IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.4.2017
COM(2017) 186 final
2017/0082(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra. Dan il-Protokoll huwa maħsub sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea ("il-Protokoll").
Skont l-Att ta' Adeżjoni tagħha, il-Kroazja timpenja ruħha li taderixxi mal-ftehimiet internazzjonali ffirmati jew konklużi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha permezz ta’ protokoll ma' dawk il-ftehimiet.
Il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, minn issa ’il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", kien iffirmat fil-21 ta' Ġunju 1996 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2012 awtorizzat lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati, sabiex jiġu konklużi l-protokolli rilevanti. In-negozjati mar-Repubblika tal-Użbekistan ġew konklużi b’suċċess bl-iskambju ta’ notes verbales.
Il-Protokoll propost jinkorpora lir-Repubblika tal-Kroazja bħala Parti Kontraenti għall-Ftehim u jorbot lill-Unjoni biex tipprovdi l-verżjoni awtentika tal-Ftehim bil-lingwa Kroata.
Il-Kummissjoni tqis ir-riżultati tan-negozjati bħala sodisfaċenti u titlob lill-Kunsill biex jawtorizza l-iffirmar tal-Protokoll f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.
2017/0082 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, għandu jkun hemm qbil dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra ("il-Ftehim"), permezz ta' protokoll ma’ dan il-Ftehim. F'konformità mal-Artikolu 6(2) tal-Att tal-Adeżjoni, għal tali adeżjoni għandha tapplika proċedura ssimplifikata, li permezz tagħha jiġi konkluż protokoll mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament f’isem l-Istati Membri, u mill-pajjiżi terzi kkonċernati.
(2)Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Użbekistan għall-adattament tal-Ftehim. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-iskambju ta’ notes verbales.
(3)Jenħtieġ għalhekk, li l-Protokoll jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.
(4)Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tiegħu, , jenħtieġ li l-Protokoll jiġi applikat b’mod proviżorju b’effett mid-data tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.
It-test tal-Protokoll huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta' setgħat sħaħ biex jiffirma l-Protokoll, suġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/i indikata/i min-negozjatur tal-Protokoll.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu jiġi applikat b’mod proviżorju f’konformità mal-Artikolu 4(3) tiegħu, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013, sakemm dan jidħol fis-seħħ.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.4.2017
COM(2017) 186 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL
GĦALL-FTEHIM TA' SĦUBIJA U KOOPERAZZJONI LI JISTABBILIXXI SĦUBIJA BEJN IL-KOMUNITAJIET EWROPEJ U
L-ISTATI MEMBRI TAGĦHOM, MINN NAĦA, U R-REPUBBLIKA TAL-UŻBEKISTAN,
MIN-NAĦA L-OĦRA, BIEX TITQIES L-ADEŻJONI
TAR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA
MAL-UNJONI EWROPEA
IR-RENJU TAL-BELĠJU,
IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,
IR-REPUBBLIKA ĊEKA,
IR-RENJU TAD-DANIMARKA,
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,
L-IRLANDA,
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,
IR-RENJU TA’ SPANJA,
IR-REPUBBLIKA TA' FRANZA,
IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA,
IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,
IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,
L-UNGERIJA,
IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,
IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,
IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,
IR-RUMANIJA,
IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,
IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,
IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,
IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ
Il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Istati Membri”,
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”, u
IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA
minn naħa,
KIF UKOLL
IR-REPUBBLIKA TAL-UŻBEKISTAN
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħa "l-Partijiet Kontraenti,"
BILLI l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Użbekistan min-naħa l-oħra, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", ġie ffirmat f’Firenze fil-21 ta' Ġunju 1996;
BILLI t-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea ġie ffirmat fid-9 ta' Diċembru 2011 fi Brussell;
BILLI, skont l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, għandu jkun hemm qbil dwar l-adeżjoni tagħha mal-Ftehim permezz tal-konklużjoni ta' protokoll għall-Ftehim;
WARA LI KKUNSIDRAW l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2013;
FTIEHMU kif ġej:
ARTIKOLU 1
B'dan, ir-Repubblika tal-Kroazja taċċedi bħala Parti għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Firenze fil-21 ta' Ġunju 1996. Ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tadotta u tieħu nota, bl-istess mod bħall-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni, tat-testi tal-Ftehim, u tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti, id-Dikjarazzjonijiet u l-Iskambji ta’ Ittri annessi mal-Att Finali ffirmat fl-istess data, kif ukoll tal-Protokolli ffirmati fl-2004, 2008 u 2011, li huma partijiet integrali tal-Ftehim.
ARTIKOLU 2
Fi żmien debitu wara l-inizjalar ta’ dan il-Protokoll, l-Unjoni għandha tikkomunika l-verżjoni bil-lingwa Kroata tal-Ftehim lill-Istati Membri tagħha u lir-Repubblika tal-Użbekistan. Soġġetta għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll, il-verżjoni tal-lingwa msemmija fl-ewwel sentenza ta' dan l-Artikolu għandha ssir awtentika bl-istess kundizzjonijiet tal-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u Użbeka tal-Ftehim.
ARTIKOLU 3
Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali mill-Ftehim.
ARTIKOLU 4
1.
Dan il-Protokoll għandu jiġi approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri tagħhom stess. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-għan. L-istrumenti ta' approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
2.
Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data tad-depożitu tal-aħħar strument ta’ approvazzjoni.
3.
Sakemm tasal id-data tad-dħul fis-seħħ, il-Protokoll għandu japplika proviżorjament b'effett mill-1 ta' Lulju 2013.
ARTIKOLU 5
Dan il-Protokoll huwa abbozzat f'żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u Użbeka, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.
B'XHIEDA TA' DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, mogħtija s-setgħa għal dan l-effett,
iffirmaw dan il-Protokoll.
Magħmul fi …, fi …jum ta' …tas-sena ...
GĦALL-UNJONI EWROPEA, IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA U L-ISTATI MEMBRI
GĦAR-REPUBBLIKA TAL-UŻBEKISTAN