Brussell, 28.7.2017

COM(2017) 394 final

2017/0169(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tas-26 ta' Ġunju 2013 1 (minn issa 'l quddiem: l-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) emenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen 2 (CISA), ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 3  (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen [KFS]) u r-Regolament (KE) Nru 810/2009 4 (il-Kodiċi dwar il-Viżi) u – fost l-oħrajn – iddefinixxa mill-ġdid il-kunċett ta' "soġġorn qasir" għal ċittadini ta' pajjiż terz fiż-żona Schengen. Sa mit-18 ta' Ottubru 2013, fil-każ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi – irrispettivament minn jekk kellhomx bżonn ta' viża jew le – li jkollhom l-intenzjoni li jivvjaġġaw lejn iż-żona ta' Schengen għal soġġorn qasir, it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat huwa definit bħala "90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum". Kuntrarju għad-definizzjoni fis-seħħ sat-18 ta' Ottubru 2013 (tliet xhur matul il-perjodu ta' sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul), il-kunċett il-ġdid huwa aktar preċiż billi jistabbilixxi l-perjodu fi ġranet, minflok f'xhur. Barra minn hekk, it-terminu "mid-data tal-ewwel dħul" li wassal għal bosta inċertezzi u mistoqsijiet tneħħa mid-definizzjoni.

L-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen introduċiet il-bidliet kollha meħtieġa fl-acquis tal-viża u tal-fruntieri tal-UE, i.e. il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, il-Kodiċi dwar il-Viżi u r-Regolament (KE) Nru 539/2001 5 . Madankollu, il-kunċett tas-soġġorn qasir huwa wkoll stabbilit fil-ftehimiet internazzjonali li ġew konklużi mill-Unjoni Ewropea. Il-ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża li ġew konklużi ma' Antigua u Barbuda 6 , il-Bahamas 7 , Barbados 8 , il-Brażil 9 , Mauritius 10 , Saint Kitts u Nevis 11 u s-Seychelles 12 għadhom jirreferu għad-definizzjoni l-qadima ("tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul" 13 ) meta jiġi definit il-perjodu tas-soġġorn mingħajr il-ħtieġa ta' viża.

Fis-16 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msemmija aktar 'il fuq 14 , li l-Kunsill adotta fid-9 ta’ Ottubru 2014 15 . L-għan kien li tiġi implimentata d-definizzjoni l-ġdida ta’ soġġorn qasir fir-rigward ta’ dawn is-seba’ pajjiżi, kif stipulat fl-emenda tal-KFS. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta' "soġġorn qasir" fil-ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża f'termini ta' ġranet, minflok f'termini ta' xhur, hija anqas ikkumplikata u tista' tiġi vverifikata u kkalkulata b'mezzi elettroniċi u għalhekk tkun aktar tixraq għal sistemi ċentralizzati ta' ġestjoni tal-fruntieri, bħas-sistema proposta ta' Dħul/Ħruġ (EES) 16 .

Wara l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni bdiet negozjati biex jiġu emendati l-ftehimiet dwar eżenzjoni mill-viża mas-seba’ pajjiżi (Antigua u Barbuda, il-Bahamas, Barbados, il-Brażil, il-Mauritius, Saint Kitts u Nevis u s-Seychelles).

In-negozjati mal-Commonwealth tal-Bahamas ġew iffinalizzati b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-ftehim emendatorju fit-30 ta’ Awwissu 2016. Iż-żewġ partijiet ftehmu li jadottaw definizzjoni ġdida ta’ “soġġorn qasir” matul il-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża bejn l-UE u l-Bahamas. Barra minn hekk, il-ftehim jimplika modifika ta’ xi dettalji tekniċi (ara iktar ’l isfel), iżda l-emendi kollha mhumiex sinifikanti mill-aspett ta' vjaġġatur.

Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hija riflessa fil-preambolu tal-ftehim.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-ftehim jobbliga l-approvazzjoni taż-żewġ partijiet kontraenti f'konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. Min-naħa tal-Unjoni, dan jobbliga d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim.

Din il-proposta hija ppreżentata lill-Kunsill sabiex tawtorizza l-konklużjoni tal-Ftehim biex jiġi emendat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.

Il-ftehim jiżgura li jkun hemm koerenza legali kif ukoll armonizzazzjoni fost l-Istati Membri, billi jimxi mad-definizzjoni l-ġdida ta' soġġorn qasir kif stipulata fl-emenda għall-KFS, li tipprovdi interpretazzjoni ċara ta' "soġġorn qasir".

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu.

L-Unjoni ma għandha ebda setgħa temenda l-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża li jorbtu lill-erba' pajjiżi li huma assoċjati mal-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen, inkluża l-politika komuni dwar il-viżi. Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat u implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn awtorizzat fiż-żona Schengen, dikjarazzjoni konġunta tinsab inkluża fil-ftehim, li tiddikjara x-xewqa li l-Bahamas, min-naħa l-waħda, u l-Iżlanda, Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, min-naħa l-oħra, li jimmodifikaw b'dan il-mod il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża bilaterali attwali.

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni tal-ftehim. Il-Kunsill se jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata wara l-iffirmar tal-ftehim, f’isem l-Unjoni, minn persuna nominata mill-presidenza tal-Kunsill u wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Jekk waħda mill-partijiet kontraenti għall-ftehim internazzjonali tkun l-Unjoni Ewropea, imbagħad kwalunkwe emenda ta' ftehim bħal dan ma tistax tiġi implimentata legalment mill-Istati Membri infushom. Il-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża mal-Bahamas ġie konkluż mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jeħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża mill-Istati Membri jaffettwa l-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-viżi (l-Artikolu 3(2) TFUE).

Proporzjonalità

Il-proposta attwali ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv segwit, jiġifieri l-modifika tal-ftehim attwali dwar l-eżenzjoni mill-viża bejn il-Commonwealth tal-Bahamas u l-Unjoni.

3.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Din il-proposta ma tinvolvix spejjeż addizzjonali għall-baġit tal-UE.

4.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta direttivi ta' negozjati li awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Commonwealth tal-Bahamas biex temenda l-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża bejn iż-żewġ partijiet. L-Istati Membri ġew infurmati dwar il-progress tan-negozjati f'laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Viża.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Ir-Riżultat tan-negozjati

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz tal-ftehim hu aċċettabbli għall-Unjoni.

Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

a. Id-durata tas-soġġorn

Il-ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Commonwealth tal-Bahamas meta jivvjaġġaw lejn il-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum (minflok perjodu massimu ta' tliet xhur matul il-perjodu ta' sitt xhur wara d-data tal-ewwel dħul). Id-definizzjoni l-ġdida hija applikata fil-ftehim kollu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.

b. Dispożizzjoni finali – sospensjoni tal-ftehim (l-Artikolu 8(4))

Il-ftehim jimmodifika l-aħħar klawsola tal-Artikolu 8(4) billi jżid "u għandha tneħħi dik is-sospensjoni". L-aħħar klawsola tal-Artikolu 8(4), għalhekk, tinqara kif ġej: "Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni." Billi l-kliem "u għandha tneħħi dik is-sospensjoni" jiżdiedu mat-test attwali, il-ftehim emendat jiċċara li sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għandha fil-fatt titneħħa jekk ir-raġunijiet li wasslu għas-sospensjoni jisparixxu. Dwar dan il-punt, l-emenda tallinja l-kliem tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża mal-Bahamas ma' dak tal-ftehimiet l-oħra kollha dwar l-eżenzjoni mill-viża ffirmati mill-Unjoni fl-2015 u l-2016. Fl-14 ta' Ġunju 2016, il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Viża ġie kkonsultat dwar din l-emenda u l-ebda Stat Membru ma qajjem xi oġġezzjoni.

c. "Komunità" tiġi sostituta b’ "Unjoni"

Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea waħedha akkwistat personalità legali kkonsolidata. Madankollu, il-"Komunità Ewropea" għadha minquxa fi ftehimiet internazzjonali li kienu daħlu fis-seħħ qabel it-Trattat ta’ Lisbona, bħalma hu l-każ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bahamas fejn tidħol l-eżenzjoni għal soġġorn qasir. Il-ftehim ta’ emenda għalhekk jissostitwixxi Komunità” b’”Unjoni” fil-ftehim kollu dwar l-eżenzjoni mill-viża.

d. Dikjarazzjonijiet Konġunti

Żewġ dikjarazzjonijiet konġunti huma mehmuża mal-ftehim:

- Dwar l-interpretazzjoni tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, kif ukoll;

- Dwar l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein.

e. Dħul fis-seħħ

Il-ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt(6) xahar wara d-data ta’ meta l-aħħar Parti Kontraenti tkun innotifikat lill-oħra li tlestew il-proċeduri ta’ ratifika. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-vjaġġaturi jkunu jistgħu jifhmu l-liġi u josservawha, huwa meħtieġ li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni twil biżżejjed. Hekk kif tiġi konkluża r-ratifika tal-ftehim, il-perjodu ta’ sitt xhur se jippermetti lill-vjaġġaturi jtemmu s-soġġorni qosra, li għadhom jiġu kkalkulati b'mod sħiħ skont id-definizzjoni l-qadima, qabel ma tidħol fis-seħħ id-definizzjoni l-ġdida dwar is-soġġorn qasir u l-perjodu ta’ referenza ta’ 180 jum li jirreferi għall-passat.

Id-dispożizzjoniijiet l-oħra kollha tal-Ftehim eżistenti bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir jibqgħu bla mittiefsa mill-Ftehim ta’ emenda, inkluż l-ambitu territorjali.

6.KONKLUŻJONI

Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill japprova, wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.

2017/0169 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 17 ,

Billi:

(1)Bid-Deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir. Il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Bahamas meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra "għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur".

(2)Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 daħħal bidliet orizzontali fl-acquis tal-Unjoni dwar il-viża u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn qasir bħala massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

(3)Huwa neċessarju li dan il-Ftehim bejn l-Unjoni u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir jinkorpora din id-definizzjoni l-ġdida sabiex jarmonizza bis-sħiħ ir-reġim ta’ soġġorn qasir tal-Unjoni.

(4)Il-Kummissjoni nnegozjat ftehim f’isem l-Unjoni mal-Commonwealth tal-Bahamas li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir ("il-Ftehim").

(5)B'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/[…], il-Ftehim ġie ffirmat.

(6)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE 19 . Għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(7)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 20 . Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

(8)Għaldaqstant, il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti, f'isem l-Unjoni, in-notifika prevista fl-Artikolu 2 tal-Ftehim 21 .

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 182, 29.06.2013, p. 1.
(2) ĠU L 239, 22.09.2000, p. 19.
(3) ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.
(4) ĠU L 243, 15.9.2009, p.1.
(5) ĠU L 081, 21.3.2001, p.1.
(6) ĠU L 169, 30.6.2009, p. 3.
(7) ĠU L 169, 30.6.2009, p. 24.
(8) ĠU L 169, 30.6.2009, p. 10.
(9) L-UE kkonkludiet żewġ ftehimiet mal-Brażil. Wieħed għal detenturi ta' passaporti ordinarji (ĠU L 255, 21.9.2012, p. 4) u wieħed separat għal detenturi ta' passaporti diplomatiċi, ta' servizz u uffiċjali (ĠU L 66, 12.3.2011, p. 2).
(10) ĠU L 169, 30.6.2009, p. 17.
(11) ĠU L 169, 30.6.2009, p. 38.
(12) ĠU L 169, 30.6.2009, p. 31.
(13) Cf. "Skop" u "Tul tas-soġġorn" fil-ftehimiet.
(14) COM(2014)468 final.
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għall-emendar tal-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir bejn l-Unjoni/il-Komunità Ewropea u Antigua u Barbuda, il-Commonwealth tal-Bahamas, Barbados, ir-Repubblika Federali tal-Brażil, ir-Repubblika ta' Mauritius, il-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis u r-Repubblika tas-Seychelles, adottata mill-Kunsill fid-09.10.2014.
(16) COM (2016)194 final.
(17) Il-kunsens ingħata fi […]
(18) Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, 29.06.2013, p. 1).
(19) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(20) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(21) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Brussell, 28.7.2017

COM(2017) 394 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir


ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir



FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

L-UNJONI EWROPEA,

min-naħa l-waħda, u

IL-COMMONWEALTH TAL-BAHAMAS (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Bahamas”),

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet Kontraenti”,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Bahamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2010,

FILWAQT LI JAFFERMAW l-importanza tal-iffaċilitar ta’ kuntatti bejn il-persuni,

FILWAQT LI JIEĦDU NOTA li l-Ftehim jaħdem għas-sodisfazzjon taċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti,

FILWAQT LI JQISU li d-definizzjoni ta’ soġġorn qasir fornuta mill-Ftehim (tliet xhur tul perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul) mhix preċiża biżżejjed u b’mod partikolari, il-kunċett ta’ "id-data tal-ewwel dħul" jista’ jagħti lok għal inċertezzi u mistoqsijiet,

FILWAQT LI JITQIES li r-Regolament (UE) Nru 610/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 introduċa bidliet orizzontali fl-acquis "intern" tal-UE dwar il-viża u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn qasir bħala “90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum”,

FILWAQT LI TITQIES li s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ li għandha tiġi stabbilita mill-Unjoni Ewropea tirrikjedi l-użu ta’ definizzjoni uniformi u ċara ta’ soġġorn qasir li hija applikabbli għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi,

FILWAQT LI JIXTIEQU jiżguraw il-fluss bla xkiel ta’ vjaġġaturi fil-punti ta' qsim tal-fruntiera tal-Partijiet Kontraenti,

FILWAQT LI JAFFERMAW li l-Ftehim ikopri liċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda,

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim għandu jiġi emendat f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu:

(1)Fit-titolu u fl-Artikli 3(5), 6(1) u 8(7), il-kelma “Komunità” għandha tiġi sostituta bil-kelma “Unjoni”.

(2)Fl-Artikolu 1, il-kliem “tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum”.

(3)L-Artikolu 4(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Bahamas għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.”

(4)L-Artikolu 4(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Iċ-ċittadini tal-Bahamas jistgħu joqogħdu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dak il-perjodu jiġi kkalkulat indipendentement minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.

Iċ-ċittadini tal-Bahamas jistgħu jibqgħu għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu, irrispettivament mill-perjodu tas-soġġorn kkalkulat għat-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.”

(5)Fl-Artikolu 4(3), il-kelmiet “tliet xhur” jinbidlu mill-kelmiet “90 jum” u l-kelma “Komunità” tinbidel mill-kelma “Unjoni”.

(6)L-aħħar klawżola tal-Artikolu 8(4) tinbidel b’dan li ġej:

“Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni.”

Artikolu 2

Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt(6) xahar wara d-data li fiha l-aħħar Parti tinnotifika lill-oħra li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.

Magħmul fi […]fil-[…] jum ta’ […] fis-sena elfejn u sbatax b'duplikat bl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Commonwealth tal-Bahamas

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA L-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u tal-Bahamas, min-naħa l-oħra, jimmodifikaw, mingħajr dewmien, il-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir mat-termini ta' dan il-Ftehim.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-interpretazzjoni tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum kif ipprovdut mill-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser jew soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta’ żmien tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum b’kollox.

Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perjodu ta' referenza mobbli ta' 180 jum, billi titqies b'lura kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perijodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk l-obbligu tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum ikunx baqa' jiġi ssodisfat. Fost oħrajn, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.

________