Brussell, 28.2.2017

COM(2017) 101 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2017/000 TA 2017 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-regoli li japplikaw għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament dwar il-FEG”).

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta ewlenija:

Nru ta’ Referenza tal-FEG    FEG/2017/000

Il-Kummissjoni Ewropea    Assistenza teknika

Nefqa amministrattiva: baġit f’EUR    310 000

% nefqa amministrattiva (limitu: 0,5 %)    0,18 %

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG, kull sena jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-għajnuna teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni massimu ta’ 0,5 % tal-ammont annwali massimu tal-FEG.

Għajnuna teknika li se tkun iffinanzjata u analiżi tal-ispejjeż stmati tagħha

1.Il-kontribuzzjoni se tintuża għan-nefqa msemmija fl-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG, kif spjegat hawn taħt.

2.Monitoraġġ u ġbir ta’ dejta: Il-Kummissjoni se tiġbor id-dejta dwar l-applikazzjonijiet li jkunu waslulha, dwar dawk imħallsa u dawk ta’ stralċ, u dwar il-miżuri proposti u implimentati. Din id-dejta se tkun disponibbli fuq is-sit web u se tkun kompilata f’format xieraq għar-Rapporti Biennali tal-2017 u l-2019. Abbażi tal-ħidma li saret tul dawn l-aħħar snin, l-ispejjeż għal din l-attività se jkunu ta’ EUR 20 000.

3.Informazzjoni: Is-sit web dwar il-FEG 2 , li ħolqot il-Kummissjoni fil-qasam tagħha tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, u li qed tieħu ħsiebu skont kif mitlub mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament dwar il-FEG, se jiġi aġġornat u mkabbar b’mod regolari, u kull element ġdid se jkun tradott ukoll fil-lingwi kollha tal-UE. Se tiżdied is-sensibbilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibilità tiegħu se tiġi promossa. Se jiġi stampat għadd limitat ta' kopji tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-FEG u se jkun hemm disponibbli wkoll pubblikazzjoni online. Il-FEG se jiġi kopert f’diversi pubblikazzjonijiet u attivitajiet awdjoviżivi tal-Kummissjoni, kif stipulat fl-Artikolu 11(4) tar- Regolament dwar il-FEG. Huwa stmat li fl-2017 dawn il-partiti kollha se jiswew EUR 20 000.

4.Il-ħolqien ta’ bażi tal-għarfien / interfaċċa tal-applikazzjoni: Il-Kummissjoni qiegħda tkompli bil-ħidma tagħha biex tistabbilixxi proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG, bl-użu tal-funzjonalitajiet tal-SFC 2014 li fiha qed jiġi integrat il-FEG. Dan jippermetti li l-applikazzjonijiet skont ir-Regolament dwar il-FEG ikunu ssimplifikati, li l-ipproċessar tagħhom isir b’mod aktar mgħaġġel u li r-rapporti jkunu jistgħu jiġu estratti aktar faċilment għal diversi ħtiġijiet. Il-proċeduri tar-rappurtar huma integrati wkoll. Modulu ta’ back-office li jagħmilha ta’ medjatur bejn l-SFC u l-ABAC, is-sistema ta’ informazzjoni kontabilistika u finanzjarja tal-Kummissjoni, jiffaċilita l-operazzjonijiet finanzjarji tal-FEG. Peress li l-parti l-kbira tal-ipprogrammar sar fis-snin li għaddew, il-bidliet possibbli jeħtieġu biss titjib u aġġustamenti ulterjuri. Minħabba l-ispejjeż aktar baxxi għall-programmazzjoni u l-ispejjeż ugwali għall-manutenzjoni, il-fondi meħtieġa huma aktar baxxi minn dawk tas-snin li għaddew. L-ispiża ta’ dawn il-partiti hi stmata li se tiswa EUR 80 000, bħall-kontribuzzjoni tal-FEG għall-iżvilupp ulterjuri u l-aġġornament tal-SFC u l-manutenzjoni regolari tagħha.

5.Appoġġ amministrattiv u tekniku: Il-Grupp ta’ Esperti tal-Persuni ta’ Kuntatt tal-FEG, b’membru wieħed minn kull Stat Membru, se jkun qed isejjaħ żewġ laqgħat (fit-tieni nofs tal-2017 / fl-ewwel nofs tal-2018), li flimkien huma stmati li se jiswew EUR 70 000.

6.Barra minn hekk, sabiex jiġi promoss in-netwerking fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni se torganizza żewġ seminars bil-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ implimentazzjoni tal-FEG u tal-imsieħba soċjali . Sa fejn ikun possibbli, dawn se jkunu skedati li jsiru bejn wieħed u ieħor fl-istess dati tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti u se jiffukaw fuq kwistjonijiet li jinbtu mill-implimentazzjoni prattika tar-Regolament tal-FEG fil-livell ta’ bażi. L-ispiża għal dawn il-partiti hija stmata li se tkun EUR 120 000.

Elementi

Għadd stmat

Spiża stmata għal kull partita
(f’EUR)

Spejjeż totali
(f’EUR)

Monitoraġġ u ġbir tad-dejta

Varji

Varji

20 000

Attivitajiet ta’ informazzjoni

Varji

Varji

20 000

Ħolqien, aġġornament u manutenzjoni ta’ bażi ta’ għarfien / interfaċċa tal-applikazzjoni fl-SFC

Varji

Varji

80 000

Appoġġ amministrattiv u tekniku: Laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti tal-Persuni ta’ Kuntatt tal-FEG

2

35 000

70 000

Appoġġ amministrattiv u tekniku: Seminars ta’ netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG

2

60 000

120 000

Total tal-ispejjeż stmati

310 000

Finanzjament

7.Il-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2017 huwa ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 3 .

8.L-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta’ dan l-ammont (jiġifieri EUR 844 620 fl-2017) jista’ jintuża għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Fil-preżent, għadu disponibbli l-ammont sħiħ tal-2017; għadu ma ġie allokat xejn għall-għajnuna teknika. L-ammont propost jikkorrispondi għal madwar 0,18 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2017.

9.Id-deċiżjoni li ġiet proposta biex il-FEG jiġi mobilizzat se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stipulat fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 4 .

Atti relatati

10.Fl-istess żmien li se tkun qed tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiġu trasferiti EUR 310 000 fil-linja baġitarja rilevanti.

Sors tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament

11.Approprjazzjonijiet mil-linja baġitarja tal-FEG se jintużaw biex ikopru l-ammont ta’ EUR 310 000 meħtieġ għall-għajnuna teknika.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2017/000 TA 2017 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 5 , u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 6 , u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex isostni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attivitajiet tagħhom ikunu waqfu b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , jew b’riżultat ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 8 .

(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jistipula li kull sena jista’ jintuża massimu ta’ 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

(4)Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 310 000 għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 310 000 f'approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) http://ec.europa.eu/egf  
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(6) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.