Brussell, 30.5.2017

COM(2017) 271 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għall-finanzjament ta' miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati it-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 1 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità sabiex ikun possibbli l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda jew aktar tal-qafas finanzjarju pluriennnali. Il-Kummissjoni pproponiet emenda tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 2 . Il-proposta, kif emendata mill-Kunsill, irċeviet qbil politiku wiesa’ fil-Kunsill u l-kunsens tal-Parlament Ewropew 3 . Huwa mistenni li l-pakkett tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu jiġi adottat mill-Kunsill ftit wara l-preżentazzjoni tal-Abbozz tal-Baġit 2018. Għal din ir-raġuni, jidher xieraq li jiġi propost l-abbozz tal-Baġit 2018 u din id-deċiżjoni tal-mobilizzazzjoni li għandha tiġi ppreżentata flimkien filwaqt li jiġu kkunsidrati l-emendi mistennija fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013. Madankollu, jekk l-adozzjoni formali tar-reviżjoni tar-Regolament QFP tiddewwem aktar, din il-proposta se tkun emendata biex jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament QFP fis-seħħ fi żmien l-adozzjoni tal-Baġit għall-2018.

F’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 u l-punt 12 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 4 , wara li ġew eżaminati l-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet u ġie eżawrit kull marġini mhux allokat taħt l-intestatura tan-nefqa Sigurtà u Ċittadinanza (l-Intestatura 3), il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi mmobilizzat l-Istrument tal-Flessibilità fl-2018, għall-ammont ta’ EUR 817,1 miljun.

Id-disponibbiltà tal-Istrument ta’ Flessibilità wara reviżjoni tar-Regolament QFP hija kif ġej: ammont annwali disponibbli ta’ EUR 600 miljun (prezzijiet tal-2011) li jikkorrispondi għal EUR 689 miljun fi prezzijiet ta’ bħalissa li jiżdied b’ammonti skaduti mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (l-ammont li skada fi tmiem l-2016 kien ta’ EUR 646 miljun). B’kunsiderazzjoni wkoll tal-ammont mhux allokat tal-porzjon annwali tal-2017 (li jikkorrispondi maż-żieda tal-ammont annwali minn EUR 471 miljun għal EUR 600 miljun) ta’ EUR 129 miljun fi prezzijiet tal-2011 li jikkorrispondi għal EUR 146 miljun fi prezzijiet ta’ bħalissa, id-disponibbiltà ġenerali tal-Istrument ta’ Flessibilità hija ta’ EUR 1 481 miljun.

Din il-mobilizzazzjoni tikkonċerna ammont ta’ EUR 817,1 miljun ’il fuq mil-limitu massimu tal-Intestatura 3 tal-qafas finanzjarju pluriennali, u hija maħsuba biex tiffinanzja appoġġ għal miżuri għall-immaniġġjar tal-isfidi tat-theddidiet tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà.

Jekk l-adozzjoni formali ta’ reviżjoni tar-Regolament QFP tiddewwem aktar, din il-proposta tista’ tiġi emendata kif ġej: l-ammont immobilizzat jonqos għal EUR 541 miljun u tiġi ppreżentata proposta biex jiġi mobilizzat il-Marġini ta’ Kontinġenza sabiex jiġu provduti l-ammonti li jifdal meħtieġa għall-finanzjament tan-nefqa fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà fl-Intestatura 3 ’il fuq mil-limitu massimu (EUR 276,1 miljun bi tpaċija prevista fl-Intestatura 2 fl-istess sena).

L-approprjazzjonijiet ta' pagamenti li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni proposta tal-Istrument ta’ Flessibilità ġew ikkalkulati fuq il-bażi tar-regoli applikabbli għal prefinanzjament, l-approvazzjoni ta’ prefinanzjament u l-pagamenti finali għad-diversi tipi ta’ miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati, u huma ppreżentati fit-tabella ta’ hawn taħt:

(f’miljuni ta’ EUR, skont il-prezzijiet ta’ bħalissa)

Sena

L-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti relatati mal-mobilizzazzjoni tal-istrument ta’ flessibilità għal miżuri għall-immaniġġar ta’ kriżijiet tar-refuġjati fl-2018

2018

452,9

2019

207,6

2020

123,3

2021

33,3

Total

817,1

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għall-finanzjament ta' miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati it-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 5 , u b’mod partikolari l-punt 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi,

(1)L-Istrument ta' Flessibilità huwa maħsub biex jippermetti l-finanzjament ta' nefqa identifikata b'mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti disponibbli ta' intestatura jew intestaturi oħra.

(2)Il-limitu massimu fuq l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibilità huwa ta' EUR 600 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 6 .

(3)Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kontinwi tal-migrazzjoni, l-influssi ta’ refuġjati u theddid għas-sigurtà, huwa meħtieġ li jiġu mmobilizzati ammonti addizzjonali importanti għall-finanzjament ta’ tali miżuri bħala kwistjoni ta’ urġenza.

(4)Wara li eżaminaw il-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt il-limitu massimu tan-nefqa għall-Intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza), huwa meħtieġ li jiġi mmobilizzat l-Istrument ta' Flessibilità biex jissupplimenta l-finanzjament disponibbli fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, lil hinn mil-limiti massimi tal-Intestatura 3 bi EUR 817 056 198 biex jiġu ffinanzjati miżuri fil-qasam tal-migrazzjoni, tar-rifuġjati u tas-sigurtà. Dan l-ammont jinkludi l-ammonti li skadew fis-snin preċedenti ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1331/2013.

(5)Abbażi tal-profil tal-pagament mistenni, l-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għandhom jiġu mqassma matul diversi snin ta’ finanzjament.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, l-Istrument ta' Flessibilità għandu jintuża biex jipprovdi s-somma ta' EUR 817 056 198 f'approprjazzjonijiet ta' impenn fl-Intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza).

L-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jintuża biex jiffinanzja miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi kontinwi tal-migrazzjoni, l-influssi ta’ refuġjati u t-theddid għas-sigurtà.

2.L-approprjazzjonijiet ta' pagamenti li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità skont il-paragrafu 1 ikunu distribwiti kif ġej:

(a)EUR 452 952 126 fl-2018;

(b)EUR 207 556 299 fl-2019;

(c)EUR 123 308 626 fl-2020;

(d)EUR 33 339 147 fl-2021.

Madankollu, l-ammonti speċifiċi ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament imsemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu aġġustati u għal kull sena finanzjarja għandhom jiġu awtorizzati f’konformità mal-proċedura baġitarja annwali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) COM(2016) 604, 14.9.2016.
(3) P8_TA(2017)0111, 5.4.2017.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).