IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.7.2017
COM(2017) 406 final
2017/0181(NLE)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE skont l-emendi tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, kif approvata mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-11 ta’ Ġunju 2014
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fl-2016, l-Organizzazzjoni Internazzjoni tax-Xogħol (ILO) adottat il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC) sabiex jinħoloq strument uniku u koerenti li jiġbor flimkien l-istandards aġġornati kollha għax-xogħol marittimu internazzjonali. L-MLC tipprevedi drittijiet komprensivi u protezzjoni fuq ix-xogħol għall-baħħara kollha, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u l-bandiera tal-bastiment. Sa issa ġiet ratifikata minn 81 pajjiż, inkluż l-Istati Membri kollha tal-UE minbarra l-Awstrija, is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka.
Id-dispożizzjonijiet tal-MLC ġew inkorporati fil-liġi tal-Unjoni mid-Direttiva 2009/13/KE li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006. Id-Direttiva aġġornat il-liġi tal-UE bl-istandards tal-MLC li kienu iktar favorevoli għall-baħħara minn dawk li kienu diġà jeżistu (ftehimiet tal-impjieg, ħinijiet tax-xogħol, ripatrijazzjoni, akkomodazzjoni u faċilitajiet ta’ rikreazzjoni, ikel u forniment tal-ikel, protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza, kura medika u proċeduri ta’ lmenti, eċċ.). Id-Direttiva ppromwoviet ir-ratifika tal-MLC fl-UE u għenet biex jitħaffef id-dħul fis-seħħ tagħha. Għenet ukoll biex ikun hemm traspożizzjoni uniformi tal-istandards MLC fl-Istati Membri kollha u tejbet il-ftehim b’miżuri ta’ infurzar speċifiċi skont il-liġi tal-UE.
L-MLC tal-2006 indirizzat parzjalment il-problemi dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens b’rabta mat-talbiet tal-ekwipaġġ dwar mewt, korriment personali u abbandun f’portijiet barranin meta s-sidien tal-bastimenti ma jonorawx iktar ir-responsabbiltajiet tagħhom. L-industrija tat-tbaħħir hija ta’ natura globali, għaliha japplikaw liġijiet nazzjonali differenti skont l-Istat ta’ sid il-bastiment, il-bandiera tal-Istat tal-bastiment jew in-nazzjonalità tal-ekwipaġġ. Minħabba f’hekk il-baħħara jkollhom diffikultà biex jiksbu rimedju rapidu u sodisfaċenti fil-każ ta’ abbandun, korriment jew mewt.
Dawn il-problemi ilhom li ġew rikonoxxuti kemm mill-ILO, kif ukoll mill-IMO (Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali). Fl-1998 huma stabbilew grupp ta’ ħidma ta’ esperti ad hoc konġunt tal-IMO/ILO dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens fir-rigward ta’ talbiet dwar mewt, korriment personali jew abbandun tal-baħħara. Dan il-grupp irrakkomanda approċċ f’żewġ stadji: l-ewwel stadju jkun l-adozzjoni ta’ linji gwida mhux vinkolanti, u t-tieni stadju jkun l-adozzjoni ta’ strumenti obbligatorji. Irrakkomanda wkoll l-istabbiliment ta’ bażi tad-dejta dwar l-inċidenti ta’ abbandun tal-baħħara, li ġiet stabbilita fl-2005.
Fl-2010 u l-2011, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma konġunt, l-ILO identifikat żewġ kwistjonijiet ta’ prijorità: l-abbandun tal-baħħara u s-sigurtà finanzjarja; u t-talbiet dwar mewt jew diżabbiltà fit-tul tal-baħħara. Fl-2004, il-Kumitat Tripartitiku Speċjali stabbilit mill-MLC adotta żewġ emendi dwar dawn il-kwistjonijiet. Minn Marzu 2016, il-bażi tad-dejta tal-ILO dwar l-abbandun tal-baħħara elenkat 192 bastiment merkantili abbandunat, uħud minnhom imorru lura għall-2006, b’każijiet ta’ abbandun li għadhom mhumiex solvuti. Ħafna baħħara abbandunati jibqgħu abbord il-bastimenti mingħajr paga għal diversi xhur, u jkollhom nuqqas ta’ provvisti regolari tal-ikel, kura medika jew mezzi biex imorru lura d-dar.
Uħud mir-regoli introdotti mill-emendi kienu jaqgħu fi ħdan il-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea u kienu jikkonċernaw kwistjonijiet li kienet adottat regoli għalihom, b’mod partikolari fil-politika soċjali u t-trasport. Għaldaqstant, il-Kunsill adotta Deċiżjoni (2014/346/UE) dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-103 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol dwar l-emendi tal-2014 tal-MLC, sabiex jiżgura l-appoġġ tal-Unjoni għall-approvazzjoni tagħhom.
Fil-11 ta’ Ġunju 2014, l-emendi ġew approvati mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fil-103 sessjoni tagħha f’Ġinevra. L-Istati Membri kollha tal-UE vvutaw favur l-approvazzjoni tagħhom. Iż-żewġ settijiet ta’ emendi jikkonċernaw kemm id-dispożizzjonijiet obbligatorji (parti A tar-regolamenti u l-istandards), kif ukoll id-dispożizzjonijiet mhux obbligatorji (parti B tal-linji gwida) fil-Kodiċi tal-MLC. Huma jkopru r-Regolament 2.5 (ripatrijazzjoni) fit-Titolu 2 dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg, u r-Regolament 4.2 (responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti) fit-Titolu 4 dwar il-protezzjoni tas-saħħa, l-kura medika, l-benesseri u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali.
Id-dispożizzjonijiet obbligatorji emendati jfittxu li jipprovdu sistema ta’ sigurtà finanzjarja effettiva li:
(1)tipproteġi d-drittijiet tal-baħħara f’każ ta’ abbandun (emenda tar-Regolament 2.5). Din l-emenda ttejjeb is-sistema ta’ sigurtà finanzjarja li tapplika meta sid il-bastiment ma jkoprix l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni tagħhom, kif diġà rikonoxxut mir-Regolament 2.5(2). Tirrikonoxxi wkoll żewġ sitwazzjonijiet ġodda: meta sid il-bastiment ma jipprovdix il-manteniment u l-appoġġ meħtieġ lill-baħħar; jew meta sid il-bastiment unilateralment jaqta’ r-rabtiet tiegħu mal-baħħar mod ieħor, inkluż billi jonqos milli jħallas il-paga kuntrattwali għal perjodu ta’ mill-inqas xahrejn. Tinkludi wkoll ir-rekwiżiti biex tiġi stabbilita sistema ta’ sigurtà finanzjarja rapida u effettiva li f’każ ta’ abbandun tassisti lill-baħħara li jkunu fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru;
(2)tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għas-sistema ta’ sigurtà finanzjarja li tipprovdi kumpens għat-talbiet kuntrattwali għal mewt jew disabbiltà fit-tul tal-baħħara minħabba korriment, mard jew periklu fuq il-post tax-xogħol (emenda tar-Regolament 4.2).
Għaldaqstant, dawn l-emendi jtejbu u jkabbru s-sistema eżistenti għall-protezzjoni tal-baħħara; jagħmlu l-proċeduri ta’ kumpens iktar faċli u iktar effettivi; u huma appoġġati mill-obbligu li jġorru evidenza dokumentata tas-sistema ta’ sigurtà finanzjarja abbord il-bastimenti.
Dawn l-emendi tal-MLC daħlu fis-seħħ fit-18 ta’ Jannar 2017 fi 18-il Stat Membru. L-emendi huma mistennija jidħlu fis-seħħ fin-Netherlands mill-1 ta’ Jannar 2018. L-Italja u l-Litwanja pposponew id-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi sat-18 ta’ Jannar 2018. Fir-rigward tal-erba’ Stati Membri li rratifikaw l-MLC wara li ġew approvati l-emendi, is-Slovenja diġà aċċettat l-emendi li se jidħlu fis-seħħ fit-3 ta’ Awwissu 2017. Madankollu, ir-Rumanija, l-Estonja u l-Portugall għad iridu jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni formali. Din mistennija fix-xhur li ġejjin.
Fil-5 ta’ Diċembru 2016, is-sħab soċjali fis-settur tat-trasport marittimu, l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), ikkonkludew ftehim biex jiġi emendat il-ftehim tagħhom li jimplimenta l-MLC, 2006, kif anness fid-Direttiva 20019/13/KE, sabiex jiġi konformi mal-emendi tal-2014 tal-MLC. Dan il-ftehim jirriproduċi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet kollha tal-emendi tal-2014 tal-MLC.
Fit-12 ta’ Diċembru 2016, l-ECSA u l-ETF talbu li l-Kummissjoni timplimenta l-ftehim tagħhom permezz ta’ proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE. Din il-proposta twieġeb it-talba tagħhom.
Il-Kummissjoni qed tressaq din il-proposta sabiex tallinja d-Direttiva 2009/13/KE u l-ftehim mehmuż magħha, mal-emendi obbligatorji tal-ILO tal-2014 tal-MLC. Din se ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza u l-protezzjoni soċjali tal-baħħara abbord bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE.
Il-proposta għandha wkoll l-għan li tiżgura l-infurzar effettiv tal-emendi obbligatorji tal-ILO tal-2014 tal-MLC fl-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva ta’ infurzar dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera (Direttiva 2013/54/UE). Din id-Direttiva tistipula r-regoli sabiex tiżgura li l-Istati Membri:
-
jikkonformaw b’mod effettiv mal-obbligi tagħhom bħala Stati tal-bandiera biex jimplimentaw il-partijiet rilevanti tal-MLC, 2006 (jiġifieri dawk il-partijiet bil-kontenut meqjus li jikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness tad-Direttiva 2009/13/KE); u
-
jistabbilixxu reġimi speċifiċi għall-monitoraġġ tal-konformità u l-ġestjoni tal-proċeduri ta’ lmenti abbord u fuq l-art.
Ladarba l-Anness tad-Direttiva 2009/13/KE jiġi emendat b’din il-proposta, il-miżuri ta’ monitoraġġ tad-Direttiva 2013/54/UE japplikaw ukoll għall-emendi tal-2014 tal-MLC mingħajr il-ħtieġa li jiġu emendati speċifikament dawn tal-aħħar.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta taqbel mal-ħidma tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew li jipprovdi lill-ħaddiema protezzjoni deċenti u impjiegi sostenibbli. Dan jinkludi s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa, il-ħin tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali, u d-drittijiet marbuta mal-kuntratt tal-impjieg. Permezz ta’ politika marittima integrata għall-UE, il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ ukoll “id-djalogu soċjali dwar l-integrazzjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-istandards tax-xogħol marittimu fil-liġi tal-Komunità”.
Din l-proposta tappoġġa b’mod ieħor lis-sikurezza marittima. Il-protezzjoni tal-baħħara abbandunati, billi jiġu offruti r-ripatrijazzjoni, l-appoġġ u l-manteniment u l-ħlas tal-paga pendenti tagħhom, tista’ tipprevjeni l-inċidenti għall-bastimenti u l-ekwipaġġ, minħabba li jfisser li sakemm jiġu ripatrijati jew jitħallsu l-paga pendenti tagħhom, il-baħħara ma jkollhomx għalfejn joqogħdu abbord il-bastimenti abbandunati li tħallew fil-portijiet. Lanqas ma jitħallew f’bastimenti li jimxu mal-kurrent mingħajr fjuwil jew provvisti tal-ikel bażiku u tal-ilma.
Sistema ta’ sigurtà finanzjarja iktar robusta għal każijiet ta’ abbandun, mewt jew diżabbiltà fit-tul tal-baħħara, tneħħi l-piż minn fuq il-portijiet Ewropej u l-komunitajiet tal-kosta li attwalment qed jassistu lill-baħħara milquta u l-familji tagħhom.
Din il-proposta tikkumplimenta l-isforzi biex l-MLC tiġi implimentata b’mod iktar effettiv billi tibbaża fuq ir-reġimi speċifiċi għall-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-proċeduri tal-ilmenti abbord jew fuq l-art fid-Direttiva ta’ infurzar 2013/38/UE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port. Din id-Direttiva kienet tinkludi l-MLC 2006 fost il-Konvenzjonijiet li l-implimentazzjoni tagħhom hija vverifikata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-portijiet tagħhom. Dan jiżgura li t-trattament tal-bastimenti u l-ekwipaġġ tagħhom li jtajru l-bandiera ta’ Stat li ma rratifikax, mhuwiex iktar favorevoli minn dak ta’ bastiment u l-ekwipaġġ tiegħu li jtajjar l-bandiera ta’ Stat li rratifika. L-emendi tal-2014 tal-MLC huma diġà soġġetti għal din id-Direttiva peress li tapplika għall-MLC, inklużi l-emendi kollha tagħha.
Il-proposta tikkumplimenta d-Direttiva 2015/1794/UE, li tinkludi l-baħħara fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħames Direttivi dwar il-liġi tax-xogħol (dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, sensji kollettivi u trasferiment ta’ impriżi), u għaldaqstant ittejjeb id-drittijiet tax-xogħol tagħhom u tagħtihom l-istess drittijiet tal-ħaddiema fuq l-art.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Għall-Ewropa, it-trasport marittimu kien katalista għall-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità matul l-istorja tagħha. It-trasport marittimu tal-beni u l-passiġġieri jmexxi ’l quddiem kemm il-kummerċ intern fl-UE, kif ukoll dak internazzjonali, u jippromwovi l-kuntatti bejn in-nazzjonijiet Ewropej, iċ-ċittadini u t-turisti kollha. In-nuqqas dejjem jikber ta’ professjonisti marittimi, uffiċjali u klassifikazzjonijiet, iġorr miegħu r-riskju ta’ telf ta’ għadd kritiku ta’ riżorsi umani li jsostni l-kompetittività tal-industriji marittimi Ewropej b’mod ġenerali. Din il-proposta twieġeb għall-għan ta’ appoġġ skont l-Istrateġija tat-Trasport Marittimu sal-2018, “ix-xogħol tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar it-trattament ġust tal-baħħara, sabiex ikun żgurat, fost l-oħrajn, li l-linji ta’ gwida dwar it-trattament tal-baħħara fil-każ ta’ inċident marittimu, l-abbandun, ferita fuq il-persuna jew il-mewt tal-baħħara, u l-kundizzjonijiet tal-btajjel fuq l-art ikunu implimentati kif jixraq fl-UE u madwar id-dinja”. Dan jagħmel il-professjonijiet marittimi aktar attraenti għall-Ewropej.
Il-proposta se tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni iktar ġusti għal dawk is-sidien tal-bastimenti fis-settur tat-trasport marittimu tal-UE li jirrispettaw id-drittjiet tal-baħħara u ħafna drabi huma żvantaġġati minħabba trasport marittimu ta’ livell baxx.
L-implimentazzjoni tal-ftehim bejn is-sħab soċjali permezz tal-liġi tal-UE hija wkoll konformi mal-impenn tal-Kummissjoni biex tippromwovi d-djalogu soċjali matul l-industriji u dak settorjali fil-livell tal-UE, kif imsemmi fid-dikjarazzjoni konġunta Bidu Ġdid għad-Djalogu Soċjali, li s-sħab soċjali tal-UE, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw fis-27 ta’ Ġunju 2016.
Dan il-ftehim huwa eżempju pożittiv ta’ sħab soċjali li jappoġġaw l-aġenda ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni biex il-liġi tal-UE tinżamm aġġornata u tajba għal dan l-għan.
Jirrifletti wkoll il-prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar id-djalogu soċjali u l-involvment tal-ħaddiema li jgħid li “Is-sħab soċjali (…) għandhom ikunu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija u d-dritt tagħhom għal azzjoni kollettiva. Fejn xieraq, il-ftehimiet konklużi bejn is-sħab soċjali għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.”. Jaqbel ukoll mal-prinċipji u d-drittijiet speċifiċi rikonoxxuti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bħal pagi, ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sigur u adattat sew u l-protezzjoni tad-data u protezzjoni soċjali.
B’mod ġenerali, din il-proposta tgħin biex tintegra bis-sħiħ l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli fil-qafas politiku Ewropew, skont l-impenn li sar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli: Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 155(2) jikkostitwixxi l-bażi ġuridika għal din il-proposta.
L-Artikolu 155(2) tat-TFUE jipprevedi li “Il-Ftehim konklużi fil-livell tal-Unjoni għandhom jkunu implementati skond il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 153, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu meta l-ftehim inkwistjoni jkun fih dispożizzjoni waħda jew aktar konnessi ma’ wieħed mill-oqsma li għalihom hija meħtieġa l-unanimità skond l-Artikolu 153(2).”.
L-ewwel emenda tal-ftehim bejn is-sħab soċjali dwar is-sistema ta’ sigurtà finanzjarja f’każ ta’ abbandun tal-baħħara tirrigwarda kemm is-saħħa u s-sikurezza, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u għalhekk hija koperta mill-Artikolu 153(1)(a) dwar it-titjib in partikolari tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-siġurtà tal-ħaddiema, u (b) il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
It-tieni emenda dwar ir-rekwiżiti tas-sistema ta’ sigurtà finanzjarja biex tiżgura l-kumpens f’każ ta’ mewt jew diżabbiltà fit-tul tal-baħħara minħabba korriment, mard jew periklu fuq il-post tax-xogħol, hija koperta mill-Artikolu 153(1)(c) dwar is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema.
Peress li dan huwa qasam li jirrikjedi unanimità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 153(2), il-Kunsill se jkollu jiddeċiedi b’unanimità.
•Sussidjarjetà
Din il-proposta tiżgura li l-liġi tal-UE u l-MLC ikunu konsistenti u li l-emendi tal-2014 tal-MLC jiġu infurazi kif suppost fl-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/54/UE dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera. Dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz tal-liġi nazzjonali, minħabba li l-bidliet tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE jistgħu jsiru biss fil-livell tal-UE.
Barra minn hekk, għandu jkun hemm trattament ugwali bejn il-flotta tal-UE u l-portijiet tal-UE, u l-flotot li mhumiex tal-UE. Iktar minn hekk, fid-Direttiva tal-Kunsill 2014/346/UE, il-Kunsill stipula formalment li “Partijiet mir-regoli skont il-Konvenzjoni u l-emendi li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni u jikkonċernaw materji li fir-rigward tagħhom l-Unjoni tkun adottat regoli”.
Il-proposta se tgħin biex jiġu applikati l-emendi obbligatorji tal-MLC fl-istess ħin u bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Dan huwa meħtieġ sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ekwi msemmija qabel bejn il-flotta tal-UE u l-portijiet tal-UE. Il-proposta tista’ tnaqqas l-impatti negattivi fuq l-Istati tal-port tal-UE minħabba li ftit każi jistgħu jaqgħu taħt il-paragrafu 5(a) tal-Istandard A.2.5 tal-Anness tad-Direttiva 2009/13/KE. Skont dan il-paragrafu, jekk sid ta’ bastiment jonqos milli jorganizza r-ripatrijazzjoni tal-baħħar, l-Istat tal-bandiera tal-UE jeħtieġ jagħmel dan. Jekk lanqas ma jagħmel hekk, l-Istat minn fejn għandu jiġi ripatrijat il-baħħar jew l-Istat tan-nazzjonalità tiegħu, jista’ jorganizza r-ripatrijazzjoni tiegħu u jirkupra l-ispejjeż mill-Istat tal-bandiera tal-UE.
Għall-Istati Membri li ma rratifikawx jew għadhom ma rratifikawx l-emendi (l-Istati Membri li jew għadhom ma rratifikawx l-MLC jew għad iridu jippreżentaw dikjarazzjoni formali ta’ aċċettazzjoni), l-azzjoni tal-UE jkollha l-valur miżjud li tapplika l-ftehim għas-sidien tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u b’hekk jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara u l-protezzjoni soċjali tal-baħħara abbord dawk il-bastimenti u l-familji tagħhom.
Il-proposta żiedet il-valur anki għall-Istati Membri li rratifikaw l-MLC, fejn l-emendi diġà daħlu fis-seħħ u għalhekk huma marbutin bihom. Se tallinja l-kamp ta’ applikazzjoni tal-emendi tal-2014 mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/13/KE, se ddaħħalhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ta’ infurzar 2013/54/UE dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera, kif ukoll fi ħdan is-sistema ta’ superviżjoni u monitoraġġ tal-liġi tal-UE, fosthom il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq quddiem tas-sistema superviżjorja tal-MLC. Dan se jagħti iktar protezzjoni lill-baħħara u jżid il-konformità tal-Istati Membri u s-sidien tal-bastimenti mar-rekwiżiti l-ġodda.
•Proporzjonalità
Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jintlaħaq peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta huwa strettament limitat għat-traspożizzjoni fil-liġi tal-UE, tal-istandards obbligatorji minimi aġġornati li jinsabu fl-emendi tal-2014 tal-MLC, 2006.
Il-proposta tħalli l-għażliet f’idejn l-Istati Membri tal-UE għaż-żamma jew għad-dħul ta’ standards aktar favorevoli għall-ħaddiema sabiex jitqiesu karatteristiċi speċifiċi tas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom. Konsegwentement, tħalli spazju għal flessibilità fir-rigward tal-għażla ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni attwali.
•Għażla tal-istrument
L-istrument magħżul huwa direttiva. It-terminu “deċiżjoni” fl-Artikolu 155(2) tat-TFUE jintuża fit-tifsira ġenerali tiegħu sabiex ikun jista’ jintgħażel l-istrument leġiżlattiv skont l-Artikolu 288 tat-TFUE. Hija l-Kummissjoni li trid tipproponi l-aktar strument xieraq mit-tliet strumenti vinkolanti msemmija f’dak l-Artikolu (regolament, direttiva jew deċiżjoni).
L-Artikolu 296 tat-TFUE jiddikjara li “fejn it-Trattati ma jispeċifikawx it-tip ta’ att li għandu jiġi adottat, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu każ b’każ, skont il-proċeduri applikabbli, u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità”.
F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li direttiva hija l-aktar strument xieraq peress li se temenda direttiva oħra (Direttiva 2009/13/KE) u peress li l-ftehim bejn is-sħab soċjali jinkludi l-obbligi u d-drittijiet li se jkollhom jiġu trasposti mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali tagħhom.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ma twettqet l-ebda evalwazzjoni fid-Direttiva 2009/13/KE eżistenti minħabba li l-iskadenza tat-traspożizzjoni kienet l-20 ta’ Awwissu 2014 u l-valutazzjoni tal-konformità tat-traspożizzjoni ma ġietx konkluża.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Meta sħab soċjali jitolbu li l-Kummissjoni tippreżenta proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li timplimenta l-ftehim tagħhom skont l-Artikolu 155 tat-TFUE, jeħtieġ jiġu applikati prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar mingħajr preġudizzju għar-rwol u l-awtonomija li jagħtihom it-TFUE, ir-rwol tal-Kummissjoni biex tiffaċilita d-djalogu tagħhom, jew il-ħtieġa għal trasparenza ġenerali.
Ma twettqet l-ebda konsultazzjoni pubblika ulterjuri minħabba t-trasparenza tal-proċess, il-fatti li l-parti tas-sħab soċjali ta’ dan il-ftehim hija rappreżentattiva tal-impjegaturi u l-ħaddiema fis-settur, u r-rwol mogħti lis-sħab soċjali permezz tal-Artikolu 155 tat-TFUE.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta se tallinja l-kamp ta’ applikazzjoni tal-emendi obbligatorji tal-ILO tal-2014 ma’ dak tad-Direttiva 2009/13/KE, li skont l-Artikolu II(6) tal-MLC jipprekludi l-possibbiltà li ma jiġux applikati ċerti dettalji tal-Kodiċi li l-awtorità kompetenti tiddetermina bħala mhux raġonevoli jew prattiċi għal bastimenti b’inqas minn 200 tunnellaġġ gross li ma jagħmlux vjaġġi internazzjonali, sa fejn is-suġġett huwa trattat b’mod differenti minn miżuri nazzjonali.
Madankollu, dawn l-impatti huma meqjusa li jkunu limitati peress li:
·Skont il-bażi tad-dejta tal-MLC, sa issa l-ebda Stat Membru li rratifika u li għalih l-emendi tal-ILO tal-2014 diġà daħlu fis-seħħ, ma kkomunika xi determinazzjoni nazzjonali lill-ILO dwar l-emendi tal-ILO tal-2014.
·Il-kamp ta’ applikazzjoni soġġettiv tad-deroga huwa limitat ħafna minħabba li japplika biss għal bastimenti ta’ inqas minn 200 tunnellaġġ gross li jagħmlu vjaġġi domestiċi.
·Sa issa, xi Stati li rratifikaw użaw din id-deroga, prinċipalment għal ċerti dettalji tat-Titolu III tal-MLC dwar l-akkomodazzjoni. Peress li l-emendi tal-ILO tal-2014 jirreferu għall-protezzjoni tad-drittijiet minimi bażiċi (ripatrijazzjoni, bżonnijiet essenzjali tal-baħħar inklużi l-ikel u l-akkomodazzjoni, u l-ħlas ta’ pagi pendenti sa erba’ xhur) u l-kumpens fil-każ tal-agħar inċidenti li jistgħu jseħħu lill-baħħar fuq il-post tax-xogħol (mewt jew diżabbiltà fit-tul), ikun diffiċli li jiġi ġġustifikat l-użu tad-deroga f’każijiet bħal dawn.
·Id-derogi nazzjonali potenzjali ma jistgħux japplikaw l-obbligu għal evidenza dokumentata tas-sigurtà finanzjarja f’każ ta’ abbandun, minħabba li dan l-obbligu japplika biss għal bastimenti mitluba li jġorru ċertifikat tax-xogħol marittimu. Ta’ min wieħed ifakkar li l-emendi tal-ILO tal-2014 itejbu u jkabbru s-sistema ta’ protezzjoni eżistenti li skontha l-Istati Membri huma diġà obbligati li jesiġu li l-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tagħhom jipprovdu sigurtà finanzjarja biex tiġi koperta r-ripatrijazzjoni u biex jiġu żgurat il-kumpens f’każ ta’ mewt jew diżabilità fit-tul għal raġunijiet fuq il-post tax-xogħol.
·Il-kundizzjonijiet biex wieħed juża d-deroga (inkluż ir-rekwiżit biex jiġu konsultati s-sħab soċjali) huma relattivament stretti.
·L-Istati Membri għandhom il-flessibbiltà li jagħmlu monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda għal bastimenti ta’ inqas minn 200 tunnellaġġ gross li ma jagħmlux vjaġġi internazzjonali skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/54/UE, li jippermetti lill-Istati Membri biex skont l-Artikolu II(6) tal-MLC, jadottaw monitoraġġ tal-mekkaniżmi, inklużi spezzjonijiet, biex jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dawk il-bastimenti.
Il-proposta se daħħal l-emendi tal-ILO tal-2014 fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ta’ infurzar 2013/54/UE dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera, u s-sistema ta’ superviżjoni u monitoraġġ tal-liġi tal-UE, fosthom il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minbarra s-sistema superviżjorja tal-MLC. Dan se jwassal għal iktar konformità mill-Istati Membri u s-sidien tal-bastimenti.
Ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta, peress li aktarx il-proposta mhux se jkollha impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti fuq ix-xenarju bażi.
Ix-xenarju bażi jassumi li l-Istati Membri tal-UE li rratifikaw l-MLC se jimplimentaw l-emendi tal-2014 peress li dawn daħlu fis-seħħ f’dawk l-Istati Membri fit-18 ta’ Jannar 2017 jew se jidħlu fis-seħħ dalwaqt. Għaldaqstant, fin-nuqqas tal-adozzjoni tal-ftehim bejn is-sħab soċjali, l-Istati Membri kollha li rrattifikaw probabbli li fi kwalunkwe każ jadottaw l-emendi tal-2014 u għalhekk jimplimentaw is-sistemi ta’ protezzjoni f’każ ta’ abbandun u kumpens għal mewt jew korriment personali tal-baħħara, u li s-sistema superviżorja tal-ILO se tkun qed tagħmel il-monitoraġġ ta’ din l-implimentazzjoni. Din is-sistema hija bbażata fuq l-eżami tar-rapporti nazzjonali u fuq l-osservjazzjonijiet tas-sħab soċjali miż-żewġ korpi tal-ILO (il-Kumitat tal-Esperti dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet u l-Kumitat Tripartitiku tal-Organizzazzjoni Internazzjonali dwar ix-Xogħol dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet). Madankollu, f’każ li ma jiġux implimentati l-emendi, din is-sistema ma tipprevedix mekkaniżmu ġuridiku bħal dak tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Ir-rekwiżiti l-ġodda se jevitaw is-sitwazzjoni sfortunata tal-baħħara li jispiċċaw f’ankraġġ jew f’port għal perjodi twal meta s-sidien tal-bastimenti jabbandunaw l-ekwipaġġ tagħhom mingħajr ma jħallsuhom il-paga tagħhom jew mingħajr ma jirripatrijawhom fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Fl-2010, in-numru stmat ta’ baħħara attivi fl-Istati Membri marittimi tal-UE, flimkien man-Norveġja, kien 254 119. Skont l-bażi tad-dejta tal-ILO dwar l-abbandun tal-baħħara, mill-2004 ġew abbandunati 192 bastiment merkantili, li 21 bastiment minnhom kienu jtajru bandiera tal-UE. Fl-2016, ġew abbandunati 20 bastiment merkantili, li minnhom issolvew biss tmien każijiet sat-30 ta’ Mejju 2017. Minn dawn il-bastimenti abbandunati fl-2016, erba’ kienu bastimenti li jtajru bandiera tal-UE, b’total ta’ 45 baħħar abbandunati. Uħud mill-każi ta’ abbandun mhux solvuti jmorru lura għall-2006. Fil-passat, il-baħħara abbandunati kienu ħafna drabi jsibuha diffiċli biex jitilqu l-bastiment sakemm ma jinbiegħx f’bejgħ ġuridiku sabiex jitħallsu t-talbiet pendenti, inkluż it-talbiet għal pagi mhux imħallsa. Issa, il-pagament ta’ dawn it-talbiet se jitħaffef permezz tas-sistema ta’ sigurtà finanzjarja. Barra minn hekk, se jitħaffef ukoll il-ħlas ta’ talbiet pendenti lill-baħħara jew lill-familji tagħhom f’każijiet ta’ mewt jew diżabbiltà fit-tul li huma kkawżati mill-impjieg tagħhom. Dan se jgħin biex jiġi evitat id-dewmien twil li ta’ spiss jiltaqgħu miegħu l-baħħara jew il-familji tagħhom fir-rigward tal-ħlas u l-burokrazija fil-proċedimenti.
L-awtoritajiet tal-portijiet kollha tal-UE se jibbenefikaw ukoll mill-protezzjoni aħjar tal-baħħara abbandunati, minħabba li se ġġib magħha inqas każijiet problematiċi ta’ abbandun. Skont il-bażi tad-dejta tal-ILO dwar l-abbandun tal-baħħara, fl-2016 ġew abbandunati ħames bastimenti merkantili bi 58 baħħar fil-portijiet tal-UE.
Madankollu, skont l-MLC (paragrafu 13(a) tal-Artikolu XV), il-kontroll mill-Istat tal-port tal-pajjiżi li rratifikaw li aċċettaw l-emendi, japplika wkoll għal pajjiżi li ma rratifikawx u għal pajjiżi li rratifikaw u li mhumiex marbuta b’dawn l-emendi. Dan jimplika li l-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stati Membri tal-UE li rrattifkaw u li mhumiex marbuta bl-emendi tal-2014, kif ukoll l-Istati Membri tal-UE li ma rratifikawx, se jkunu soġġetti għal spezzjoni mill-awtoritajiet tal-port tal-pajjiżi li rratifikaw jekk ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-emendi.
B’dawn l-iżviluppi mistennija fix-xenarju bażi, id-Direttiva tal-Kunsill għalhekk ma jkollha l-ebda impatt sinifikanti fuq kwalunkwe wieħed mit-22 Stat Membru li rratifika u li għalihom l-emendi diġà daħlu fis-seħħ fit-18 ta’ Jannar 2017 jew se jidħlu fis-seħħ dalwaqt, kif ukoll fit-tliet Stati Membri mingħajr kosta li ma rratifikawx l-MLC (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja).
L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta mhux se jżidu l-ispejjeż ta’ monitoraġġ fl-Istati Membri li rratifikaw, peress li se jkollhom dawn l-ispejjeż minħabba li rratifikaw l-MLC u l-emendi tagħha. U peress li l-Istati Membri li ma rratifikawx huma pajjiżi mingħajr kosta u bl-ebda flotta fil-preżent, huwa mistenni li huma wkoll mhux se jkollhom spejjeż ta’ monitoraġġ minħabba l-proposta.
Fir-rigward tal-ispejjeż ta’ monitoraġġ f’każ ta’ bastimenti ta’ inqas minn 200 tunnellaġġ gross li ma jagħmlux vjaġġi internazzjonali, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/54/UE jippermetti lill-Istati Membri biex jadattaw il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tagħhom, inklużi l-ispezzjonijiet, sabiex iqisu dawk il-kundizzjonijiet speċifiċi.
·Rappreżentanza tas-sħab soċjali tal-UE fis-settur tat-trasport marittimu
Meta tivvaluta talba mis-sħab soċjali tal-UE biex jiġi implimentat il-ftehim tagħhom fil-liġi tal-UE skont l-Artikolu 155 tat-TFUE, il-Kummissjoni teżamina r-rappreżentanza tagħhom u l-mandat fil-qasam inkwistjoni. Dan jiżgura li t-talba hija konformi mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u li l-ftehim jista’ jserraħ fuq appoġġ wiesa’ fost dawk filfatt ikkonċernati.
Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE, is-sħab soċjali fil-livell Ewropew iridu:
(a)
ikollhom x’jaqsmu ma’ setturi jew kategoriji speċifiċi u jkunu organizzati fuq livell Ewropew;
(b)
ikunu organizzazzjonijiet li minnhom infushom jagħmlu parti integrali u rikonoxxuta mill-istrutturi tas-sħab soċjali ta’ Stati Membri u jkollhom il-ħila li jinnegozjaw ftehim, u li jkunu rappreżentanti ta’ għadd ta’ Stati Membri; u
(c)
ikollhom strutturi biżżejjed biex jassiguraw parteċipazzjoni effettiva fil-ħidma tal-Kumitati ta’ Djalogu (Settorjali).
Dawn il-kundizzjonijiet iridu jiġu ssodisfatti fiż-żmien meta l-ftehim ikun iffirmat.
Dan il-ftehim jikkonċerna l-kundizzjonijiet tax-xogħol fit-trasport marittimu li jaqbel mal-kompetenza tal-kumitat ta’ djalogu soċjali settorjali għat-trasport marittimu. Is-sħab soċjali fil-kumitat huma l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) li tirrappreżenta l-ħaddiema.
Fit-30 ta’ Ġunju 2016, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) ippubblikat studju li janalizza r-rappreżentanza tal-ETF u l-ECSA bħala organizzazzjonijiet ta’ sħab soċjali fit-trasport marittimu fil-livell tal-UE.
Bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi mingħajr kosta (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u s-Slovakkja), kif ukoll il-Bulgarija, il-Latvja, ir-Rumanija u l-Polonja, l-ECSA għandha membri fl-Istati Membri kollha tal-UE (u fin-Norveġja)., Filwaqt li għadd konsiderevoli ta’ baħħara jiġu mill-Polonja, hemm biss ftit kumpaniji sidien tal-bastimenti fil-Polonja, u ma hemmx organizzazzjonijiet tal-impjegaturi marbutin mas-settur fil-Latvja. Dan ifisser li l-Bulgarija u r-Rumanija huma l-uniċi Stati Membri li l-ECSA tista’ fil-verità testendilhom is-sħubija.
Min-naħa tal-ħaddiema, l-ETF għandha 56 membru minn 25 Stat Membru, li jgħoddu għal 64 % tat-trejdunijs b’attivitajiet marbuta mas-settur. 52 minn dawn il-membri stess huma involuti fin-negozjar kollettiv marbut mas-settur. Skont studju mill-Eurofound, l-ETF għandha membri marbuta mas-settur fl-Istati Membri kollha b’attivitajiet marbuta mas-settur.
Dan iwassal għall-konklużjoni li, abbażi tas-sħubija tagħhom, is-sħab soċjali li ffirmaw il-ftehim huma l-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali ewlenin fis-settur fil-livell Ewropew, li huma rappreżentattivi tas-settur, u li għalhekk huma intitolati li jitolbu lill-Kummissjoni biex timplimenta l-ftehim skont l-Artikolu 155 tat-TFUE.
·Legalità tal-klawżoli
Il-Kummissjoni eżaminat il-legalità tal-ftehim. Eżaminat bir-reqqa kull klawżola u ma sabet l-ebda waħda li tmur kontra l-liġi tal-UE. L-obbligi li kieku jiġu imposti fuq l-Istati Membri ma jirriżultawx direttament mill-ftehim bejn is-sħab soċjali. Minflok, dawn jirriżultaw mill-implimentazzjoni tiegħu permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, jiġiferi direttiva. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-ftehim jibqa’ fi ħdan l-oqsma elenkati fl-Artikolu 153(1) tat-TFUE kif imsemmi fit-taqsima 2.
Il-ftehim fih żewġ settijiet ta’ emendi tal-Anness tad-Direttiva 2009/13/KE li mhux se jaffettwaw il-klawżoli attwali tan-nuqqas ta’ regressjoni li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-proposta timplimenta ftehim bejn is-sħab soċjali. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni ma tistax temenda t-test tal-ftehim iżda tista’ biss taċċettah jew tirrifjutah.
Il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim bejn is-sħab soċjali u l-emendi tal-2014 tal-MLC ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn il-ħaddiema tal-SMEs u oħrajn. Huma japplikaw għall-bastimenti kollha li normalment huma involuti f’attivitajiet kummerċjali, minbarra bastimenti involuti fis-sajd jew f’attivitajiet simili u bastimenti ta’ għamla tradizzjonali bħal iġfna u ġankijiet. Id-Direttiva 2013/54/UE tippermetti lill-Istati Membri li jadattaw il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tagħhom għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-bastimenti ta’ inqas minn 200 tunnellaġġ gross li ma jagħmlux vjaġġi internazzjonali.
Il-ftehim u l-emendi tal-2014 tal-MLC ma jitolbux ħafna mill-SMEs fir-rigward tal-obbligu li tinżamm abbord evidenza dokumentata tas-sigurtà finanzjarja biex tassissti lill-baħħara f’każ ta’ abbandun. Dan l-obbligu japplika biss għall-bastimenti li huma meħtieġa jżommu ċertifikat tax-xogħol marittimu skont il-liġi nazzjonali jew li huma mitluba li jagħmlu dan. Skont ir-Regolament 5.1.3 tal-Kodiċi tal-MLC, bastimenti ta’ 500 tunnellaġġ gross jew iktar li jagħmlu vjaġġi internazzjonali jew vjaġġi bejn il-portijiet barranin, flimkien ma’ bastimenti iżgħar meta sid il-bastiment jitlob dan, huma meħtieġa li jżommu ċertifikat tax-xogħol marittimu.
•Drittijiet fundamentali
L-għan ta’ din il-proposta huwa konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt protett mill-Artikolu 31 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, li jipprevedi li “Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.”
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva li timplimenta l-ftehim se jsir mill-Kummissjoni.
Id-Direttiva 2009/13/KE ma fiha l-ebda rekwiżiti għall-evalwazzjoni jew r-rappurtar. It-tali rekwiżiti mhumiex ippjanati għal din id-Direttiva li temenda d-Direttiva 2009/13/KE.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
F’dan il-każ mhumiex meħtieġa dokumenti ta spegazzjoni.
• Żona Ekonomika Ewropea
Il-proposta tikkonċerna kwistjoni rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea u għalhekk trid tkun applikabbli għaliha.
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Artikolu 1
B’dan l-Artikolu, il-ftehim bejn is-sħab soċjali jsir vinkolanti.
Artikolu 2
Dan l-Artikolu jinkludi l-emendi tad-Direttiva 2009/13/KE.
(1) Is-subparagrafu 1 jintroduċi emenda konsegwenzjali tan-numerazzjoni.
(2) Is-subparagrafu 2 idaħħal Standard A2.5.2 ġdid dwar “Is-sigurtà finanzjarja” b’14-il paragrafu.
–Il-Paragrafu 1 iniżżel l-għan tal-istandard propost.
–Il-Paragrafu 2 jiddefinixxi l-kunċett ta’ abbandun li għalih se jkun previst appoġġ minn sistema ta’ sigurtà finanzjarja:
(a) nuqqas milli jiġu koperti l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni tal-baħħar (rikonoxxuta diġà mir-Regolament 2.5(2) tal-Anness tad-Direttiva 2009/13/KE);
(b) nuqqas ta’ manutenzjoni u appoġġ (iċċarat fil-paragrafu 5);
(c) kwalunkwe sitwazzjoni oħra li tinvolvi t-terminazzjoni unilaterali tar-rabtiet ta’ sid il-bastiment mal-baħħar, inkluż in-nuqqas ta’ ħlas tal-pagi kuntrattwali għal mill-inqas xahrejn.
Is-subparagrafi (b) u (c) jestendu l-obbligi li jipprevedu sistema ta’ sigurtà finanzjarja li tkopri żewġ sitwazzjonijiet ġodda ta’ abbandun.
–Il-Paragrafu 3 jistipula l-obbligu għal Stat Membru, bħala Stat tal-bandiera, biex jiżgura li titqiegħed sistema ta’ sigurtà finanzjarja għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. Din is-sistema tista’ tieħu forom differenti, li trid tiġi ddeterminata mill-Istat Membru wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati.
–Il-Paragrafu 4 jistipula l-kriterji għas-sistema ta’ sigurtà finanzjarja adottata mill-Istat tal-bandiera, inkluż il-bżonn li l-baħħara abbandunati jingħataw aċċess dirett, kopertura suffiċjenti u assistenza finanzjarja rapida.
–Il-Paragrafu 5 jagħti dettalji sostantivi tal-kunċett ta’ “manutenzjoni u appoġġ neċċessarji” msemmija fis-subparagrafu 2(b).
–Il-Paragrafu 6 jistipula r-rekwiżit marbut ma ż-żamma ta’ evidenza dokumentata abbord tas-sigurtà finanzjarja għall-bastimenti li jeħtieġ iżommu ċertifikat tax-xogħol marittimu skont il-liġi nazzjonali jew huma mitluba jagħmlu dan.
–Il-Paragrafu 7 jelenka l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fl-evidenza dokumentata li trid tkun bl-Ingliż jew akkumpanjata bi traduzzjoni bl-Ingliż.
–Il-Paragrafu 8 jistipula r-rekwiżit marbut mal-assistenza finanzjarja rapida (ara l-paragrafu 4).
–Il-Paragrafi 9 u 10 dwar il-kriterju tal-“kopertura suffiċjenti” propost fil-paragrafu 4, jistipulaw id-dettalji u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-assistenza li trid tiġi prevista fis-sistema tas-sigurtà finanzjarja. Il-Paragrafu 9 jirreferi għar-Regolament 2.5 tal-Anness tad-Direttiva 2009/13/KE fir-rigward tar-ripatrijazzjoni. Jillimita l-kopertura tal-pagi u intitolamenti oħra pendenti sa erba’ xhur. Il-Paragrafu 10 jipprevedi d-dettalji tal-kopertura ta’ ripatrijazzjoni f’każijiet ta’ abbandun.
–Il-Paragrafu 11 jistipula l-obbligu għall-fornitur tas-sigurtà finanzjarja biex l-Istat tal-bandiera jiġi infurmat mill-inqas 30 jum qabel il-kanċellazzjoni tas-sigurtà finanzjarja.
–Il-Paragrafu 12 jipprevedi s-surroga tad-drittijiet għall-fornitur tal-assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra.
–Il-Paragrafu 13 jindika li dan l-istandard ma għandu l-ebda preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ rikors tal-assiguratur jew tal-fornitur tas-sigurtà finanzjarja kontra partijiet terzi.
–Il-Paragrafu 14 jindika li d-drittijiet skont l-istandard propost huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt, talba jew rimedju ieħor tal-baħħar. Barra minn hekk, jippermetti l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet għat-tpaċija ta’ ammonti rċevuti skont dan l-istandard minn sorsi oħrajn, bħal kumpens fir-rigward tad-drittijiet, talbiet jew rimedji skont l-istandard.
(3) Is-Subparagrafu 3 jipproponi emenda konsegwenzjali tan-numerazzjoni attwali tal-Istandard A4.2, li jiġi Standard A4.2.1. Iżid seba’ paragrafi ġodda (8 sa 14) lill-Istandard A4.2.1 numerat mill-ġdid. Jibni fuq ir-rekwiżit eżistenti fil-paragrafu 1(b) tal-Istandard A4.2. Skont dak ir-rekwiżit, is-sidien tal-bastimenti jridu jagħtu sigurtà finanzjarja sabiex jiġi żgurat il-kumpens f’każ ta’ mewt jew diżabbiltà fit-tul ta’ baħħar minħabba korriment, mard jew periklu fuq il-post tax-xogħol.
–Il-Paragrafu 8 , fis-subparagrafi minn (a) sa (e) jistipula r-rekwiżiti minimi sabiex jiddaħħlu fil-liġijiet nazzjonali u r-regolamenti għas-sistema tas-sigurtà finanzjarja biex jiġi assigurat il-kumpens skont il-paragrafu 1(b) tal-Istandard A4.2 eżistenti għal talbiet kontrattwali (kif iddefinit fil-paragrafu 1 tal-Istandard A4.2.2 il-ġdid propost). Jinkludu r-rekwiżiti tal-ħlas komplut mingħajr dewmien, bi ħlasijiet interim meta jkun diffiċli li jiġi vvalutat il-kumpens komplut.
–Il-Paragrafi 9 u 10 jindirizzaw ir-rekwiżiti għal notifka lill-baħħara u lill-Istati tal-bandiera fil-każ li s-sigurtà finanzjarja ta’ sid il-bastiment tiġi kkanċellata jew mitmuma.
–Il-Paragrafu 11 jirrikjedi li abbord il-bastimenti tinżamm evidenza dokumentata tas-sigurtà finanzjarja maħruġa mill-fornitur tas-sigurtà finanzjarja.
–Il-Paragrafu 12 jistipula l-obbligu għall-fornitur tas-sigurtà finanzjarja biex l-Istat tal-bandiera jiġi infurmat mill-inqas 30 jum qabel il-kanċellazzjoni tas-sigurtà finanzjarja.
–Il-Paragrafu 13 jistipula r-rekwiżit li s-sigurtà għandha tipprevedi l-ħlas tat-talbiet kuntrattwali kollha li tkopri u li jinħolqu matul il-perjodu li d-dokument ikun validu.
–Il-Paragrafu 14 jelenka l-informazzjoni meħtieġa fl-evidenza dokumentata tas-sigurtà finanzjarja. Jistipula wkoll ir-rekwiżiti tal-lingwa Ingliża għad-dokument.
(4) Is-subparagrafu 4 idaħħal Standard A4.2.2 ġdid dwar “It-trattament tat-talbiet kuntrattwali” bi tliet paragrafi.
–Il-Paragrafu 1 jiċċara t-tifsira tat-terminu “talbiet kuntrattwali” kif imsemmi fil-paragrafu 8 propost fl-Istandard A4.2 (rinumerat għal A4.2.1).
–Il-Paragrafu 2 jistipula kif is-sistema finanzjarja tista’ tiżgura b’modi differenti l-kumpens f’każ ta’ mewt jew diżabbiltà fit-tul fuq il-post tax-xogħol, li għandhom jiġu ddeterminati mill-Membru wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u l-baħħara kkonċernati.
–Il-Paragrafu 3 jirrikjedi li jiġu stabbiliti arranġamenti sabiex it-talbiet kuntrattwali relatati mal-kumpens imsemmija fl-istandard A4.2 (rinumerat għal A4.2.1), jaslu, jiġu indirizzati u saldati imparzjalment permezz ta’ proċeduri rapidi u ġusti.
2017/0181 (NLE)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE skont l-emendi tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, kif approvata mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-11 ta’ Ġunju 2014
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 155(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE, il-maniġment u l-ħaddiema (“is-sħab soċjali”) jistgħu jitolbu b’mod konġunt li l-ftehimiet konklużi minnhom fil-livell tal-Unjoni jiġu implimentati permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.
(2)Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE implimentat il-ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) sabiex id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (MLC) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) jiġu inkorporati fil-liġi tal-UE, sabiex il-leġiżlazzjoni Ewropea fis-seħħ tiġi aġġornata bl-istandards tal-Konvenzjoni li kienu iktar favorevoli għall-baħħara. L-għan tagħha kien li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara, b’mod partikolari fir-rigward tal-ftehimiet tal-impjieg, il-ħinijiet tax-xogħol, ir-ripatrijazzjoni, l-iżvilupp tal-karrieri u l-ħiliet, l-akkomodazzjoni u l-faċilitajiet tar-rikreazzjoni, l-ikel u l-forniment tal-ikel, il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza, il-kura medika u l-proċeduri tal-ilmenti.
(3)B’segwitu tal-laqgħat tal-esperti internazzjonali, l-ILO nediet proċess biex tiġi emendata l-Konvenzjoni sabiex tindirizza t-tħassib relatat mal-abbandun tal-baħħara u s-sigurtà finanzjarja minn naħa, u t-talbiet relatati mal-mewt jew mad-diżabbiltà fit-tul tal-baħħara min-naħa l-oħra. Fil-laqgħa tiegħu mis-7 sal-11 ta’ April 2014, il-Kumitat Tripartitiku Speċjali mwaqqaf mill-MLC adotta żewġ emendi dwar dawn il-kwistjonijiet. Partijiet mir-regoli tal-emendi kienu jaqgħu fi ħdan il-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea u kienu jikkonċernaw kwistjonijiet li l-Unjoni kienet adottat regoli għalihom, b’mod partikolari fil-politika soċjali u t-trasport. Għaldaqstant, fis-26 ta’ Mejju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (2014/346/UE) dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-103 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol. Din il-pożizzjoni kellha tappoġġa l-approvazzjoni tal-emendi tal-Kodiċi tal-MLC.
(4)Fil-11 ta’ Ġunju 2014, l-emendi ġew approvati mill-Konferenza fil-103 sessjoni tagħha f’Ġinevra u daħlu fis-seħħ fit-18 ta’ Jannar 2017. Dawn huma relatati mal-forniment ta’ sistema ta’ sigurtà finanzjarja biex (i) jiġu protetti d-drittijiet tal-baħħara f’każ ta’ abbandun, u (ii) jiġi żgurat il-kumpens għat-talbiet kuntrattwali għal mewt jew diżabbiltà fit-tul tal-baħħara minħabba korriment, mard jew periklu fuq il-post tax-xogħol. Itejbu u jottimiżżaw is-sitema eżistenti għall-protezzjoni tal-baħħara, inkluż l-obbligu li abbord il-bastimenti tinżamm evidenza dokumentata tas-sistema tas-sigurtà finanzjarja, u li tiġi estiża s-sistema li tkopri ż-żewġ sitwazzjonijiet ġodda ta’ abbandun. (Dawn is-sitwazzjonijiet huma marbuta ma’ meta l-baħħara jitħallew mingħajr il-manteniment u l-appoġġ meħtieġ, jew meta s-sid tal-bastiment jaqta’ unilateralment ir-rabtiet tiegħu mal-baħħar, inkluż li ma jħallasx il-pagi kontrattwali għal perjodu ta’ mill-inqas xahrejn.)
(5)Fil-5 ta’ Diċembru 2016, is-sħab soċjali fis-settur tat-trasport marittimu – l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) – ikkonkludew ftehim biex tiġi emendata d-Direttiva 2009/13/KE f’konformità mal-emendi tal-2014 tal-MLC, 2006. Fit-12 ta’ Diċembru 2016, skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE, talbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal Direttiva tal-Kunsill biex jiġi implimentat il-ftehim tagħhom.
(6)Il-ftehim bejn is-sħab soċjali jirriproduċi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet obbligatorji kollha tal-emendi tal-2014 tal-MLC. L-ewwel emenda dwar is-sistema tas-sigurtà finanzjarja f’każ ta’ abbandun tal-baħħara tirrigwarda kemm is-saħħa u s-sikurezza, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u għalhekk hija koperta mill-Artikolu 153(1)(a) u (b) tat-TFUE. It-tieni emenda dwar ir-rekwiżiti tas-sistema tas-sigurtà finanzjarja biex tiżgura l-kumpens f’każ ta’ mewt jew diżabbiltà fit-tul tal-baħħara minħabba korriment, mard jew periklu fuq il-post tax-xogħol, hija koperta mill-Artikolu 153(1)(c) dwar is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema. Għaldaqstant, il-ftehim jikkonċerna l-kwistjonijiet koperti mill-Artikolu 153 tat-TFUE u jista’ jiġi implimentat permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar proposta tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 155(2). Għall-finijiet tal-Artikolu 288 tat-Trattat, l-istrument adatt għall-implimentazzjoni tal-Ftehim huwa Direttiva.
(7)Skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-adattament u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju, il-Kummissjoni vvalutat l-istatus rappreżentattiv tal-partijiet firmatarji u l-legalità ta’ kull klawżola tal-ftehim.
(8)Il-ftehim bejn is-sħab soċjali tal-5 ta’ Diċembru 2016 jemenda l-ftehim tad-19 ta’ Mejju 2008 bejn l-ECSA u l-ETF dwar l-MLC, anness mad-Direttiva 2009/13/KE, u jinkorpora l-emendi tal-ILO tal-2014 tal-MLC fid-Direttiva sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza u l-protezzjoni soċjali tal-baħħara abbord il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE.
(9)Permezz tal-emenda tad-Direttiva 2009/13/KE, il-ftehim bejn is-sħab soċjali tal-5 ta’ Diċembru 2016 se jdaħħal id-diżpożizzjonijiet obbligatorji tal-emendi tal-ILO tal-2014 tal-MLC fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ta’ infurzar 2013/54/UE dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera, kif ukoll fi ħdan is-sistema ta’ superviżjoni u monitoraġġ tal-liġi tal-UE – u b’mod partikolari tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, flimkien mas-sistema superviżjorja tal-MLC. Dan se jwassal għal iktar konformità mill-Istati Membri u s-sidien tal-bastimenti.
(10)Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar segwitu u rieżami mis-sħab soċjali fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja u tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-ftehim.
(11)L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, fejn dawn tal-aħħar flimkien jitolbu li jagħmlu dan u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba skont id-Direttiva.
(12)Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE, billi bagħtitlu t-test tal-proposta tagħha għal Direttiva li kien jinkludi l-ftehim.
(13)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha.
(14)Din id-Direttiva hija maħsuba biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport marittimu, li huwa settur transfruntier li jopera taħt il-bnadar ta’ Stati Membri differenti. Billi l-objettivi tagħha ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Din id-Direttiva timplimenta l-ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) fil-5 ta’ Diċembru 2016, billi temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE skont l-emendi tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, kif approvata mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-11 ta’ Ġunju 2014.
Artikolu 2
Skont il-Ftehim bejn l-ECSA u l-ETF konkluż fil-5 ta’ Diċembru 2016 biex tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE sabiex tikkonforma mal-emendi tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, kif approvat mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fil-
103 sessjoni tagħha, f’Ġinevra, fil-11 ta’ Ġunju 2014, l-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE huwa emendat kif ġej:
(1) Fl-intestatura, “Standard A2.5 – Ripatrijazzjoni”, “A2.5” huwa sostitwit b’ “A2.5.1”.
(2) Jiddaħħal l-Istandard A2.5.2 li ġej:
“Standard A2.5.2 - Sigurtà Finanzjarja
1.
Fl-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 tar-Regolament 2.5, dan l-Istandard jistabbilixxi r-rekwiżiti li jiżguraw il-forniment ta’ sistema tas-sigurtà finanzjarja rapida u effettiva biex tassisti l-baħħara f’każ tal-abbandun tagħhom.
2. Għall-finijiet ta’ dan l-Istandard, għandu jitqies li baħħar ġie abbandunat jekk, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ dan il-Ftehim jew tat-termini tal-ftehim tal-impjieg tal-baħħara, sid il-bastiment:
(a) jonqos milli jkopri l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni tal-baħħar; jew
(b) ma jipprovdix il-manteniment u l-appoġġ meħtieġ lill-baħħar; jew
(c) unilateralment jaqta’ r-rabtiet tiegħu mal-baħħar mod ieħor inkluż billi jonqos milli jħallas il-paga kuntrattwali għal perjodu ta’ mill-inqas xahrejn.
3. Kull Stat Membru għandu jiżgura li tiġi stabbilita sistema tas-sigurtà finanzjarja li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-Istandard għal bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. Is-sistema tas-sigurtà finanzjarja tista’ tkun fil-forma ta’ skema tas-sigurtà soċjali jew assigurazzjoni jew fond nazzjonali jew arranġament ieħor simili. Il-forma tiegħu għandha tiġi ddeterminata mill-Istat Membru wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati.
4. Skont dan l-Istandard, is-sistema tas-sigurtà finanzjarja għandha tipprovdi aċċess dirett, kopertura suffiċjenti u assistenza finanzjarja rapida lil kull baħħar abbandunat li jkun fuq bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Istat Membru.
5. Għall-finijiet tal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Istandard, il-manteniment u l-appoġġ meħtieġa għall-baħħar għandhom jinkludu: ikel adegwat, akkomodazzjoni, provvisti tal-ilma għax-xorb, fjuwil essenzjali għas-sopravivenza abbord il-bastiment u l-kura medika meħtieġa.
6. Kull Stat Membru għandu jitlob li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, u li skont il-liġijiet nazzjonali huma meħtieġa li jġorru Ċertifikat tax-Xogħol Marittimu jew jagħmlu dan skont kif jitlob sid il-bastiment, iżommu abbord ċertifikat jew evidenza dokumentata oħra tas-sigurtà finanzjarja maħruġa mill-fornitur tas-sigurtà finanzjarja. Għandha titqiegħed kopja f’post li jidher abbord fejn tkun disponibbli għall-baħħara. Jekk ikun hemm aktar minn fornitur wieħed tas-sigurtà finanzjarja li qed jipprovdi kopertura, id-dokument ipprovdut minn kull fornitur għandu jinżamm abbord.
7. Iċ-ċerifikat jew evidenza dokumentata oħra tas-sigurtà finanzjarja għandhom ikunu bl-Ingliż jew akkumpanjati minn traduzzjoni bl-Ingliż u jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
(a) isem il-bastiment;
(b) il-port tar-reġistrazzjoni tal-bastiment;
(c) is-sinjal tas-sejħa tal-bastiment;
(d) in-numru IMO tal-bastiment;
(e) l-isem u l-indirizz tal-fornitur jew fornituri tas-sigurtà finanzjarja;
(f) id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni jew l-entità responsabbli għall-ġestjoni tat-talbiet għall-eżenzjoni tal-baħħara;
(g) l-isem ta’ sid il-bastiment;
(h) il-perjodu tal-validità tas-sigurtà finanzjarja; u
(i) l-attestazzjoni mill-fornitur tas-sigurtà finanzjarja li s-sigurtà finanzjarja tissodisfa r-rekwiżiti tal-Istandard A2.5.2.
8. L-assistenza mogħtija mis-sistema tas-sigurtà finanzjarja għandha tingħata minnufih fuq talba magħmula mill-baħħar jew ir-rappreżentant nominat tal-baħħar u għandha tkun appoġġata mill-ġustifikazzjoni tal-intitolament meħtieġa skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Istandard.
9. Wara li jiġi kkunsidrat ir-Regolamenti 2.5, l-għajnuna mogħtija mis-sistema tas-sigurtà finanzjarja għandha tkun suffiċjenti biex tkopri dan li ġej:
(a) il-pagi u l-intitolamenti l-oħra pendenti dovuti minn sid il-bastiment lill-baħħar skont il-ftehim tal-impjieg tagħhom, il-ftehim ta’ negozjar kollettiv rilevanti jew il-liġi nazzjonali tal-Istat tal-bandiera, b’limitu ta’ erba’ xhur ta’ kull tali paga pendenti u erba’ xhur ta’ kull tali intitolament pendenti;
(b) l-ispejjeż kollha minfuqa raġonevolment mill-baħħar, inklużi l-ispejjeż ta’ ripatrijazzjoni msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Istandard; u
(c) il-ħtiġijiet essenzjali tal-baħħar inklużi affarijiet bħal: ikel adegwat, ilbies meta meħtieġ, akkomodazzjoni, provvisti tal-ilma tax-xorb, fjuwil essenzjali għas-sopravivenza abbord il-bastiment, kura medika meħtieġa u spejjeż jew ħlasijiet oħrajn raġonevoli mill-att jew l-omissjoni li tikkostitwixxi l-abbandun sa meta l-baħħar jasal id-dar.
10. L-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni għandhom ikopru l-ivvjaġġar b’mezzi xierqa u rapidi, normalment bl-ajru, u jinkludu dispożizzjoni għall-ikel u l-akkommodazzjoni tal-baħħar minn meta jħalli l-bastiment sakemm jasal lura f’daru, il-kura medika neċessarja, il-passaġġ u t-trasport tal-oġġetti personali u l-ispejjeż jew il-kostijiet raġonevoli l-oħra kollha li jirriżultaw mill-abbandun.
11. Is-sigurtà finanzjarja ma għandhiex tieqaf qabel tmiem il-perjodu tal-validità tas-sigurtà finanzjarja sakemm il-fornitur tas-sigurtà finanzjarja ma jkunx informa mill-inqas 30 ġurnata minn qabel lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera.
12. Jekk il-fornitur tal-assigurazzjoni jew ta’ sigurtà finanzjarja oħra għamel kwalunkwe ħlas lil kwalunkwe baħħar skont dan l-Istandard, dan il-fornitur għandu, sal-ammont li jkun ħallas u skont il-liġi applikabbli, jakkwista b’surroga, ċessjoni jew mod ieħor, id-drittijiet li l-baħħar kien igawdi.
13. F’dan l-Istandard xejn ma għandu jippreġudika kwalunkwe dritt ta’ rikors tal-assiguratur jew tal-fornitur tas-sigurtà finanzjarja kontra partijiet terzi.
14. Id-dispożizzjonijiet f’dan l-Istandard mhumiex maħsubin biex ikunu esklussivi jew biex jippreġudikaw kwalunkwe dritt, talba jew rimedju ieħor li jistgħu jkunu disponibbli wkoll biex jikkumpensaw lill-baħħara li ġew abbandunati. Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali jistgħu jipprevedu li kwalunkwe ammont pagabbli skont dan l-Istandard jista’ jiġi bbilanċjat kontra ammonti riċevuti minn sorsi oħra li jirriżultaw minn kwalunkwe dritt, talba jew rimedju li jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens skont l-Istandard attwali.”
(3) Fl- intestatura “Standard A4.2 Responsabbiltà tas-sid tal-bastiment”, “A4.2” jiġi sostitwit b’ “A4.2.1” u jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
“8. Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali għandhom jipprevedu li s-sistema tas-sigurtà finanzjarja biex jiġi żgurat kumpens kif previst fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Istandard għat-talbiet kuntrattwali, kif iddefinit fl-istandard A4.2.2, tissodisfa r-rekwiżiti minimi li ġejjin:
(a) il-kumpens kuntrattwali, jekk stabbilit fil-ftehim tal-impjieg tal-baħħar u mingħajr preġudizzju għas-subparagrafu (c) ta’ dan il-paragrafu, għandu jitħallas b’mod sħiħ u mingħajr dewmien;
(b) ma għandu jkun hemm l-ebda pressjoni li jiġi aċċettat ħlas anqas mill-ammont kuntrattwali;
(c) jekk in-natura tad-diżabbiltà fit-tul ta’ baħħar tagħmilha diffiċli li jiġi evalwat il-kumpens sħiħ li għalih il-baħħar jista’ jkun intitolat, għandu jsir ħlas jew ħlasijiet interim lill-baħħar sabiex tiġi evitata tbatija bla bżonn;
(d) skont il-paragrafu 2 tar-Regolament 4.2, il-baħħar għandu jirċievi ħlas mingħajr preġudizzju għal drittijiet legali oħra, iżda dan il-ħlas jista’ jiġi kkumpensat minn sid il-bastiment kontra kull dannu li jirriżulta minn kull talba oħra magħmula mill-baħħar kontra sid il-bastiment u li toriġina mill-istess inċident; u
(e) it-talba għal kumpens kuntrattwali tista’ titressaq direttament mill-baħħar ikkonċernat, jew il-qraba tiegħu, jew rappreżentant tal-baħħar jew benefiċjarju maħtur.
9. Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali għandhom jiżguraw li l-baħħara jirċievu notifika minn qabel jekk is-sigurtà finanzjarja ta’ sid il-bastiment tkun ser tiġi kkanċellata jew mitmuma.
10. Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera tiġi infurmata mill-fornitur tas-sigurtà finanzjarja jekk is-sigurtà finanzjarja ta’ sid il-bastiment tiġi kkanċellata jew tintemm.
11. Kull Stat Membru għandu jitlob li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu iżommu abbord ċertifikat jew evidenza dokumentata oħra tas-sigurtà finanzjarja maħruġa mill-fornitur tas-sigurtà finanzjarja. Għandha titqiegħed kopja f’post li jidher abbord il-bastiment fejn tkun disponibbli għall-baħħara. Jekk ikun hemm aktar minn fornitur wieħed tas-sigurtà finanzjarja li qed jipprovdi kopertura, id-dokument ipprovdut minn kull fornitur għandu jinżamm abbord il-bastiment.
12. Is-sigurtà finanzjarja ma għandhiex tieqaf qabel tmiem il-perjodu tal-validità tas-sigurtà finanzjarja sakemm il-fornitur tas-sigurtà finanzjarja ma jkunx informa mill-inqas 30 ġurnata minn qabel lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera.
13. Is-sigurtà finanzjarja għandha tipprevedi l-ħlas tat-talbiet kuntrattwali kollha koperti minnha li jirriżultaw matul il-perjodu li matulu jkun validu d-dokument.
14. Iċ-ċerifikat jew evidenza dokumentata oħra tas-sigurtà finanzjarja għandhom ikunu bl-Ingliż jew akkumpanjati minn traduzzjoni bl-Ingliż u jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:
(a) isem il-bastiment;
(b) il-port tar-reġistrazzjoni tal-bastiment;
(c) is-sinjal tas-sejħa tal-bastiment;
(d) in-numru IMO tal-bastiment;
(e) l-isem u l-indirizz tal-fornitur jew fornituri tas-sigurtà finanzjarja;
(f) id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni jew l-entità responsabbli għall-ġestjoni tat-talbiet kuntrattwali tal-baħħara;
(g) l-isem ta’ sid il-bastiment;
(h) il-perjodu tal-validità tas-sigurtà finanzjarja; u
(i) l-attestazzjoni mill-fornitur tas-sigurtà finanzjarja li s-sigurtà finanzjarja tissodisfa r-rekwiżiti tal-Istandard A4.2.1.”
(4) Jiddaħħal l-Istandard A4.2.2 li ġej:
“Standard A4.2.2 — Trattament ta’ talbiet kuntrattwali
1. Għall-finijiet tal-paragrafu 8 tal-Istandard A4.2.1, u l-Istandard attwali, it-terminu “talba kuntrattwali” jfisser kwalunkwe talba li għandha x’taqsam ma’ mewt jew diżabbiltà fit-tul tal-baħħara minħabba korriment, mard jew periklu fuq il-post tax-xogħol, kif stabbilit fil-liġi nazzjonali, fil-ftehim tal-impjieg tal-baħħara jew fi ftehim kollettiv.
2. Is-sistema tas-sigurtà finanzjarja, kif previst fil-paragrafu 1(b) tal-istandard A4.2.1, tista’ tkun fil-forma ta’ skema tas-sigurtà soċjali jew assigurazzjoni jew fond jew arranġamenti simili oħra. Il-forma tiegħu għandha tiġi ddeterminata mill-Istat Membru wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati.
3. Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti arranġamenti effettivi sabiex it-talbiet kuntrattwali relatati mal-kumpens imsemmija fil-paragrafu 8 tal-istandard A4.2.1, jaslu, jiġu indirizzati u saldati imparzjalment permezz ta’ proċeduri rapidi u ġusti.”
Artikolu 3
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 4
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President