Strasburgu, 14.2.2017

COM(2017) 85 final

2017/0035(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Din l-inizjattiva tkompli fuq dikjarazzjoni mill-President tal-Kummissjoni fid-diskors tiegħu tal-Istat tal-Unjoni lill-Parlament Ewropew f’Settembru 2016 meta qal: “Mhux sewwa li meta l-pajjiżi tal-UE ma jkunux jistgħu jiddeċiedu bejniethom, dwar jekk għandhomx jipprojbixxu jew le l-użu tal-glifosat fl-erbiċidi, il-Kummissjoni tiġi mġiegħla mill-Parlament u mill-Kunsill biex tieħu deċiżjoni. Għaldaqstant se nibdlu r-regoli – għaliex din mhix demokrazija 1 .”.

F’diversi okkażjonijiet dwar l-adozzjoni tal-atti li huma soġġetti għall-proċeduri ta’ komitoloġija, f’dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni sabet ruħha f’sitwazzjoni fejn hija kienet obbligata legalment li tieħu deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fin-nuqqas ta’ maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri li jieħdu pożizzjoni (jew favur jew kontra) fil-kumitat. Din is-sitwazzjoni ta’ “ebda opinjoni” fil-fehma tal-Kummissjoni hija partikolarment problematika meta tikkonċerna suġġetti politikament sensittivi li għandhom impatt dirett fuq iċ-ċittadini u n-negozji, pereżempju fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem, l-annimali jew il-pjanti.

Il-maġġoranza tal-atti legali tal-Unjoni adottati kull sena huma adottati mill-Kummissjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħala koleġiżlatur, jew permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jew bħala atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE 2 . B’differenza għall-atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 291(3) tat-TFUE huma stabbiliti minn qabel f’regolamenti adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Dawn ir-regoli u l-prinċipji huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (ir-Regolament ta’ “Komitoloġija”) 3 .

Il-proposta attwali tipprovdi għal emendi mmirati u limitati għar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u b’hekk tikkonċerna atti ta’ implimentazzjoni biss.

Il-Kummissjoni rrapportat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 fi Frar 2016 4 . Dan ir-rapport ikkonkluda li r-regolament ippermetta l-użu effettiv tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni taħt il-kontroll tal-Istati Membri. Il-proposta attwali għalhekk ma timmirax li tibdel il-qafas tal-komitoloġija bħala tali. Dan ir-rapport madankollu ddeskriva numru limitat ta’ każijiet problematiċi, b’mod notevoli rigward teħid ta’ deċiżjonijiet dwar organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM). F’dawn il-każijiet, qatt ma kien hemm maġġoranza kkwalifikata fost l-Istati Membri favur jew kontra abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) u ikel u għalf ġenetikament modifikati (ĠM). Minflok, il-voti kollha rriżultaw f’eżiti hekk imsejħa “ebda opinjoni”, jiġifieri li kumitat jista’ ma jilħaqx pożizzjoni jew favur jew kontra abbozz ta’ att. Dan ir-riżultat ġie dejjem ripetut fil-kumitat ta' appell, korp li huwa maħsub biex jgħin it-teħid ta’ deċiżjonjiet f’każijiet sensittivi u problematiċi. Bħala konsegwenza, deċiżjonijiet f’dan il-qasam kellhom jittieħdu sistemikament mingħajr l-appoġġ ta’ maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri fil-Kumitat 5 .

Il-Kummissjoni diġà ħadet passi biex tqis is-sitwazzjoni speċifika fil-qasam tal-OĠM. Wara d-Direttiva għall-awtorizzazzjonijiet tal-kultivazzjoni 6 , li daħlet fis-seħħ fl-2015, f’April 2015 il-Kummissjoni adottat proposta li ssegwi l-istess loġika biex temenda l-qafas leġiżlattiv rigward l-ikel u l-għalf 7 . Is-soluzzjoni proposta żżomm l-istess proċedura ċentralizzata ta’ valutazzjoni, filwaqt li tippermetti esklużjoni fakultattiva mill-Istati Membri. Din il-proposta għadha fil-proċess leġiżlattiv.

Id-diskussjonijiet madwar l-estensjoni tal-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat fil-kumitat ta’ appell fis-sajf 2016 urew li l-problema tal-ebda opinjoni mhijiex limitata għall-OĠM. F’dan il-każ ukoll l-Istati Membri ma setgħu la jiksbu maġġoranza favur u lanqas kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni fil-kumitat ta' appell u l-Kummissjoni kellha tiddeċiedi mingħajr l-appoġġ tal-Istati Membri 8 . Kif indikat hawn fuq, dan huwa iktar problematiku minħabba li dawn id-deċiżjonijiet ta’ spiss jikkonċernaw suġġetti politikament sensittivi li għandhom impatt dirett fuq iċ-ċittadini u n-negozji, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem, l-annimali u l-pjanti. Filwaqt li f’dawn il-każijiet il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddeċiedi, il-Kummissjoni tqis li, minħabba s-sensittività partikolari tal-kwistjonijiet ikkonċernati, l-Istati Membri għandhom bżonn, f’dawn is-sitwazzjonijiet speċifiċi, ikollhom ħafna ikbar responsabbiltà fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Dan, madankollu, mhuwiex żgurat b’mod suffiċjenti meta l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jilħqu maġġoranza kwalifikata għax xi uħud minnhom jiddeċiedu li jastjenu fil-mument tal-vot jew ma jkunux preżenti fil-laqgħat tal-kumitati jew tal-kumitat ta’ appell.

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li hemm ħtieġa li tiġi indirizzata din il-kwistjoni permezz ta’ ftit kambjamenti mmirati għar-regoli dwar il-proċeduri ta’ komitoloġija. Hija b’hekk ħabbret inizjattiva dwar l-immodernizzar tal-proċeduri ta’ komitoloġija fil-Programm ta’ Ħidma tagħha tal-2017 9 .

Din il-proposta tinkludi erba’ emendi mmirati. Is-suġġett tal-proposta huwa limitat strettament għal dawn l-erba’ emendi u ma jestendi għall-ebda element ieħor tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Tabilħaqq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li s-sistema stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 182/2011 b’mod ġenerali wriet li taħdem sew fil-prattika u sabet bilanċ istituzzjonali xieraq fir-rigward tar-rwoli tal-Kummissjoni u l-atturi l-oħra involuti. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li huwa essenzjali li din is-sistema tkompli tiffunzjona mingħajr ma tinbidel ħlief għall-emendi mmirati proposti. L-uniku għan ta’ dawn l-emendi huwa li jittejjeb il-funzjonament tal-proċeduri ta’ komitoloġija fil-livell tal-kumitat ta’ appell sabiex tiġi żgurata kontabilità politika iktar mifruxa u sjieda ta’ atti ta’ implimentazzjoni politikament sensittivi, madankollu mingħajr ma jiġu modifikati r-responsabbiltajiet legali u istituzzjonali għal atti ta’ implimentazzjoni kif organizzati mir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Il-qafas leġiżlattiv attwali

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jistabbilixxi l-mekkaniżmu għall-kontroll tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri. Skont il-proċedura użata l-iktar ta’ spiss, l-hekk imsejħa “proċedura ta' eżami” 10 , ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jissottomettu abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni lill-kumitat kompost minn rappreżentanti mill-Istati Membri, li jagħti l-opinjoni tiegħu, ġeneralment b’vot. Dawn il-voti jsegwu r-regola tal-maġġoranza kwalifikata kif stabbilita fit-Trattati. Jista’ jkun hemm tliet xenarji f’dan l-istadju tal-vot tal-kumitat:

Jekk ikun hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur l-abbozz tal-att tal-Kummissjoni (opinjoni pożittiva) il-Kummisjoni trid tadotta l-att.

Jekk ikun hemm maġġoranza kwalifikata kontra (opinjoni negattiva), il-Kummissjoni ma tistax tadotta l-att.

Jekk ma jkun hemm l-ebda maġġoranza kwalifikata favur jew kontra (l-ebda opinjoni), il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni - li jfisser li tista’ tiddeċiedi wkoll li ma tadottahx.

Ir-raġuni wara li l-Kummissjoni tkun permessa tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni sakemm ma jkun l-ebda maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri kontra l-miżura hija biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni. Hija biss l-oppożizzjoni minn maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri li tista’ twaqqaf l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni. Dwar dan il-punt, hemm xebh mad-dispożizzjonijiet dwar atti delegati, peress li għal dawn hija meħtieġa wkoll maġġoranza (kwalifikata), minkejja mhux f’kumitat iżda fil-Parlament Ewropew jew fil-Kunsill, biex att jinżamm milli jidħol fis-seħħ.

Madankollu, hemm għadd ta’ każijiet speċifiċi elenkati fir-Regolament ta' Komitoloġija 11 li fihom il-Kummissjoni hija miżmuma legalment milli tadotta att ta’ implimentazzjoni f’sitwazzjoni tal-ebda opinjoni fl-istadju tal-kumitat ta' eżami. Dan japplika fi tliet każijiet differenti:

(1)f'ċerti oqsma ta' politika (it-tassazzjoni, is-servizzi finanzjarji, il-protezzjoni tas-saħħa jew is-sikurezza tal-bniedem, l-annimali jew il-pjanti, jew miżuri ta’ salvagwardja multilaterali definittivi);

(2)jekk l-att bażiku jipprevedi li l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni ma jistax jiġi adottat f’sitwazzjoni ta' "ebda opinjoni" (l-hekk imsejħa “klawżola ta’ ebda opinjoni”);

(3)jekk maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tal-kumitat topponi l-abbozz tal-att.

F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tirreferi l-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat ta’ appell, li huwa wkoll kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri, iżda f’livell ogħla. Jekk għal darb’oħra fil-kumitat ta’ appell ma jkun hemm l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz. Dan ifisser li f’dawn il-każijiet, fi tmiem il-proċedura ta’ eżami l-Kummissjoni taffaċċja xenarju ta’ ebda opinjoni, hija għandha s-setgħa diskrezzjonali dwar jekk għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Din is-setgħa diskrezzjonali għall-Kummissjoni f’każ li ma jkun hemm l-ebda opinjoni ġiet introdotta bir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Qabel l-2011, f’każ tal-ebda opinjoni fil-kumitat, u anke jekk il-Kunsill ma jieħu ebda azzjoni, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda alternattiva ħlief li tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Ġiet introdotta aktar flessibbiltà biex il-Kummissjoni tkun tista’ terġa’ tqis l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, jekk għandhiex tadottah jew le jew tippreżentax abbozz emendat lill-kumitat, filwaqt li fost oħrajn tikkunsidra l-pożizzjonijiet espressi mill-Istati Membri fil-kumitat. Dan huwa enfasizzat ukoll bil-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, li tgħid li “meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b’mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b’mod li jevita konflitt ma’ xi pożizzjoni predominanti li tista’ tirriżulta fil-kumitat ta’ appell”.

Din il-flessibbiltà madankollu ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tieħu deċiżjoni f’każijiet bħal dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti jew sustanzi. Peress li l-produttur li ressaq applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandu d-dritt li jirċievi deċiżjoni dwar it-talba, il-Kummissjoni hija obbligata li tadotta deċiżjoni fi żmien raġonevoli. Skont il-qafas ta’ komitoloġija preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet naqset milli taġixxi meta baqgħet lura milli ssegwi l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni permezz ta’ vot ta' “ebda opinjoni” fil-kumitat 12 .

Minn total ta’ 1726 opinjoni mogħtija mill-kumitati fl-2015, kien hemm żewġ opinjonijiet negattivi u 36 każ ta’ ebda opinjoni, li jirrappreżentaw madwar 2 % tat-total. 10 minn dawn tressqu quddiem il-kumitat ta’ appell li rriżulta wkoll f’ebda opinjoni. Fil-perjodu 2011-2015 f'36 mill-40 każ imressaq quddiem il-kumitat ta’ appell, dan tal-aħħar ikkonferma l-vot ta' “ebda opinjoni”. Filwaqt li dan jikkonċerna globalment għadd żgħir ta’ każijiet, dawn is-sitwazzjonijiet jiġru f’oqsma sensittivi ħafna. Għalhekk, il-kumitat ta’ appell ma għenx biex tinħoloq pożizzjoni ċara tal-Istati Membri u kellu ftit valur miżjud s’issa. Il-Kummissjoni tqis li r-regoli li jirregolaw il-kumitat ta' appell għalhekk jeħtieġ li jinbidlu biex ikun jista' jaqdi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

L-emendi proposti għar-Regolament (UE) Nru 182/2011 huma mmirati u limitati, filwaqt li jindirizzaw każijiet eċċezzjonali fuq livell tal-kumitat ta' appell. Billi s-sistema stabbilita bir-Regolament b’mod ġenerali wriet li taħdem sew, il-Kummissjoni tqis li huwa indispensabbli li din is-sistema tibqa' l-istess għall-bqija.

Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikat 13 . Filwaqt li din il-proposta ġiet ukoll parzjalment motivata mir-riżultati ta' ebda opinjoni f’dan il-qasam, l-approċċ propost hemm huwa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikat fit-territorju tagħhom. Dan jindirizza s-sitwazzjoni speċifika f’dan is-settur u ma jirrigwardax il-proċess innifsu tat-teħid ta' deċiżjonijiet. L-approċċ segwit fil-proposta attwali jikkonċerna regoli proċedurali bħala tali, irrispettivament mis-settur. Iż-żewġ approċċi huma għalhekk kumplementari.

Il-proposta hija konsistenti bl-istess mod maż-żewġ regolamenti proposti li jadattaw għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju tal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea skont l-impenn meħud fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 14 . Ir-regolamenti proposti ma jipproponu l-ebda bidla fir-rigward tal-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet bħala tali, iżda jfittxu li jallinjaw setgħat eżistenti ma' setgħat ta' atti delegati, u f’xi każijiet, ta’ implimentazzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 291(3) TFUE, il-bażi ġuridika għar-Regolament (UE) Nru 182/2011, li din il-proposta għandha l-għan li temenda.

Sussidjarjetà

L-Unjoni taħt l-Artikolu 291(3) TFUE għandha kompetenza esklussiva li tistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għal kontroll mill-Istat Membru tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni.

Proporzjonalità

L-emendi proposti huma limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jindirizza l-kwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet. Dawn huma limitati għal bidliet fil-livell ta’ kumitat ta' appell.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-proposta tipprovdi għal bidliet limitati tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’livell ta’ kumitat ta' appell. Dawn il-bidliet huma ta’ natura purament istituzzjonali u proċedurali, u dawn pereżempju, ma jibdlux ir-regoli li jidentifikaw il-fatturi li abbażi tagħhom tiġi vvalutata l-approvazzjoni ta’ sustanza. Dawn il-bidliet għalhekk ma għandhomx impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti bħala tali. Għalhekk, ma hija meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Il-kumitat ta' appell ġie introdott fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 sabiex jeleva d-dibattitu f'livell aktar politiku, b’mod partikolari f’każ li l-kumitat ta’ eżami ma jkunx ta opinjoni. Madankollu, s’issa ġeneralment ma żammx sitwazzjonijiet ta' ebda opinjoni milli jinħolqu u lanqas ma għen jikkjarifika l-pożizzjoni tal-Istati Membri, u b’hekk wera valur miżjud limitat. Il-bidliet proposti għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskju ta’ riżultati ta' ebda opinjoni fil-livell tal-kumitat ta’ appell u li jiffaċilitaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet u jiżguraw l-involviment politiku tal-Istati Membri ta’ ċerti deċiżjonijiet sensittivi. L-emendi proposti, ladarba jiġu adottati, se jeħtieġ li jiġu riflessi fir-regoli ta’ proċedura tal-kumitat ta’ appell, li għalhekk se jkun jeħtieġ li jiġi adattati skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Bidliet għar-regoli tal-votazzjoni għall-kumitat ta’ appell

Il-kumitati, inkluż il-kumitat ta' appell, iwasslu l-opinjoni tagħhom skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 fil-proċedura ta' eżami mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikoli 16(4) u (5) TUE u, fejn applikabbli, l-Artikolu 238(3) TFUE. L-Artikoli 16(4) u l-Artikolu 238(3) TFUE jipprovdu għal maġġoranza doppja. Għalhekk maġġoranza kwalifikata tinkiseb jekk il-maġġoranza:

1) tinkludi mill-inqas 55 % tal-Istati Membri. Dan ifisser li maġġoranza kwalifikata trid tinkludi mill-inqas 16-il Stat Membru.

2) tirrappreżenta Stati Membri li flimkien jammontaw għal mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni 15 .

F’każijiet fejn mhux l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fil-vot, l-Artikolu 238(3), subparagrafu (a), TFUE jiddefinixxi maġġoranza kwalifikata bħala mill-inqas 55 % tal-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jagħmlu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta’ dawn l-Istati. F'każijiet bħal dawn, minoranza li timblokka trid tinkludi mill-inqas numru minimu ta' Stati Membri li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti, flimkien ma' Stat Membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

Skont ir-regoli attwali, l-astensjonijiet, jew Stati Membri li ma jkunux preżenti jew rappreżentati, ma jgħoddux għall-kisba ta' maġġoranza kwalifikata favur jew kontra, iżda dawn ma jitnaqqsux miċ-ċifri ġenerali li fuq il-bażi tagħhom il-55 % tal-Istati Membri u 65 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni huma magħduda. Dan ifisser li fil-prattika l-astensjonijiet espressi waqt il-vot u l-assenzi ta’ Stati Membri li jiddeċiedu li ma jkunux preżenti jew li jkunu rappreżentati twassal għal probabbiltà akbar ta’ eżiti ta' ebda opinjoni, u b’hekk id-deċiżjoni titħalla f'idejn il-Kummissjoni. Ir-regoli attwali ma jagħtux inċentiv lill-Istati Membri biex jivvotaw favur jew kontra l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Għalhekk, ir-regoli attwali ta’ votazzjoni ma għenux biex il-kumitat ta' appell jaqdi r-rwol tiegħu.

Għalhekk huwa propost li jinbidlu r-regoli tal-vot għall-kumitat ta’ appell sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ xenarju ta’ “ebda opinjoni” u biex jiġu ċċarati l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri billi jitqies li Stati Membri li mhumiex preżenti, jew li jastjenu, huma “Stati Membri mhux parteċipanti” għall-kalkolu tal-maġġoranza kwalifikata. Dan ifisser li l-maġġoranza doppja (55 % tal-Istati Membri li jirrappreżentaw 65 % tal-popolazzjoni) se tkun ikkalkulata biss abbażi tal-Istati Membri li jieħdu sehem fil-vot, jiġifieri li jivvotaw favur jew kontra, f’konformità mal-Artikolu 238(3) (a) tat-TFUE. Il-minoranza li timblokka se tiġi kkalkulata skont dik id-dispożizzjoni tat-Trattat ukoll.

Sabiex jiġi żgurat li l-vot huwa rappreżentattiv irid jiġi introdott kworum fir-Regolament ta’ Komitoloġija 16 , li jipprovdi li l-vot għandu jitqies validu biss jekk maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri huma membri parteċipanti fil-vot fil-kumitat ta’ appell. Il-kambjamenti rispettivi se jiġu introdotti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Kif diġà huwa l-każ attwalment, sabiex jiġi evitat li l-proċess jiġi mwaqqaf minħabba li ma jkunx jista' jintlaħaq kworum, meta jiskadi l-limitu ta’ żmien biex il-kumitat ta' appell jagħti opinjoni, il-kumitat ta’ appell huwa meqjus li ma jkunx ta opinjoni.

Rinviju ulterjuri lill-kumitat ta’ appell fil-livell ministerjali

Il-kumitat ta' appell, kif deskritt hawn fuq, sa issa b’mod ġenerali ma żammx sitwazzjonijiet tal-ebda opinjoni milli jinħolqu u lanqas ma għen biex tiġi ċċarata l-pożizzjoni tal-Istati Membri. Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jagħmel referenza għal livell xieraq ta’ rappreżentanza 17 u r-Regoli ta’ Proċedura għall-kumitat ta' appell, miftiehma mill-Istati Membri, jispeċifika li bħala regola ġenerali, ir-rappreżentanza fil-kumitat ma għandhiex tkun taħt il-livell ta’ Rappreżentanti Permanenti 18 . L-esperjenza turi li l-Istati Membri sa issa kienu fil-maġġoranza tal-każijiet irrappreżentati mir-Rappreżentanzi Permanenti tagħhom.

Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-kumitat ta’ appell f’każijiet partikolarment sensittivi, huwa propost li tkun provduta possibbiltà għal rinviju ulterjuri lill-kumitat ta’ appell fejn ma tkun ingħatat l-ebda opinjoni. Dan jippermetti li jiġu indirizzati kwistjonijiet problematiċi għal darb’oħra fil-livell politiku xieraq. Għal dan l-għan, huwa propost li jkun stipulat li l-President jista’ jiddeċiedi li jorganizza laqgħa tal-kumitat ta’ appell ulterjuri filwaqt li jindika li l-livell xieraq ta’ rappreżentanza għal dik il-laqgħa huwa fil-livell ministerjali. Biex tiġi awtorizzata l-organizzazzjoni ta’ laqgħa oħra bħal din il-perjodu ta’ żmien biex il-kumitat ta' appell jagħti opinjoni għandu jiġi estiż b’xahar għal total ta’ tliet xhur mir-riferiment inizjali. Il-kambjamenti rispettivi se jiġu inklużi fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri individwali fil-livell tal-kumitat isiru pubbliċi

Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-kumitat ta' appell huma attwalment koperti bir-regoli ta’ kunfidenzjalità previsti fir-regoli ta’ proċedura għall-kumitat ta’ appell 19 , kif inhu l-każ għall-kumitati ta' eżami u konsultattivi 20 . L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 jipprevedi li l-informazzjoni dwar proċedimenti tal-kumitat li tista' ssir pubblika u fir-rigward tal-vot tirreferi għar-“riżultati tal-vot”, jiġifieri r-riżultati totali tal-vot biss, u mhux il-voti tal-Istat Membru individwali. Il-Kummissjoni tqis li hija meħtieġa aktar trasparenza fir-rigward tal-pożizzjonijiet li r-rappreżentanti tal-Istati Membri jieħdu fil-kumitat ta’ appell. Il-proposta biex il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri jsiru pubbliċi għandha l-għan li żżid iċ-ċarezza dwar il-pożizzjoni tal-Istati Membri. Id-dispożizzjoni rispettiva biex ir-rappreżentanti tal-Istati Membri individwali jivvutaw fil-kumitat ta’ appell pubbliku se jiġu inklużi fl-Artikolu 10(1)(e) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Possibbiltà li l-kwistjoni tiġi riferuta lill-Kunsill għal opinjoni

Skont l-Artikolu 291 TFUE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa mil-leġiżlatur li tadotta atti ta' implimentazzjoni taħt il-kontroll tal-Istati Membri. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għalhekk ma għandhom l-ebda rwol fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet innifisha u l-involviment tagħhom huwa limitat għad-dritt ta’ skrutinju skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Skont l-Artikolu 291(1) TFUE, l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni u li jikkontrollaw il-Kummissjoni f'każ li s-setgħat ta' implimentazzjoni huma konferiti lilha. F’każijiet fejn l-Istati Membri ma jaslux għal opinjoni ċara f'dan il-proċess ta’ kontroll għandu jkun hemm il-possibbiltà li l-kwistjoni tiġi riferuta lill-Kunsill, bħala l-istituzzjoni tal-Unjoni li fiha l-gvernijiet tal-Istati Membri huma rappreżentati fil-livell ministerjali u għandhom viżjoni globali tal-politiki kollha tal-Unjoni. Għalhekk qed jiġi propost biex il-Kummissjoni, wara riżultat ta' ebda opinjoni, tkun tista’ formalment tirreferi każijiet speċifiċi lill-kumitat ta' appell għal opinjoni mhux vinkolanti lill-Kunsill, bil-ħsieb li tinkiseb l-orjentazzjoni politika tiegħu dwar l-implikazzjonijiet tar-riżultat ta' ebda opinjoni, inklużi l-implikazzjonijiet istituzzjonali, legali, politiċi u internazzjonali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe pożizzjoni espressa mill-Kunsill fi żmien 3 xhur wara r-riferiment. F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tindika skadenza iqsar fir-riferiment.

2017/0035 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 291(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

(2)Is-sistema stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 182/2011, b'mod globali, uriet li taħdem sew fil-prattika u sabet bilanċ istituzzjonali xieraq fir-rigward tar-rwoli tal-Kummissjoni u l-atturi l-oħra involuti. Din is-sistema għandha għalhekk tkompli taħdem bl-istess mod ħlief għal ċerti emendi mmirati li jikkonċernaw l-aspetti speċifiċi tal-proċedura fil-livell tal-kumitat ta’ appell. Dawn l-emendi huma maħsuba sabiex jassiguraw ir-responsabbiltà politika u responsabbiltà ta’ atti ta’ implimentazzjoni politikament sensittivi mingħajr, madankollu, ma jimmodifikaw ir-responsabbiltajiet legali u istituzzjonali għal atti ta’ implimentazzjoni kif organizzati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(3)F’għadd ta’ każijiet speċifiċi, ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jipprovdi għal riferiment lill-kumitat ta’ appell. Fil-prattika, il-kumitat ta' appell ġie maqbud f’każijiet fejn l-ebda maġġoranza kwalifikata, la favur u lanqas kontra, ma ntlaħqet fil-kumitat fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami u għalhekk ma ngħatat l-ebda opinjoni. Fil-maġġoranza tal-każijiet, dan seħħ fir-rigward ta' organiżmi ġenetikament modifikati u ikel u għalf ġenetikament modifikati u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

(4)L-esperjenza wriet li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-kumitat ta’ appell jirrepeti l-eżitu tal-kumitat ta' eżami u jirriżulta fl-ebda opinjoni. Għalhekk, il-kumitat ta’ appell ma għenx biex jipprovdu ċarezza dwar il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri.

(5)Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jistipula li l-Kummissjoni tista’, f’każijiet bħal dawn, tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u b’hekk il-Kummissjoni tingħata setgħa diskrezzjonali.

(6)Din id-diskrezzjoni, madankollu, titnaqqas b’mod sinifikanti f’każijiet li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti jew sustanzi, bħal fil-qasam ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati, billi l-Kummissjoni hija obbligata li tadotta deċiżjoni fi żmien raġonevoli u ma tistax tastjeni milli tieħu deċiżjoni.

(7)Filwaqt li f’dawn il-każijiet il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddeċiedi, minħabba s-sensittività partikolari tal-kwistjonijiet ikkonċernati, jenħtieġ li l-Istati Membri jassumu ħafna r-responsabbiltà tagħhom b'mod sħiħ fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Madankollu, dan ma huwiex il-każ meta l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jilħqu maġġoranza kwalifikata, minħabba, fost l-oħrajn, għadd sinifikanti ta’ astensjonijiet jew nuqqas ta' dehriet fil-mument tal-vot.

(8)Sabiex jiżdied il-valur miżjud tal-kumitat ta’ appell, ir-rwol tiegħu għalhekk għandu jkun imsaħħaħ billi tkun provduta l-possibbiltà ta' laqgħa ulterjuri tal-kumitat ta’ appell kull meta ma tkun ingħatat l-ebda opinjoni. Il-livell xieraq ta’ rappreżentazzjoni waqt il-laqgħa ulterjuri tal-kumitat ta’ appell għandu jkun ta’ livell ministerjali, biex tkun żgurata diskussjoni politika. Biex tkun possibbli l-organizzazzjoni ta’ laqgħa ulterjuri bħal din, il-perjodu ta’ żmien biex il-kumitat ta' appell jagħti opinjoni jenħtieġ li jiġi estiż.

(9)Ir-regoli tal-votazzjoni tal-kumitat ta' appell jenħtieġ li jinbidlu sabiex jitnaqqas ir-riskju li ma tingħata l-ebda opinjoni u biex jipprovdu inċentiv lir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jieħdu pożizzjoni ċara. Għal dan l-għan l-Istati Membri li huma preżenti jew rappreżentati biss, u li ma jastjenux, għandhom jitqiesu bħala Stati Membri parteċipanti għall-kalkolu tal-maġġoranza kwalifikata. Sabiex jiġi żgurat li r-riżultat tal-vot huwa rappreżentattiv, vot għandu jitqies bħala validu biss jekk maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri huma membri parteċipanti tal-kumitat ta' appell. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien biex il-kumitat jieħu deċiżjoni, jitqies li l-kumitat ma ta l-ebda opinjoni, kif inhu l-każ illum.

(10)Il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà, f’każijiet speċifiċi, li titlob lill-Kunsill biex jindika l-opinjonijiet u l-orjentazzjoni tiegħu fuq l-implikazzjonijiet usa’ ta' nuqqas ta' opinjoni, inklużi l-implikazzjonijiet istituzzjonali, legali, politiċi u internazzjonali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe pożizzjoni espressa mill-Kunsill fi żmien 3 xhur wara r-riferiment. F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tindika skadenza iqsar fir-riferiment.

(11)It-trasparenza dwar il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-livell tal-kumitat ta’ appell jenħtieġ li tiżdied u l-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri individwali jenħtieġu jsiru pubbliċi.

(12)Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 huwa emendat kif ġej:

(1) fl-Artikolu 3(7), jiżdied is-sitt subparagrafu li ġej:

"Meta ma tingħata l-ebda opinjoni fil-kumitat ta’ appell skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3), il-president jista’ jiddeċiedi li l-kumitat ta' appell għandu jagħmel laqgħa ulterjuri, f’livell ministerjali. F’dawn il-każijiet, il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien 3 xhur mid-data ta’ riferiment inizjali. ";

(2) L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, jiżdied it-tieni sottoparagrafu li ġej:

"Madankollu, il-membri tal-kumitat ta’ appell li jkunu preżenti jew irrappreżentati waqt il-vot biss, u li ma jastjenux milli jivvotaw, għandhom jitqiesu bħala membri parteċipanti tal-kumitat ta' appell. Il-maġġoranza msemmija fl-Artikolu 5(1) għandha tkun il-maġġoranza kwalifikata msemmija fl-Artikolu 238(3) (a) TFUE. Vot għandu jitqies validu biss jekk maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri huma membri parteċipanti.";

(b) għandu jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

"3a. Meta ma tingħata l-ebda opinjoni fil-kumitat ta' appell, il-Kummissjoni tista' tirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill għal opinjoni li tindika l-opinjonijiet u l-orjentazzjoni tiegħu fuq l-implikazzjonijiet usa’ tan-nuqqas ta' opinjoni, inklużi l-implikazzjonijiet istituzzjonali, legali, politiċi u internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe pożizzjoni espressa mill-Kunsill fi żmien 3 xhur wara r-riferiment. F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tindika skadenza iqsar fir-riferiment.";

(3) L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, il-punt (e) huwa mibdul b’dan li ġej:

"(e) ir-riżultati tal-vot inklużi, fil-każ tal-kumitat ta’ appell, il-voti espressi mir-rappreżentant ta’ kull Stat Membru; ";

(b) il-paragrafu 5 huwa mibdul b’dan li ġej:

"5. Ir-referenzi tad-dokumenti kollha msemmija fil-punti (a) sa (d), (f) u (g) tal-paragrafu 1 kif ukoll l-informazzjoni msemmija fil-punti (e) u (h) ta' dan il-paragrafu għandhom isiru pubbliċi fir-reġistru."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal proċeduri pendenti li fuqhom il-kumitat ta’ appell diġà ta opinjoni fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ [...] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016: https://ec.europa.eu/priorities/state-union-2016_mt
(2) Fl-2016 il-Kummissjoni adottat 137 att delegat u 1494 att ta’ implimentazzjoni.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, ĠU L 55, 28.2.2011, paġna 13.
(4) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 182/2011, 26.2.2016, COM(2016)92.
(5) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewopew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, li tirrevedi l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) tat-22.4.2015, COM(2015)176.
(6) Id-Direttiva (UE) 2015/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom, ĠU L 68, 13.3.2015, p. 1.
(7) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom, 22.4.2015, COM(2015) 177.
(8) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/4152/1 tad-29 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva tal-glifosat.
(9) Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017, It-twettiq bil-fatti ta’ Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi, 25.10.2016, COM(2016) 710.
(10) Il-proċedura konsultattiva mhijiex rilevanti hawn.
(11) Elenkat fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
(12) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-164/10, Pioneer Hi-Bred International, Inc. vs il-Kummissjoni.
(13) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikat fit-territorju tagħhom, 22.4.2015, COM(2015) 177.
(14) COM(2016)799: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju tal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u COM(2016)798: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta’ atti legali fil-qasam tal-Ġustizzja li jipprevedi għall-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ara l-punt 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1. Fir-rigward ta’ għadd ta’ atti mill-qasam tas-saħħa u s-sigurtà li kienu esklużi minn dawk li ssemmew qabel, il-Kummissjoni se tagħmel proposta ta' allinjament fi żmien debitu.
(15) Iċ-ċifri u l-perċentwali tal-popolazzjoni li huma jirrappreżentaw huma stipulati fl-Anness III tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937 tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (2009/937/UE) (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/2353 tat-8 ta’ Diċembru 2016, ĠU L 348, 21.12.2016, p. 27.
(16) Attwalment, ir-regoli ta’ proċedura jipprevedu kworum u jipprovdu li l-preżenza tal-maġġoranza tal-Istati Membri hija meħtieġa, ĠU C 183, 24.6.2011, p. 13.
(17) L-Artikolu 3(7) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
(18) L-Artikolu 1(5) tar-Regoli ta' Proċedura Standard tal-Kumitat ta' Appell, ĠU C 183, 24.6.2011, p. 13.
(19) Skont l-Artikoli 9(2) u 12(2) tar-Regoli ta’ Proċedura Standard, ir-reġistri mqassra tal-laqgħat ma għandhomx isemmu l-pożizzjoni tal-Istati Membri individwali fid-diskussjonijiet tal-Kumitat u d-diskussjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali.
(20) Ara l-Artikolu 10(2) u 13(2) tar-Regoli ta' Proċedura Standard għall-Kumitati, ĠU C 206, 12.7.2011, p. 11.
(21) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L55, 28.2.2011, p. 13).