Brussell, 2.5.2017

COM(2017) 257 final

2017/0087(COD)

Pakkett ta' Konformità

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura li permezz tagħhom il-Kummissjoni tista’ titlob lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni relatata mas-suq intern u ma’ oqsma relatati

{SWD(2017) 215 final}
{SWD(2017) 216 final}
{SWD(2017) 217 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-Ewropa tħaddan fiha l-ikbar suq uniku fid-dinja 1 fejn iċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw mid-dritt għax-xogħol, mid-dritt għall-istudju, mid-dritt li jistabbilixxu negozju, u mid-dritt li jipprovdu oġġetti u servizzi minn naħa għal oħra tal-fruntiera. Dan kollu flimkien mal-garanziji tas-saħħa, tas-sikurezza, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-konsumatur ipprovduti mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Biex iċ-ċittadini u n-negozji jgawdu bis-sħiħ minn dawn id-drittijiet u jiġi żgurat li dawn jibqgħu fiduċjużi fis-suq uniku, hu essenzjali li r-regoli tal-UE jiġu rrispettati. Għaldaqstant, fil-Komunikazzjoni tagħha “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji”, il-Kummissjoni ħabbret li kienet se tistabbilixxi strateġija ta’ infurzar intelliġenti. Din l-istrateġija tieħu “approċċ ħolistiku li jiġbor l-istadji kollha tat-tfassil tal-politika mit-tfassil innifsu sal-implimentazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni, f’konformità mal-istrateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar. Dan jinkludi integrazzjoni aħjar tal-aspetti tal-evalwazzjoni u tal-infurzar fit-tfassil tal-politika, assistenza u gwida aħjar lill-Istati Membri waqt l-implimentazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku u infurzar aktar koerenti u effikaċi tal-politika maħsuba biex titjieb il-konformità ġenerali mar-regoli tas-Suq Uniku u mal-liġi tal-UE inġenerali 2 .

Waħda mid-diffikultajiet affaċċjati fl-iżgurar tal-konformità mar-regoli tas-suq intern hi l-aċċess tempestiv għal dejta affidabbli. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ħabbret li “se tipproponi inizjattiva regolatorja ħalli tkun tista' tiġbor informazzjoni affidabbli direttament mingħand ċertu parteċipanti fis-suq magħżula, bil-għan li tiggarantixxi u ttejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku 3 .

Fuq l-istess nota, fil-komunikazzjoni tagħha “Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar”, il-Kummissjoni xeħtet dawl fuq l-importanza ta’ sistema ta’ infurzar robusta u effiċjenti u spjegat li l-infurzar jappoġġa u jissupplimenta t-twettiq tal-prijoritajiet tal-politika. Hi spjegat li “[l-politika] attwali tal-infurzar [tagħha] tinvolvi monitoraġġ ta' kif jiġi applikat u implimentat id-dritt tal-UE, soluzzjonijiet għal problemi mal-Istati Membri sabiex jiġi rimedjat kull ksur possibbli tal-liġi, u teħid ta' azzjoni ta’ ksur fejn xieraq 4 . Madankollu, l-iżgurar tal-applikazzjoni korretta u sħiħa tad-dritt tal-UE għadu sfida. Għaldaqstant, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta’ miżuri biex issaħħaħ is-sistema ta’ infurzar bl-għan li tibbenefika liċ-ċittadini u lin-negozji u tiżgura li d-drittijiet tagħhom fis-suq uniku jiġu rrispettati. “L-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE […] huwa importanti għall-Ewropej u jaffettwa l-ħajja ta’ kuljum tagħhom”.

F’ċerti każijiet speċifiċi jkun meħtieġ aċċess għal informazzjoni affidabbli dwar l-aġir tal-parteċipanti fis-suq biex jiġu infurzati r-regoli tas-suq intern, b’mod partikolari informazzjoni tas-suq dwar ditti privati. Il-proposta ma għandhiex l-għan li toħloq setgħat ta’ infurzar ġodda għall-Kummissjoni bħas-setgħat li tfittex li tieħu passi dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern kontra parteċipanti individwali fis-suq. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jgħin lill-Kummissjoni tissorvelja u tinforza r-regoli tas-suq intern billi jippermettilha tikseb informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva komprensiva u affidabbli b’mod tempestiv mingħand atturi partikolari fis-suq permezz ta’ talbiet għall-informazzjoni mmirati b’mod restrittiv. Ir-Regolament propost se jgħin lill-Kummissjoni tiżgura li d-drittijiet tas-suq uniku taċ-ċittadini u tan-negozji jiġu rrispettati, u se jgħin biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri. Hu se jgħin “lill-Kummissjoni wkoll biex tipproponi titjib meta l-evalwazzjoni tkun turi li hemm nuqqas ta’ infurzar minħabba nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti 5 . Ir-Regolament propost hu maħsub għal każijiet speċifiċi li fihom il-benefiċċji ta’ infurzar veloċi u preċiż jegħlbu biċ-ċar il-piż u l-kostijiet imposti fuq l-intrapriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ intrapriżi involuti.

Din l-għodda l-ġdida se tintuża f’oqsma li fihom l-UE tista’ tforni riżultati tanġibbli li huma l-iktar importanti għaċ-ċittadini u għan-negozji. B’għodod ta’ infurzar iktar effiċjenti, l-UE se tkun tista’ taġixxi u tiżgura konformità sħiħa iktar malajr u b’mod iktar effettiv fl-oqsma ta’ prijorità magħżula tagħha.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hi konsistenti mal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jistabbilixxi suq intern bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tal-UE, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Hi konsistenti wkoll mal-Artikolu 26 tat-TUE, li jagħti s-setgħa lill-UE tadotta miżuri biex jiġu żgurati l-funzjonijiet tas-suq intern kif xieraq, u mal-Artikolu 17 tat-TUE, li jinkariga lill-Kummissjoni bil-kompitu li tiżgura li jiġu applikati r-regoli tat-Trattat u l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE u li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE. Din il-proposta ma għandhiex l-għan li toħloq proċedura ġdida għall-infurzar tad-dritt tal-UE. Minflok, l-għodda ta’ informazzjoni proposta tista’ tintuża fil-kuntest tal-proċeduri eżistenti, bħall-proċedura ta’ ksur prevista mill-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Kummissjoni diġà għandha setgħat investigattivi biex tinfurza r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern. L-użu ta’ dawn is-setgħat kien ferm effettiv biex jiżgura li dawk ir-regoli jiġu applikati: pereżempju, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni rnexxielha tiġbor direttament informazzjoni vitali fil-livell tad-ditti f’żewġ każijiet b’impatt kbir, li rriżulta fl-irkupru ta’ taxxi mhux imħallsa li kienu jikkonsistu f’għajnuna mill-Istat mhux awtorizzata 6 .

Barra minn hekk, din il-proposta hi konsistenti ma’ strumenti legali oħra tal-UE li jagħtu lill-korpi tal-UE jew lill-awtoritajiet nazzjonali s-setgħa li jiġbru informazzjoni fil-livell tad-ditti u jaqsmuha mal-Kummissjoni f’oqsma speċifiċi relatati mas-suq intern (eż. il-protezzjoni tal-konsumatur, is-servizzi finanzjarji, is-sorveljanza tas-suq, l-industriji li jużaw netwerk). Il-Kummissjoni se tuża r-Regolament propost biss bħala l-aħħar soluzzjoni jekk ifallu l-mezzi l-oħra għall-kisba ta’ informazzjoni essenzjali.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

Din il-proposta hi bbażata fuq l-Artikoli 43(2), 91, 100, 114, 192, 194(2) u 337 tat-TFUE.

L-Artikolu 337 tat-TFUE jipprevedi s-setgħa tal-Kummissjoni, fil-limiti u bil-kundizzjonijiet li l-Kunsill jista’ jistabbilixxi filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, li tiġbor kull tagħrif meħtieġ biex twettaq il-kompiti fdati lilha. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ) diġà ddikjarat li dan l-Artikolu jista’ jintuża bħala bażi ġuridika għal-leġiżlazzjoni sekondarja li tikkonċerna l-attività ġenerali tal-ġbir ta’ informazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, mingħajr il-bżonn li t-tali ġbir ikun meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika partikolari tal-UE 7 . Madankollu, il-QtĠ ddikjarat ukoll li att tal-UE ma jaqax taħt l-Artikolu 337 tat-TFUE biss għaliex ikollu l-għan li jistabbilixxi sistema għall-ġbir ta’ informazzjoni 8 . Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk din l-inizjattiva, fir-rigward tal-għan u tal-kontenut tagħha, hijiex meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi assenjati b’mod speċifiku lil politika tal-UE. Din l-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess tal-Kummissjoni għal informazzjoni tas-suq neċessarja biex din twettaq il-kompiti tagħha skont l-Artikolu 17 tat-TUE, bl-għan li tindirizza problemi serji fl-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern. Din tista’ biss ittejjeb il-ħidma tal-Kummissjoni fl-iżgurar tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE f’dak il-qasam. Għaldaqstant, din l-inizjattiva hi meħtieġa biex jinkiseb l-objettiv ta’ żgurar tal-funzjonament tas-suq intern kif imsemmi fl-Artikolu 26 tat-TFUE. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 337 tat-TFUE jrid ikun issupplimentat minn bażi ġuridika dwar is-suq intern, bħall-Artikolu 114 tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri neċessarji għall-funzjonament mingħajr intoppi tas-suq intern. Ħidma mtejba tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest tgħin fil-prevenzjoni tal-feġġa ta’ ostakli għall-funzjonament tas-suq intern 9 , li hu wieħed mill-objettivi politiċi previsti mill-Artikolu 114 tat-TFUE 10 . Għaldaqstant, l-għażla tal-Artikolu 114 tat-TFUE biex jissupplimenta l-Artikolu 337 tat-TFUE hi ġġustifikata. Minbarra l-Artikolu 114 tat-TFUE, l-użu ta’ Artikoli oħra tat-TFUE bħala bażi ġuridika speċifika addizzjonali hu xieraq biex ikunu koperti l-oqsma tas-suq intern ibbażati fuq artikoli speċifiċi fit-TFUE għal azzjoni leġiżlattiva: jiġifieri l-Artikoli 43 (il-prodotti agrikoli), 91 u 100 (it-trasport) jew 194 (l-enerġija); jew oqsma relatati mas-suq intern: l-Artikolu 192 (l-ambjent).

L-Artikoli 114 u 337 tat-TFUE ntużaw b’mod konġunt bħala l-bażi ġuridika f’att leġiżlattiv preċedenti tal-UE li inkariga lill-Kummissjoni b’setgħat ta’ ġbir ta’ informazzjoni fil-qasam tas-suq intern: Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika 11 .

Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-azzjoni tal-UE hi meħtieġa biex issaħħaħ l-aċċess tal-Kummissjoni għall-informazzjoni tas-suq neċessarja biex jiġu indirizzati l-problemi serji fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fil-qasam tas-suq intern meta twettaq il-kompiti tagħha skont l-Artikolu 17 tat-TUE. L-għodda ta’ informazzjoni stabbilita b’din l-inizjattiva hija l-aħħar miżura meta jkunu fallew il-mezzi l-oħra għall-kisba tal-informazzjoni. B’hekk, se tintuża biss għal dawk il-każijiet li fihom intervent nazzjonali ma jaħdimx, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, u l-UE tkun f’pożizzjoni aħjar li tieħu azzjoni. B’mod partikolari, l-għodda ta’ informazzjoni se tintuża meta dawk il-problemi jkollhom impatti f’iktar minn Stat Membru wieħed u meta l-indirizzar tagħhom ikun jeħtieġ il-ġbir ta’ informazzjoni b’mod uniformi u konsistenti mingħand operaturi partikolari fis-suq f’iktar minn Stat Membru wieħed. Azzjoni bħal din tal-UE tkun tissodisfa r-rekwiżit tan-neċessità u tista' biss issaħħaħ il-ħila tal-Kummissjoni li tiżgura li jiġi rrispettat id-dritt tal-UE fil-qasam tas-suq intern.

F’termini ta’ valur miżjud, din l-għodda se tissimplifika l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’każijiet b’dimensjoni transkonfinali b'saħħitha meta l-informazzjoni tkun meħtieġa mingħand parteċipanti fis-suq li joperaw f’iktar minn Stat Membru wieħed. Azzjoni bħal din tal-UE tkun tippermetti wkoll aċċess tempestiv għall-informazzjoni, tiżgura li d-dejta transkonfinali miġbura tkun komparabbli u tirriżulta f’infurzar iktar effiċjenti, u b'hekk tnaqqas il-piż amministrattiv totali fuq id-ditti u fuq l-awtoritajiet pubbliċi involuti.

Din l-inizjattiva, filwaqt li tirrispetta l-obbligu tal-Kummissjoni bħala “gwardjan tat-Trattati” biex tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mir-rwol importanti tagħhom li, flimkien mal-Kummissjoni, japplikaw ir-regoli fl-oqsma tas-suq intern jew f’oqsma relatati oħra. Dawn ikompli jkollhom is-setgħat investigattivi tagħhom stess u jibqgħu liberi li jestenduhom. Barra minn hekk, l-operazzjoni ta’ dan ir-Regolament se tinvolvi lill-Istati Membri f’każijiet differenti, b’tali mod li jkun rifless il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

B’mod partikolari, kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tuża s-setgħa li titlob informazzjoni mingħand intrapriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ intrapriżi skont din l-inizjattiva se tiġi nnotifikata lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kkonċernati. Barra minn hekk, din l-inizjattiva tistabbilixxi mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri b’rabta mat-talbiet għal informazzjoni u mat-tweġibiet għat-tali talbiet, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ segretezza professjonali.

Hi konsistenti wkoll mat-TFUE peress li tistenna li l-Kummissjoni se tkun tista’ tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti inkarigati lilha, bil-kundizzjonijiet xierqa stabbiliti mis-setgħa leġiżlattiva.

Il-proporzjonalità

Din il-proposta hi proporzjonata mal-objettivi fil-mira u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex tiksibhom. L-ewwel nett, ikun hemm problema serja bl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-oqsma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. It-tieni, din l-għodda ta’ investigazzjoni għandha tintuża biss bħala l-aħħar soluzzjoni, meta ebda mod alternattiv ieħor biex tinkiseb informazzjoni rilevanti għall-indirizzar ta’ problema bħal din ma jkun kapaċi jikseb ir-riżultati. It-tielet, il-Kummissjoni se jkollha bżonn turi, f’deċiżjoni formali, li tali informazzjoni hi neċessarja biex tiġi indirizzata l-problema, li l-informazzjoni aktarx li se tkun disponibbli minnufih għad-destinatarji tat-talbiet u li jkunu fallew il-mezzi l-oħra għall-kisba tal-informazzjoni. Ir-raba’, it-talbiet għal informazzjoni jkunu mmirati b’mod strett, kemm fir-rigward tat-tul tat-talbiet għal informazzjoni kif ukoll tan-numru ta’ rispondenti. Il-konformità tal-Kummissjoni ma’ dawn il-kundizzjonijiet tkun soġġetta għal rieżami ġudizzjarju quddiem il-QtĠ. Finalment, il-piż amministrattiv ġenerali jiġi mminimizzat, kemm għan-negozji (billi jiġu esklużi l-mikroimpriżi u jiġi mminimizzat l-impatt fuq l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) – ara iktar ’il quddiem) kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi (billi jiġu evitati mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni ineffiċjenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, filwaqt li tiġi żgurata trasparenza sħiħa lejhom).

Il-proposta tippermetti lill-Kummissjoni timponi penali fuq l-intrapriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ intrapriżi li b’mod intenzjonali jew permezz ta’ negliġenza gravi jonqsu milli jirrispettaw it-talbiet għal informazzjoni jew id-deċiżjonijiet maħruġa skont ir-Regolament propost. Il-penali mhumiex maħsuba biex jikkoreġu xi mġiba tas-suq sottostanti mill-intrapriżi. It-theddida tal-penali hi inċentiv biex jiġi żgurat li d-destinatarji tat-talbiet għal informazzjoni jwieġbu fil-ħin u b’mod komplut, preċiż u mhux qarrieqi. Il-proposta tistabbilixxi l-livell massimu ta’ penali li huma mmudellati fuq ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fejn dawn iservu bħala deterrent. Madankollu, il-proposta ma teħtieġx li l-Kummissjoni timponi b’mod awtomatiku penali fuq l-intrapriżi li ma jwieġbux, u lanqas ma tistabbilixxi ammont minimu tal-penali, peress li l-Kummissjoni trid twettaq valutazzjoni ta’ każ b’każ filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-proporzjonalità, speċjalment fil-każ ta’ SMEs. Kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi penali tkun soġġetta għal rieżami ġudizzjarju.

L-għażla tal-istrument

Regolament hu strument legali xieraq għall-istabbiliment tar-regoli li għandhom l-għan li jsaħħu l-aċċess dirett tal-Kummissjoni għal informazzjoni rilevanti 12 . Tabilħaqq, jenħtieġ li kemm il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni kif ukoll il-possibbiltà tal-obbligi imposti fuq l-intrapriżi, inklużi sanzjonijiet skont kif ikun il-każ, ikunu stabbiliti f’Regolament. Meta mqabbel mal-armonizzazzjoni possibbli tar-regoli nazzjonali permezz ta’ direttiva għall-kisba ta’ dak l-għan, regolament ikun jirriżulta f’iktar ċertezza tad-dritt u jiggarantixxi interpretazzjoni uniformi. Strument awtonomu jevita wkoll interferenza mal-istrumenti legali eżistenti li jipprovdu setgħat investigattivi lill-Kummissjoni f’oqsma ta’ politika oħra 13 .

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST 14 , TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati 15

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika fuq din l-inizjattiva, bejn it-2 ta’ Awwissu u s-7 ta’ Novembru 2016. Hi rċeviet 71 tweġiba: 44 mis-settur kummerċjali 16 ; 16 mingħand konsumaturi, organizzazzjonijiet nongovernattivi jew soċjetajiet ċivili; u 11 mingħand awtoritajiet pubbliċi. Il-parteċipanti kienu minn 18-il Stat Membru tal-UE (68), minn pajjiż taż-ŻEE (1) u minn pajjiżi mhux Ewropej (2). It-tweġibiet urew li d-ditti spiss iżommu lura milli jaqsmu informazzjoni kummerċjalment sensittiva mal-awtoritajiet pubbliċi, mhux biss meta jwieġbu għall-konsultazzjonijiet pubbliċi iżda anki meta din tkun meħtieġa biex issostni allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom. Ir-rispondenti rrapportaw li jkunu lesti li jipprovdu informazzjoni sensittiva lill-Kummissjoni jekk il-kunfidenzjalità tkun assigurata u l-piż amministrattiv ikun limitat. Madankollu, diversi ditti sostnew biss il-parteċipazzjoni volontarja fit-talbiet għad-dejta.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet immirati ma’ diversi assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kbar li esprimew riżervi dwar l-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex titlob informazzjoni mingħand ditti lil hinn mill-isfera tad-dritt tal-kompetizzjoni. Qajmu tħassib dwar il-protezzjoni ta’ dejta kummerċjalment sensittiva, il-piż amministrattiv, u l-multi possibbli għan-nuqqas ta’ tweġib għat-talbiet. Id-ditti esprimew frustrazzjoni għat-tweġib bil-mod tal-Kummissjoni għal każijiet li involvew ksur tar-regoli tal-UE mill-Istati Membri.

Fil-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill dwar il-kompetittività u l-laqgħat tal-Grupp ta’ Livell Għoli, l-Istati Membri staqsew dwar il-kundizzjonijiet li trid tissodisfa l-Kummissjoni biex titlob informazzjoni, dwar ir-rwol tagħhom fil-proċess, dwar il-piż amministrattiv li jirriżulta, u dwar il-proporzjonalità ta’ kwalunkwe sanzjoni.

Is-suġġerimenti tal-partijiet ikkonċernati ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-parti l-kbira tagħhom, b’mod partikolari rigward is-sejħiet għall-użu limitat tal-għodda (tradotti fil-(pre)kundizzjonijiet għall-użu tal-għodda investigattva – inkluż ir-rwol tal-Istati Membri) u l-piż amministrattiv (pereżempju, il-possibbiltà li tintalab biss informazzjoni li diġà tkun disponibbli għad-ditti rispondenti). Il-mistoqsijiet dwar is-salvagwardji għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u dwar il-penali għan-nuqqas ta’ tweġib ġew indirizzati fuq il-bażi tal-prattiki stabbiliti fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Il-Kummissjoni ma bbażatx fuq kompetenza esterna speċifika għal din l-inizjattiva.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt spjega kif in-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli u preċiża fil-livell tad-ditti disponibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri joħloq problema f’sitwazzjonijiet meta jkun hemm bżonn ta’ aċċess għat-tali informazzjoni biex jiġu infurzati b’mod tempestiv ir-regoli dwar is-suq intern. Ir-rapport eżamina wkoll, lil hinn mix-xenarju bażi eżistenti, għażliet ta’ politika differenti biex jindirizzaw din il-problema, jiġifieri: (1) l-iskambju volontarju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni, u l-iżvilupp ta’ gwida dwar il-ġbir ta’ informazzjoni fil-livell tad-ditti; (2) it-tneħħija ta’ regoli nazzjonali li jipprevjenu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri milli jaqsmu informazzjoni fil-livell tad-ditti li diġà jkollhom jew li jistgħu jiksbu aċċess għaliha mal-Kummissjoni u ma’ Stati Membri oħra; (3) l-introduzzjoni ta’ setgħat investigattivi residwi fil-livell nazzjonali 17 sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru informazzjoni fil-livell tad-ditti fil-każijiet kollha u jaqsmuha mal-Kummissjoni; (4) l-introduzzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni aħħarija biex il-Kummissjoni tużaha meta jkunu jistgħu jeżistu ostakli ssuspettati għall-funzjonament tas-suq intern u l-informazzjoni mitluba fil-livell tad-ditti tkun neċessarja għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tempestiv u effettiv u din ma tkunx disponibbli minnufih b’mezzi oħra; u (5) taħlita tal-għażliet 2 u 4. L-għażliet 2, 3 u 4 huma ta’ natura leġiżlattiva. L-għażliet injorati jinkludu l-espansjoni tal-kopertura tal-istatistiki tal-UE u l-introduzzjoni ta’ obbligi ta’ rapportar regolari għad-ditti.

L-introduzzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni aħħarija għall-Kummissjoni (l-għażla 4) ġiet ikkunsidrata bħala l-aħjar għażla ta’ politika f’termini tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, filwaqt li hi wkoll l-iktar għażla effettiva u kosteffiċjenti. L-għażla 4 tegħleb il-problemi relatati mal-koordinazzjoni u mal-ġurisdizzjoni legali f'każ li l-Istati Membri kienu qed jaġixxu waħedhom meta jindirizzaw każijiet li għandhom dimensjoni transkonfinali. Jenħtieġ li din tirriżulta fil-kisba ta’ informazzjoni iktar robusta dwar il-malfunzjonijiet fis-suq intern. Min-naħa tagħha, jenħtieġ li din tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw grad ogħla ta’ konformità mar-regoli tas-suq intern. Dan se jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq intern u jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-potenzjal tiegħu. Jenħtieġ li aċċess aħjar għall-informazzjoni jirriżulta f’infurzar iktar informat tar-regoli tas-suq intern fil-livell tal-Istati Membri, billi jiġu limitati l-proċedimenti ta’ ksur kontra l-Istati Membri. In-negozji u l-konsumaturi jibbenefikaw mill-funzjonament aħjar tas-suq intern: eż. inqas ostakli għad-dħul, kompetizzjoni ikbar, iktar kompetittività u espansjoni transkonfinali (u potenzjalment internazzjonali) eħfef/orħos.

Il-kost amministrattiv annwali totali għall-impriżi jew għall-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (jiġifieri l-kumpilazzjoni tal-informazzjoni għat-tħejjija tat-tweġibiet u tal-pariri legali) hu stmat għal bejn EUR 370 000 u EUR 610 000 18 . Kost addizzjonali żgħir jista’ jirriżulta mis-sottomissjoni ta’ tweġibiet mhux kunfidenzjali (jiġifieri biex jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali tar-rispondent). Il-kostijiet derivati mill-għażla ppreferuta għall-Istati Membri huma negliġibbli (ara hawn taħt, it-Taqsima 4 għall-Kummissjoni). Ma jkun hemm ebda kost soċjali jew ambjentali dirett jekk tintuża l-għażla ppreferuta.

Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt u Skeda ta’ Sommarju Eżekuttiv 19 ġew ippreżentati lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Il-bord inizjalment ħareġ opinjoni negattiva fl-20 ta’ Jannar 2017, segwita minn opinjoni pożittiva b’riżervi fit-23 ta’ Marzu 2017 20 . Il-bord talab li r-rapport jiġi aġġustat skont ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu 21 . Issa r-rapport jiffoka biċ-ċar fuq l-objettiv ta’ indirizzar tan-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern f’dawk il-każijiet speċifiċi li fihom hi neċessarja l-informazzjoni u ma tkunx disponibbli mod ieħor. Dan jispjega aħjar ukoll il-kundizzjonijiet li l-Kummissjoni trid tissodisfa qabel ma tkun tista’ tuża l-miżura ta’ investigazzjoni (ara s-subintestatura ta’ hawn fuq dwar il-proporzjonalità), inkluża l-ħtieġa li jintwera li l-informazzjoni meħtieġa mhix disponibbli minn sorsi oħra (l-aspett tal-aħħar soluzzjoni). Barra minn hekk, ir-rapport jippreżenta aħjar il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati 22 .

L-idoneità u s-simplifikazzjoni regolatorja

Meta toħroġ talbiet għal informazzjoni lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, il-Kummissjoni hi meħtieġa tagħmel għażla bir-reqqa tad-destinatarji tat-talbiet, biex it-talbiet ikunu indirizzati biss lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li kapaċi jipprovdu informazzjoni rilevanti biżżejjed (l-Artikolu 5(3)). Normalment, impriżi kbar biss b’pożizzjoni b’saħħitha fis-suq jew b’volumi tan-negozju sinifikanti se jkunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju tal-SMEs, l-impriżi l-kbar normalment joperaw fuq skala ikbar u b’sofistikazzjoni korporattiva li tippermetti sejbien relattivament faċli tal-informazzjoni mitluba. B’hekk, il-piż amministrattiv li jirriżulta u l-impatt fuq dawn l-impriżi ma jkunux jidhru sproporzjonati.

Fit-teorija, l-SMEs jistgħu jintalbu jwieġbu għat-talbiet għal informazzjoni skont din il-proposta (eż. f’setturi speċifiċi jew f’suq speċifiku fejn jista’ jkollhom pożizzjoni b’saħħitha fis-suq). Madankollu, fid-dawl tal-volum tal-attività ekonomika tagħhom, hu antiċipat li aktarx dan ma jseħħx. Minkejja dan, jekk hemm bżonn li tintbagħat talba lil SME, il-proposta timminimizza l-kostijiet ta’ konformità tagħha: il-Kummissjoni hi meħtieġa b’mod speċifiku tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità meta tikkunsidra l-kamp ta’ applikazzjoni tat-talbiet għal informazzjoni lil SMEs (l-Artikolu 5(3). Il-kost stmat tat-tweġib għal SME individwali jvarja minn EUR 300 sa EUR 1 000 għal kull talba b’kost potenzjali addizzjonali għall-pariri legali ta’ EUR 1 000, madwar 25 % tal-kost stmat tat-tweġib għal impriża kbira.

Il-mikroimpriżi huma eżentati minn din il-proposta biex jevitaw piż amministrattiv sproporzjonat fuqhom, b’mod partikolari minħabba li aktarx li ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni rilevanti biżżejjed.

Id-ditti ta’ kull daqs se jibbenefikaw minn suq intern li jaħdem aħjar, bis-saħħa ta’ azzjonijiet ta’ infurzar iktar immirati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jiżguraw l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, fost l-oħrajn fil-qasam tas-suq intern.

Il-proposta ma tippreskrivi ebda format jew kanal ta’ komunikazzjoni partikolari għall-ipproċessar tat-talbiet għal informazzjoni, peress li hi newtrali fir-rigward tal-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT).

Id-drittijiet fundamentali

Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hi tinkludi salvagwardji u garanziji filwaqt li tqis l-interess leġittimu tal-impriżi biex iħarsu s-sigriet kummerċjali tagħhom: fl-Artikolu 7 (protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali) u fl-Artikolu 16 (segretezza professjonali) tal-proposta (ara l-Artikolu 7 tal-Karta). Il-proposta tikkonforma wkoll mad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali (ara l-Artikolu 8 tal-Karta) u hi konsistenti mar-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni (ara l-Artikolu 41 tal-Karta). Peress li d-destinatarji tat-talbiet għal informazzjoni jistgħu jikkontestawhom quddiem il-QtĠ, il-proposta tirrispetta d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (ara l-Artikolu 47 tal-Karta). Ir-regoli dwar l-impożizzjoni possibbli ta’ multi jew ta’ ħlas perjodiku bħala penali jirrispettaw id-dritt għal preżunzjoni ta’ innoċenza u għal proporzjonalità tal-pieni (ara l-Artikoli 48 u 49 tal-Karta).

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din l-inizjattiva ma toħloqx skema ta’ infurzar addizzjonali li trid tiġi applikata mill-Kummissjoni. Minflok, tagħti lill-Kummissjoni miżura ta’ investigazzjoni speċifika aħħarija, li trid tintuża bħala parti mill-proċeduri u mill-azzjonijiet ta’ infurzar eżistenti. Hu stmat li l-Kummissjoni tista’ ġġarrab kostijiet annwali għall-ġbir u għall-analiżi ta’ dejta ta’ bejn EUR 120 000 u EUR 430 000, jekk jiġi supponut li jsiru ħames talbiet għal informazzjoni fis-sena 23 . Il-kostijiet tal-Kummissjoni indikati hawn fuq ma jkunux jeħtieġu xi ħtieġa baġitarja ġdida, iżda biss ir-riskjerament tal-persunal u tal-infrastruttura eżistenti.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tissorvelja l-użu tar-Regolament bl-għan li tivvaluta l-effikaċja u l-proporzjonalità tiegħu. Hi se tibbaża fuq il-kriterji li ġejjin: l-eċċezzjonalità tal-użu tar-Regolament, il-kooperazzjoni tad-destinatarji tat-talba għal informazzjoni fil-forniment tat-tali informazzjoni u l-kwalità tal-informazzjoni miġbura. Il-Kummissjoni se tirreġistra d-dejta neċessarja f’dak ir-rigward (eż. l-użu annwali tal-għodda, il-qasam tas-suq intern ikkonċernat, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi koperti, it-tempesitività, il-komprensività, il-preċiżjoni u l-kwalità tat-tweġibiet, ir-rata ta’ tweġib, jekk l-użu tal-miżura rriżultax f’infurzar aħjar mill-Kummissjoni). Bħala segwitu se twettaq stħarriġiet ta’ rispons volontarju indirizzati lid-ditti koperti mit-talbiet biex tanalizza l-opinjoni tagħhom dwar il-proċess. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tissorvelja wkoll l-utilità ta’ din l-għodda (eż. ir-rata ta’ suċċess tal-proċedimenti ta’ ksur, ir-rispons tal-partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjoni). Ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet ta’ monitoraġġ ikunu vvalutati wara ħames snin mill-applikazzjoni tar-Regolament. Il-Kummissjoni trid tfassal rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament kull sentejn.

L-ispjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kapitolu I (Dispożizzjonijiet ġenerali) jippreżenta s-suġġett, il-kamp ta' applikazzjoni u d-definizzjonijiet (l-Artikoli 1 sa 4). Dan jinkariga lill-Kummissjoni (l-Artikolu 4) bis-setgħa li titlob informazzjoni direttament mingħand l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi biex tindirizza problema serja fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissogra li timmina l-kisba ta’ objettiv importanti tal-politika tal-Unjoni.

Il-Kapitolu II jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għat-talba għal informazzjoni. L-Artikolu 5 jillimita s-setgħa tal-Kummissjoni li taġixxi bħala miżura aħħarija: fejn ma tkunx tista’ tikseb l-informazzjoni minn sorsi oħra b’mod adegwat, suffiċjenti jew b’mod tempestiv. Il-Kummissjoni trid tadotta deċiżjoni minn qabel u fiha tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tuża s-setgħa inkwistjoni, filwaqt li tispjega l-problema serja ssuspettata, l-informazzjoni mfittxa, għaliex it-tali informazzjoni hi meħtieġa, għaliex fallew il-mezzi l-oħra biex tinkiseb it-tali informazzjoni, u l-kriterji għall-għażla tad-destinatarji tat-talbiet (li ma jistgħux ikunu mikroimpriżi). Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li titlob biss informazzjoni li d-destinatarju tat-talba kapaċi jipprovdi. L-Istat jew l-Istati Membri kkonċernati se jkunu d-destinatarji tad-deċiżjoni minn qabel u l-Kummissjoni hi obbligata tinnotifikaha lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien. L-Artikolu 6 jipprevedi l-proċedura li trid tiġi segwita għat-talba għal informazzjoni: il-Kummissjoni tista’ tesiġi li l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu informazzjoni permezz ta’ talba sempliċi jew permezz ta’ deċiżjoni u trid tinforma lill-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-riċevitur tat-talba. Meta l-Kummissjoni tkun nediet proċedura ta’ ksur formali skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, il-Kummissjoni hi obbligata tipprovdi lill-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura b’kopja tat-talbiet kollha għal informazzjoni maħruġa fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, indipendentement minn fejn tinsab is-sede reġistrata tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi. L-Artikolu 7 jittratta t-tweġibiet għat-talbiet u l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-Kummissjoni tgħaddi t-tweġibiet riċevuti lill-Istat Membru kkonċernat mit-talba meta dawn ikunu rilevanti għal proċedura ta' ksur formali skont l-Artikolu 258 tat-TFUE kontra l-Istat Membru kkonċernat. Meta tweġiba tkun tinkludi informazzjoni li hi kunfidenzjali fir-rigward ta’ dak l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tgħaddi biss il-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni. L-Artikolu 8 jirrestrinġi l-użu tal-informazzjoni miġbura għall-fini stabbilit fl-Artikolu 4.

Il-Kapitolu III (l-Artikoli 9 sa 13) jistabbilixxi r-regoli dwar il-multi u l-ħlasijiet ta' penali perjodiċi jekk rispondent iforni informazzjoni mhux preċiża jew qarrieqa jew jekk, bħala tweġiba għal talba li ssir b’deċiżjoni formali tal-Kummissjoni, dan jipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew ebda informazzjoni affattu. Dawn ir-regoli jsegwu l-mudell tar-Regolament (UE) 2015/1589 applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

Il-Kapitolu IV (Dispożizzjonijiet finali – l-Artikoli 14 sa 19) jistabbilixxi r-regoli dwar l-estensjoni tat-termini perentorji; il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni; l-obbligi relatati mas-segretezza professjonali għall-Istati Membri; il-protezzjoni tad-dejta (l-uffiċjali tal-UE diġà huma marbuta b’obbligi simili skont l-Artikolu 339 tat-TFUE); l-obbligi ta’ rapportar għall-Kummissjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

2017/0087 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura li permezz tagħhom il-Kummissjoni tista’ titlob lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni relatata mas-suq intern u ma’ oqsma relatati

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43(2), 91, 100, 114, 192, 194(2) u 337 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 24

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, 25

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)B’konformità mal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-istabbiliment ta’ suq intern hu wieħed mill-objettivi ewlenin li jridu jintlaħqu mill-Unjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri. F’konformità mal-Artikolu 26(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha tadotta miżuri bl-għan li tistabbilixxi jew tassigura l-funzjonament tas-suq intern. Skont l-Artikolu 26(2) tat-TFUE, is-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat. Is-suq intern iġġenera opportunitajiet ġodda u ekonomiji ta' skala għall-impriżi Ewropej, ħoloq impjiegi, offra għażla ikbar bi prezzijiet orħos għall-konsumaturi u ppermetta liċ-ċittadini Ewropej jgħixu, jistudjaw u jaħdmu fl-Unjoni. Minkejja l-progress kollu li sar, għad hemm diffikultajiet sinifikanti biex jiġi stabbilit is-suq intern u biex dan jaħdem kif xieraq u ċ-ċittadini u l-impriżi Ewropej ma jistgħux jisfruttaw il-benefiċċji kollha tas-suq intern. F’ċerti każijiet, informazzjoni subottimali li taffettwa l-azzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern iżżid ir-riskju li jitfaċċaw diffikultajiet għall-kummerċ fis-suq intern li jirriżultaw minn attivitajiet nazzjonali mhux koordinati ta’ infurzar jew minn żvilupp differenti ta’ soluzzjonijiet regolatorji nazzjonali għal dawn il-problemi.

(2)L-Artikolu 337 tat-TFUE jipprevedi s-setgħa tal-Kummissjoni, fiil-limiti u bil-kundizzjonijiet li l-Kunsill jista’ jistabbilixxi billi jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, li tiġbor kull tagħrif meħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha. Madankollu, fil-Kawża C-490/10 Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill, il-Qorti ċċarat li fejn il-ġbir ta’ informazzjoni jikkontribwixxi direttament għall-kisba tal-objettivi ta’ politika partikolari tal-Unjoni Ewropea, l-att li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tali ġbir irid ikun ibbażat fuq il-bażi ġuridika li hi relatata ma’ dik il-politika. Dan ir-Regolament ma jipprovdix biss għal qafas li fih il-Kummissjoni tista’ tiġbor informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, iżda anki għal miżuri għall-infurzar tat-talbiet għal informazzjoni. Għaldaqstant, filwaqt li jitqies b’mod sħiħ il-fatt li l-Kummissjoni tikseb is-setgħa tagħha li tiġbor informazzjoni direttament mit-Trattat, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun ibbażat, minbarra fuq l-Artikolu 337 tat-TFUE, fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 43(2), 91, 100, 192 u 194(2) tat-TFUE u anki tal-Artikolu 114 tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern, inkluż fejn id-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali jkunu tali li jxekklu l-libertajiet fundamentali jew meta jkun hemm bżonn għall-prevenzjoni tal-feġġa ta’ diffikultajiet fl-istabbiliment u fil-funzjonament tas-suq intern.

(3)L-identifikazzjoni u, fejn xieraq, l-indirizzar ta’ diffikultajiet bħal dawn b’mod effiċjenti u effettiv jeħtieġ aċċess tempestiv għal informazzjoni tas-suq kwantitattiva u kwalitattiva li hi komprensiva, preċiża u affidabbli. Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta l-Kummissjoni taġixxi bħala gwardjan tat-Trattati, skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE li jinkariga lill-Kummissjoni bil-kompiti li tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet skont dawn, u li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, hi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni fattwali rilevanti kollha biex turi bil-provi li jeżisti ksur. F’ċerti każijiet, tali informazzjoni tista’ tinkludi informazzjoni tas-suq, meħtieġa biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tistabbilixxi jekk inkisirx id-dritt tal-Unjoni.

(4)Il-Kummissjoni ma għandhiex setgħat investigattivi ġenerali tagħha stess biex jgħinuha tinfurza d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern. Is-setgħat investigattivi eżistenti relatati mar-regoli tal-kompetizzjoni, kif stipulati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, 26 mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 27 u mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, 28 huma limitati mill-bażi ġuridika tagħhom għal oqsma ddefiniti u ma jippermettux il-ġbir u l-użu tal-informazzjoni miġbura għal skopijiet oħra ta’ politika relatata mas-suq intern.

(5)Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tinfurza d-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni, billi tista’ tibbaża fuq indikazzjonijiet, tiddependi primarjament fuq l-informazzjoni pprovduta mill-ilmentaturi, minn korpi pubbliċi u privati, u mill-Istati Membri kkonċernati. Skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE, l-Istati Membri għandhom id-dmir, kif fakkret diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, li jiffaċilitaw il-kompiti tal-Kummissjoni, inkluż ir-rwol partikolari tagħha bħala gwardjan tat-Trattati. Madankollu, l-Istati Membri mhux dejjem jista’ jkollhom aċċess għall-informazzjoni tas-suq rilevanti li l-Kummissjoni jkollha bżonn biex twettaq il-kompiti tagħha jew ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-ġbir ta’ informazzjoni jistgħu ma jħalluhomx jiddivulgaw l-informazzjoni miġbura.

(6)Biex tikkomplementa l-informazzjoni riċevuta mingħand l-Istati Membri, il-Kummissjoni tiddependi fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet interessati, b’mod partikolari tal-ilmentaturi. Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ każijiet kumplessi b’dimensjoni transkonfinali, biex twettaq analiżi tajba, il-Kummissjoni jkollha bżonn iżżid mal-informazzjoni riċevuta permezz ta’ dawn il-kanali biex tiżgura, pereżempju, li din hi kompletament preċiża jew li l-informazzjoni mingħand Stati Membri differenti hi f’format komparabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhux dejjem tista’ tibbaża fuq statistiki uffiċjali għall-azzjoni ta’ infurzar, peress li hemm perjodu latenti fil-produzzjoni tagħhom u dawn mhux dejjem ikunu dettaljati jew diżaggregati biżżejjed għall-finijiet ta’ indirizzar ta’ każijiet speċifiċi.

(7)Għad li l-qafas regolatorju attwali fir-rigward tal-mezzi tal-Kummissjoni biex tikseb informazzjoni bl-għan li tindirizza diffikultajiet għall-istabbiliment u għall-funzjonament tar-regoli tas-suq intern jaħdem b’mod effiċjenti għal maġġoranza assoluta tal-każijiet, ifeġġu sfidi f’sitwazzjonijiet speċifiċi fejn ikun hemm bżonn ta’ dejta tas-suq speċifika dettaljata, komparabbli, aġġornata u spiss kunfidenzjali f’perjodu ta’ żmien limitat. Tabilħaqq, analiżi ekonomika tajba hi partikolarment siewja għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet fl-istabbiliment u fil-funzjonament tas-suq intern f’każijiet kumplessi b’dimensjoni transkonfinali, b’mod partikolari meta dawk il-każijiet ikunu relatati ma’ swieq li jimxu veloċement, ma’ attivitajiet ekonomiċi ġodda jew ma’ mudelli ta’ negozju ġodda li jikkontestaw is-suppożizzjonijiet ekonomiċi eżistenti. Madankollu, it-twettiq ta’ valutazzjoni bħal din jista’ jkun diffiċli fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti u komparabbli. Dan irendi l-kompitu tal-Kummissjoni ta’ żgurar tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni iktar diffiċli f’dawk is-sitwazzjonijiet speċifiċi.

(8)Għalhekk, jidher xieraq li, bħala l-aħħar istanza, meta l-informazzjoni tas-suq dettaljata, komparabbli, aġġornata u spiss kunfidenzjali tkun tista’ tinkiseb biss mingħand atturi fis-suq b’mod tempestiv, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa, fi ħdan il-limiti u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, li titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi biex jipprovdulha direttament, b’mod tempestiv, informazzjoni tas-suq kwantitattiva u kwalitattiva li hi komprensiva, preċiża u affidabbli meta jinstab li ma hemmx sorsi oħra ta’ informazzjoni disponibbli, jew li dawn huma insuffiċjenti jew inadegwati. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni l-ewwel tadotta deċiżjoni li tiddikjara għaliex instab li l-mezzi l-oħra għall-kisba tal-informazzjoni neċessarja ma kinux effettivi. Hu mifhum li l-kunċett ta’ impriża għandu l-istess tifsira bħal f’oqsma oħra tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari d-dritt tal-kompetizzjoni.

(9)Biex jiġi żgurat li l-operazzjoni ta’ dan ir-Regolament tinvolvi lill-Istati Membri, b’riflessjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri stipulat fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, hu xieraq li jiġi pprovdut li kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tuża s-setgħa li titlob informazzjoni mingħand impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi skont dan ir-Regolament għandha tiġi nnotifikata lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien.

(10)It-tali awtorizzazzjoni ma għandhiex l-għan li toħloq setgħat ta’ infurzar ġodda għall-Kummissjoni bħal, b’mod partikolari, is-setgħat li tieħu passi dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern kontra parteċipanti individwali fis-suq. Minflok, l-iskop tagħha hu li tipprovdi lill-Kummissjoni b’ħila addizzjonali ta’ ġbir ta’ informazzjoni meta din tkun meħtieġa strettament għat-twettiq tal-kompitu inkarigat lill-Kummissjoni mit-TFUE biex tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-għan li jiġi stabbilit u żgurat il-funzjonament tas-suq intern. Fl-interess tal-istabbiliment ta’ suq intern li jaħdem bis-sħiħ, hu xieraq li jiġi ċċarat li tali awtorizzazzjoni tkopri wkoll dawk is-setturi ekonomiċi fi ħdan is-suq intern li għalihom it-TFUE ppreveda politiki komuni: l-agrikoltura u s-sajd (eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini), it-trasport, l-ambjent u l-enerġija.

(11)Biex din il-miżura ta’ investigazzjoni tkun effettiva, jenħtieġ li l-informazzjoni mfittxija tkun relatata mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti. Din tista’ tikkonsisti, pereżempju, f’data tas-suq fattwali, inklużi l-istruttura tal-kostijiet, il-politika dwar l-ipprezzar, il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi jew id-distribuzzjoni ġeografika tal-klijenti u tal-fornituri. Hi tista’ tikkonsisti wkoll f’analiżi bbażata fuq il-fatti ta’ impriżi jew ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi tal-funzjonament tas-suq intern, bħal fir-rigward ta’ ostakli regolatorji u għad-dħul perċepiti jew ta’ kostijiet ta’ operazzjonijiet transkonfinali. Biex jiġu mminimizzati l-kostijiet tat-tweġib għat-talbiet għal informazzjoni, jenħtieġ li t-tali talbiet ikopru biss informazzjoni li aktarx li tkun disponibbli għall-impriża jew għall-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata.

(12)Meta toħroġ talbiet għal informazzjoni lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, il-Kummissjoni hi meħtieġa tagħmel għażla bir-reqqa tad-destinatarji tat-talbiet, b’tali mod li t-talbiet huma indirizzati biss lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li huma kapaċi jipprovdu informazzjoni rilevanti biżżejjed, b’mod partikolari impriżi ikbar fl-Istati Membri rilevanti. Dawn it-talbiet għal informazzjoni huma mmirati biex isolvu problema preżunta serja, jiġifieri bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli, fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma tas-suq intern, tal-agrikoltura u tas-sajd (eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini), tat-trasport, tal-ambjent u tal-enerġija. L-għan tagħhom mhuwiex il-prosekuzzjoni tal-impriżi għall-imġiba sottostanti, jekk din tkun ġrat. Kif xieraq, is-sanzjonijiet ipprovduti fl-istrument huma mfassla biex jindirizzaw żewġ sitwazzjonijiet b’mod esklużiv. Ikopru biss nuqqas ta’ tweġib intenzjonat jew minħabba negliġenza gravi għal talba għal informazzjoni u tweġiba skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa b’mod intenzjonat jew minħabba negliġenza gravi. L-informazzjoni miġbura, jekk tkun rilevanti, tista’ tintuża wkoll biex tipprovdi għarfien dwar sitwazzjonijiet li fihom l-impriżi jsibuha diffiċli li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni, bl-għan li titjieb l-applikazzjoni xierqa tar-regoli tas-suq intern. Bl-għan li jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat għall-mikroimpriżi, li xorta waħda mhumiex probabbli li jkunu f’pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni rilevanti biżżejjed, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun prekluża milli toħroġ talbiet għal informazzjoni lil din il-kategorija ta’ impriżi. Meta toħroġ talbiet għal informazzjoni lil impriżi żgħar u medji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis b’mod xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità. Filwaqt li hu improbabbli li l-SMEs joperaw fuq skala ikbar li tippermettilhom jaffettwaw l-eżiti tas-suq b’mod sinifikanti, l-informazzjoni miġbura mingħand l-SMEs tista’ tkun siewja biex il-Kummissjoni tiġi infurmata dwar id-diffikultajiet fl-istabbiliment u fil-funzjonament tas-suq intern. Informazzjoni disponibbli minnufih lil SMEs tista’ tkun f’forma ta’ aneddotu iżda xorta waħda tista’ twissi lill-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet relatati mas-suq uniku li l-SMEs jistgħu jkunu qed iħabbtu wiċċhom magħhom. L-SMEs normalment ma jġarrbux u ma għandhomx iġarrbu xi kost addizzjonali sinifikanti għall-ġbir tad-dejta bħala tweġiba għal din l-għodda. Minħabba l-pożizzjoni ta’ negozjar relattivament dgħajfa tagħhom fil-ktajjen tal-valur, l-SMEs jistgħu jkunu iktar lesti li jipprovdu l-informazzjoni meta jingħataw proċedura li tirrispetta l-kunfidenzjalità u l-anonimità kif xieraq. Is-soluzzjoni ta’ diffikultà fl-istabbiliment u fil-funzjonament tas-suq uniku tista’ tkun ta’ benefiċċju partikolarment għall-SMEs peress li spiss ikunu d-ditti innovattivi żgħar li jaffaċċjaw l-ikbar ostakli meta jippruvaw jiftħu negozju ġdid u jespandu fis-suq uniku. Għal raġunijiet ta’ konsistenza u ta’ ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “mikroimpriża”, “impriża żgħira” u “impriża medja” tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 .

(13)Fl-interess tal-konsistenza fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern kif ukoll tal-agrikoltura, tas-sajd (eskluża l-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi marini), tat-trasport, tal-ambjent u tal-enerġija, hemm bżonn li jiġu stabbiliti mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri b’rabta mat-talbiet għal informazzjoni u, fejn xieraq, mat-tweġibiet għat-tali talbiet, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ segretezza professjonali.

(14)Il-miżura ta’ investigazzjoni pprovduta f’dan ir-Regolament hi partikolarment siewja għall-iżgurar tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern mill-Kummissjoni. Hi siewja wkoll għal kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar sussegwenti mill-Istati Membri kkonċernati li tkun teħtieġ l-użu tal-informazzjoni rilevanti miġbura bl-użu ta’ din is-setgħa u ddivulgata mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kkonċernati. Barra minn hekk, meta jiġu esperjenzati diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-regoli eżistenti, inklużi sitwazzjonijiet li fihom l-impriżi ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni minħabba nuqqas ta’ ċarezza tad-dritt, din il-miżura ta’ investigazzjoni tista’ tkun utli wkoll wara li jinstab li l-użu ta’ għodod u sorsi oħra ta’ informazzjoni rilevanti kien inadegwat, biex tikkontribwixxi għat-tiswir jew għat-tfassil ta’ soluzzjonijiet regolatorji. Hu xieraq ukoll li ma jkunx permess l-użu ta’ informazzjoni bħal din għal skopijiet oħra, b’mod partikolari għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-TFUE, mingħajr preġudizzju għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni li tiġi ppubblikata.

(15)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tinfurza l-konformità mat-talbiet għal informazzjoni li hi tagħmel lil kwalunkwe impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, kif xieraq, permezz ta’ multi u ta’ ħlasijiet perjodiċi ta’ penali proporzjonati imposti permezz ta’ deċiżjoni. Meta tiffissa l-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità (inklużi l-aspetti ta' adegwatezza), b’mod partikolari fir-rigward ta’ impriżi żgħar u medji. Id-drittijiet tal-partijiet mitluba biex jipprovdu informazzjoni għandhom ikunu salvagwardjati billi tingħatalhom l-opportunità li jesponu l-fehmiet tagħhom qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

(16)Jenħtieġ li, billi tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità (inklużi l-aspetti ta' adegwatezza), il-Kummissjoni tkun tista’ tnaqqas il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali jew tneħħihom kompletament, meta d-destinatarji tat-talbiet jipprovdu l-informazzjoni mitluba, anki jekk wara d-data ta’ skadenza. Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt, hu xieraq ukoll li ssir dispożizzjoni biex ikun hemm perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u għall-infurzar ta’ multi u ta’ ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

(17)Jenħtieġ li, f’konformità mal-Artikolu 261 tat-TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni illimitata fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali skont dan ir-Regolament, li jfisser li din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta' penali imposti mill-Kummissjoni.

(18)Fl-interessi tat-trasparenza u taċ-ċertezza tad-dritt, hu xieraq li tingħata informazzjoni pubblika dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Meta tippubblika u timmaniġġja informazzjoni bħal din, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrispetta r-regoli dwar is-segretezza professjonali, inkluża l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali kollha, f’konformità mal-Artikolu 339 tat-TFUE.

(19)Id-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar l-attività kummerċjali ta’ impriża tista’ tirriżulta f’dannu serju għall-istess impriża. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kif xieraq l-interessi leġittimi tal-impriżi, b’mod partikolari l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Biex ikun żgurat li s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra pprovduta lill-Kummissjoni jiġu ttrattati f’konformità mal-Artikolu 339 tat-TFUE, jenħtieġ li kwalunkwe impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li tissottometti l-informazzjoni tidentifika b’mod ċar liema informazzjoni hi tqis li għandha tkun kunfidenzjali u r-raġuni għaliex hi kunfidenzjali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tiddivulga informazzjoni kunfidenzjali pprovduta mit-tali rispondenti lill-Istat Membru kkonċernat mit-talba sakemm ma tkunx kisbet il-qbil ta’ dawn minn qabel għad-divulgazzjoni ta’ dik l-informazzjoni għal dak l-għan. Jenħtieġ li r-rispondent ikkonċernat ikun meħtieġ jipprovdi lill-Kummissjoni b’verżjoni mhux kunfidenzjali separata tal-informazzjoni li tista’ tiġi ddivulgata lill-Istat Membru relevanti. F’każijiet fejn informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali ma jidhirx li tkun koperta b’obbligi ta’ segretezza professjonali, hu xieraq li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi sa liema punt tkun tista’ tiġi divulgata dik l-informazzjoni. Jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni bħal dik li fiha tiġi miċħuda pretensjoni li parti mill-informazzjoni hi kunfidenzjali tindika perjodu li fit-tmiem tiegħu l-informazzjoni tista’ tiġi ddivulgata, biex b’hekk ir-rispondent ikun jista’ jagħmel użu minn kwalunkwe protezzjoni ġudizzjarja disponibbli għalih, inkluża kwalunkwe miżura interim. Jenħtieġ li d-drittijiet tar-rispondent ikunu salvagwardjati billi tingħatalu l-opportunità li jesponi l-fehmiet tiegħu qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tiċħad it-talba għal kunfidenzjalità.

(20)Minħabba l-eċċezzjonalità tal-miżura ta’ investigazzjoni prevista f’dan ir-Regolament u bl-għan li tiġi ssorveljata l-proporzjonalità tal-użu tagħha, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport kull sentejn dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(21)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, dan ir-Regolament ifittex li jiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt ta’ rispett għall-ħajja privata u tal-familja, tad-dritt għal protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għall-amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari l-aċċess għall-fajls, filwaqt li jirrispetta s-segretezza kummerċjali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt tad-difiża u l-prinċipji tal-legalità u tal-proporzjonalità tal-penali.

(22)Meta l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali, jenħtieġ li dan isir b’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE 30 . Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Kummissjoni u fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, din għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 .

(23)Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iffaċilitar tal-aċċess mill-Kummissjoni għal informazzjoni tas-suq li hi neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħha biex tikseb funzjonament mingħajr intoppi tas-suq intern ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(24)Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax is-setgħat investigattivi tal-Istati Membri. Dan ir-Regolament ma għandux l-għan li jemenda, jirrestrinġi jew iħassar is-setgħat investigattivi li l-Kummissjoni jew il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni diġà rċevew skont strumenti legali oħra tal-Unjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax is-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni relatati mal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern.

(25)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni fi […].

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar dawn li ġejjin:

(a)il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti inkarigati lill-Kummissjoni b’rabta mal-oqsma msemmija fl-Artikolu 2;

(b)il-proċedura li trid tiġi segwita biex tintalab it-tali informazzjoni.

2.Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra li jippermettu lill-Kummissjoni jew lill-korpi, lill-uffiċċji jew lill-aġenziji tal-Unjoni jiġbru jew jitolbu informazzjoni.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika fl-oqsma li ġejjin:

(1)is-suq intern, kif imsemmi fl-Artikolu 26(2) tat-Trattat;

(2)l-agrikoltura u s-sajd, ħlief il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini;

(3)it-trasport;

(4)l-ambjent;

(5)l-enerġija.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“mikroimpriża” tfisser impriża kif iddefinita fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE;

(2)“impriża żgħira” tfisser impriża kif iddefinita fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE;

(3)“impriża medja” tfisser impriża kif iddefinita fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE.

Artikolu 4

Is-setgħa li tintalab informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi

Meta diffikultà serja fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tissogra li timmina l-kisba ta’ objettiv importanti tal-politika tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mingħand l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, kif stipulat fil-Kapitolu II, biex tindirizza d-diffikultà msemmija hawn fuq.

Kapitolu II

Il-kundizzjonijiet u l-proċedura biex tintalab l-informazzjoni

Artikolu 5

Kundizzjonijiet

1.Il-Kummissjoni għandha tuża s-setgħa li titlob informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi msemmija fl-Artikolu 4 biss meta l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, meħtieġa għall-iskop imsemmi fl-Artikolu 4, ma tkunx biżżejjed jew adegwata u din ma tkunx tista’ tinkiseb b’mod tempestiv minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

(a)l-informazzjoni ma tinsabx f’sors disponibbli pubblikament; kif ukoll

(b)l-informazzjoni ma ġietx ipprovduta minn Stat Membru fuq talba tal-Kummissjoni; jew

(c)l-informazzjoni ma ġietx ipprovduta minn persuna ġuridika jew fiżika.

2.Qabel ma titlob l-informazzjoni skont l-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni fejn tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tuża s-setgħa li titlob informazzjoni mingħand impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi skont dan ir-Regolament.

Id-deċiżjoni għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)deskrizzjoni fil-qosor tall-allegata diffikultà serja b’dimensjoni transkonfinali fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għaliex it-tali diffikultà tissogra li xxekkel il-kisba ta’ objettiv importanti tal-politika tal-Unjoni;

(b)deskrizzjoni fil-qosor tal-informazzjoni li se tintalab;

(c)spjegazzjoni motivata dwar għaliex it-tali informazzjoni hi neċessarja għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 4;

(d)spjegazzjoni motivata dwar għaliex ebda mezz ieħor kif tinkiseb it-tali informazzjoni ma kien suffiċjenti jew adegwat jew għaliex din l-informazzjoni għadha ma tistax tinkiseb b’mod tempestiv;

(e)il-kriterji għall-għażla tad-destinatarji tat-talbiet għal informazzjoni.

Id-deċiżjoni għandha tkun indirizzata lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kkonċernat(i). Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kkonċernat(i) mingħajr demwien.

3.L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati mit-talba kif imsemmija fl-Artikolu 4 huma obbligati jipprovdu biss dik l-informazzjoni li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kif xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità, b’mod partikolari fir-rigward tal-impriżi żgħar u medji.

Artikolu 6

Talba għal informazzjoni magħmula lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta’ impriżi

1.Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 4 u fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni, permezz ta’ talba sempliċi jew permezz ta’ deċiżjoni, tista’ titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu informazzjoni.

Meta tagħżel ir-riċevituri tat-talbiet għal informazzjoni, il-Kummissjoni għandha timmira li tiżgura li t-tali talbiet ikunu indirizzati biss lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li kapaċi jipprovdu l-informazzjoni rilevanti.

Il-Kummissjoni ma għandhiex toħroġ talbiet għal informazzjoni skont dan ir-Regolament lil mikroimpriżi, sakemm dawn ma jkunux parti minn grupp ta’ impriżi li jikkwalifika tal-inqas bħala grupp żgħir kif iddefinit fl-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2013/34/UE.

2.It-talba sempliċi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddikjara l-bażi ġuridika u l-iskop tagħha, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tistabbilixxi terminu perentorju proporzjonat li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni. Hi għandha tirreferi wkoll għall-multi stipulati fl-Artikolu 9(1) dwar l-għoti ta’ informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa.

3.Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddikjara l-bażi ġuridika, l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tistabbilixxi terminu perentorju proporzjonat li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni. Hi għandha tindika wkoll il-multi stipulati fl-Artikolu 9(1) u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali stipulati fl-Artikolu 9(2), skont kif ikun xieraq.

Barra minn hekk, għandha tindika d-dritt tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li titlob li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata tista’ titlob estensjoni għat-terminu perentorju, b’konformità mal-Artikolu 14.

4.Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tipprovdi kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni msemmija f’dan l-Artikolu lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab is-sede reġistrata tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi.

Meta l-Kummissjoni tkun nediet proċedura ta’ ksur formali skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura b’kopja tat-talbiet sempliċi jew tad-deċiżjonijiet kollha msemmija f’dan l-Artikolu maħruġa fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, indipendentement minn fejn tinsab is-sede reġistrata tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi.

5.Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu indirizzati lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni lid-destinatarju mingħajr dewmien.

Artikolu 7

Tweġibiet għal talbiet għal informazzjoni u protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali

1.L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jipprovdu informazzjoni wara talba mill-Kummissjoni għal informazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 5 għandhom jissottomettu t-tweġibiet tagħhom lill-Kummissjoni b’mod ċar, komplut u preċiż.

2.Il-Kummissjoni għandha tagħti lid-destinatarju l-opportunità li jindika liema informazzjoni jqis li għandha tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

L-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tissottometti l-informazzjoni skont l-Artikolu 5 għandha tindika b’mod ċar liema informazzjoni tqis li għandha tkun kunfidenzjali, filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet għal din it-talba ta’ kunfidenzjalità, u tipprovdi lill-Kummissjoni b’verżjoni mhux kunfidenzjali separata tas-sottomissjoni. Meta l-informazzjoni trid tiġi pprovduta sa ċerta skadenza, l-istess skadenza għandha tapplika biex tiġi pprovduta l-verżjoni mhux kunfidenzjali.

3.Il-Kummissjoni għandha tgħaddi t-tweġibiet riċevuti mingħand l-Istat Membru kkonċernat mit-talba meta dawn ikunu rilevanti għal proċedura ta' ksur formali skont l-Artikolu 258 tat-TFUE kontra l-Istat Membru kkonċernat. Meta tweġiba skont dan l-artikolu tinkludi informazzjoni li hi kunfidenzjali rigward dak l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tgħaddi biss il-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni.

4.Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk it-talba ta’ kunfidenzjalità għall-informazzjoni mibgħuta li jagħmlu l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi rispondenti skont is-subparagrafu 2 tal-paragrafu 2 għandhiex raġuni valida u hix proporzjonata.

Wara li tagħti lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li ssib li l-informazzjoni li qed jintalab li tinżamm kunfidenzjali mhix protetta, u tistabbilixxi data li warajha din l-informazzjoni se tiġi ddivulgata. Dak il-perjodu ma għandux ikun ta’ inqas minn xahar.

Dik id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata mingħajr dewmien.

Artikolu 8

Użu tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tuża l-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 5 għall-fini stabbilit fl-Artikolu 4 biss.

Il-Kummissjoni tista’ tinkludi informazzjoni kunfidenzjali pprovduta mill-impriżi jew mill-assoċjazzjoni ta’ impriżi fid-dokumenti biex tintbagħat lil partijiet oħra jew biex issir pubblika fil-każijiet li ġejjin biss:

(a)meta t-tali informazzjoni tkun f'forma mqassra jew aggregata jew fi kwalunkwe każ f’forma tali li l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati;

(b)meta l-Kummissjoni tkun ingħatat permess minn qabel mir-rispondent biex tiddivulga t-tali informazzjoni;

(c)meta d-divulgazzjoni tat-tali informazzjoni lil Stat Membru tkun neċessarja biex jiġi ssostanzjat ksur tad-dritt tal-Unjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament dment li r-rispondent kellu l-opportunità li jesprimi l-fehmiet tiegħu qabel ma tittieħed deċiżjoni u li juża r-rimedji ġudizzjarji disponibbli qabel id-divulgazzjoni.

L-informazzjoni li diġà ġiet ippubblikata tista’ tintuża mill-Kummissjoni għal fini ieħor li mhuwiex dak stipulat f’dan ir-Regolament.

Kapitolu III

Multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

Artikolu 9

Multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.Permezz ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni tista’, fejn ikun neċessarju u proporzjonat, timponi fuq l-impriżi jew fuq l-assoċjazzjoni ta’ impriżi multi li ma jkunux iktar minn 1 % tal-valur totali tal-fatturat tagħhom fis-sena kontabilistika preċedenti fejn huma, intenzjonalment jew minħabba negliġenza gravi:

(a)jipprovdu informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa fit-tweġiba għal talba magħmula skont l-Artikolu 6(2);

(b)jipprovdu informazzjoni mhux korretta, mhux sħiħa jew qarrieqa fit-tweġiba għal deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6(3), jew ma jipprovdux l-informazzjoni fit-terminu perentorju stabbilit.

2.Permezz ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni tista’ timponi fuq l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta impriża tonqos milli tforni informazzjoni sħiħa, preċiża u mhux qarrieqa sal-iskadenza stabbilita kif mitlub mill-Kummissjoni b’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6(3).

Il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali ma għandhomx ikunu iktar minn 5 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni kkonċernta fis-sena kontabilistika preċedenti għal kull jum ta’ xogħol tard, ikkalkolati mid-data stabbilita fid-deċiżjoni, sakemm tipprovdi l-informazzjoni mitluba jew meħtieġa mill-Kummissjoni.

3.Meta l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tipprovdi ebda informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux sħiħa, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skadenza finali ta’ ġimagħtejn biex tirċievi l-informazzjoni nieqsa, qabel ma timponi multa jew penali.

4.Il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura, il-gravità u d-durata tal-ksur tal-Artikolu 6(1), kif ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità b’mod partikolari fir-rigward ta’ impriżi żgħar u medji meta tistabbilixxi l-ammont tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali.

5.Meta l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jkunu ssodisfaw l-obbligu li l-ħlas perjodiku ta’ penali kien maħsub li jinforza, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tirrinunzja l-ammont tal-ħlas perjodiku ta’ penali.

6.Qabel ma tadotta kwalunkwe deċiżjoni skont il-paragrafu 1 jew 2, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

Artikolu 10

Perjodu ta’ limitazzjoni biex jiġu imposti multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 9 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ tliet snin.

2.Il-perjodu ta' limitazzjoni stipulat fil-paragrafu 1 għandu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha jkun seħħ il-ksur imsemmi fl-Artikolu 9. Madankollu, fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut tal-Artikolu 6(1), il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha jintemm il-ksur.

3.Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni għall-iskop tal-investigazzjoni jew għat-teħid ta’ passi kontra ksur possibbli tal-Artikolu 6(1) għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, b’effett mid-data li fiha l-azzjoni tiġi nnotifikata lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata.

4.Wara kull interruzzjoni, il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jerġa’ jibda jiddekorri mill-bidu. Madankollu, il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-ġurnata li fiha jkun għadda perjodu ta’ sitt snin mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet xi multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta’ limitazzjoni jkun sospiż skont il-paragrafu 5.

5.Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ multi u ta’ ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.Is-setgħat tal-Kummissjoni biex tinfurza deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 9 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta' limitazzjoni ta’ ħames snin.

2.Il-perjodu stipulat fil-paragrafu 1 għandu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha d-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 9 issir finali.

3.Il-perjodu ta’ limitazzjoni stipulat fil-paragrafu 1 għandu jiġi interrott:

(a)b’notifika ta’ deċiżjoni li timmodifika l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-modifika;

(b)bi kwalunkwe azzjoni ta’ Stat Membru li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, jew azzjoni tal-Kummissjoni, li jkollha l-għan li tinfurza l-pagament tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali.

4.Wara kull interruzzjoni, il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jerġa’ jibda jiddekorri mill-bidu.

5.Il-perjodu ta’ limitazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)ir-rispondent jingħata żmien biex iħallas;

(b)l-infurzar tal-ħlas ikun sospiż skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Destinatarji tad-deċiżjonijiet

Id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 9(1) u (2) għandhom ikunu indirizzati lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni lid-destinatarju mingħajr dewmien.

Artikolu 13

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata skont it-tifsira tal-Artikolu 261 tat-TFUE biex tirrieżamina multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti mill-Kummissjoni. Hi tista’ tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta jew il-ħlas perjodiku ta’ penali impost.

Kapitolu IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 14

Estensjoni tat-termini perentorji

It-termini perentorji għandhom ikunu speċifikati f’xhur jew f’jiem tax-xogħol.

Kwalunkwe talba għall-estensjoni ta’ terminu perentorju għandha tkun issostanzjata kif xieraq u sottomessa bil-miktub lis-servizz u lill-indirizz speċifikati mill-Kummissjoni tal-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol qabel l-iskadenza. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li testendi t-terminu perentorju, sa fejn dan ikun iġġustifikat u proporzjonat.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż bis-sommarju tad-deċiżjonijiet li tkun ħadet skont l-Artikolu 5(2). Fl-avviż bis-sommarju għandu jiġi ddikjarat li tista’ tinkiseb kopja tad-deċiżjoni fil-verżjoni jew fil-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi.

2.Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-deċiżjonijiet li hi tieħu skont l-Artikolu 9(1) u (2).

Artikolu 16

Segretezza professjonali

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 8, l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom u aġenti oħra, ma għandhomx jiddivulgaw informazzjoni li jkunu kisbu bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li hi koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali.

Artikolu 17

Protezzjoni ta' dejta personali

Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament b’konformità mal-liġijiet nazzjonali, mar-regolamenti jew mad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE. Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, din għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 18

Rapporti

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport kull sentejn dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) F’dan il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, il-kelmiet “suq uniku” u “suq intern” ifissru l-istess.
(2) COM(2015)550, 28.10.2015, p. 16
(3) Ibid., p. 17.
(4) C(2016)8600, ĠU C18, 19.1.2017, p.10.
(5) COM(2015)550, p. 16.
(6) Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2015.
(7) Sentenzi fil-Kawżi C-426/93, §22 u C-490/10, §64.
(8) C-490/10, §68.
(9) Il-QtĠ irrikonoxxiet li, meta tinfurza d-dritt tal-UE u fin-nuqqas ta’ setgħat investigattivi tagħha stess, il-Kummissjoni tibbaża l-iktar fuq l-informazzjoni pprovduta mill-ilmentaturi, mill-korpi pubbliċi u dawk privati u mill-Istati Membri. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-azzjoni ta’ infurzar trid tkun ibbażata fuq il-qafas legali eżistenti u imperfett għall-ġbir ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twassal għall-ġbir irregolari u insuffiċjenti tal-informazzjoni fil-livell tad-ditti. Bħala riżultat ta’ dan, it-tali azzjoni ta’ infurzar issir iktar diffiċli jew, f’ċerti każijiet, impossibbli, u dan jirriżulta fil-ħolqien ta’ ostakli għall-funzjonament xieraq tas-suq intern li ma jiġux indirizzati kif suppost.
(10) Ara s-sentenzi tal-QtĠ fil-Kawżi C-380/03, §§ 38 sa 42 u 80; C-434/02, §§ 31-34; u C-376/98, § 86.
(11) ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1.
(12) L-użu tal-Artikolu 114 tat-TFUE bħala bażi ġuridika għal regolament diġà ġie aċċettat mill-QtĠ. Ara l-Kawża C-270/12, §§97 u seq.
(13) Eż. Ir-Regolament (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 248, 24.9.2015. Dan ir-Regolament għandu bażi ġuridika differenti bi proċedura leġiżlattiva differenti u tfassal għall-objettivi speċifiċi, għall-passi proċedurali u għas-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.
(14) Mhux applikabbli.
(15) Għal aktar dettalji ara l-Anness 2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(16) L-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (31), inklużi assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lil SMEs biss; u d-ditti (13), inklużi l-SMEs u l-mikroimpriżi (9). Flimkien, l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi rispondenti kienu jirrappreżentaw iktar minn 20 miljun ditta.
(17) L-għażla 3 tintegra l-għażla 2 ukoll.
(18) Jekk jiġu supponuti ħames talbiet fis-sena (iżda diversi destinatarji għal kull talba).
(19) http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/?fuseaction=ia&language=mt
(20) Ibid.
(21) Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju osserva li: “Ir-rapport għadu mhuwiex ċar biżżejjed u kultant hu inkonsistenti fir-rigward tal-ambitu tal-inizjattva. F’diversi partijiet, ir-rapport għadu jippreżenta l-SMIT bħala soluzzjoni għall-problemi ġenerali tad-disponibilità tad-dejta, jew bħala sors ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-politika relatata mas-suq uniku li ma jirriżultawx minn nuqqasijiet speċifiċi fl-infurzar, filwaqt li ma jipprovdix ġustifikazzjoni biex isir hekk. (2) Ir-rapport jagħmilha ċara li l-għodda tkun waħda aħħarija, iżda mhix ċara dwar is-salvagwardji jew il-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għat-tnedija tal-investigazzjonijiet. (3) Ir-rapport ewlieni għadu ma jirriflettix biċ-ċar biżżejjed il-fehmiet rispettivi tal-Istati Membri u tal-interessi kummerċjali.”
(22) Ara r-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt għal espansjoni ulterjuri dwar l-aġġustamenti li saru.
(23) Il-Kummissjoni mhix obbligata tuża l-miżura ta’ investigazzjoni.
(24) ĠU C , , p. .
(25) ĠU C , , p. .
(26) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).
(27) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 32, 5.2.2004, p. 1).
(28) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).
(29) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(30) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995).
(31) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).