21.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/14


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-5 ta’ April 2017

li tiddikkjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

(Il-Każ M.7878 — HeidelbergCement/Schwenk/Cemex Hungary/Cemex Croatia)

(innotifikata skont id-dokument C(2017) 1650)

It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 440/09)

Fil-5 ta’ April 2017 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ għaqda skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1) , u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa, billi l-każ jista’ jkun fil-forma ta’ verżjoni proviżorja, hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, f’dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET U L-OPERAZZJONI

(1)

Fil-5 ta’ Settembru 2016 il-Kummissjoni rċeviet avviż (2) ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li permezz tagħha l-impriżi HeidelbergCement AG (“HeidelbergCement”, il-Ġermanja) u Schwenk Zement KG (“Schwenk”, il-Ġermanja) jakkwistaw, permezz tal-joint venture (JV) li huma jikkontrollaw b’mod konġunt, il-kumpanija Duna-Dráva Cement Kft. (“DDC”), il-kontroll konġunt fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet tal-intier tal-impriżi Cemex Hungária Építġanyagok Kft (“Cemex Hungary”) u Cemex Hrvatska dd (“Cemex Croatia”), it-tnejn li huma parti minn Cemex, S.A.B. de C.V (“Cemex Group”), permezz ta’ xiri ta’ ishma (“it-Tranżazzjoni”) (3).

(2)

Il-bejjiegħ, il-kumpaniji fil-mira u x-xerrejja kollha huma attivi fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ materjal tal-bini, b’mod partikolari ta’ siment, aggregati, konkrit imħallat lest u prodotti relatati oħra.

(3)

HeidelbergCement hija produttur Ġermaniż iżda twettaq l-attivitajiet kummerċjali tagħha b’mod globali f’aktar minn 40 pajjiż.

(4)

Schwenk hija soċjetà limitata tal-familja li n-negozju tagħha huwa kkonċentrat fil-Ġermanja, iżda hija għandha wkoll attivitajiet fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

(5)

DDC hija kumpanija konġunta ta’ funzjonalità sħiħa li hija proprjetà bl-istess mod u kkontrollata b’mod konġunt minn HeidelbergCement u Schwenk, li hija attiva fl-Ungerija, il-Kroazja u partijiet tal-Balkani tal-Punent (jiġifieri, il-Bosnja-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Maċedonja, il-Montenegro u l-Albanija, ilkoll flimkien imsejħa “ir-Reġjun Usa”). Barra l-Ungerija, DDC tħaddem impjant tas-siment u 11-il impjant tal-konkrit imħallat lest.

(6)

Il-grupp Cemex huwa kumpanija dinjija tal-materjali tal-bini, bil-kwartieri ġenerali fil-Messiku b’operazzjonijiet mad-dinja kollha. Cemex Hungary hija prinċipalment attiva fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-konkrit imħallat lest li jinbiegħ biss fl-Ungerija. Cemex Croatia hija attiva fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tas-siment, konkrit imħallat lest, gagazza, u aggregati. Barra mill-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, l-attivitajiet ta’ Cemex Croatia prinċipalment jiffokaw fuq il-Kroazja u r-Reġjun tal-Fruntiera iżda wkoll jibagħtu provvisti lejn l-Italja, is-Slovenja u Malta. Cemex Croatia għandha tliet impjanti tas-siment u topera erba’ terminals tal-bejgħ fil-Kroazja.

(7)

Fl-isfond tal-qafas ta’ ftehim ma’ Rohrdorfer Baustoffe Austria AG (li kienet se takkwista Cemex Austria, il-kumpanija prinċipali ta’ Cemex Hungary), HeidelbergCement u Schwenk DDC jakkwistaw, permezz tal-kumpaniji ta’ DDC, il-kumpaniji Cemex Hungary u Cemex Croatia:

(8)

Skont ftehim ta’ bejgħ u xiri ffirmat fl-11 ta’ Awwissu 2015, DDC takkwista mingħand Cemex 100 % tal-ishma f’Cemex Croatia.

(9)

B’mod parallel, DDC se takkwista 100 % tal-ishma ta’ Cemex Hungary mingħand Rohrdorfer Baustoffe Austria AG.

(10)

L-akkwiżizzjoni ta’ Cemex Croatia u Cemex Hungary mingħand DDC jinħtieġ li jitqiesu bħala konċentrazzjoni waħda fis-sens tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Ir-realtà ekonomika tal-ftehimiet hija li DDC takkwista l-kontroll ta’ Cemex Hungary u Cemex Croatia. L-akkwisti ta’ Cemex Hungary u Cemex Croatia minn DDC ġew segwiti fl-istess ħin u huma marbuta permezz ta’ qafas ta’ ftehim bejn Rohrdorfer u DDC.

(11)

It-tranżazzjoni għalhekk tinvolvi l-akkwist ta’ kontroll konġunt ta’ Cemex Hungary u Cemex Croatia mingħand HeidelbergCement u Schwenk (permezz ta’ DDC) permezz ta’ xiri ta’ ishma. It-tranżazzjoni tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

II.   PROĊEDURA

(12)

It-Tranżazzjoni kienet imħabbra fit-12 ta’ Awwissu 2015 u nnotifikata lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Settembru 2016.

(13)

Qabel in-notifika, fit-22 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni rreferiet l-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-swieq rilevanti fl-Ungerija biex jiġu eżaminati mill-Awtorità Ungeriża tal-Kompetizzjoni, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Ir-riferiment segwita sottomissjoni motivata mill-Partijiet Notifikanti fil-25 ta’ Mejju 2016, li permezz tagħha l-Partijiet talbu għar-rinviju parzjali lill-Ungerija. Ma waslet l-ebda talba minn xi Parti Notifikanti jew xi Stat Membru biex isir rifereiment għal xi parti oħra tat-Tranżazzjoni skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(14)

Wara l-investigazzjoni tal-fażi I, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-Tranżazzjoni qajmet dubji sejri dwar il-kompattibiltà tagħha mas-suq intern u fl-10 ta’ Ottubru 2016 adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. ħ

(15)

Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tal-fażi II li ssupplementat is-sejbiet tal-investigazzjoni inizjali tas-suq, il-Kummissjoni ħarġet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet fit-12 ta’ Diċembru 2016.

(16)

Fis-26 ta’ Jannar 2017, il-Partijiet Notifikanti offrew l-impenji skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, biex jitneħħa l-impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva mqajjem mit-Tranżazzjoni.

(17)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Konċentrazzjonijiet iddiskuta l-abbozz ta’ din id-Deċiżjoni fil-21 ta’ Marzu 2017 u ħareġ opinjoni favorevoli. L-Uffiċjal tas-Seduta ta l-opinjoni favorevoli tiegħu dwar il-proċedimenti fir-rapport tiegħu li ġie ppreżentat fit-30 ta’ Marzu 2017.

III.   ID-DIMENSJONI TAL-UE

(18)

Għalkemm it-Tranżazzjoni hija implimentata permezz ta’ DDC, joint venture li tiffunzjona kompletament, il-Kummissjoni kkonkludiet li minħabba l-involviment sinifikanti fl-inizjazzjoni, l-organizzazzjoni u l-finanzjament tat-Tranżazzjoni, HeidelbergCement u Schwenk huma l-parteċipanti reali wara t-Tranżazzjoni u għalhekk l-“impriżi kkonċernati” fuq in-naħa tal-akkwirent.

(19)

L-istandard legali applikat jinsab fil-paragrafu 147, tal-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat tal-Kummissjoni (4):

“146.

Fejn l-akkwist hu mwettaq minn joint venture li tiffunzjona b’mod komplet, jiġifieri joint venture li għandha riżorsi finanzjarji u oħrajn suffiċjenti biex topera attivitá kummerċjali fuq bażi li tibqa’ [11] u topera diġá f’suq, il-Kummissjoni għandha normalment tikkunsidra l-joint venture nfisha u l-kumpanija target bħala l-impriżi in kwistjoni (u mhux il-kumpaniji parent tal-joint venture).

147.

Min-naħa l-oħra, fejn il-joint venture tista’ tiġi meqjusa bħala mezz għall-akkwist mil-kumpaniji parent, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kull waħda mil-kumpaniji parent innifishom bħala impriżi in kwistjoni, x’aktarx milli l-joint venture, flimkien mal-kumpanija target. Dan hu l-każ partikolarment fejn il-joint venture hu stabbilit speċjalment għall-iskop tal-akkwist tal-kumpanija target, fejn għadha ma bdietx topera, fejn joint venture li teżisti ma għandhiex karattru ta’ funzjonament sħiħ kif imsejjaħ hawn fuq jew fejn il-joint venture hi assoċjazzjoni ta’ impriżi. L-istess japplika fejn hemm elementi li juru li l-kumpaniji parent huma fil-fatt il-protagonisti reali wara l-operazzjoni. Dawn l-elementi jistgħu jinkludu involviment sinnifikanti mill-kumpaniji parent inifishom fl-inizjazzjoni, organizzazzjoni u finanzjament tal-operazzjoni. F’dawk il-każijiet, il-kumpaniji parent huma meqjusin bħala impriżi in kwistjoni.”

(20)

Fuq il-bażi ta’ analiżi għas-sottomissjonijiet tal-Partijiet u dokumenti interni, il-Kummissjoni waslet għar-riżultanzi li ġejjin:

(21)

It-tranżazzjoni kienet mibdija minn HeidelbergCement u Schwenk, li identifikaw it-Tranżazzjoni bħala opportunità kummerċjali attraenti u ddeċidew li DDC jinħtieġ li tkun l-entità akkwirenti.

(22)

Fil-5 ta’ Mejju 2015, HeidelbergCement u Cemex bdew kuntatti ta’ livell għoli. L-għada saret diskussjoni inizjali dwar it-Tranżazzjoni bejn rappreżentanti ta’ HeidelbergCement u Cemex. Sas-6 ta’ Mejju 2015, HeidelbergCement kienet diġà ddeċidiet li tippreżenta offerta indikattiva u kienet talbet u kisbet il-qbil ta’ Schwenk biex tipproċedi. F’din id-data saret laqgħa - li għaliha attendew biss l-impjegati ta’ HeidelbergCement - u ġie deċiż li jiġi stabbilit kumitat tat-tmexxija ppresedut minn impjegat ta’ HeidelbergCement u jkun jinkludi żewġ impjegati ta’ DDC bħala membri. Il-maniġer tal-proġetti għat-Tranżazzjoni bir-responsabbiltà ġenerali għall-ippjanar u l-eżekuzzjoni tagħha kien ukoll nominat u magħżul minn fost l-impjegati ta’ HeidelbergCement. Sussegwentement, fis-7 ta’ Mejju 2015, HeidelbergCement informat lil DDC dwar id-diversi deċiżjonijiet li kienet ħadet rigward l-ippjanar tat-Tranżazzjoni.

(23)

HeidelbergCement organizzat it-Tranżazzjoni, inkluż l-iżvilupp tal-każ tan-negozju u l-istruttura tat-tranżazzjoni, fejn ħejjiet il-valwazzjoni tal-ftehim u wasslet għan-negozjati finali ma’ Cemex. Schwenk kienet infurmata regolarment dwar l-organizzazzjoni tat-Tranżazzjoni minn HeidelbergCement u qatt ma fittxet li topponi r-rwol ta’ HeidelbergCement bl-ebda mod filwaqt DDC onorat strettament id-deċiżjonijiet meħuda minn HeidelbergCement.

(24)

HeidelbergCement u Schwenk fasslu l-finanzjament u l-istruttura korporattiva relatata tat-Tranżazzjoni. HeidelbergCement iddeċiediet liema entità jinħtieġ li tieħu s-self, kemm jekk l-entità l-ġdida jinħtiġx li tiġi stabbilita għal dawn l-iskopijiet, liema kumpanija jinħtieġ li tkun l-akkwirent dirett, il-kapital ta’ liema kumpanija jinħtiġx li jiżdied u jekk HeidelbergCement permezz tal-impriża sussidjarja tagħha DDC ikollhiex bżonn tinjetta iktar fondi. Schwenk indikat ir-rieda tagħha li tagħti self unilaterali biex tevita li toħroġ garanziji lill-banek biex tassigura l-finanzjament minn DDC. Barra minn hekk, HeidelbergCement għażlet banek li jinħtieġ li jiġu kkuntattjati, ingaġġat ditti ta’ konsulenza tad-diliġenza dovuta finanzjarja u ħadet deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-livelli ta’ dejn. HeidelbergCement qablet ukoll ma’ Cemex fuq il-prezz aħħari tax-xiri.

(25)

L-involviment ta’ Schwenk fit-Tranżazzjoni ma kienx limitat għar-rwol ta’ azzjonist li jeżerċita drittijiet obbligatorji tiegħu f’joint venture. Hija qablet mat-Tranżazzjoni, talbet u rċeviet aġġornamenti dwar il-progress fuq bażi ta’ kull ġimgħa u kienet involuta fi kwistjonijiet ta’ importanza strateġika ġenerali kif ukoll fid-dettalji tal-implimentazzjoni tat-Tranżazzjoni, inkluża sħubija f’kumitat ta’ tmexxija għall-integrazzjoni tat-Tranżazzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa ġuridikament irrilevanti jekk Schwenk setgħetx kienet involuta fuq livell differenti minn HeidelbergCement fit-Tranżazzjoni billi ż-żewġ “kumpaniji prinċipali” tal-joint venture seta’ kellhom involviment sinifikanti, għalkemm differenti, f’konċentrazzjoni.

(26)

Minn dan isegwi li t-Tranżazzjoni għandha dimensjoni tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, billi l-impriżi kkonċernati, HeidelbergCement, Schwenk, Cemex Hungary u Cemex Croatia, għandhom fatturat dinji aggregat ikkombinat ta’ iktar minn EUR 5 000 miljun u HeidelbergCement u Schwenk kull waħda għandhom fatturat madwar l-Unjoni kollha ta’ iktar minn EUR 250 miljun, mingħajr ma jiksbu aktar minn żewġ terzi tal-fatturat aggregat tagħhom madwar l-Unjoni kollha fi Stat Membru wieħed.

IV.   IS-SWIEQ RILEVANTI

(27)

Il-Kummissjoni semmiet oġġezzjonijiet dwar l-effetti tat-Tranżazzjoni fir-rigward tal-provvista tas-siment griż f’żoni ta’ klijentela ċirkolari u mmodifikati ta’ 250 km madwar l-impjant ta’ Cemex Croatia fi Split. Is-swieq tal-prodotti u dawk ġeografiċi relevanti huma definiti kif ġej:

a.   Suq tal-prodotti: Siment griż

(28)

Il-Kummissjoni tqis li subsegmentazzjoni eżatta tas-suq tas-siment griż (siment fil-boroż kontra dak bil-bulk, bejn tipi u gradi differenti tas-siment) tista’ tibqa’ miftuħa billi t-Tranżazzjoni se twassal għall-impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva skont kull definizzjoni plawżibbli tas-suq tal-prodott.

(29)

Il-valutazzjoni kompetittiva, madankollu, tieħu kont ta’: (i) il-fatt li s-siment bil-bulk jirrappreżenta 70 % tal-bejgħ fil-Kroazja; (ii) il-fatt li xi fornituri huma kapaċi biss li jfornu siment fil-boroż għal raġunijiet loġistiċi; (iii) id-differenzjar tal-fornituri f’termini ta’ klassijiet ta’ siment; u (iv) ir-rilevanza partikolari tat-tip ta’ siment CEM II fil-Kroazja.

b.   Suq ġeografiku: Żoni ta’ klijentela ċirkolari u modifikati madwar l-impjanti tas-siment tal-Partijiet

(30)

Is-siment griż hu prodott tqil u ingumbranti imma għandu valur pjuttost baxx li jpoġġi limitu fuq id-distanti li matulhom jista’ jiġi trasportat b’mod ekonomiku. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet kompetittivi se jinbidlu b’mod gradwali għal konsumaturi f’lokalitajiet differenti. Il-Kummissjoni fil-passat iddefinixxiet is-swieq ġeografiċi rilevanti bħala żoni ta’ klijentela ċirkolari madwar l-impjanti tal-produzzjoni.

(31)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan il-każ id-distanza addattata għaż-żona ta’ klijentela ċirkolari madwar l-impjanti tal-Partijiet tkun ta’ raġġ ta’ 250 km f’distanza ġeodesika. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq id-dejta tal-Partijiet u fornituri oħra fir-rigward tad-distanzi tat-trasport permezz tal-ferroviji u t-toroq fil-Kroazja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rfinat aktar iż-żona ta’ klijentela ta’ 250 km madwar l-impjant ta’ Cemex fi Split biex tirrifletti d-distanzi speċifiċi tat-trasport għal klijenti individwali u l-kundizzjonijiet tan-netwerk tat-toroq attwali f’diversi partijiet taż-żoni ta’ klijentela. Skont dak l-approċċ immodifikat, iż-żona ta’ klijentela madwar l-impjanti ta’ Split hija definita bħala ż-żona milħuqa billi wieħed jivvjaġġa 359 kilometru tat-triq u tirriżulta fl-esklużi prinċipalment lis-Slavonja (fil-Grigal l-Kroazja) fejn Cemex tagħmel bejgħ limitat minħabba d-distanza li trid tiġi vvjaġġata.

(32)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li tista’ titħalla miftuħa jekk is-suq rilevanti għandu jiġi definit bħala: (i) żoni ta’ klijentela ċirkolari ta’ 250 km madwar l-impjanti tal-Partijiet; jew (ii) żoni ta’ kiljentala modifikati ta’ 250 km madwar l-impjanti tal-partijiet peress li t-Tranżazzjoni tista’ timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva taħt iż-żewġ definizzjonijiet alternattivi tas-suq. Il-Kummissjoni waslet ukoll għall-konklużjoni li l-kwistjoni ta’ jekk dawn iż-żewġ definizzjonijiet alternattivi tas-suq għandhomx jinkludu t-territorju li mhuwiex fiż-ŻEE (b’mod partikolari mal-Bosnja-Ħerzegovina) tista’ titħalla miftuħa billi, fi kwalunkwe każ, il-valutazzjoni kompetittiva tiffoka biss fuq partijiet tas-swieq rilevanti fiż-ŻEE.

V.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

(33)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-Tranżazzjoni ser timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva permezz ta’ effetti mhux koordinati, li tista’ tirriżulta b’mod partikolari fil-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti, f’żoni ta’ klijentela ċirkolari u modifikati ta’ 250 km madwar l-impjant ta’ Cemex Croatia fi Split.

(34)

Din il-konklużjoni hija bbażata fuq l-elementi li ġejjin:

a.   L-ishma flimkien tas-suq tal-Partijiet u ż-żidiet fl-ishma mis-suq fis-swieq se jkunu għolja

(35)

Il-bejgħ kombinat l-ishma mis-suq tal-Partijiet jammontaw għal [50-60] % għall-klijentela modifikata ta’ Split (Cemex: [20-30] - [40-50] %; DDC: [10-20] - [20-30] %; ITC ([parti minn HeidelbergCement)]: [0-5] %) u għal [40-50] % għaż-żona ta’ klijentela ċirkolari ta’ 250 km (Cemex: [20-30]-[30-40] %, DDC: [10-20] - [20-30] %, ITC: [0-5] %). Fil-lenti ta’ trikkib ta’ dawn is-swieq bl-impjant f’Kakanj ta’ DCC, l-ishma kkombinati mis-suq jammontaw għal [40-50] - [60-70] % (Cemex: [20-30] - [40-50] %; DDC: [10-20] - [20-30] %; ITC: [0-5] %). L-akbar kompetitur li jifdal, LafargeHolcim, kien jammonta għal [10-20] - [20-30] % filwaqt li Nexe, il-produttur domestiku li fadal, kien jammonta għal [5-10] %.

(36)

L-ishma tal-kapaċità kkombinata kienet tvarja bejn [40-50] % u [50-60] % (Cemex: [30-40] %; DDC: [5-10] - [10-20] %; ITC: [0-5] %). Fil-lenti ta’ trikkib tas-swieq bl-impjant f’Kakanj ta’ DCC, l-ishma kkombinati mis-suq ugwalment jammontaw għal [40-50] - [50-60] % (Cemex: [20-30] - [40-50] %; DDC: [10-20] - [20-30] %; ITC: [0-5] %). L-akbar kompetitur li jifdal, LafargeHolcim, kien jammonta għal [10-20] - [20-30] % filwaqt li Nexe, il-produttur domestiku li fadal, kien jammonta għal[5-10] %.

(37)

Minħabba varjazzjonijiet ġeografiċi fiż-żoni ta’ klijentela rilevanti, is-sehem mis-suq tal-entità amalgamata fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kroazja, Dalmazja huwa ogħla b’mod sinifikanti ta’ [70-80] - [80-90] %. L-akbar kompetitur li jifdal, LafargeHolcim, kien jammonta għal [10-20] - [20-30] % filwaqt li Titan, importatur mis-Serbja, ammonta għal [5-10] - [10-20] %.

b.   Il-partijiet huma kompetituri qrib xulxin

(38)

Cemex Croatia hija l-akbar fornitur fil-Kroazja filwaqt illi HeidelbergCement (permezz tal-impjanti ta’ DDC f’Kakanj/il-Bożnja u Ħerzegovina, u Beremend/l-Ungerija u permezz tal-impjant ta’ Italcementi fi Trieste (l-Italja) kienet bil-wisq l-akbar importatur lejn il-Kroazja responsabbli għal [50–60] % tal-volum globali tal-importazzjoni.

(39)

DDC hija kompetitur mill-qrib ta’ Cemex tal-Kroazja. L-impjant tagħha fil-Bożnja huwa ġeografikament l-eqreb impjant ta’ Cemex Croatia fi Split u DDC kienet qed tiġri b’mod aggressiv wara l-klijenti ta’ Cemex. Barra minn hekk, il-Partijiet huma l-eqreb kompetituri ta’ xulxin fuq in-naħa tax-xlokk ta’ Split, fejn hu attiv sa ċertu punt il-produttur domestiku LafargeHolcim b’għadd żgħir ta’ klijenti minħabba l-ispejjeż għolja tat-trasport.

(40)

DDC hija forza kompetittiva importanti fil-Kroazja minħabba l-politika tagħha li żżid il-volum tal-bejgħ u li tkompli tespandi fil-Kroazja, b’mod partikolari lejn Dalmazja. It-Tranżazzjoni tara lil DDC tittrasforma minn importatur li qed jespandi fil-Kroazja għall-akbar importatur ġdid Kroat, u l-konsumaturi ma setgħux jibbenefikaw iktar mill-pressjoni kompetittiva minn dawk l-importazzjonijiet.

(41)

It-Tranżazzjoni ġġib magħha wkoll telf ta’ restrizzjoni kompetittiva minn Italcementi - li issa hu kkontrollat minn HeidelbergCement. Italcementi hija forza kompetittiva importanti l-Kroazja tal-Punent fejn il-preżenza ta’ DDC hija aktar limitata.

c.   Il-fornituri u l-importaturi domestiċi ta’ bħalissa mhux se jirrestrinġu biżżejjed lill-Partijiet

(42)

Apparti l-Partijiet, il-fornituri prinċipali tas-siment griż fiż-żoni ta’ klijentela rilevanti huma l-fornituri domestiċi LafargeHolcim, li jopera impjant wieħed tas-siment f’Koromačno (il-punent tal-kosta tal-Kroazja), u Nexe, fornitur lokali bil-kwartieri ġenerali f’Našice (is-Slavonja), u l-importaturi bl-art li jinkludu Asamer (impjant li jinsab f’Lukavac fil-Bosnja-Ħerzegovina), Titan (impjant li jinsab f’Kosjerić, is-Serbja), W&P, (impjant f’Anhovo, is-Slovenja), u Colacem (impjanti fl-Italja u l-Albanija).

(43)

Id-distanza biex jintlaħqu l-konsumaturi kkonċernati mit-trikkib tal-Partijiet iġġib magħha kemm spejjeż ogħla tat-trasport u livell iktar baxx ta’ sigurtà tal-provvista tas-siment. Dan jitfa’ lil fornituri iktar remoti, kemm fornituri domestiċi jew importaturi, fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ dawk il-partijiet, li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom jinsabu viċin iż-żona ta’ klijentala ta’ xulxin.

(44)

Fatturi oħra, bħal ma huma aċċettazzjoni iktar baxxa tas-suq għas-siment importat minn ċerti pajjiżi produtturi, u l-abbiltà mnaqqsa sabiex wieħed jidħol f’kummerċ ta’ tpartit u biex wieħed jivvaluta l-kredibbiltà kreditizja tal-konsumatur, jaffettwaw ukoll b’mod negattiv il-parteċipanti l-ġodda potenzjali jew l-importaturi.

(45)

Fuq il-bażi ta’ analiżi dettaljata ta’ kull kompetitur (il-fornituri domestiċi u l-importaturi bl-art), meħudin individwalment u kollettivament, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-kompetituri li jifdal mhux se jirrestrinġu biżżejjed lill-entità amalgamata wara t-Tranżazzjoni. B’mod partikolari, it-terminal tas-siment LafargeHolcim fid-Dalmazja għandu kapaċità kostretta u l-kompetituri li fadal ma għandhomx inċentivi biżżejjed biex jespandu l-provvista wara t-Tranżazzjoni. Il-kompetituri li fadal bħalissa mhumiex attivi fis-swieq sa xi punt sinifikanti, inkluż fl-aktar partijiet ikkonċentrat tad-Dalmazja, u lanqas ma espandew f’reġjuni ġirien li jinsabu qrib l-impjanti tal-produzzjoni tagħhom, minkejja l-opportunità li jinkisbu marġnijiet ogħla minn dawk attwalment possibbli fis-swieq rilevanti fil-Kroazja.

(46)

L-importazzjonijiet ibbażati fuq il-baħar attwalment ma għandhomx jillimitaw lill-Partijiet u mhux se jillimitaw biżżejjed lill-entità amalgamata wara t-Tranżazzjoni minħabba l-iżvantaġġi tal-ispejjeż tat-trasport u s-sigurtà tal-provvista u billi ma kienx hemm terminals disponibbli fuq il-kosta Kroata għall-importazzjoni ta’ kwantitajiet kbar ta’ siment.

d.   Ma hemm l-ebda kompetituri potenzjali li d-dħul tagħhom fis-suq ikun probabbli, fi żmien opportun u suffiċjenti biżżejjed

(47)

Importaturi tradizzjonali potenzjali oħra, bħall-kumpaniji Torok Cimsa u Limak, mhux se jkunu jistgħu jagħmlu konsenji ta’ siment fis-suq rilevanti minħabba spejjeż għoljin tat-trasport li jirriżultaw mid-distanza twila ta’ triq bejn il-faċilitajiet tal-produzzjoni tagћhom u l-Kroazja. Barra minn hekk, għalkemm produttur tas-siment Taljan ikkunsidra l-possibbiltà li jibni impjant ta’ produzzjoni fil-Kroazja, dak il-proġett potenzjali jidher li ma tantx se jikber u jsir forza kompetittiva effettiva f’perjodu ta’ żmien qasir biżżejjed.

e.   It-theddida ta’ reazzjonijiet mingħand l-entità amalagamata se toħloq deterrent għad-dħul u l-espansjoni fis-suq rilevanti

(48)

L-inċentivi ta’ kompetituri attwali jew potenzjali li jespandu jew idaħħlu l-provvista tas-siment griż fis-suq rilevanti huma mrażżna permezz ta’ azzjonijiet possibbli fil-ġejjieni mill-entità amalgamata li jikkonċernaw (i) l-immirar ta’ gruppi speċifiċi ta’ klijenti tal-entità l-ġdida jew (ii) l-istrateġiji ta’ litigazzjoni mmirati b’mod partikolari lejn l-importaturi. L-imġiba fl-imgħoddi tissuġġerixxi li kemm is-Cemex Croatia kif ukoll DDC ta’ spiss ikkunsidraw jew irrikorrew għal reazzjonijiet biex inaffru t-theddida ta’ dħul kompetittiv billi jrenduh inqas profitabbli u jagħmluhielu aktar diffiċli.

f.   It-Tranżazzjoni x’aktarx li twassal għal żidiet kwantifikabbli fil-prezzijiet

(49)

Il-Kummissjoni sabet li dokumenti kontemporanji mħejjija mill-maniġment superjuri ta’ DDC in tempore non suspecto jindikaw li t-Tranżazzjoni se twassal għal żidiet fil-prezz tas-siment griż.

g.   Parti sostanzjali mis-suq intern

(50)

Iż-żoni ta’ klijentela ċirkolari u modifikati ta’ 250 km madwar l-impjant ta’ Cemex Croatia fi Split jikkostitwixxu parti sostanzjali mis-suq intern minħabba li huma mdaqqsa f’termini ta’ erja (aktar minn 30 000 km2) kif ukoll ta’ abitanti (aktar minn 2 miljun abitant), il-konsum annwali tagħhom tas-siment rispettivament jirrappreżenta 58-66 % tal-konsum tas-siment tal-Kroazja u huwa kkaratterizzat minn kummerċ transfruntiera.

VI.   L-IMPENJI

(51)

Fis-26 ta’ Jannar 2017, il-Partijiet Notifikanti ressqet impenji biex jindirizzaw il-problemi dwar il-kompetizzjoni identifikati fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet.

a.   Deskrizzjoni tal-impenji

(52)

L-impenji għandhom l-għan li jiffaċilitaw id-dħul fis-suq ta’ kompetitur billi jingħata aċċess għal terminal tas-siment f’Metković fid-Dalmazja.

(53)

It-terminal – li huwa faċilità għal ħażna ta’ siment tal-massa u fil-boroż b’aċċess bit-trakk, bil-biċċiet tal-baħar (potenzjalment fil-futur) aċċess bil-ferrovija - hu proprjetà tal-istat Kroat imħaddem mill-port ta’ Ploče u bħalissa hu mikri minn Cemex Croatia, iżda bħalissa jintuża biss għal bejgħ sporadiku. Il-kuntratt tal-kera preżenti għandu durata ta’ […] snin, sa tmiem l-[…] u tariffa ta’ kiri ta’ madwar EUR […]. Skont l-impenji, it-terminal se jinkera minn kompetitur (il-“kerrej il-ġdid”) li jkun jista’ jibda jbigħ is-siment permezz tat-terminal.

(54)

B’mod aktar speċifiku, il-Partijiet ħadu l-impenji li ġejjin:

(55)

L-ewwel, li jitterminaw il-kuntratt tal-kera minn Cemex Croatia u l-[…] ta’ Cemex Croatia.

(56)

It-tieni, biex isibu kerrej ġdid li għandu l-ħila u l-inċentiv li jikkompeti b’mod effettiv fuq bażi tat-tul ma’ DDC fin-Nofsinhar tal-Kroazja u jiżgura l-konklużjoni ta’ ftehim ġdid ta’ kera għal mill-inqas […] snin f’termini li huma sostanzjalment simili għat-termini tal-kirja eżistenti.

(57)

It-tielet, li jaraw li DDC tipprovdi lill-kerrej il-ġdid appoġġ f’għadd ta’ kwistjonijiet. DDC se tipprovdi lill-kerrej il-ġdid bir-rekords tal-klijenti kollha ta’ ċerti klijenti Kroati ta’ DDC. DDC se tipprovdi wkoll appoġġ loġistiku lill-kerrej il-ġdid billi jipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt tal-kumpaniji tat-trasport użati minn Cemex Croatia u, bl-għażla tal-kerrej il-ġdid, […]. Fl-aħħar, DDC se żżomm, fuq l-għażla tal-kerrej il-ġdid, faċilità ta’ riżerva ta’ siment fis-sena għall-benefiċċju tal-kerrej il-ġdid fl-impjant ta’ Split li jista’ juża l-kerrej il-ġdid (i) f’kull ħin wara li jagħti mill-anqas numru ta’ jiem ta’ avviż minn qabel u (ii) bi prezz stabbilit wara proċess speċifiku, approvat mill-Fiduċjarju.

(58)

Ir-raba’, li ma tiġix implimentata t-Tranżazzjoni qabel il-kerrej il-ġdid u l-port ikunu daħlu fi ftehim finali u vinkolanti tal-kirja l-ġdida, u sakemm il-Kummissjoni ma tkunx approvat it-termini tal-ftehim tal-kirja tal-kerrej il-ġdid.

b.   Il-valutazzjoni tal-impenji ppreżentati

(59)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-impenji ma humiex suffiċjenti sabiex jirrendu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern.

(60)

L-ewwel nett, l-impenji għandhom defiċits strutturali serji tant li l-problemi dwar il-kompetizzjoni ma jkunux eliminati kompletament, u hemm xi inċertezzi u riskji fl-implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tagħhom. L-impenji jħallu l-pożizzjoni fis-suq tal-entità amalgamata kważi l-istess, filwaqt li tikkombina l-kapaċità kompleta tal-produzzjoni tas-siment fis-suq rilevanti u dan iwassal għal żieda sinifikanti fil-kapaċità ta’ produzzjoni konġunta tagħhom. L-impenji ma jikkonċernawx l-iżvestiment ta’ negozju vijabbli iżda joffru sempliċiment opportunità ta’ negozju lill-kerrej il-ġdid biex jibda negozju ġdid tas-siment fid-Dalmazja mill-bidu. Din is-sempliċi opportunità tinvolvi livell għoli ta’ inċertezza u ma għandhiex effett ekwivalenti bħala żvestiment.

(61)

It-tieni, hemm probabbiltà baxxa li jinstab kerrej adatt.

(62)

Fl-ewwel lok, hemm inċertezza konsiderevoli li xi kerrej ġdid – inklużi l-kumpaniji Titan u Asamer li l-Partijiet ippreżentaw lill-Kummissjoni bħala l-kerrejja potenzjali bl-aħjar pożizzjoni – jkunux kapaċi li biż-żmien jiżviluppaw f’kompetitur vijabbli li jista’ jikkompeti b’mod effettiv mal-entità amalgamata fuq bażi dewwiema. Dan għaliex il-kerrejja potenzjali kollha ssuġġeriti mill-Partijiet x’aktarx ikunu ħafna inqas kompetittivi minn DDC. Barra minn hekk, Titan iddeċidiet li ma tkomplix iktar bin-negozjati tal-kuntratt tal-kiri malli jsir jaf bid-dettalji tal-proposta tan-negozju.

(63)

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi b’livell meħtieġ ta’ ċertezza li Asamer - li ffirmat ftehim ta’ kiri tat-terminal ta’ Metković mal-port ta’ Ploče fit-13 ta’ Marzu 2017 (li jiddependi, fost affarijiet oħra, fuq l-approvazzjoni tat-Tranżazzjoni mill-Kummissjoni) - tkun f’pożizzjoni li tiżviluppa n-negozju tas-siment il-griż fis-swieq rilevanti bħala forza kompetittiva vijabbli li tista’ tikkompeti b’mod effettiv mal-entità inkorporata fuq bażi dewwiema: (i) Asamer tiffaċċja żvantaġġi sinjifikanti f’termini ta’ spiża għas-suq meta mqabbla ma’ DDC, (ii) mhuwiex ċar kif Asamer fi ħsiebha tissormonta d-diffikultajiet probabbli biex terġa’ timla t-terminal bit-trakkijiet u l-ferroviji sa livell suffiċjenti, (iii) il-Kummissjoni ma tistax tinforza xi investiment fl-infrastruttura tat-terminal ta’ Metković biex tiżgura li Asamer tilħaq volumi suffiċjenti ta’ bejgħ, u (iv) fl-imgħoddi Asamer uriet nuqqas ta’ aggressività fil-kompetizzjoni mal-Partijiet.

(64)

Fit-tielet lok, ir-rimedju jidher li mhux biżżejjed fl-iskala. Il-kapaċità fit-terminal Metković x’aktarx li tkun insuffiċjenti għal xi kerrej ġdid biex jikber f’forza kompetittiva vijabbli li jista’ tikkompeti b’mod effettiv mal-entità amalgamata fuq bażi li ddum fit-tul. Dan għaliex l-istaġonalità tad-domanda fiż-żona, kif ukoll l-isfidi loġistiċi fil-forniment tas-siment fit-terminal jillimitaw il-kapaċità effettiva tiegħu. Barra minn hekk, minħabba l-viċinanza tat-terminal ta’ Metković tal-Bosnja u tal-Montenegro, huwa improbabbli li l-kapaċità tat-terminal tkun allokata esklużivament lill-Kroazja. Fl-aħħar nett, it-terminal Metković ikollu bżonn kapaċità żejda addizzjonali biex il-kerrej il-ġdid ikun jista’ jikkompeti b’mod effettiv.

(65)

Ir-raba’, hemm nuqqasijiet, fil-modalitajiet tal-implimentazzjoni tal-impenji. Ma hemm l-ebda klawżola fl-impenji li tipprovdi protezzjoni f’każ li min jikri, il-Port ta’ Ploče, ma jaqbilx mal-kerrej potenzjali l-ġdid jew il-Partijiet Notifikanti ma jsibux kerrejja potenzjali ġodda. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda klawżola li tistipula li l-Partijiet se tkun meqjusa li ma kkonformawx mal-impenji jekk l-ebda kerrej adattat ma jkun ġie approvat fi żmien l-iskadenza. Għaldaqstant, hemm ir-riskju li jkun hemm perjodu indefinit biex jinstab kerrej addattat, li potenzjalment jaffettwa b’mod negattiv in-negozju ta’ Cemex Croatia.

VII.   KONKLUŻJONI

(66)

Għal dawn ir-raġunijiet li ssemmew hawn fuq, id-deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta se timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva permezz ta’ effetti mhux koordinati, li tista’ tirriżulta b’mod partikolari fil-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti, f’żoni ta’ klijentela ċirkolari u modifikati ta’ 250 km madwar l-impjant ta’ Cemex Croatia fi Split.

(67)

Għaldaqstant, il-konċentrazzjoni kienet iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, skont l-Artikoli 2(3) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  ĠU C 337, 14.9.2016, p. 7.

(3)  Għal raġunijiet ta’ sempliċità u sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, f’dan li ġej, HeidelbergCement, Schwenk, DDC, Cemex Hungary u Cemex Croatia huma msejħa flimkien bħala “il-Partijiet”. HeidelbergCement u Schwenk jissejħu “il-Partijiet Notifikanti”.

(4)  L-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat tal-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU C 95, 16.4.2008, p. 1).