Brussell, 22.2.2017

COM(2017) 93 final

2017/0044(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li timponi multa fuq l-Awstrija għall-manipulazzjoni tad-dejta dwar id-dejn f’Land Salzburg


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.    Sfond għar-Rakkomandazzjoni

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern. Id-dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 121 u 126 tat-TFUE, jew għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, hija element essenzjali għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-Unjoni.

Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro 1 jistabbilixxi sistema ta’ sanzjonijiet għat-tisħiħ tal-infurzar tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro. F’dan il-kuntest, bħala deterrent kontra r-rappreżentazzjoni ħażina, kemm intenzjonata kif ukoll minħabba negliġenza serja, tad-dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament jistipula li l-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jimponi multa fuq l-Istat Membru responsabbli.

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, li meta ssib li hemm indikazzjonijiet serji dwar l-eżistenza ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu rappreżentazzjoni ħażina tad-dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern, twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa. Fit-3 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija.

Is-sejbiet preliminari tal-investigazzjoni b’rabta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija ntbagħtu lill-Awstrija għall-osservazzjonijiet tagħha fl-20 ta’ Diċembru 2016, kif meħtieġ skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Delega tal-Kummissjoni 2012/678. Il-Kummissjoni stiednet lill-Awstrija biex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub dwar is-sejbiet preliminari sad-19 ta’ Jannar 2017. L-Awstrija pprovdiet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fil-25 ta’ Jannar 2017.

Fit-22 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport tagħha dwar l-investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 2 (ir-Rapport), fejn qieset l-osservazzjonijiet tal-Awstrija.

Ir-Rapport jikkonkludi li l-Landesrechnungshof (LRH), l-Uffiċċju tal-Istat u l-Gvern tal-Istat ta’ Land Salzburg, jiġifieri entitajiet fi ħdan is-settur tal-amministrazzjoni pubblika tar-Repubblika tal-Awstrija, kienu serjament negliġenti fin-nuqqas ta’ żgurar tal-kontrolli tal-kompilazzjoni u tal-proċeduri ta’ rapportar xierqa. Għalhekk dawk l-entitajiet ffaċilitaw il-fatt li l-Unità tal-Baġit tal-Uffiċċju tal-Istat ta’ Land Salzburg tista’ tirrappreżenta b’mod żbaljat u taħbi tranżazzjonijiet finanzjarji, li jwasslu għal rappreżentazzjoni ħażina fl-2012 u fl-2013 tad-dejta dwar id-dejn tal-Awstrija fir-rigward tas-snin 2008-2012 3 lill-Eurostat, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 1173/2011.

Barra minn hekk, ir-Rapport ikkonkluda li l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Awstrija (minn hawn ’il quddiem “STAT”) kien ilu konxju mill-possibbiltà ta’ rappreżentazzjoni ħażina tal-kontijiet ta’ Land Salzburg sa mill-inqas is-6 ta’ Diċembru 2012, iżda informa lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar dan fl-10 ta’ Ottubru 2013.

Hemm preżenti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011 biex il-Kunsill jiġi rrakkomandat jimponi multa fuq l-Istat Membru, fejn tidħol ir-rappreżentazzjoni ħażina tad-dejta dwar id-dejn li seħħet meta l-Awstrija rrapportat id-dejta żbaljata lill-Eurostat f’Marzu u f’Settembru 2012 u f’Marzu u f’Settembru 2013, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament fit-13 ta’ Diċembru 2011.

2.    Kalkolu tal-multa

Skont l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni ta’ Delega tal-Kummissjoni 2012/678/UE tad-29 ta’ Ġunju 2012 dwar l-investigazzjonijiet u l-multi marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 4 , il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-multa li trid tiġi rrakkomandata tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva. Il-multa tiġi stabbilita bl-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq żewġ stadji. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tiddetermina l-ammont ta’ referenza. It-tieni, hija tista’ taġġusta dan l-ammont ta’ referenza ’l fuq jew ’l isfel meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

Skont l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, l-ammont ta’ referenza huwa 5 % tal-impatt akbar tar-rappreżentazzjoni ħażina tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tal-Awstrija għas-snin rilevanti koperti bin-notifika fil-kuntest tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (EDP - excessive deficit procedure). Ir-reviżjoni tad-dejn għas-sena 2012 irrapportata mir-Repubblika tal-Awstrija fin-Notifika tal-EDP ta’ April 2014 kienet tammonta għal EUR 1 192 miljun. Għalhekk, l-ammont ta’ referenza huwa ta’ EUR 59,6 miljun.

Meta jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(d) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, il-punt tat-tluq huwa li l-ammont ta’ referenza għandu jkun il-massimu individwat, immultiplikat bin-numru ta’ snin, tul l-erba’ snin tal-aħħar notifika, li matulhom seħħet ir-rappreżentazzjoni ħażina rilevanti. Il-massimu individwat fl-2012, kif imsemmi hawn fuq, kien ta’ EUR 1 192 miljun. Barra minn hekk, l-aħħar notifika li fiha seħħet ir-rappreżentazzjoni ħażina rilevanti kienet in-notifika tal-EDP ta’ Ottubru 2013, li tkopri s-snin 2009 sal-2012. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011 u li ma ġiet prevista l-ebda sanzjoni għal rappreżentazzjoni ħażina tad-dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern qabel dik id-data, huma rilevanti biss ir-rappreżentazzjoni ħażina għas-snin 2011 u 2012, kif irrapportati ħażin fin-notifiki tal-EDP tal-2012 u tal-2013 rispettivament. Għalhekk, l-ammont ta’ referenza għandu jiġi mmultiplikat bi tnejn, li jammonta għal EUR 119,2-il miljun.

B’kunsiderazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, fir-rapport tagħha l-Kummissjoni tikkonkludi li r-rappreżentazzjoni ħażina tad-dejta ma kellhiex impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tal-governanza ekonomika msaħħa tal-Unjoni, minħabba l-impatt limitat fuq id-dejn tar-Repubblika tal-Awstrija kollha kemm hi. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li fid-dawl taċ-ċirkostanzi konkreti, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ tingħata tnaqqis tal-multa abbażi ta’ dan il-kriterju.

Meta jqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(b) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, ir-Rapport jindika li r-rappreżentazzjoni ħażina kienet ir-riżultat ta’ negliġenza serja. Ir-Rapport ma jikkonkludix li r-rappreżentazzjoni ħażina kienet intenzjonata f’kuntest tal-EDP (ara b’mod partikolari t-Taqsima 4 tar-Rapport). Għalhekk, mhi applikata l-ebda modulazzjoni abbażi ta’ dan il-kriterju fid-dawl taċ-ċirkostanzi konkreti.

Meta jqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, ir-Rapport jikkonkludi li r-rappreżentazzjoni ħażina tad-dejta kienet iffaċilitata mill-fatt li tliet entitajiet tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika tar-Repubblika tal-Awstrija kienu serjament negliġenti fin-nuqqas ta’ żgurar tal-kontrolli tal-kompilazzjoni u tal-proċeduri ta’ rapportar xierqa (ara, b’mod partikolari, it-Taqsimiet 3 u 4 tar-Rapport). Madankollu, il-Kummissjoni ma tqisx li din hija azzjoni miftiehma minn dawk l-entitajiet u għalhekk ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ tingħata tnaqqis tal-multa abbażi ta’ dan il-kriterju fid-dawl taċ-ċirkostanzi konkreti.

Meta jqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(e) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, ir-Rapport jikkonkludi li l-STAT u l-entitajiet kollha kkonċernati wrew livell għoli ta’ kooperazzjoni matul l-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset il-prattika tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni, fejn il-multi jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti abbażi tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni.

Madankollu, ġie żgurat li l-STAT, anke jekk kien kompletament u direttament informat mill-Uffiċċju tal-Istat, mill-inqas mit-22 ta’ Jannar 2013, li kienet seħħet rappreżentazzjoni ħażina fil-kontijiet ta’ Land Salzburg, ma infurmax immedjatament lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar dawn il-fatti. Dan l-element ġeneralment jiġġustifika żieda fl-ammont tal-multa. B’riżultat kombinat taż-żewġ elementi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Awstrija tista’ tingħata ċertu tnaqqis tal-multa abbażi ta’ dan il-kriterju.

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill li l-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-Repubblika tal-Awstrija tiġi stabbilita għal EUR 29,8 miljun, li tikkorrispondi għal 25 % tal-ammont ta’ referenza doppju.

L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011 jistipula li l-ammont totali tal-multa ma għandux ikun ogħla minn 0,2 % tal-aħħar prodott domestiku gross (PDG) tar-Repubblika tal-Awstrija. Il-multa rrakkomandata ma taqbiżx iż-0,2 % tal-PDG tal-Awstrija fl-2015.

3.    Konklużjoni u rakkomandazzjoni

Bħala konklużjoni, ir-Rapport tal-Kummissjoni jsib li tliet entitajiet fi ħdan is-settur tal-amministrazzjoni pubblika tar-Repubblika tal-Awstrija kienu serjament negliġenti fin-nuqqas ta’ żgurar tal-kontrolli tal-kompilazzjoni u tal-proċeduri ta’ rapportar xierqa, u li subentità minn waħda minn dawk l-entitajiet irrappreżentat b’mod żbaljat u ħbiet tranżazzjonijiet finanzjarji, u dan wassal għal rapportar żbaljat tad-dejta dwar id-defiċit u d-dejn lill-Eurostat fl-2012 u fl-2013, fir-rigward tas-snin 2008-2012, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 1173/2011. Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill li tiġi imposta multa fl-ammont ta’ EUR 29,8 miljun fuq ir-Repubblika tal-Awstrija.

2017/0044 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li timponi multa fuq l-Awstrija għall-manipulazzjoni tad-dejta dwar id-dejn f’Land Salzburg

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro 5 , u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Delega tal-Kummissjoni 2012/678/UE tad-29 ta’ Ġunju 2012 dwar l-investigazzjonijiet u l-multi marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika kif imsemmi fir- Regolament (UE) Nru 1173/2011 6 ,

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 adottat fit-22 ta’ Frar 2017 7 ,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern. Id-dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 121 u 126 tat-TFUE, jew għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, hija element essenzjali għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-Unjoni.

(2)Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, u tiġi evitata r-rappreżentazzjoni ħażina, kemm intenzjonata kif ukoll minħabba negliġenza serja, tad-dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jimponi multa fuq l-Istat Membru responsabbli.

(3)Fit-3 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011. Is-sejbiet preliminari tal-investigazzjoni ntbagħtu lill-Awstrija għall-osservazzjonijiet tagħha fl-20 ta’ Diċembru 2016, kif meħtieġ skont id-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678. L-Awstrija pprovdiet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar is-sejbiet preliminari fil-25 ta’ Jannar 2017.

(4)Fit-22 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011, fejn qieset l-osservazzjonijiet tal-Awstrija.

(5)Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Landesrechnungshof (LRH) u l-Uffiċċju tal-Istat u l-Gvern tal-Istat ta’ Land Salzburg, jiġifieri entitajiet fi ħdan is-settur tal-amministrazzjoni pubblika tar-Repubblika tal-Awstrija, kienu serjament negliġenti fin-nuqqas ta’ żgurar tal-kontrolli tal-kompilazzjoni u tal-proċeduri ta’ rapportar xierqa. Għalhekk dawk l-entitajiet ffaċilitaw il-fatt li l-Unità tal-Baġit tal-Uffiċċju tal-Istat ta’ Land Salzburg tista’ tirrappreżenta b’mod żbaljat u taħbi tranżazzjonijiet finanzjarji, li jwasslu għal rappreżentazzjoni ħażina fl-2012 u fl-2013 tad-dejta dwar id-dejn tal-Awstrija fir-rigward tas-snin 2008-2012 lill-Eurostat, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 1173/2011. Barra minn hekk, ikkonkluda li l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Awstrija (minn hawn ’il quddiem “STAT”) kien ilu konxju mill-possibbiltà ta’ rappreżentazzjoni ħażina tal-kontijiet ta’ Land Salzburg sa mill-inqas is-6 ta’ Diċembru 2012, iżda informa lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar dan fl-10 ta’ Ottubru 2013.

(6)L-ammont tal-multa rrakkomandata ma għandux jaqbeż iż-0,2 % tal-prodott domestiku gross tal-Awstrija fl-2015.

(7)L-ammont ta’ referenza tal-multa li trid tiġi imposta għandu jkun 5 % tal-impatt akbar tar-rappreżentazzjoni ħażina tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tal-Awstrija għas-snin rilevanti koperti bin-notifika fil-kuntest tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (EDP). Ir-reviżjoni tad-dejn irrapportata mir-Repubblika tal-Awstrija għan-notifika tal-EDP ta’ April 2014 kienet tammonta għal EUR 1 192 miljun. Għalhekk, l-ammont ta’ referenza għandu jkun stabbilit għal EUR 59,6 miljun.

(8)Meta jqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(d) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonkludi li l-azzjonijiet rilevanti tal-Istat Membru li fuqhom tista’ tiġi bbażata multa, huma dawk li seħħew fil-perjodu mit-13 ta’ Diċembru 2011, meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011, sakemm tnediet l-investigazzjoni. Dan jikkonkludi wkoll li l-aħħar notifika li fiha seħħet ir-rappreżentazzjoni ħażina rilevanti kienet in-notifika tal-EDP ta’ Ottubru 2013, li tkopri s-snin 2009-2012. Ir-rappreżentazzjoni ħażina għas-snin 2011 u 2012, kif irrapportat ħażin fin-notifiki tal-EDP tal-2012 u tal-2013 rispettivament, huma rilevanti fil-kuntest tar-Regolament. Dawn l-elementi jiġġustifikaw l-ammont tal-multa li trid tiżdied.

(9)B’kunsiderazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, fir-rapport tagħha l-Kummissjoni tikkonkludi li r-rappreżentazzjoni ħażina tad-dejta ma kellhiex impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tal-governanza ekonomika msaħħa tal-Unjoni, minħabba l-impatt limitat fuq id-dejn tar-Repubblika tal-Awstrija kollha kemm hi. Dawn l-elementi jiġġustifikaw tnaqqis fl-ammont tal-multa.

(10)Meta jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(b) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, fir-Rapport tagħha l-Kummissjoni tindika li r-rappreżentazzjoni ħażina kienet ir-riżultat ta’ negliġenza serja. Ir-rapport ma jikkonkludix li r-rappreżentazzjoni ħażina kienet intenzjonata f’kuntest tal-EDP. Jenħtieġ li ma tiġi applikata l-ebda modulazzjoni għall-ammont tal-multa f’dan ir-rigward.

(11)Meta jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, fir-rapport tagħha l-Kummissjoni tikkonkludi li r-rappreżentazzjoni ħażina tad-dejta kienet iffaċilitata mill-fatt li tliet entitajiet tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika tar-Repubblika tal-Awstrija kienu serjament negliġenti fin-nuqqas ta’ żgurar tal-kontrolli tal-kompilazzjoni u tal-proċeduri ta’ rapportar xierqa. Madankollu, il-Kummissjoni ma tqisx li din hija azzjoni miftiehma minn dawk l-entitajiet. Dawn l-elementi jiġġustifikaw tnaqqis fl-ammont tal-multa.

(12)Meta jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(e) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE, fir-rapport tagħha l-Kummissjoni tikkonkludi li l-STAT u l-entitajiet kollha kkonċernati wrew livell għoli ta’ kooperazzjoni matul l-investigazzjoni. Dan l-element ġeneralment jiġġustifika tnaqqis fl-ammont tal-multa. Madankollu, ġie żgurat li, skont il-prinċipju ta’ diliġenza dovuta, l-STAT seta’ u kellu jkollu rwol aktar proattiv u jinforma lill-Kummissjoni (Eurostat) fil-pront dwar il-fatt li kien seħħ rapportar ħażin fil-kontijiet ta’ Land Salzburg. Dan l-element ġeneralment jiġġustifika żieda fl-ammont tal-multa. Fid-dawl tal-effett kombinat tal-elementi li jiġġustifikaw tnaqqis kontra l-elementi li jiġġustifikaw żieda, ċertu tnaqqis xorta waħda għandu jiġi applikat għall-ammont tal-multa.

(13)Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-multa li trid tiġi imposta fuq l-Awstrija jenħtieġ li tiġi stabbilita għal EUR 29,8 miljun,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ġiet imposta multa ta’ EUR 29,8 miljun fuq l-Awstrija għar-rappreżentazzjoni ħażina, minħabba negliġenza serja ta’ tliet entitajiet tal-gvern, tad-dejta dwar id-dejn tal-gvern, kif stabbilit fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(2) COM(2017) 94 final.
(3) Jiġifieri, in-numru aggregat ta’ snin irraportati għar-rapportar fl-2012 (għas-snin 2008-2011) u fl-2013 (għas-snin 2009-2012), bl-applikazzjoni tal-formula li tgħid li d-dejta pprovduta fis-sena n tikkonċerna s-snin n-1, n-2, n-3 u n-4.
(4) ĠU L 306, 6.11.2012, p. 21.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(6) ĠU L 306, 6.11.2012, p. 21.
(7) COM(2017) 94 final.