużi l-laqgħat u azzjonijiet intersessjonali relatati, hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-IWC, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 3

Meta l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha l-probabbiltà li tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul il-laqgħat tal-IWC, jew meta jsiru proposti dak il-ħin stess dwar kwistjonijiet li dwarhom l-Unjoni tkun għadha ma ħaditx pożizzjoni, għandha tiġi stabbilita pożizzjoni dwar il-proposta konċernata permezz tal-proċess ta’ koordinazzjoni, inkluż fuq il-post, qabel mal-proposta titressaq għall-vot. Bidliet żgħar fil-pożizzjoni jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni fl-IWC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) COM(2008) 711 final u COM(2011) 495 final
(2) Emenda għall-Konvenzjoni li tippermetti lill-UE ssir membru tkun tirrikjedi r-ratifika ta’ Protokoll mill-membri kollha tal-IWC. Fl-1992, il-Kummissjoni adottat proposta biex tinnegozja l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni iżda l-Kunsill ma ta ebda segwitu għaliha (l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, f’isem il-Komunità, protokoll li jemenda l-Konvenzjoni internazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni tal-kaċċa għall-balieni, Washington, it-2 ta’ Diċembru 1946, COM (92)316).
(3) L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.
(4) Ara l-Artikolu V tal-Konvenzjoni. Skont il-paragrafu 3, il-Partijiet jintrabtu bl-emendi għall-Iskeda fi żmien disgħin jum sakemm ma jippreżentaw l-ebda oġġezzjoni.
(5) SDG 14: “Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli”.
(6) Artikolu VIII tal-Konvenzjoni.
(7) Il-Paragrafu 30 tal-Iskeda jirrikjedi b’mod espliċitu li l-permessi xjentifiċi jiġu pprovduti mill-Gvern Kontraenti lill-Kumitat Xjentifiku qabel jinħarġu biex il-Kumitat Xjentifiku jkun jista’ jirrevedihom u jikkummenta dwarhom.
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(9) ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.
(10) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin.
(11) L-Artikolu V(3) tal-Konvenzjoni jippermetti lill-Gvernijiet Kontraenti jippreżentaw oġġezzjoni għal kwalunkwe emenda għall-Iskeda, b’riżultat ta’ liema huma mhumiex marbutin minn din l-emenda.
(12) L-Iżlanda rtirat mill-IWC fl-1992 iżda reġgħet issieħbet fl-2002 b’riżerva għall-moratorju.
(13) Il-Federazzjoni Russa wkoll irreġistrat oġġezzjoni għall-moratorju iżda ma teżerċitahiex.
(14) Il-Paragrafi 227 u 245 tas-Sentenza tal-QIĠ tal-31 ta’ Marzu 2014, Kaċċa għall-balieni fl-Antartiku (l-Awstralja vs il-Ġappun: b’intervent ta’ New Zealand).
(15) Ir-Riżoluzzjoni tal-IWC 2014-5 dwar Il-Kaċċa għall-Balieni taħt Permess Speċjali u r-Riżoluzzjoni tal-IWC 2016-2 dwar It-Titjib tal-Proċess ta’ Reviżjoni għall-Kaċċa għall-Balieni taħt Permess Speċjali. Il-Ġappun oġġezzjona għal dawn iż-żewġ Riżoluzzjonijiet wara li qies li “huwa mmirat li jillimita b’mod eċċessiv l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ riċerka xjentifika tal-Ġappun irrispettivament mill-valur xjentifiku u b’mod inkonsistenti mal-Konvenzjoni”.
(16) Il-Kaċċa Kostali għall-Balieni fuq Skala Żgħira (STCW) hija tip ta’ kaċċa għall-balieni kkaratterizzata mill-użu ta’ dgħajjes żgħar, fejn jiġu kkaċċjati balieni (balenotteri żgħar u balieni żgħar oħra) waqt vjaġġi ta’ ġurnata f’ilmijiet nazzjonali għal skopijiet kummerċjali. Il-Ġappun ipprova jikseb limiti tal-qbid tal-STCW għall-komunitajiet li stqarr li kienu qed ibagħtu b’riżultat tal-moratorju.
(17) Il-Paragrafi 229 u 230 tas-sentenza tal-QIĠ tal-31 ta’ Marzu 2014
(18) https://iwc.int/private/downloads/YTtNWzZ21VOaPZRjvTQGng/CC_StrategicPlan2016_26_FINAL.pdf  
(19)

   Bħalissa żewġ Santwarji - is-Santwarju fl-Oċean Indjan u s-Santwarju fl-Oċean tan-Nofsinhar - ġew deżinjati mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni, u t-tnejn jipprojbixxu l-kaċċa kummerċjali għall-balieni. Proposta addizzjonali għal Santwarju fl-Oċean Atlantiku tan-Nofsinhar ġiet sottomessa lill-Kummissjoni ripetutament fis-snin riċenti iżda għadha ma laħqitx il-maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-voti meħtieġa.

(20) Bħalissa, dawn id-dispożizzjonijiet huma inklużi fit-taqsima III tal-Iskeda, intitolata “qbid”.
(21) Il-kaċċa għall-balieni ta’ sussistenza aboriġina hija l-kaċċa tal-balieni li ssir minn gruppi aboriġini li għandhom tradizzjoni ta’ kaċċa għall-balieni u li jikkaċċjaw il-balieni għas-sussistenza tagħhom.
(22) Skeda, il-paragrafu 13(a).
(23) Dawn l-inkarigi kkonsistew fit-tlestija tax-xogħol fuq Algoritmi ta’ Limiti ta’ Daqqiet (SLA) għall-kaċċa ta’ Greenland u li jiġu indirizzati t-talbiet li jiġu pprovduti dikjarazzjonijiet tal-ħtiġijiet standardizzati kif ukoll fehim aħjar tar-relazzjoni bejn il-ħtiġijiet u l-mudelli ta’ konsum u proposta għal aġġornament tal-Iskeda biex tirrifletti l-approċċ SLA.
(24) Sessjoni ta’ Ħidma tal-Esperti tal-ASW, Maniitsoq/Greenland, 2015.
(25) L-UE appoġġat l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tan-Nies Indiġeni (AĠNU 61/295) fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2007 u d-Dokument ta’ Eżitu (AĠNU 69/2) tal-Konferenza Dinjija dwar in-Nies Indiġeni li ġiet organizzata bħala parti mill-Plenarja ta’ Livell Għoli tal-AĠNU fl-2014. Iż-żewġ dokumenti jenfasizzaw id-drittijiet li għandhom in-nies indiġeni għar-riżorsi li użaw tradizzjonalment u l-bżonn li l-Istati jipproteġu dawk id-drittijiet u jikkooperaw u jikkonsultaw man-nies indiġeni. Fil-15 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Konklużjonijiet (Dok. 8814/17, il-15 ta’ Mejju 2017) li jikkonfermaw mill-ġdid l-appoġġ tiegħu lejn id-drittijiet tan-nies indiġeni u jirrikonoxxu li hemm spazju għall-applikazzjoni ta’ dan il-qafas ta’ politika b’mod aktar effettiv f’kooperazzjoni multilaterali, jiġifieri billi jittejbu aktar l-opportunitajiet għal djalogu u konsultazzjoni fil-livelli kollha ta’ kooperazzjoni tal-UE.
(26) Ir-Rakkomandazzjonijiet 2 u 6 fuq paġna 21 tal-IWC/66/ASW Rep01
(27) Il-Paragrafu 46 tas-sentenza tal-QIĠ tal-31 ta’ Marzu 2014.
(28) Bħalissa 3 Stati Membri għandhom id-drittijiet tal-vot tagħhom sospiżi u f’każ wieħed huma dovuti arretrati ta’ 3 snin.
(29) Il-Kawża C-399/12 il-Ġermanja vs il-Kunsill (OIV), ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(30) Il-Kawżi C-626/15 u C-659/16, il-Kummissjoni/il-Kunsill (il-kawżi tal-Baħar Weddell). Ara wkoll it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża C-683/16.
(31) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(32) Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit (Jannar 2017). Bħalissa tnejn u għoxrin minn dawn l-Istati Membri huma membri votanti tal-IWC.
(33) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
(34) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).
(35) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 348/81 tal-20 ta’ Jannar 1981 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjoni tal-balieni u ta’ prodotti oħrajn miċ-ċetaċej (ĠU L 39, 12.2.1981, p. 1).
(36) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nies Indiġeni, Dok. 8814/17, 15 ta’ Mejju 2017.
(37) IWC 67 fl-2018, IWC 68 fl-2020 u IWC 69 fl-2022.

Brussell, 4.9.2017

COM(2017) 463 final

ANNESS

tal-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tliet laqgħat li jmiss tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni inkluż il-laqgħat u l-azzjonijiet intersessjonali relatati


ANNESS

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tliet laqgħat li jmiss tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni inkluż il-laqgħat u l-azzjonijiet intersessjonali relatati

1.L-għan globali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (“IWC”) huwa li tiżgura qafas regolatorju internazzjonali effettiv għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-balieni, li jiggarantixxi titjib sinifikanti fl-istatus ta’ konservazzjoni tal-balieni u ċetaċji oħrajn u li jġib l-operazzjonijiet kollha tal-kaċċa għall-balieni mill-membri tal-IWC taħt il-kontroll tal-IWC.

2.Biex jintlaħaq dan l-għan, huwa importanti li dawk il-ftit Stati Membri li fil-preżent mhumiex Membri tal-Konvenzjoni, jingħaqdu magħha bil-ħsieb li jissaħħaħ l-impatt tal-Unjoni meta tkun qed tivvota dwar kwistjonijiet ta’ interess għall-Unjoni. Bl-istess mod, huwa importanti li l-Istati Membri kollha jżommu d-drittijiet tal-vot tagħhom billi jħallsu l-kontribuzzjonijiet ivvalutati tagħhom, fil-ħin.

3.Fit-tliet laqgħat li jmiss ta’ kull sentejn tagħha u fi kwalunkwe laqgħa intersessjonali u azzjoni relatata mill-adozzjoni tal-pożizzjoni fil-preżent, l-Istati Membri filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom jieħdu l-pożizzjoni li ġejja dwar il-proposti għall-Emendi għall-Iskeda jew ir-Riżoluzzjonijiet mill-IWC:

(a)Ifittxu li jiġbru flimkien l-operazzjonijiet kollha tal-kaċċa għall-balieni mill-membri tal-IWC taħt il-kontroll tal-IWC;

(b)Jappoġġaw iż-żamma u l-implimentazzjoni sħiħa tal-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni fl-Iskeda;

(c)Isegwu l-eżempju tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u jopponu kwalunkwe proposta għal tipi ġodda ta’ kaċċa għall-balieni mhux imbassra fil-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni (“ICRW”), li tista’ timmina l-moratorju u/jew potenzjalment twassal għal theddid għall-istokkijiet tal-balieni fiż-żoni li jmissu mal-Unjoni;

(d)Jappoġġaw proposti mmirati biex tintemm il-kaċċa xjentifika għall-balieni li ma tkunx fil-kontroll tal-IWC; Jappoġġaw proposti mmirati biex tiġi promossa r-riċerka xjentifika mhux letali u biex il-proċess ta’ reviżjoni tal-IWC tal-kaċċa għall-balieni b’Permess Speċjali jsir effettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat l-abbuż u titħeġġeġ il-konformità mal-aspetti kollha tad-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (il-Kaċċa għall-Balieni fl-Antartika, l-Awstralja vs il-Ġappun: Intervent ta’ New Zealand, Sentenza tal-31 ta’ Marzu 2014) u l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-IWC;

(e)Jappoġġaw proposti għall-ġestjoni tal-kaċċa għall-balieni ta’ sussistenza aboriġina li:

(1)Jiżguraw li l-konservazzjoni tal-istokk rilevanti mhux fil-periklu, b’konsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-parir tal-Kumitat Xjentifiku;

(2)Jiżguraw li l-operazzjonijiet tal-kaċċa għall-balieni jkunu rregolati kif suppost u l-qabdiet jibqgħu sostenibbli fi ħdan l-ambitu tal-ħtiġijiet ta’ sussistenza għall-użu lokali;

(3)Jieħdu nota ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-persuni indiġeni filwaqt li jirrikonoxxu li l-balieni huma speċi migratorja u jivvjaġġaw lejn stati oħra tal-firxa.

Billi jagħmlu dan, u skont ir-Riżoluzzjoni tal-IWC 2014-1 dwar l-ASW, sponsorjata mill-Unjoni, l-Istati Membri tal-Unjoni filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni se jsegwu b’mod attiv u jimpenjaw lilhom infushom fil-ħidma kontinwa li qed issir mill-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc għall-ASW tal-IWC bil-ħsieb li jiżdied il-fehim u jitjiebu l-proċeduri, inkluż fir-rigward ta’ iktar trasparenza, informazzjoni f’waqtha u djalogu bikri, fi ħdan l-Unjoni u l-IWC, sabiex ikun żgurat li l-proposti tal-limitu ta’ qbid tal-ASW jistgħu jiġu deċiżi mingħajr xkiel u fil-ħin dovut;

(f)Jappoġġaw proposti għall-ħolqien ta’ santwarji tal-balieni;

(g)Ikomplu jappoġġaw l-iżvilupp tal-kontribuzzjonijiet l-oħrajn tal-IWC għall-konservazzjoni tal-balieni u ċetaċji oħrajn u l-ħabitats tagħhom, jifhmu u jindirizzaw it-theddid għas-saħħa u l-benessri li huma jaffaċċaw – inkluż l-impatti kumulattivi potenzjali ta’ dan it-theddid – u jifhmu u jippreservaw aħjar ir-rwol li għandhom il-balieni u ċetaċji oħrajn bħala komponenti ewlenin ta’ ekosistemi b’saħħithom jew fl-interazzjoni tagħhom mal-bnedmin; f’dak il-kuntest, itejbu l-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-IWC u organizzazzjonijiet oħrajn biex isaħħu r-reġim globali għall-konservazzjoni taċ-ċetaċji;

(h)Jappoġġaw proposti biex titjib il-governanza tal-IWC, f’konformità mal-aħjar prassi fi ftehimiet multilaterali oħrajn u fil-korpi ta’ tmexxija tagħhom, inkluż mekkaniżmi għall-iżgurar ta’ iktar trasparenza, kontabbiltà, konformità u infurzar sabiex jirrinforzaw il-leġittimità u l-integrità tal-IWC tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha;

(i)Jappoġġaw proposti mmirati lejn l-ikkonsolidar tat-trasparenza tal-iskema, operata mis-Segretarjat tal-IWC, għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ Gvernijiet b’Mezzi Limitati biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-IWC; fl-istess ħin, jitolbu trasparenza minn dawk id-donaturi li jiffinanzjaw direttament il-parteċipazzjoni ta’ delegati minn pajjiżi terzi barra minn din l-iskema;

(j)Isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, u jkomplu jikkontribwixxu għat-titjib tal-involviment u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tal-IWC fil-livelli kollha, skont il-prassi komuni fi ftehimiet multilaterali oħrajn.