IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.7.2017
COM(2017) 397 final
2017/0175(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tas-26 ta' Ġunju 2013 (minn issa 'l quddiem: l-emenda tal-SBC) emendat il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen (CISA), ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen [SBC]) u r-Regolament (KE) Nru 810/2009 (il-Kodiċi dwar il-Viża) u – fost l-oħrajn – iddefinixxa mill-ġdid il-kunċett ta' "soġġorn qasir" għal ċittadini ta' pajjiż terz fiż-żona Schengen. Mit-18 ta' Ottubru 2013, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi – irrispettivament minn jekk għandhomx bżonn viża jew humiex eżenti – li biħsiebhom jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen għal soġġorn qasir, it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat huwa definit bħala "90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum". Kuntrarju għad-definizzjoni li kienet fis-seħħ sat-18 ta' Ottubru 2013 (tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul), il-kunċett il-ġdid huwa aktar preċiż billi jistipula t-tul ta' żmien fi ġranet, minflok f'xhur. Barra minn hekk, it-terminu "mid-data tal-ewwel dħul" li wassal għal bosta inċertezzi u mistoqsijiet tneħħa mid-definizzjoni.
L-emenda tal-SBC introduċiet il-bidliet kollha meħtieġa fl-acquis tal-UE dwar il-viża u l-fruntieri, i.e. iċ-CISA, l-SBC, il-Kodiċi dwar il-Viża u r-Regolament (KE) Nru 539/2001. Madankollu, il-kunċett tas-soġġorn qasir huwa mnaqqax ukoll fil-ftehimiet internazzjonali li ġew konklużi mill-Unjoni Ewropea. Il-ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża li ġew konklużi ma' Antigua u Barbuda, il-Bahamas, Barbados, il-Brażil, Mauritius, Saint Kitts u Nevis u s-Seychelles għadhom jirreferu għad-definizzjoni l-antika ("tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur wara d-data tal-ewwel dħul") meta jiddefinixxu t-tul tas-soġġorn mingħajr viża.
Fis-16 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati għall-emendar tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir, bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi fuq imsemmija, li l-Kunsill adotta fid-9 ta’ Ottubru 2014. L-għan kien li tiġi implimentata d-definizzjoni l-ġdida ta’ soġġorn qasir fir-rigward ta’ dawn is-seba’ pajjiżi, kif previst mill-emenda tal-SBC. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ “soġġorn qasir” fil-ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża f’termini ta’ ġranet milli f’termini ta’ xhur hija inqas kumplessa biex tiġi vverifikata u kkalkulata permezz ta’ mezzi elettroniċi/informatiċi, u għalhekk hija iktar xierqa għal sistemi ċentralizzati tal-ġestjoni tal-fruntieri, bħas-sistema proposta ta’ Dħul/Ħruġ (EES).
Wara l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni bdiet negozjati biex temenda il-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża mas-seba’ pajjiżi (Antigua u Barbuda, il-Bahamas, Barbados, il-Brażil, Mauritius, Saint Kitts u Nevis u s-Seychelles).
In-negozjati mal-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis ġew iffinalizzati b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-ftehim emendatorju fit-28 ta’ Lulju 2016. Iż-żewġ partijiet qablu li jadottaw id-definizzjoni ġdida ta' "soġġorn qasir" fit-test kollu tal-ftehim ta' eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża bejn l-UE u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis. Barra minn hekk, il-ftehim jimplika modifika ta’ xi dettalji tekniċi (ara iktar ’l isfel), iżda l-emendi kollha mhumiex sinifikanti mill-aspett ta' vjaġġatur.
Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hija riflessa fil-preambolu tal-ftehim.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-ftehim jobbliga l-approvazzjoni taż-żewġ partijiet kontraenti f'konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. Min-naħa tal-Unjoni, dan jobbliga d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim.
Din il-proposta hija ppreżentata lill-Kunsill sabiex tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim biex jiġi emendat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.
Il-ftehim jiżgura koerenza legali, kif ukoll armonizzazzjoni fost l-Istati Membri, billi jaderixxi mad-definizzjoni l-ġdida ta' soġġorn qasir kif previst mill-emenda tal-SBC, li jipprovdi interpretazzjoni ċara ta' "soġġorn qasir".
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu.
L-Unjoni ma għandha ebda setgħa temenda l-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża li jorbtu lill-erba' pajjiżi li huma assoċjati mal-implimentazzjoni tal-acquista' Schengen, inkluża l-politika komuni dwar il-viżi. Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat u implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn awtorizzat fiż-żona Schengen, dikjarazzjoni konġunta tinsab inkluża fil-ftehim, li tiddikjara x-xewqa għal Saint Kitts u Nevis, min-naħa l-waħda, u l-Iżlanda, Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, min-naħa l-oħra, li jimmodifikaw b'dan il-mod il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni tal-viża bilaterali attwali.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Jekk waħda mill-partijiet kontraenti għall-ftehim internazzjonali tkun l-Unjoni Ewropea, imbagħad kwalunkwe emenda ta' ftehim bħal dan ma tistax tiġi implimentata legalment mill-Istati Membri infushom. Il-ftehim dwar l-eżenjoni mir-rekwiżit ta' viża ma' Saint Kitts u Nevis ġie konkluż mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jeħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.
Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża mill-Istati Membri jaffettwa l-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-viżi (l-Artikolu 3(2) TFUE).
•Proporzjonalità
Il-proposta attwali ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv segwit, jiġifieri l-modifika tal-ftehim attwali dwar l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża bejn il-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis u l-Unjoni.
3.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Din il-proposta ma tinvolvix spejjeż addizzjonali għall-baġit tal-UE.
4. RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta direttivi ta' negozjati li awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis biex temenda l-ftehim dwar l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża bejn iż-żewġ partijiet. L-Istati Membri ġew infurmati dwar il-progress tan-negozjati f'laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Viża.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Ir-Riżultat tan-negozjati
Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz tal-ftehim hu aċċettabbli għall-Unjoni.
Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:
a. Id-durata tas-soġġorn
Il-ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis meta jivvjaġġaw lejn il-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum (minflok perjodu massimu ta' tliet xhur matul il-perjodu ta' sitt xhur wara d-data tal-ewwel dħul). Id-definizzjoni l-ġdida hija applikata fil-ftehim kollu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.
b. Dispożizzjoni finali – sospensjoni tal-ftehim (l-Artikolu 8(4))
Il-ftehim jimmodifika l-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(4) bil-mod li ġej: "Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni." Billi l-kliem "u għandha tneħħi dik is-sospensjoni" jiżdiedu mat-test attwali, il-ftehim emendat jiċċara li sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża għandha fil-fatt titneħħa jekk ir-raġunijiet li wasslu għas-sospensjoni jisparixxu. Dwar dan il-punt, l-emenda tallinja l-kliem tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża ma' Saint Kitts u Nevis ma' dak tal-ftehimiet l-oħra kollha dwar l-eżenzjoni mill-viża ffirmati mill-Unjoni fl-2015 u l-2016. Fl-14 ta' Ġunju 2016, il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Viża ġie kkonsultat dwar din l-emenda u l-ebda Stat Membru ma qajjem xi oġġezzjoni.
c. “Komunità” tiġi sostituta b’ “Unjoni”
Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea waħedha akkwistat personalità legali kkonsolidata. Madankollu, il-“Komunità Ewropea” għadha minquxa fi ftehimiet internazzjonali li kienu daħlu fis-seħħ qabel it-Trattat ta’ Lisbona, bħalma hu l-każ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis fejn tidħol l-eżenzjoni għal soġġorn qasir. Il-ftehim ta’ emenda għalhekk jissostitwixxi “Komunità” b’”Unjoni” fil-ftehim kollu dwar l-eżenzjoni mill-viża.
d. Dikjarazzjonijiet Konġunti
Żewġ dikjarazzjonijiet konġunti huma mehmuża mal-ftehim:
- Dwar l-interpretazzjoni tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, kif ukoll;
- Dwar l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein.
e. Dħul fis-seħħ
Il-ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara d-data ta’ meta l-aħħar Parti Kontraenti tkun innotifikat lill-oħra li tlestew il-proċeduri ta’ ratifika. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-vjaġġaturi jkunu jistgħu jifhmu l-liġi u josservawha, huwa meħtieġ li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni twil biżżejjed. Hekk kif titlesta r-ratifika tal-ftehim, il-perjodu ta’ sitt xhur jippermetti lill-vjaġġaturi biex jaslu sa tmiem is-soġġorni qosra li għadhom kollha kemm huma kkalkulati taħt id-definizzjoni l-qadima, qabel ma tidħol fis-seħħ id-definizzjoni l-ġdida dwar is-soġġorn qasir u l-perjodu ta’ referenza ta’ 180 jum li jirreferi għall-passat.
Id-dispożizzjoniijiet l-oħra kollha tal-Ftehim eżistenti bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir jibqgħu bla mittiefsa mill-Ftehim ta’ emenda, inkluż l-ambitu territorjali.
6.KONKLUŻJONI
Fid-dawl tar-riżultati ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jiddeċiedi li l-ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u tawtorizza lill-President tal-Kunsill biex jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa dovuta li tiffirma/jiffirmaw f’isem l-Unjoni.
2017/0175 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Bid-Deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir. Il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta’ Saint Kitts u Nevis meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra “għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur”.
(2)Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill daħħal bidliet orizzontali fl-acquis tal-Unjoni dwar il-viża u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn qasir bħala massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
(3)Huwa neċessarju li dan il-Ftehim bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir jinkorpora din id-definizzjoni l-ġdida sabiex jarmonizza bis-sħiħ ir-reġim ta’ soġġorn qasir tal-Unjoni.
(4)Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati dwar Ftehim biex jiġi emendat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (il-“Ftehim”).
(5)In-negozjati mal-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar il-Ftehim ġew iffinalizzat b’suċċess bl-inizjalar tagħhom, permezz ta’ Skambju ta’ Ittri, fit-28 ta’ Lulju 2016 min-Negozjaturi Ewlenin tal-Unjoni u tal-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis.
(6)Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat u d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.
(7)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE. Għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.
(8)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE. Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (il-”Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.7.2017
COM(2017) 397 final
ANNESSI
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
L-UNJONI EWROPEA,
min-naħa l-waħda, u
IL-FEDERAZZJONI TA’ SAINT KITTS U NEVIS (minn issa ’l quddiem imsejħa “Saint Kitts u Nevis”),
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet Kontraenti”,
WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2015,
FILWAQT LI JAFFERMAW l-importanza tal-iffaċilitar ta’ kuntatti bejn il-persuni,
FILWAQT LI JIEĦDU NOTA li l-Ftehim jaħdem għas-sodisfazzjon taċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti,
FILWAQT LI JQISU li d-definizzjoni ta’ soġġorn qasir fornuta mill-Ftehim (tliet xhur tul perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul) mhix preċiża biżżejjed u b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “id-data tal-ewwel dħul” jista’ jagħti lok għal inċertezzi u mistoqsijiet,
FILWAQT LI JITQIES li r-Regolament (UE) Nru 610/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 introduċa bidliet orizzontali fl-acquistal-UE dwar il-viża “interna” u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn qasir bħala “90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum”,
FILWAQT LI JQISU li s-Sistema ta’ Dħul / Ħruġ li għandha tiġi stabbilita mill-Unjoni Ewropea tirrikjedi l-użu ta’ definizzjoni uniformi u ċara ta’ soġġorn qasir li hija applikabbli għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi,
FILWAQT LI JIXTIEQU jiżguraw il-fluss bla xkiel ta’ vjaġġaturi fil-punti ta' qsim tal-fruntiera tal-Partijiet Kontraenti,
FILWAQT LI JIRRIAFFIRMAW li l-Ftehim ikopri ċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni ta’ dawk tar-Renju Unit u tal-Irlanda,
FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,
FTEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim għandu jiġi emendat f’konformità skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu:
(1)Fit-titolu u fl-Artikli 3(5), 6(1) u 8(7), il-kelma “Komunità” għandha tiġi sostituta bil-kelma “Unjoni”.
(2)Fl-Artikolu 1, il-kliem "tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur" għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem "90 jum waqt kwalunkwe perjodu ta' 180 jum".
(3)L-Artikolu 4(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fit-territorju ta’ Saint Kitts u Nevis għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
(4)L-Artikolu 4(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
“Iċ-ċittadini ta’ Saint Kitts u Nevis jistgħu joqogħdu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dan il-perjodu jiġi kkalkulat indipendentement minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.
Iċ-ċittadini ta' Saint Kitts u Nevis jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu, irrispettivament mill-perjodu tas-soġġorn ikkalkulat għat-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.”
(5)Fl-Artikolu 4(3), il-kelmiet “tliet xhur” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “90 jum” u l-kelma “Komunità” għandha tiġi sostitwita bil-kelma “Unjoni”.
(6)L-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(4) għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:
"Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni."
Artikolu 2
Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara d-data li fiha l-aħħar Parti tinnotifika lill-oħra li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.
Magħmul fi […]fil-[…] jum ta’ […] fis-sena elfejn u sbatax b'duplikat bl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Svediż, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA L-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN
Huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u Saint Kitts u Nevis, min-naħa l-oħra, jimmodifikaw, mingħajr dewmien, il-ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir f'konformità mat-termini ta' dan il-Ftehim.
Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-interpretazzjoni tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum
Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum kif ipprovdut mill-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser jew soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta’ żmien tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum b’kollox.
Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perjodu ta' referenza mobbli ta' 180 jum, billi titqies b'lura kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk l-obbligu tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum ikunx baqa' jiġi ssodisfat. Fost oħrajn, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.
________