Brussell, 23.8.2017

COM(2017) 451 final

2017/0205(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru sabiex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjoniniet ta' dik id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-7 ta’ Ottubru 2016, il-Polonja talbet għal deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT biex tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge fuq drives riġidi bħal drives bi stat solidu (solid-state drives - SSDs) u drives b’diski riġidi (hard disk drives - HDDs). Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Polonja permezz ta' ittri datati t-12 u t-13 ta' Lulju 2017. Permezz tal-ittra datata t-13 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet u l-objettivi tal-proposta

Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-persuna taxxabbli li tkun qed tforni merkanzija jew servizzi normalment hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Polonja qed titlob deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT biex tkun awtorizzata tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti tad-drives riġidi kollha (inklużi l-SSDs u HDDs) li mhumiex koperti mill-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT. Skont din il-proċedura, il-persuna taxxabbli, li għaliha jsiru l-provvisti, issir responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Din il-persuna taxxabbli, sakemm ikollha dritt sħiħ ta’ tnaqqis, tiddikjara u tnaqqas simultanjament il-VAT skont il-provvista, b’hekk twassal għal nuqqas ta’ ħlas effettiv tal-VAT lit-Teżor.

Il-Polonja talbet id-deroga biex tevita aktar tixrid ta’ frodi tal-VAT fis-settur tad-drives riġidi. Fil-Polonja, għadd ta’ prodotti elettroniċi ġew koperti mill-mekkaniżmu ta’ reverse charge abbażi tal-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT (smartphones, laptops, konsowls tal-logħob, eċċ. u reċentement proċessuri). Skont il-Polonja, wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti ta’ dawn il-prodotti, id-drives riġidi saru komodità oħra fil-kategorija ta’ prodotti elettroniċi użati għall-frodi tal-VAT. Jidher li l-prattika ta’ frodi tal-VAT fis-suq tad-drives riġidi qed tikber permezz tal-użu tal-mekkaniżmu tan-“negozjant nieqes” (MTIC). Id-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-prattika għandhom impatti diretti u negattivi ħafna fuq id-distributuri li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-frodi u din il-prattika twassal għal tnaqqis fid-dħul mill-VAT.

Abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-Polonja, il-mekkaniżmu tal-frodi jikkonsisti f’operaturi frawdulenti li jirreġistraw entitajiet f’indirizz speċifiku, u għal perjodu ta’ żmien jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa. Dawn l-entitajiet jistennew il-mument opportun biex iwettqu xi bejgħ domestiku kbir, jiġbru l-VAT mingħand il-klijenti tagħhom u jagħlqu n-negozju tagħhom mingħajr ma jħallsu l-VAT dovut lill-baġit. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, huwa impossibbli li l-entitajiet jiġu awditjati minħabba l-problemi biex jinstab il-post reali tan-negozju u l-persuni involuti fl-attivitajiet minħabba l-fenomenu ta’ uffiċċji virtwali, il-bidliet frekwenti tal-uffiċċju rreġistrat, in-nuqqas ta’ dokumenti rigward it-tranżazzjonijiet imwettqa, eċċ.

Il-Polonja ħadet għadd ta’ miżuri biex tindirizza u tipprevjeni dawn it-tipi ta’ frodi (riforma tal-amministrazzjoni tat-taxxa biex tiffoka r-riżorsi fuq il-ġlieda kontra l-frodi, l-introduzzjoni ta’ Verifika Unika Interistituzzjonali, dikjarazzjonijiet tal-VAT obbligatorji ta’ kull xahar, l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi, eċċ.) u qed tagħmel riformi ulterjuri (eż. sistema volontarja ta’ ħlas maqsum). Madankollu, sakemm il-miżuri jġibu riżultati effettivi, il-Polonja tqis li hemm il-ħtieġa ta’ appoġġ addizzjonali, fil-forma ta’ miżura temporanja bħall-introduzzjoni tal-mekkaniżmu domestiku tar-reverse charge.

Huwa propost li tingħata d-deroga mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Billi sal-iskadenza tad-deroga, il-miżuri meħuda mill-Polonja għandhom jiksbu r-riżultati mistennija, il-Polonja mhux se jkollha aktar bżonn ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-provvisti ta’ drives riġidi. Għaldaqstant, mhux se jkun meħtieġ it-tiġdid tad-deroga.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta tidħol fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li qed jiġi segwit, jiġifieri l-prevenzjoni ta' ċerti forom ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa f'settur speċifiku.

Għażla tal-istrument

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument adattat billi tista' tiġi indirizzata lil Stati Membri individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba tal-Polonja u tikkonċerna lil dan l-Istat Membru biss.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni għandha l-għan li tipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa fis-settur tad-drives riġidi. Il-mekkaniżmu tar-reverse charge għandu jgħin lill-Polonja biex twaqqaf it-tixrid ulterjuri ta’ frodi u biex jipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-settur tad-drives riġidi. B’riżultat ta’ dan, il-miżura ta’ deroga se jkollha impatt potenzjali pożittiv.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni żgħir tad-deroga u l-applikazzjoni limitata tagħha fiż-żmien, l-impatt, fi kwalunkwe każ, se jkun limitat.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita sal-31 ta’ Diċembru 2020.

2017/0205 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 1 , u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li persuna taxxabbli li tforni merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-7 ta’ Ottubru 2016, il-Polonja talbet għal deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE biex tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge fuq drives riġidi bħal drives bi stat solidu u drives b’diski riġidi.

(3)Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta' ittri datati t-12 u t-13 ta' Lulju 2017, bit-talba li għamlet il-Polonja. Permezz tal-ittra datata t-13 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(4)Id-drives riġidi, li mhumiex koperti bl-Artikolu 199a tad-Direttiva 2006/112/KE, saru komodità oħra fil-kategorija ta’ prodotti elettroniċi użati għall-frodi tal-VAT fil-Polonja. Jidher li l-prattika ta’ frodi tal-VAT fis-suq tad-drives riġidi qed tikber permezz tal-użu tal-mekkaniżmu tan-“negozjant nieqes” (MTIC). Id-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-prattika għandhom impatti diretti u negattivi ħafna fuq id-distributuri li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-frodi u din il-prattikatiwassal għal tnaqqis fid-dħul mill-VAT.

(5)Il-Polonja ħadet għadd ta’ miżuri li jindirizzaw u jipprevjenu l-frodi tal-VAT. Madankollu, sakemm il-miżuri jġibu riżultati effettivi, il-Polonja tqis li hemm il-ħtieġa ta’ appoġġ addizzjonali, fil-forma ta’ miżura temporanja bħall-introduzzjoni tal-mekkaniżmu domestiku tar-reverse charge.

(6)Għaldaqstant, il-Polonja jenħtieġ li tkun awtorizzata tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge fuq provvisti ta’ drives riġidi bħal drives bi stat solidu u drives b’diski riġidi mill-1 ta’ Jannar 2018. Id-deroga għandha tkun limitata sal-31 ta' Diċembru 2020.

(7)Sakemm tiskadi d-deroga, il-miżuri meħuda mill-Polonja għandhom jipprevjenu aktar tixrid ta’ frodi tal-VAT fis-settur tad-drives riġidi u għalhekk il-Polonja ma tkunx teħtieġ li tkompli tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ dawn il-provvisti. Għaldaqstant, il-Polonja mhux se tkun tenħtieġ li ġġedded id-deroga.

(8)Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja hija awtorizzata li tinnomina lir-riċevitur bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT fil-każ ta’ provvisti ta’ drives riġidi bħal drives bi stat solidu u drives b’diski riġidi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018 u għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU 347, 11.12.2006, p. 1.