IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.1.2017
COM(2017) 4 final
2017/0001(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1903 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Fil-laqgħa tiegħu tal-10 u l-11 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1903, iffissa opportunitajiet tas-sajd għall-merluzz tal-Punent tal-Baltiku (is-suddiviżjonijiet 24-22) fl-2017 abbażi tal-Pjan ta’ Ġestjoni Pluriennali tal-Baħar Baltiku (ir-Regolament (UE) 2016/1139) u konformi miegħu, u sabiex jiżgura r-ritorn mill-aktar fis possibbli ta’ dak l-istokk għal-livelli ogħla mil-livell li jista’ jipproduċi r-rendiment massimu sostenibbli (MSY). Skont l-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament, il-Kunsill jistabbilixxi l-qabdiet totali permissibbli (kwoti) f’livell konsistenti ma’ mortalità kkawżata mis-sajd taħt il-valur tal-punt MSY. F’konformità mal-Artikolu 5(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament, il-Kunsill iddeċieda dwar aktar miżuri biex jiżgura ritorn rapidu tal-istokk għal-livell imsemmi.
B’mod partikolari, il-Kunsill ippermetta l-kwota msemmija li trid tiġi mistada biss mill-1 sal-31 ta’ Jannar u mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2017. Meta ma jitħalliex isir użu mill-kwota għal xahrejn matul l-istaġun riproduttiv tal-istokk tal-merluzz tal-Punent tal-Baltiku jiġi ffaċilitat l-irkuprar tal-istokk ‘l fuq u lil hinn mit-tnaqqis kwantitattiv tal-qabdiet, billi jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ minħabba inqas tfixkil għar-riproduzzjoni u bidliet favorevoli fl-istruttura tal-età tiegħu.
Bl-inkorporar tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, il-Pjan ta’ Ġestjoni Pluriennali tal-Baħar Baltiku (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139) jobbliga lill-Kunsill jiżgura li l-attivitajiet tas-sajd huma ambjentalment sostenibbli fit-tul u fl-istess ħin konsistenti mal-objettiv li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta’ impjieg (l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013). Il-prinċipju tal-proporzjonalità jeżiġi li l-projbizzjoni tas-sajd staġonali tiġi applikata biss fejn hu meħtieġ biex jinkiseb l-iskop tagħha, billi jitħares l-istokk riproduttiv.
Ix-xjenza turi li r-riproduzzjoni tal-merluzz tal-Punent tal-Baltiku sseħħ f’żoni tal-baħar aktar fond minn 20 metru filwaqt li l-bastimenti żgħar li jistadu mal-kosta li jiddependu b’mod partikolari fuq il-qabdiet tal-merluzz jistadu wkoll f’żoni b’fond ta’ inqas minn 20 metru. Analiżi mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) turi li r-restrizzjoni tas-sajd għal żoni b’fond ta’ inqas minn 20 metru, u għal bastimenti ta’ inqas minn 15-il metru tul biss, ma tagħmilx impatt sinifikanti fuq l-eżitu simulat għall-istatus tal-istokk.
Għandu jiġi nnutat wkoll li matul is-sena 2015, filwaqt li bastimenti taħt it-12 metru ġew esklużi mid-deroga għalkemm soġġetti għal kundizzjonijiet differenti, il-pressjoni fuq l-istokk tnaqqset b’mod sinifikanti u l-perjodu tal-għeluq laħaq l-għan tiegħu.
Barra minn hekk, projbizzjoni totali għas-sajd, jista’ jkollha effett mhux mixtieq fuq stokk tal-merluzz Baltiku ieħor, jiġifieri żieda fil-pressjoni tas-sajd fuq l-istokk tal-merluzz tal-Lvant.
Barra minn hekk, meta jitħalla s-sajd għal bastimenti ta’ inqas minn 15-il metru tul u f’żoni tal-baħar b’fond ta’ inqas minn 20 metru, dan se jipprovdi possibbiltà għal għadd limitat ta’ sajjieda ta’ skala żgħira biex ikomplu l-operazzjonijiet ta’ sajd tagħhom u biex jiksbu introjtu aktar stabbli milli kieku s-sajd jitwaqqaf għal kollox.
Dawn il-bastimenti jistadu wkoll għal speċijiet oħra, għalhekk jekk jitwaqqaf is-sajd tal-merluzz għal dawn il-bastimenti, fil-fatt jiġi limitat is-sajd għal speċijiet oħra billi l-merluzz normalment jinqabad bħala qabda sekondarja.
Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżit li ma jsirx sajd f’żoni b’fond ta’ aktar minn 20 metru, għandhom ikunu intitolati biex jistadu fiż-żona msemmija bastimenti biss mgħammra bis-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS). Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament 1224/2009, l-Artikolu 9(5) tal-istess Regolament ma għandux ikun applikabbli.
Barra minn hekk, fid-dawl tas-sejbiet tal-STECF, jiġifieri li l-aktar miżura ta’ rimedju importanti biex jiġi żgurat l-irkupru tal-istokk hija l-limitazzjoni tal-qabdiet sabiex jiġi żgurat il-prinċipju ta’ sfruttament responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar, huwa xieraq li tiġi limitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-istokk tal-merluzz fis-Suddiviżjonijiet 22-24 sabiex jiġi rispettat ir-Regolament (UE) 2016/1139.
2.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Il-miżura ġiet ivvalutata mill-STECF u, wara din il-valutazzjoni, li tqajjem u ġie diskuss mill-Istati Membri kkonċernati matul fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2016 kif ukoll l-Istati Membri Baltiċi f’Diċembru. Il-miżura proposta tista’ tkun effettiva fl-intier tagħha biss jekk din tidħol fis-seħħ qabel id-data li fiha l-ebda opportunità ta’ sajd mhi disponibbli, jiġifieri l-1 ta’ Frar 2017.
3.L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
L-emenda proposta tiimmira li timmodifika r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1903 kif deskritt hawn taħt.
In-nota f’qiegħ il-paġna fit-tabella rilevanti għall-merluzz fiż-żona: Is-suddiviżjonijiet 22-24 (COD/3BC+24) li jinsabu fl-anness tar-Regolament (UE) 2016/1903 se jkollhom jiġu mmodifikati biex jirriflettu l-kundizzjonijiet li bihom l-opportunità tas-sajd ma tistax tintuża.
2017/0001 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1903 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1903 jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-merluzz fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-24 (“l-istokk tal-merluzz tal-Punent tal-Baltiku”) matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Jannar u mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2017.
(2)F’Diċembru 2016, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ippubblika evalwazzjoni xjentifika dwar l-impatt tal-għeluq tas-sajd għall-istokk tal-merluzz tal-Punent tal-Baltiku matul il-perjodu mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Marzu 2017. Huwa kkonferma li l-għeluq se jkun ta’ benefiċċju għal dak l-istokk.
3.L-għeluq previst fir-Regolament (UE) 2016/1903 japplika wkoll għas-sajd tal-merluzz minn bastimenti tas-sajd ta’ inqas minn 15-il metru tul f’żoni fejn il-fond tal-ilma huwa inqas minn 20 metru. L-evalwazzjoni mill-STECF madankollu semmiet li l-limitazzjoni tas-sajd għall-merluzz fiż-żoni fejn il-fond tal-ilma huwa inqas minn 20 metru u għal bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ anqas minn 15-il metru ma taffettwax b’mod sinifikanti l-irkupru tal-istokk ikkonċernat.
(4)Barra minn hekk, jekk ma jitħallewx kompletament l-opportunitajiet tas-sajd fil-Punent tal-Baltiku, jista’ jkun hemm effett negattiv fuq l-istokkijiet ta’ merluzz fil-Baltiku, b’mod partikolari l-istokk tal-Lvant, minħabba ċaqliq possibbli tal-attivitajiet tas-sajd.
(5) B’mod addizzjonali, li jitħalla s-sajd għal bastimenti ta’ inqas minn 15-il metru u f’żoni tal-baħar b’fond ta’ inqas minn 20 metru se jipprovdi possibbiltà għal għadd limitat ta’ sajjieda biex ikomplu l-operazzjonijiet tas-sajd tagħhom u jżommu fil-mira speċijiet oħrajn barra l-merluzz.
(6)Għalhekk, huwa proporzjonat li jingħata d-dritt lill-bastimenti b’tul totali ta’ inqas minn 15-il metru li jistadu f’ilmijiet baxxi sa 20 metru fond.
(7)L-ebda opportunità ta’ sajd ma għandha iżda tkun disponibbli għall-bastimenti tat-tkarkir tal-par, irrispettivament mit-tul tagħhom, minħabba l-kapaċità għolja tas-sajd ta’ dawn il-bastimenti.
(8)Sabiex jiġi żgurat kontroll u monitoraġġ effikaċi taż-żona tas-sajd sa fond ta’ 20 m, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-bastimenti kollha kkonċernati huma mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament 1224/2009. Għalhekk, l-Artikolu 9(5) ta’ dak ir-Regolament, li jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ inqas minn 15-il metru mir-rekwiżit li jkunu mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, m’għandux japplika għas-sajd għall-istokk tal-merluzz tal-Punent tal-Baltiku.
(9)Sabiex jiġi żgurat l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-merluzz tal-Punent tal-Baltiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1139, il-flessibbiltà ta’ sena b’sena stabbilita bl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-finijiet tal-obbligu ta’ ħatt l-art ma għandhiex tapplika fir-rigward ta’ dak l-istokk.
(10)Għaldaqstant ir-Regolament (UE) 2016/1903 għandu jiġi emendat skont dan.
(11)Il-projbizzjoni tas-sajd għall-merluzz fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-24 stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/1903 se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2017. Sabiex ikun kompletament effettiv, dan ir-Regolament għandu għalhekk japplika mill-istess data u għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2016/1903, l-entrata għall-merluzz fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-24 tinbidel b’dan li ġej:
"Speċi:
|
Merluzz
|
|
Żona:
|
Suddiviżjonijiet 22-24
|
|
|
|
Gadus morhua
|
|
(COD/3BC+24)
|
|
Id-Danimarka
|
2 444
|
|
|
|
Il-Ġermanja
|
1 194
|
|
|
|
L-Estonja
|
54
|
|
|
|
Il-Finlandja
|
48
|
|
|
|
Il-Latvja
|
202
|
|
|
|
Il-Litwanja
|
131
|
|
|
|
Il-Polonja
|
654
|
|
|
|
L-Iżvezja
|
870
|
|
|
|
|
|
|
|
|
L-Unjoni
|
5 597
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TAC
|
5 597
|
(1)
|
TAC analitika
L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika
L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika
L-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika.
|
|
(1) Din il-kwota tista' tiġi mistada mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Jannar u mill-1 ta' April sal-31 ta' Diċembru 2017. Madankollu, bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ anqas minn 15-il metru (għajr bastimenti għat-tkarkir tal-par), li huma mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament 1224/2009, għandhom jitħallew jistadu din il-kwota wkoll mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Marzu 2017 f’żoni fejn il-fond tal-ilma huwa inqas minn 20 metru. L-Artikolu 9(5) tar-Regolament 1224/2009 ma għandux japplika.
|
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President