IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.7.2017
JOIN(2017) 30 final
RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Konġunt għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu ‒ rispons tal-Unjoni Ewropea
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.7.2017
JOIN(2017) 30 final
RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Konġunt għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu ‒ rispons tal-Unjoni Ewropea
1.DAĦLA
L-UE qed taffaċċja waħda mill-akbar sfidi għas-sigurtà fl-istorja tagħha. Kulma jmur it-theddid qed jieħu għamla dejjem iżjed mhux konvenzjonali, xi drabi fiżiku bħall-forom il-ġodda tat-terroriżmu, u xi drabi fuq l-internet permezz ta’ attakki ċibernetiċi kumplessi. Xi theddid jaf ikun aktar sottili u jkun maħsub biex jixħet ċertu pressjoni koerċittiva, fosthom b’kampanji informattivi qarrieqa u bil-manipulazzjoni tal-midja. Dan isir bil-ħsieb li jiddgħajfu l-valuri Ewropej ewlenin, fosthom id-dinjità tal-bniedem, il-libertà u d-demokrazija. L-attakki kkoordinati fuq l-internet li saru dan l-aħħar madwar id-dinja ħarġu fid-dieher il-vulnerabbiltajiet tas-soċjetajiet u tal-istituzzjonijiet tagħna, u hu diffiċli immens li jiġu identifikati dawk li wettquhom.
F’April 2016, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli adottaw Komunikazzjoni Konġunta kontra t-theddid ibridu 1 (Qafas Konġunt). Dan il-qafas konġunt jagħraf in-natura transfruntiera u kumplessa tat-theddid ibridu, u għalhekk jipproponi approċċ li jinvolvi l-komponenti kollha tal-gvern biex tiżdied ir-reżiljenza ġenerali tas-soċjetajiet tagħna. Il-Kunsill 2 laqa’ l-inizjattiva u l-azzjonijiet proposti, u stieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex jirrappurtaw dwar il-progress f’Lulju 2017. Filwaqt li l-UE tista’ tgħin lill-Istati Membri biex jibnu r-reżiljenza tagħhom kontra t-theddid ibridu, ir-responsabbiltà primarja tibqa’ tal-Istati Membri, sakemm il-ġlieda kontra t-theddidiet ibridi tkun relatata mas-sigurtà u d-difiża nazzjonali.
Dan il-Qafas Konġunt għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu hu parti importanti mill-approċċ ġenerali aktar integrat tal-UE għas-sigurtà u d-difiża. Dan jagħti sehmu biex noħolqu Ewropa li tipproteġi, kif saħaq il-President Juncker fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni ta’ Settembru 2016. Fl-2016, l-Unjoni Ewropea firxet ukoll is-sisien għal politika tad-difiża Ewropea aktar b’saħħitha li tindirizza l-aspettattivi taċ-ċittadini għal iżjed protezzjoni. L-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Estera u tas-Sigurtà tal-UE 3 telabora l-ħtieġa għal approċċ integrat li jgħaqqad ir-reżiljenza interna mal-azzjonijiet esterni tal-UE, u talbet biex jinħolqu sinerġiji bejn il-politika dwar id-difiża u l-politiki li għandhom x’jaqsmu mas-suq intern, l-industrija, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u is-servizzi tal-intelligence. Wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża f’Novembru 2016, il-Kummissjoni ħarġet b’inizjattivi konkreti li se jgħinu biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li twieġeb għat-theddid ibridu billi trawwem ir-reżiljenza fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża u ssaħħaħ is-suq uniku għad-difiża. B’mod partikolari, fis-7 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni nediet il-Fond tad-Difiża Ewropea b’finanzjament propost ta’ €600 miljun sal-2020 u b’€1.5 biljun kull sena wara l-2020. Il-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 4 tagħraf il-bżonn li jingħeleb it-theddid ibridu u l-importanza li tkun żgurata aktar koerenza bejn l-azzjonijiet interni u l-azzjonijiet esterni fil-qasam tas-sigurtà.
Waqt id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, il-mexxejja tal-UE taw importanza kbira lis-sigurtà u d-difiża 5 . Dan irrikonoxxietu d-Dikjarazzjoni ta’ Ruma fil-25 ta’ Marzu 2017 li ħarġet b’viżjoni għal Unjoni mingħajr perikli u sigura, impenjata li ssaħħaħ is-sigurtà u d-difiża komuni tagħha. Il-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u n-NATO f’Varsavja fit-8 ta’ Lulju 2016 bil-għan li jagħtu spinta ġdida u sustanza ġdida lis-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO. Id-Dikjarazzjoni Konġunta tispjega seba’ oqsma konkreti, fosthom il-ġlieda kontra t-theddid ibridu, fejn għandha tiżdied il-koperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet. Wara dakinhar, il-Kunsilli tal-UE u tan-NATO approvaw sett komuni ta’ 42 proposta għall-implimentazzjoni u f’Ġunju 2017 ġie ppubbikat l-ewwel rapport li juri progress sostanzjali 6 .
Id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tad-Difiża Ewropea 7 li ġie ppreżentat f’Ġunju 2017 jagħti ħarsa ġenerali lejn diversi xenarji dwar kif għandu jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà u għad-difiża li qed taffaċċja l-Ewropa u li kull ma jmur qed jiżdied, u kif għandhom jissaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa sal-2025. Kull wieħed mit-tliet xenarji jqis is-sigurtà u d-difiża bħala elementi integrali tal-proġett Ewropew, bil-għan li jħares u jippromwovi l-interessi tagħna fi ħdanna u lil hinn. L-Ewropa trid issir fornitur tas-sigurtà u ftit ftit maż-żmien tiżgura s-sigurtà tagħha stess. L-ebda Stat Membru ma jista’ jegħleb l-isfidi li ġejjin waħdu, l-aktar fejn tidħol il-ġlieda kontra t-theddid ibridu. Għaldaqstant, fejn jidħlu d-difiża u s-sigurtà bilfors trid issir koperazzjoni; din hemm bżonnha biex noħolqu Ewropa li tipproteġi.
Dan ir-Rapport għandu l-għan li jagħti rendikont tal-progress li sar u l-passi li jmiss biex jitwettqu l-azzjonijiet fl-erba’ oqsma li jipproponi l-Qafas Konġunt: it-titjib fl-għarfien tas-sitwazzjoni; it-tiswir tar-reżiljenza; it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Membri u tal-Unjoni biex jevitaw il-kriżijiet u jirreaġixxu għalihom, u biex iqumu fuq saqajhom b’mod ikkoordinat; u ż-żieda fil-koperazzjoni man-NATO biex tkun żgurata l-kumplimentarjetà tal-miżuri. Dan għandu jinqara flimkien mar-rapporti ta’ progress ta’ kull xahar għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina.
2.NAGĦRFU N-NATURA IBRIDA TAT-THEDDID
L-attivitajiet ibridi qed isiru frekwenti fl-ambjent tas-sigurtà Ewropew. Kulma jmur qed tiżdied l-intensità ta’ dawn l-attivitajiet u daqstant ieħor qed jiżdied it-tħassib li jsir tbagħbis fl-elezzjonijiet, li jitwettqu kampanji informattivi qarrieqa u attivitajiet malizzjużi fuq l-internet, u li l-awturi tal-atti ibridi jippruvaw jirradikalizzaw lil persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna biex jaġixxu f’isimhom. Il-vulnerabbiltajiet għat-theddid ibridu ma jiqfux mal-fruntieri tal-pajjiżi. It-theddid ibridu jeħtieġ reazzjoni kkoordinata wkoll fil-livelli tal-UE u tan-NATO. Minn April 2016, l-iżviluppi juru li għalkemm it-theddid ħafna drabi għadu biex jiġi analizzat b’mod separat mill-bqija, kulma jmur l-Unjoni qed tagħraf u tifhem iżjed in-natura ibrida ta’ wħud mill-attivitajiet osservati u l-ħtieġa għal azzjoni kkoordinata. L-UE se tissokta bl-isforzi tagħha biex ittejjeb l-għarfien sitwazzjonali u l-koperazzjoni.
L-Azzjoni 1: L-Istati Membri, bl-appoġġ xieraq tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli, qed jintalbu jniedu stħarriġ dwar ir-riskju ibridu biex jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet ewlenin, inkluż indikaturi speċifiċi relatati ma’ aspetti ibridi, li jaf jolqtu l-istrutturi u n-netwerks nazzjonali u pan-Ewropej.
Il-Kunsill waqqaf grupp ta’ “Ħbieb tal-Presidenza” li jiġbor flimkien esperti mill-Istati Membri biex joħolqu stħarriġ ġeneriku li jippermettilhom jagħrfu indikaturi ewlenin tat-theddid ibridu, jinkorporawhom fi twissijiet bikrin u fil-mekkaniżmi eżistenti tal-valutazzjoni tar-riskju u jxerrduhom kif xieraq. It-Termini ta’ Referenza ġew maqbula u x-xogħol beda diġà. L-istħarriġ ġeneriku għandu jitlesta sal-aħħar tal-2017 u wara jinbdew l-istħarriġiet proprja. Il-protezzjoni kontra t-theddid ibridu ssaħħaħ lil kull parti involuta b’mod reċiproku. L-Istati Membri qed jintalbu jimlew dawn l-istħarriġiet mingħajr dewmien għax jagħtu informazzjoni prezzjuża dwar l-iskala tal-vulnerabbiltà u tal-prontezza madwar l-Ewropa.
a.INTEJBU L-GĦARFIEN
Għodda ewlenija biex tonqos l-inċertezza u jitjieb l-għarfien tas-sitwazzjoni hi l-qsim tal-analiżi tal-intelligence u l-ħidma tal-valutazzjoni. Matul l-aħħar sena sar progress ġmielu. Twaqqfet iċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu u issa qed taħdem bis-sħiħ, inħolqot it-Task Force East Stratcom, u l-Finlandja fetħet iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu. Ħafna xogħol kien iffukat fuq l-analiżi tal-għodod u tal-istimoli tal-propaganda jew tal-informazzjoni qarrieqa, bil-koperazzjoni siewja li hemm bejn it-Task Force East Stratcom tal-UE, iċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu u n-NATO. Dan jifrex bażi tajba biex tibqa’ tinħoloq kultura b’għeruq aktar fil-fond li tgħarbel u tivvaluta t-theddid kontra s-sigurtà interna u esterna minn perspettiva ibrida.
Iċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu
L-Azzjoni 2: Fl-istruttura taċ-Ċentru ta’ Analiżi tal-Intelligence tal-Unjoni Ewropea titwaqqaf Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu li tkun kapaċi tirċievi u tanalizza informazzjoni klassifikata u informazzjoni minn sorsi miftuħa dwar it-theddid ibridu. L-Istati Membri qed jintalbu joħolqu Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali b’rabta mat-theddid ibridu biex jiżguraw koperazzjoni u komunikazzjoni sigura maċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu.
Iċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu twaqqfet fi ħdan iċ-Ċentru ta’ Analiżi tal-Intelligence tal-Unjoni Ewropea biex tirċievi u tanalizza informazzjoni klassifikata u informazzjoni miftuħa mingħand il-partijiet konċernati dwar it-theddid ibridu. L-analiżi tixtered fl-UE u fost l-Istati Membri u min-naħa tagħha sservi bħala sors ta’ informazzjoni għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, inkluż bħala kontribut għall-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà li jsiru fil-livell tal-UE. Id-Direttorat tal-Intelligence tal-Istat Maġġur tal-UE jikkontribwixxi għall-ħidma taċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu permezz tal-analiżi militari. Sal-lum saru aktar minn 50 valutazzjoni u laqgħa ta’ informazzjoni dwar aspetti ibridi. Minn Jannar 2017, minn żmien għal żmien iċ-Ċellula ħarġet “Bulettin Ibridu” li janalizza t-theddid attwali u kwistjonijiet ibridi. Dan tqassam direttament fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u fil-punti ta’ kuntatt nazzjonali 8 . Bħalma kien ippjanat, f’Mejju 2017, iċ-Ċellula kisbet Kapaċità Operazzjonali Sħiħa. Fl-aħħar nett qed issir koperazzjoni bejn il-persunal mal-Fergħa l-ġdida tan-NATO għall-Analiżi tat-Theddid Ibridu, kemm biex jaqsmu bejniethom it-tagħlimiet miksuba waqt it-twaqqif taċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu u biex jaqsmu l-informazzjoni (filwaqt li jirrispettaw għalkollox ir-regoli tal-UE dwar l-iskambju tal-informazzjoni klassifikata). Bħalissa ċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu qed tgħarrex għal aktar inizjattivi li jsaħħu l-koperazzjoni fil-ġejjieni u se taqdi rwol ewlieni fl-eżerċizzji paralleli bejn l-UE u n-NATO ippjanati għall-ħarifa tal-2017 li se jittestjaw ir-rispons taċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu u jiġbru t-tagħlimiet miksuba.
Komunikazzjoni strateġika
L-Azzjoni 3: Ir-Rappreżentant Għoli se taħdem mal-Istati Membri biex issib modi kif taġġorna u tikkoordina l-kapaċitajiet ħalli toħloq komunikazzjonijiet strateġiċi proattivi u tottimizza l-użu tal-monitoraġġ tal-midja u tal-ispeċjalisti fil-lingwi.
F’dawn l-aħħar xhur, fil-midja soċjali żdiedu l-kampanji informattivi qarrieqa u t-tixrid sistematiku ta’ aħbarijiet foloz, u din hija waħda mill-bosta miżuri li qed jintużaw biex jiddgħajfu l-avversarji. Meta l-midja soċjali tkun meqjusa l-aħjar pjattaforma, l-informazzjoni li tkun tidher affidabbli u leġittima tista’ tibdel l-opinjoni pubblika għall-gwadann ta’ xi individwi, organizzazzjonijiet jew gvernijiet. Dawn it-tattiċi ibridi għandhom mira usa’ li joħolqu konfużjoni fis-soċjetajiet tagħna u jiskreditaw lill-gvernijiet demokratiċi u l-istrutturi tagħna, l-istituzzjonijiet u l-elezzjonijiet. Ħafna drabi, l-aħbarijiet foloz jinfirxu fuq pjattaformi tal-internet (ara wkoll l-Azzjoni 17). Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jilqgħu l-passi li ttieħdu dan l-aħħar minn xi pjattaformi u portali tal-aħbarijiet fuq l-internet biex jindirizzaw l-informazzjoni qarrieqa. Il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ aktar miżuri volontarji bħal dawn.
Ir-Rappreżentant Għoli waqqfet it-Task Force East Stratcom li tbassar u tirreaġixxi għal każijiet ta’ informazzjoni qarrieqa u għal kampanji informattivi qarrieqa. Din qed ittejjeb ferm il-komunikazzjoni dwar il-politiki tal-Unjoni fil-Viċinat tal-Lvant filwaqt li qed issaħħaħ l-ambjent tal-midja f’dawn il-pajjiżi. Matul l-aħħar sentejn, it-Task Force kixfet aktar minn 3,000 każ uniku ta’ informazzjoni qarrieqa bi 18-il lingwa. It-tnedija imminenti tal-website il-ġdida: “#EUvsdisinformation” b’faċilità ta’ tfittxija online se ttejjeb l-aċċess tal-utenti b’mod sinifikanti. Iżda r-riċerka u x-xogħol analitiku juru li l-għadd ta’ kanali u messaġġi b’informazzjoni qarrieqa li jixterdu kuljum hu ħafna iżjed. Il-proġett EU-STRAT b’fondi mill-programm Orizzont 2020 janalizza l-politiki u l-midja fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant.
Ir-Rappreżentant Għoli tistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-ħidma tat-Task Force StratCom ħalli din titħabat kontra ż-żieda fit-theddid ibridu b’mod aktar effettiv. Dan se jgħin lit-Task Force South biex ittejjeb il-komunikazzjoni u l-kuntatt mad-Dinja Għarbija inkluż bl-Għarbi, biex ixxejjen il-miti u tistabbilixxi l-fatti dwar l-Unjoni Ewropea u l-politiki tagħha. L-interazzjoni mal-ġurnalisti lokali se tgħin biex il-materjal tal-aħbarijiet ikun sensittiv kulturalment. Iż-żewġ Task Forces, bl-appoġġ taċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu, għandhom l-għan li jappoġġaw u jikkumplimentaw l-isforzi relatati tal-Istati Membri. Minbarra dan, il-Kummissjoni Ewropea tikkofinanzja n-Netwerk Ewropew tal-Komunikazzjoni Strateġika, netwerk kollaborattiv ta’ 26 Stat Membru li jaqsmu bejniethom l-analiżi, il-prattika tajba u l-ideat dwar l-użu tal-komunikazzjonijiet strateġiċi fil-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti, fosthom dwar l-informazzjoni qarrieqa.
Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu
L-Azzjoni 4: L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu.
Biex twieġeb is-sejħa għat-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Eċċellenza, f’April 2017 il-Finlandja fetħet iċ-Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu. Il-membri fundaturi huma għaxar Stati Membri tal-UE 9 , in-Norveġja u l-Istati Uniti tal-Amerka, filwaqt li l-Unjoni Ewropea u n-NATO ġew mistiedna jappoġġaw lill-bord tat-tmexxija 10 . Iċ-Ċentru għandu l-missjoni li jħeġġeġ id-djalogu strateġiku, jagħmel riċerka u analiżi, u jaħdem mal-komunitajiet ta’ interess biex itejbu r-reżiljenza u l-kapaċità li jirreaġixxu ħalli jkunu ta’ għajnuna fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu. Iċ-Ċentru mistenni jkun ukoll post għal eżerċizzji ibridi fil-ġejjieni. Iċ-Ċentru diġà stabbilixxa kuntatt mill-qrib maċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu, u l-ħidmiet ta’ dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom jikkumplimentaw lil xulxin. Bħalissa l-UE qed tivvaluta modi kif tista’ tagħti appoġġ konkret liċ-Ċentru.
b.INSAWRU R-REŻILJENZA
Il-Qafas Konġunt xeħet ir-reżiljenza (eż. tal-infrastrutturi tat-trasport, tal-komunikazzjoni, tal-enerġija, tal-finanzi, jew tas-sigurtà reġjonali) fil-qalba tal-azzjoni tal-UE biex jirreżisti l-propaganda u l-kampanji informattivi, jilqa’ għat-tentattivi li jdgħajfu lin-negozju, lis-soċjetajiet u l-flussi ekonomiċi, u biex ikun jiflaħ għall-attakki fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u fuq l-infrastruttura relatata maċ-ċibernetika. Dan il-Qafas iqis t-tisħiħ tar-reżiljenza bħala azzjoni preventiva u ta’ deterrent li ssaħħaħ is-soċjetajiet tagħna u tevita li tiggrava l-kriżijiet fl-UE u ’l barra minnha. Il-valur miżjud tal-UE jinkiseb billi l-Istati Membri u s-sħab jingħataw l-għajnuna ħalli jibnu r-reżiljenza tagħhom, permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti u programmi eżistenti. Fl-azzjonijiet biex tinbena r-reżiljenza sar bosta progress, b’mod partikolari f’oqmsa bħaċ-ċibersigurtà, l-infrastruttura kritika u fil-protezzjoni tas-sistema finanzjarja mill-użu illeċitu, kif ukoll fl-isforzi tal-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni.
Inħarsu l-infrastruttura kritika
L-Azzjoni 5: Il-Kummissjoni, id f’id mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, se tidentifika għodod komuni, inkluż indikaturi, ħalli ttejjeb il-protezzjoni u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika kontra t-theddid ibridu fis-setturi rilevanti.
Fil-kuntest tal-Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika (l-EPCIP), il-Kummissjoni mxiet ’il quddiem fil-ħidma biex tidentifika għodod komuni, fosthom indikaturi tal-vulnerabbiltà, li jtejbu r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika kontra t-theddid ibridu fis-setturi rilevanti. F’Mejju 2017, il-Kummissjoni organizzat sessjoni ta’ ħidma dwar it-theddid ibridu għall-infrastruttura kritika li fiha pparteċipaw kważi kull Stat Membru, l-operaturi tal-infrastruttura kritika, iċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu u n-NATO bħala osservatur. Sar ftehim fuq pjan direzzjonali u azzjonijiet komuni għall-ħidma fil-ġejjieni, imsejsin fuq kwestjonarju li kien intbagħat lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri. Matul il-ħarifa, il-Kummissjoni se tibqa’ tikkonsulta lill-partijiet konċernati ħalli sa tmiem l-2017 tilħaq ftehim fuq l-indikaturi.
L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (l-EDA) qed taħdem biex tidentifika nuqqasijiet komuni fil-kapaċitajiet u fir-riċerka li hemm fir-rabta bejn l-infrastrutturi tal-enerġija u l-kapaċitajiet tad-difiża. Fil-ħarifa tal-2017, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża se toħloq dokument kunċettwali u azzjonijiet pilota għal metodoloġiji ħolistiċi.
Aktar sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE
L-Azzjoni 6: Il-Kummissjoni, id f’id mal-Istati Membri, se tappoġġa l-isforzi favur id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u tippromwovi l-istandards tas-sikurezza u tas-sigurtà ħalli żżid ir-reżiljenza tal-infrastrutturi nukleari.
F’Diċembru 2016, il-Kummissjoni għamlet proposti konkreti għall-pakkett tas-sigurtà tal-provvista u f’April 2017, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu fuq ir-Regolament il-ġdid dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass bil-għan li jipprevjenu l-kriżijiet fil-provvista tal-gass. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li fost l-Istati Membri, il-miżuri tas-sigurtà tal-provvista jħaddmu approċċ komuni u kkoordinat fil-livell reġjonali. B’hekk jekk tinqala’ xi kriżi jew isir xi attakk ibridu, l-UE tkun f’pożizzjoni aħjar biex tħejji ruħha għall-iskarsezzi tal-gass u biex timmaniġġja dawn l-iskarsezzi. Għall-ewwel darba se japplika l-prinċipju tas-solidarjetà: l-Istati Membri se jkunu jistgħu jgħinu lill-pajjiżi ġirien jekk tinqala’ xi kriżi serja jew jekk isir xi attakk terroristiku, ħalli l-familji u n-negozji Ewropej ma jġarrbux qtugħ tal-elettriku.
L-UE għamlet ukoll progress fl-iżvilupp ta’ proġetti ewlenin biex tiddiversifika r-rotot u s-sorsi tagħha tal-provvista tal-enerġija b’mod li jirrispetta l-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija u l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija. Ngħidu aħna, fil-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar għaddejja ħidma tal-kostruzzjoni fuq il-proġetti ewlenin kollha tal-pipelines: it-twessigħ tan-netwerk tal-pipeline tal-Kawkasu t’Isfel, tal-pipeline Trans-Anatoljan u tal-pipeline Trans-Adrijatiku, l-upstream Shah Deniz II, u t-twessigħ tan-netwerk tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar lejn l-Asja Ċentrali, b’mod partikolari t-Turkmenistan. L-importazzjonijiet tal-gass naturali likwifikat (l-LNG) fl-Ewropa qed jiżdiedu u qed jiġu minn sorsi ġodda, fosthom l-Istati Uniti tal-Amerka. L-eżempju tat-terminal fil-Litwanja juri kif il-proġetti tad-diversifikazzjoni jistgħu jnaqqsu d-dipendenza fuq fornitur wieħed. Jekk jissaħħu l-isforzi tal-enerġija u jintużaw aħjar is-sorsi indiġeni tal-enerġija, l-aktar dawk rinnovabbli, dan iservi ta’ kontribut ukoll għad-diversifikazzjoni tar-rotot u tas-sorsi tal-enerġija.
Fil-qasam tas-sikurezza nukleari, il-Kummissjoni qed tappoġġa b’mod attiv l-implimentazzjoni konsistenti u effettiva taż-żewġ Direttivi dwar is-sikurezza nukleari u l-istandards bażiċi tas-sikurezza, l-aktar b’sessjonijiet ta’ ħidma mal-awtoritajiet nazzjonali u mar-regolaturi, li l-Istati Membri jeħtieġ jittrasponu sa tmiem l-2017 u l-2018 rispettivament. Minbarra dan, il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom jgħin biex tiżdied is-sikurezza nukleari.
It-trasport u s-sigurtà tal-katina tal-provvista
L-Azzjoni 7: Il-Kummissjoni se ssegwi t-theddid li qed ifeġġ fis-settur tat-trasport u se taġġorna l-leġiżlazzjoni kif xieraq. Waqt l-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE u tal-Istrateġija u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Ġestjoni tar-Riskju Doganali tal-UE, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom u b’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se jeżaminaw kif għandhom jirreaġixxu għat-theddid ibridu, l-aktar għal dak relatat mal-infrastruttura kritika tat-trasport.
Skont il-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, il-Kummissjoni qed tiffaċilita l-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà fil-livell tal-UE mal-Istati Membri, iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE u l-Aġenziji rilevanti biex jingħarfu t-theddidiet għas-sigurtà tat-trasport u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ miżuri effettivi u proporzjonati tal-mitigazzjoni. It-tiġrif tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines fil-Lvant tal-Ukraina fl-2014 enfasizza r-riskju għat-titjiriet li jgħaddu minn fuq iż-żoni ta’ kunflitt. Bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force Ewropea ta’ Livell Għoli dwar iż-Żoni tal-Kunflitt 11 , il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija “għal valutazzjoni tar-riskju komuni tal-UE” bl-għajnuna ta’ esperti nazzjonali fis-sigurtà u fl-avjazzjoni u bl-għajnuna tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ħalli jkun jista’ jsir l-iskambju tal-informazzjoni klassifikata u titfassal stampa komuni tar-riskju. F’Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-EASA) ħarġet l-ewwel “Bullettin ta’ Tagħrif dwar iż-Żoni ta’ Kunflitt” 12 skont ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni tar-riskju komuni tal-UE. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li twessa’ l-attivitajiet tal-valutazzjoni tar-riskju li jsiru fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni biex tinkludi wkoll modi oħra tat-trasport (bħat-trasport bil-ferrovija u bil-baħar) u fl-2018 se jsiru l-proposti. F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u l-Istati Membri bdew eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju dwar is-sigurtà ferrovjarja biex jidentifikaw id-diskrepanza u miżuri possibbli li jnaqqsu r-riskji.
Anki fis-Seba’ Programm Qafas u fil-proġetti tar-riċerka ta’ Orizzont 2020 dwar is-sigurtà saru bosta sforzi konsiderevoli b’rabta mas-sigurtà tal-avjazzjoni u l-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (l-ATM). Fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, il-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-partijiet konċernati qed iħejju żewġ inizjattivi ġodda biex issaħħu s-sigurtà fuq l-internet u fl-istess waqt jindirizzaw ukoll it-theddid ibridu: it-twaqqif tal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Avjazzjoni u t-twaqqif ta’ Task Force għaċ-Ċibersigurtà fir-Riċerka dwar l-Impriża Konġunta għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (is-SESAR), responsabbli milll-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru fl-Ajru Uniku Ewropew. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tagħti kontribut militari fil-qasam taċ-ċibernetika tal-avjazzjoni lill-Impriża Konġunta SESAR, u anki lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni permezz tal-Pjattaforma Ewropea għall-Koordinazzjoni Strateġika dwar iċ-Ċibersigurtà li, meta tintalab mill-Istati Membri u mill-industrija, se tgħin fil-koordinazzjoni fil-livell tal-UE b’rabta mal-attivitajiet kollha tal-avjazzjoni. Bi qbil mal-Pjan Direzzjonali dwar iċ-Ċibersigurtà fl-Avjazzjoni, fl-2016, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni analizzat in-nuqqasijiet fir-regoli eżistenti u b’mod partikolari ddefiniet u waqqfet iċ-Ċentru Ewropew għaċ-Ċibersigurtà fl-Avjazzjoni; dan tal-aħħar issa qed jaħdem u jikkopera mal-Iskwadra tal-UE ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters (is-CERT-UE), (il-Memorandum ta’ Ftehim ġie ffirmat fi Frar 2017) biex joħroġ b’analiżijiet dwar it-theddid fl-avjazzjoni u mal-EUROCONTROL (ġie adottat pjan direzzjonali għal koperazzjoni), filwaqt li nfetaħ ukoll sit web li jxerred analiżijiet ta’ sorsi miftuħa. Sal-ħarifa tal-2017 se jiġu adottati programm ta’ standardizzazzjoni u sistema għal skambju sigur tal-informazzjoni.
Il-ġestjoni tar-riskju doganali
Fejn tidħol id-dwana, il-Kummissjoni qed tiffoka fuq kif tista’ ttejjeb ferm is-sistema tal-informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija u tal-ġestjoni tar-riskju doganali. Din tkopri l-firxa kollha tar-riskji doganali, fosthom dawn b’rabta mat-theddid għas-sigurtà u l-integrità tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali u għall-infrastrutturi kritiċi rilevanti (eż. it-theddid dirett għall-faċilitajiet tal-portijiet tal-baħar, għall-ajruporti u għall-fruntieri tal-art li jġibu magħhom l-importazzjonijet). L-aġġornament għandu l-għan li jiżgura li l-awtoritajiet tad-dwana fl-UE jkollhom kull informazzjoni meħtieġa mingħand in-negozjanti dwar il-moviment tal-merkanzija; ikunu jistgħu jaqsmu din l-informazzjoni b’mod aktar effettiv bejn l-Istati Membri; japplikaw regoli komuni dwar ir-riskju u regoli dwar ir-riskju li jkunu speċifiċi għal Stati Membri individwali; u jkunu kapaċi jimmiraw għal kunsinni riskjużi b’mod aktar effettiv billi jikkoperaw iżjed ma’ awtoritajiet oħrajn, b’mod partikolari ma’ aġenziji oħrajn tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà. L-iżvilupp fl-IT meħtieġ biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq dan it-titjib bħalissa għadu f’fażi bikrija u għalhekk fix-xhur li ġejjin se jibdew isiru investimenti rilevanti fil-livell ċentrali.
L-ispazju
L-Azzjoni 8: Fil-kuntest tal-Istrateġija Spazjali u tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, il-Kummissjoni se tipproponi li tiżdied ir-reżiljenza tal-infrastruttura spazjali kontra t-theddid ibridu, l-aktar b’estensjoni possibbli fl-ambitu tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju ħalli tqis ukoll it-theddid ibridu, it-tħejjija għall-ġenerazzjoni li jmiss tal-GovSatCom fil-livell Ewropew u l-introduzzjoni ta’ Galileo f’infrastrutturi kritiċi li jiddependu fuq is-sinkronizzazzjoni mal-ħin.
Meta fl-2018 tiġi biex tħejji l-qafas regolatorju dwar il-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (il-GovSatCom) u s-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju, il-Kummissjoni se tintegra l-aspetti tar-reżiljenza kontra t-theddid ibridu fil-valutazzjoni tagħha. Bi qbil mal-Istrateġija Spazjali, meta tiġi biex tħejji l-evoluzzjoni ta’ Galileo u Copernicus, il-Kummissjoni se tivvaluta l-potenzjal ta’ dawn is-servizzi biex tgħin ħalli ttaffi l-vulnerabbiltà tal-infrastrutturi kritiċi. Ir-Rapport ta’ Evalwazzjoni għandu jkun lest fil-ħarifa tal-2017, filwaqt li l-proposta dwar il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Copernicus u Galileo għandha tkun lesta fl-2018. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża qed taħdem fuq proġetti kollaborattivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet fl-oqsma tal-komunikazzjoni bbażata fl-ispazju, il-pożizzjonament militari, in-navigazzjoni u l-ħin, u l-osservazzjoni tad-dinja. Kull proġett se jiffoka fuq ir-rekwiżiti tar-reżiljenza b’rabta mat-theddid ibridu attwali u emerġenti.
Il-kapaċitajiet tad-difiża
L-Azzjoni 9: Ir-Rappreżentant Għoli, bl-appoġġ xieraq tal-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, se tipproponi proġetti dwar kif jistgħu jiġu adattati l-kapaċitajiet u l-iżvilupp tad-difiża b’rilevanza għall-UE, b’mod speċifiku biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu kontra xi Stat Membru jew bosta Stati Membri.
Fl-2016 u l-2017, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża flimkien mal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-esperti tal-Istati Membri għamlu tliet Eżerċizzji ta’ Simulazzjoni dwar xenarji ta’ theddid ibridu. Is-sejbiet tagħhom se jikkontribwixxu għar-reviżjoni tal-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet ħalli l-iżviluppi fil-kapaċitajiet ewlenin meħtieġa għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu jiddaħħlu fil-prijoritajiet tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE. Il-ħidma fuq ir-reviżjoni tal-Katalogu tal-Ħtiġijiet tal-2005 se tqis id-dimensjoni tat-theddid ibridu. F’April 2017, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża temmet rapport ta’ analiżi dwar l-implikazzjonijiet militari li jġibu magħhom l-attakki ibridi kontra l-infrastruttura kritika tal-portijiet, u dan se jiġi diskuss f’Ottubru 2017 waqt sessjoni ta’ ħidma ma’ esperti mill-qasam marittimu. Fl-2018 hemm skedata analiżi speċifika oħra dwar ir-rwol militari fil-kuntest tal-kontroll tal-minidroni. Barra minn hekk, anki l-prijoritajiet tal-kapaċitajiet li jsaħħu r-reżiljenza kontra t-theddid ibridu li identifikaw l-Istati Membri jaf ikunu eliġibbli għall-appoġġ tal-Fond Ewropew għad-Difiża mill-2019. Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jiżguraw adozzjoni mingħajr dewmien u lill-Istati Membri biex iressqu proposti għal proġetti tal-kapaċità ħalli tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE kontra t-theddid ibridu.
L-Azzjoni 10: Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni mal-Istati Membri, se ttejjeb l-għarfien dwar it-theddid ibridu u r-reżiljenza għalih permezz tal-mekkaniżmi eżistenti tal-prontezza u l-koordinazzjoni, l-aktar permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa.
Biex issaħħaħ il-prontezza u r-reżiljenza għat-theddid ibridu, inkluż it-tiswir tal-kapaċità fis-sistemi tas-saħħa u tal-ikel, il-Kummissjoni twieżen lill-Istati Membri permezz ta’ taħriġ u eżerċizzji ta’ simulazzjoni, u billi tiffaċilita l-iskambju ta’ linji gwida ta’ esperjenza u tiffinanzja Azzjonijiet Konġunti. Dan iseħħ l-aktar fil-qafas tas-sigurtà tas-saħħa tal-UE b’rabta mat-theddid serju għas-saħħa bejn il-fruntieri, u fil-Programm tas-Saħħa Pubblika biex jitwettqu r-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa, pilastru leġiżlattiv li jorbot lil 196 pajjiż, fosthom lill-Istati Membri, bil-għan li jipprevjeni u li jirreaġixxi għar-riskji serji tas-saħħa pubblika bejn il-fruntieri madwar id-dinja. Fil-ħarifa tal-2017, is-servizzi tal-Kummissjoni se jittestjaw il-prontezza u r-rispons transettorjali fis-settur tas-saħħa billi jwettqu eżerċizzju dwar theddid ibridu kumpless u multidimensjonali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed iħejju Azzjoni Konġunta dwar it-tilqim, inkluż dwar it-tbassir tad-domanda u tal-provvista tat-tilqimiet u dwar ir-riċerka fuq proċessi innovattivi tal-manifattura tat-tilqim ħalli jsaħħu l-provvista tat-tilqim u jtejbu s-sigurtà tas-saħħa fil-livell tal-UE (2018-2020). Il-Kummissjoni tikkollabora wkoll mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard biex tadatta għal tekniki avvanzati tal-investigazzjoni xjentifika ħalli tidentifika t-theddid għas-saħħa b’mod aktar preċiż, u mnejn ġejjin, u toħloq ġestjoni rapida f’każ ta’ tifqigħa li tolqot is-sikurezza fl-ikel. Il-Kummissjoni firxet netwerk ta’ finanzjaturi tar-riċerka – il-Kollaborazzjoni tar-Riċerka Globali għat-Tħejjija għall-Mard Infettiv – biex ikun hemm rispons ikkoordinat tar-riċerka fi żmien 48 siegħa minn meta sseħħ xi tifqigħa sinifikanti.
L-Azzjoni 11: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex bħala kwistjoni ta’ prijorità joħolqu u jużaw bis-sħiħ netwerk bejn it-28 CSIRT (Skwadra ta’ Rispons f’Emerġenza għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters) u s-CERT-UE (l-Iskwadra tal-UE ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters) kif ukoll qafas għal koperazzjoni strateġika. Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura li l-inizjattivi settorjali dwar it-theddidiet fuq l-internet (fosthom tal-avjazzjoni, tal-enerġija, tal-qasam marittimu) ikunu konsistenti mal-kapaċitajiet transettorjali li tkopri d-Direttiva NIS (dwar is-Servizzi tal-Informazzjoni tan-Netwerk) biex jinġabru l-informazzjoni, il-kompetenzi u r-rispons rapidu.
L-attakki globali li ġraw dan l-aħħar fuq l-internet u li jużaw ransomware u malware biex jiddiżattivaw eluf ta’ sistemi tal-kompjuter reġgħu saħqu l-ħtieġa urġenti li jiżdiedu r-reżiljenza fuq l-internet u l-azzjonijiet tas-sigurtà fl-UE. Kif semma r-rapport tal-analiżi ta’ nofs it-terminu tas-Suq Diġitali Uniku, issa l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli qed jirrevedu l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE tal-2013, l-aktar bl-adozzjoni ta’ pakkett ippjanat għal Settembru 2017. L-għan hu li jingħata rispons transettorjali aktar effettiv għal dan it-theddid u li tiżdied il-fiduċja fis-soċjetà u l-ekonomija diġitali. Dan se jirrevedi wkoll il-mandat tal-ENISA, l-Aġenzija Ewropea għan-Netwerks u s-Sigurtà tal-Informazzjoni, biex jiġi definit ir-rwol tagħha skont l-ekosistema l-ġdida taċ-ċibersigurtà. Il-Kunsill Ewropew 13 laqa’ l-ħsieb tal-Kummissjoni li tirrevedi l-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà.
L-adozzjoni tad-Direttiva NIS (dwar is-Servizzi tal-Informazzjoni tan-Netwerk) 14 f’Lulju tal-2016 kien pass importanti biex tinbena r-reżiljenza ċibernetika fil-livell Ewropew. Id-Direttiva tistabbilixxi l-ewwel regoli għall-UE kollha dwar iċ-ċibersigurtà, itejjeb il-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà u ssaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri. Din teżiġi wkoll li l-kumpanniji fis-setturi kritiċi jieħdu miżuri xierqa tas-sigurtà u li dawn jinnotifikaw kull inċident serju fuq l-internet lill-awtorità nazzjonali rilevanti. Fost dawn is-setturi hemm l-enerġija, it-trasport, l-ilma, il-kura tas-saħħa, is-servizzi bankarji u l-infrastruttura tas-suq finanzjarju. Is-swieq online, is-servizzi tal-cloud computing u l-magni tat-tiftix se jkollhom jieħdu passi simili. Permezz tal-Grupp ta’ Koperazzjoni dwar is-Servizzi tal-Informazzjoni tan-Netwerk, li stabbiliet il-Kummissjoni fl-2016 bir-rwol li jevita l-frammentazzjoni tas-suq, se tkun żgurata implimentazzjoni konsistenti fost setturi differenti u bejn il-fruntieri. F’dan il-kuntest, id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Informazzjoni tan-Netwerk titqies bħala l-qafas ta’ referenza għal kull inizjattiva settorjali fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, id-Direttiva toħloq in-Netwerk tal-Iskwadri ta’ Rispons f’Emerġenza għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CSIRTs), li jlaqqa’ flimkien kull parti konċernata rilevanti. B’mod parallel, il-Kummissjoni u s-CERT-UE jsegwu b’mod attiv is-sitwazzjoni tat-theddid fuq l-internet u jaqsmu l-informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiżguraw li s-sistemi tal-IT tal-istituzzjonijiet tal-UE jkunu siguri u reżiljenti għall-attakki fuq l-internet. L-inċident ta’ Mejju 2017 tar-ransomeware WannaCry kien l-ewwel opportunità għan-Network biex jinvolvi ruħu fi skambju ta’ informazzjoni operazzjonali u koperazzjoni permezz ta’ konsulenza. L-Iskwadra tal-UE ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters (is-CERT-UE) ħadmet mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (l-EC3) fil-Europol, mal-Iskwadri ta’ Rispons f’Emerġenza għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (l-CSIRTs) tal-pajjiżi milquta, ma’ unitajiet taċ-ċiberkriminalità u ma’ sħab ewlenin fl-industrija biex tnaqqas it-theddida u tassisti lill-vittmi. L-iskambju ta’ rapporti nazzjonali dwar is-sitwazzjoni ħoloq għarfien komuni tas-sitwazzjoni fl-UE kollha. B’din l-esperjenza, in-Netwerk seta’ jitħejja aħjar għall-inċidenti ta’ wara (eż. in-NonPetya). Ġew identifikati wkoll diversi sfidi, li qed jiġu indirizzati bħalissa.
L-Azzjoni 12: Il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se taħdem flimkien mal-industrija fil-kuntest ta’ Sħubija Pubblika Privata kuntrattwali dwar iċ-ċibersigurtà, biex tiżviluppa u tittestja t-teknoloġiji li jħarsu iżjed lill-utenti u lill-infrastrutturi kontra l-aspetti ċibernetiċi tat-theddid ibridu.
F’Lulju 2016, il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri, investiet sa €450 miljun mill-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 billi ffirmat Sħubija Pubblika Privata kuntrattwali dwar iċ-ċibersigurtà (cPPP) mal-industrija biex tiżviluppa u tittestja t-teknoloġiji li jħarsu iżjed lill-utenti u lill-infrastrutturi kontra t-theddid ibridu u fuq l-internet. Is-sħubija ħolqot l-ewwel l-Aġenda Strateġika pan-Ewropea tar-Riċerka li tiffoka fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastruttura kritika u fuq iċ-ċittadini kontra l-attakki fuq l-internet. Is-sħubija żiedet il-koordinazzjoni bejn il-partijiet konċernati għal aktar effiċjenza u effikaċja fejn jidħol il-finanzjament għaċ-ċibersigurtà mill-programm Orizzont 2020. Is-sħubija qed taħdem paripassu fuq kwistjonijiet relatati maċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, u fuq kif jista’ jiġi indirizzat in-nuqqas serju ta’ professjonisti kwalifikati fiċ-ċibersigurtà fis-suq. Minħabba l-bżonn qawwi ta’ riċerka ċivili u r-reżiljenza kbira li teħtieġ id-difiża, il-Grupp tar-Riċerka u t-Teknoloġija Ċibernetika tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża qed jgħin fl-oqsma tar-riċerka li identifikat l-Organizzazzjoni Ewropea taċ-Ċibersigurtà fl-Aġenda Strateġika tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tagħha.
L-Azzjoni 13: Il-Kummissjoni se toħroġ gwida għas-sidien tal-assi tal-grilji intelliġenti ħalli ttejjeb iċ-ċibersigurtà tal-installazzjonijiet tagħhom. Fil-kuntest tal-inizjattiva dwar it-tfassil tas-suq tal-elettriku, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi “pjanijiet għall-prontezza tar-riskju” u regoli proċedurali biex tinqasam l-informazzjoni u biex tkun żgurata s-solidarjetà fost l-Istati Membri fiż-żminijiet ta’ kriżi, inkluż regoli għall-prevenzjoni u t-taffija tal-attakki fuq l-internet.
Fis-settur tal-enerġija, il-Kummissjoni qed tħejji strateġija settorjali dwar iċ-ċibersigurtà bit-twaqqif tal-Pjattaforma tas-Sigurtà Ċibernetikata ħalli ssaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Direttiva NIS. Fi Frar 2017, studju identifika l-Aqwa Tekniki Disponibbli biex jiżdied il-livell taċ-ċibersigurtà tas-sistemi tal-metraġġ intelliġenti, b’appoġġ għal din il-pjattaforma. Il-Kummissjoni ħolqot ukoll pjattaforma fuq l-internet bħala ċ-Ċentru tal-UE għall-Qsim tal-Informazzjoni dwar Inċidenti u Theddid, li tanalizza u xxerred informazzjoni dwar theddid u inċidenti fuq l-internet fis-settur tal-enerġija.
Insaħħu r-reżiljenza tas-settur finanzjarju kontra t-theddid ibridu
L-Azzjoni 14: Il-Kummissjoni, id f’id mal-ENISA 15 , l-Istati Membri, l-awtoritajiet internazzjonali, Ewropej u nazzjonali rilevanti, u l-istituzzjonijiet finanzjarji, se tippromwovi u tiffaċilita l-pjattaformi u n-netwerks għall-qsim tal-informazzjoni dwar it-theddid u se tindirizza l-fatturi li jxekklu l-iskambju ta’ din l-informazzjoni.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li t-theddid fuq l-internet hu wieħed mill-akbar riskji għall-istabbiltà finanzjarja u għalhekk irrevediet il-qafas regolatorju dwar is-servizzi ta’ pagament fl-Unjoni Ewropea, li issa wasal fi stadju ta’ implimentazzjoni. Id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi ta’ Pagament 16 fiha dispożizzjonijiet ġodda li jżidu s-sigurtà tal-istrumenti ta’ pagament u l-awtentikazzjoni serja tal-klijenti, biex b’hekk tonqos il-frodi, speċjalment meta jsiru l-pagamenti bl-internet. Il-qafas leġiżlattiv il-ġdid se jibda japplika minn Jannar 2018. Bħalissa l-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Awtorità Bankarja Ewropea u b’konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, qed toħloq standards tekniċi regolatorji dwar l-awtentikazzjoni serja tal-klijenti u dwar komunikazzjoni komuni u sigura għall-implimentazzjoni ta’ miżuri tas-sigurtà fit-tranżazzjonijiet ta’ pagament, u dawn mistennija tippubblikahom sal-aħħar tal-2017. Minbarra dan, fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mas-sħab tal-G7 rispettivi dwar “il-prinċipji fundamentali tal-G7 b’rabta maċ-ċibersigurtà fis-settur finanzjarju” li ġew approvati f’Ottubru 2016 mill-Ministri tal-Finanzi tal-G7 u l-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali. Il-prinċipji tfasslu għall-entitajiet (privati u pubbliċi) tas-settur finanzjarju u jikkontribwixxu għal approċċ ikkoordinat għaċ-ċibersigurtà fis-settur finanzjarju biex flimkien jitħabtu kontra t-theddid fuq l-internet, li tant qed jiżdied u jsir dejjem aktar sofistikat.
It-trasport
L-Azzjoni 15: Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli (skont l-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom), b’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se jeżaminaw liema għandhom ikunu r-reazzjonijiet għat-theddid ibridu, l-aktar għal dak relatat mal-infrastruttura kritika tat-trasport.
L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima 17 tal-UE se tgħin biex ixxejjen il-mentalità kompartimentalizzata fejn jidħol l-iskambju tal-informazzjoni u l-użu komuni tal-assi bejn l-awtoritajiet ċivili u militari. Il-koperazzjoni fost id-diversi atturi setgħet tiżdied b’approċċ li jinvolvi l-komponenti kollha tal-gvern. Hemm il-pjan li sa tmiem l-2017 titlesta l-Aġenda Strateġika tar-Riċerka ċivili-militari li qed issir b’mod konġunt mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u li ssir sessjoni ta’ ħidma finali dwar il-protezzjoni tal-infrastruttura marittima kritika. Fil-ġejjieni, din il-ħidma jaf titwessa’ biex tkopri t-theddid emerġenti għas-sistemi tal-pajpijiet f’qiegħ il-baħar, għat-trasferiment tal-enerġija, għall-komunikazzjoni bil-kejbils tradizzjonali u tal-fibrottika minn interferenzi li jistgħu jsiru ’l barra mill-ilmijiet nazzjonali.
Studju riċenti 18 jevalwa l-kapaċità tal-valutazzjoni tar-riskju tal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta. Dan ħareġ fid-dieher l-aktar xkiel importanti għall-kollaborazzjoni u rrakkomanda modi prattiċi li jsaħħu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet marittimi fil-livell nazzjonali u tal-UE f’dan il-qasam speċifiku. Il-valutazzjoni tar-riskju hi tassew meħtieġa għall-ġlieda kontra t-theddid marittimu u hi ferm aktar essenzjali għall-evalwazzjoni u l-prevenzjoni tat-theddid ibridu għax dawn jeħtieġu kunsiderazzjonijiet addizzjonali u iżjed kumplessi. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju se jiġu ppreżentati lil diversi forums relatati tal-gwardja tal-kosta ħalli r-rakkomandazzjonijiet proposti jkunu jistgħu jiġu vvalutati u implimentati biex iżidu l-koperazzjoni f’dan il-qasam u bil-għan ewlieni li jinkisbu l-prontezza u r-rispons għat-theddid ibridu.
Il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu
L-Azzjoni 16: Il-Kummissjoni se tuża l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu biex tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu.
L-awturi tat-theddid ibridu u s-sostenituri tagħhom jeħtieġu l-finanzjament biex iwettqu l-pjanijiet tagħhom. L-isforzi tal-UE kontra l-finanzjament tal-kriminalità u tat-terroriżmu permezz tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu wkoll jistgħu jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu. F’Diċembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat tliet proposti leġiżlattivi, fosthom dwar sanzjonijiet kriminali għall-ħasil tal-flus u l-pagamenti illeċiti bi flus kontanti, kif ukoll dwar l-iffriżar u l-konfiska tal-assi 19 .
Sas-26 ta’ Ġunju 2017, kull Stat Membru kellu jittrasponi r-Raba’ Direttiva ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus 20 u f’Lulju tal-2016, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlativa mmirata biex tikkumplimentaha u ssaħħaħha b’miżuri oħrajn 21 .
Il-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali li kienet prevista mid-Direttiva ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus, il-Kummissjoni ppubblikatha fis-26 ta’ Ġunju 2017. Il-Kummissjoni ressqet ukoll proposta għal Regolament li jipprevjeni l-importazzjoni u l-ħażna fl-UE ta’ oġġetti kulturali esportati illegalment minn pajjiżi terzi 22 . Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar valutazzjoni li qed issir dwar il-ħtieġa possibbli ta’ aktar miżuri li jintraċċaw il-finanzjament tat-terroriżmu fl-UE. Il-Kummissjoni qed tanalizza wkoll il-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti 23 .
It-tmien rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina jagħti aktar dettalji dwar fejn waslet l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu.
Nippromwovu l-valuri komuni tal-UE u soċjetajiet inklussivi, miftuħa u reżiljenti
Nibnu reżiljenza kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti
Xi atturi esterni jistgħu jinstigaw ir-radikalizzazzjoni reliġjuża u ideoloġika, il-kunflitti etniċi u l-kunflitti bejn il-minoranzi billi jappoġġaw lil gruppi speċifiċi, jew permezz ta’ sforzi biex joħolqu kunflitti bejn gruppi differenti. Feġġew ukoll bosta sfidi oħrajn, fosthom theddid minn atturi waħedhom, mogħdijiet ġodda ta’ radikalizzazzjoni, inkluż potenzjalment waqt il-kuntest tal-kriżi tal-migrazzjoni, u l-qawmien ta’ estremiżmu lemini (fosthom bi vjolenza kontra l-migranti) u r-riskji ta’ polarizzazzjoni. Għalkemm fil-kuntest tal-Unjoni tas-Sigurtà qed issir ċertu ħidma b’rabta mar-radikalizzazzjoni, din jaf tkun rilevanti indirettament ukoll mill-perspettiva tat-theddid ibridu, għax il-persuni vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni jaf jiġu manipulati minn awturi tat-theddid ibridu.
L-Azzjoni 17: Il-Kummissjoni qed timplimenta l-azzjonijiet kontra r-radikalizzazzjoni li tistabbilixxi l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, u qed tanalizza l-ħtieġa li jissaħħu l-proċeduri għat-tneħħija tal-kontenut illegali, filwaqt li tappella għad-diliġenza tal-intermedjarji fit-tmexxija tan-netwerks u tas-sistemi.
Nipprevjenu r-radikalizzazzjoni
Il-Kummissjoni għadha qed timplimenta r-rispons multidimensjoni tagħha għar-radikalizzazzjoni kif stabbilit fil-Komunikazzjoni ta’ Ġunju 2016 dwar l-appoġġ għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti 24 , permezz ta’ azzjonijiet ewlenin fosthom li tippromwovi l-edukazzjoni inklussiva u l-valuri komuni, titħabat kontra l-propaganda estremista fuq l-internet u r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, issaħħaħ il-koperazzjoni mal-pajjiżi terzi u żżid ir-riċerka li tgħinha nifhmu aħjar kif qed tevolvi n-natura tar-radikalizzazzjoni u li tinforma aħjar lir-rispons politiku. In-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (ir-RAN) kien minn tal-ewwel fil-ħidma tal-Kummissjoni li ħadem ma’ prattikanti lokali fil-livell tal-komunità biex iwieżen lill-Istati Membri f’dan il-qasam. Aktar dettalji jinsabu fit-tmien rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina 25 .
Id-diskors ta’ mibegħda u r-radikalizzazzjoni fuq l-internet
Bi qbil mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 26 , il-Kummissjoni ħadet passi biex tnaqqas id-disponibbiltà tal-kontenut illegali fuq l-internet, l-aktar permezz tal-Unità tal-UE ta’ Indikazzjoni tal-Kontenut fuq l-Internet li għandha l-Europol, u permezz tal-Forum tal-UE dwar l-Internet 27 . Imxiet ġmielha wkoll il-ħidma għal Kodiċi ta’ Kondotta kontra d-diskors illegali ta’ mibegħda fuq l-internet 28 . Aktar dettalji jinsabu fit-tmien rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina 29 . Dawn l-azzjonijiet se jkomplu jissaħħu, anki permezz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew 30 , is-Summit tal-G7 31 u s-Summit tal-G20 f’Hamburg 32 .
Il-pjattaformi fuq l-internet għandhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-kontenut li potenzjalment jista’ jikkawża ħsara. Bl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, kif ġie stabbilit fl-analiżi ta’ nofs it-terminu 33 , il-Kummissjoni se tiżgura koordinazzjoni aħjar tad-djalogi fuq il-pjattaformi, bil-għan li tiffoka fuq il-mekkaniżmi u s-soluzzjonijiet tekniċi għat-tneħħija tal-kontenut illegali. Meta jkun japplika, l-għan għandu jkun li dawn il-mekkaniżmi jingħataw gwida dwar aspetti bħalma huma n-notifika u t-tneħħija tal-kontenut illegali. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll gwida dwar ir-regoli tar-responsabbiltà.
Inżidu l-koperazzjoni mal-pajjiżi terzi
L-Azzjoni 18: Ir-Rappreżentant Għoli, b’koordinazzjoni mal-Kummissjoni, se tniedi stħarriġ dwar ir-riskju ibridu fir-reġjuni tal-viċinat. Ir-Rappreżentant Għoli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jużaw l-istrumenti għad-dispożizzjoni rispettiva tagħhom biex jibnu l-kapaċitajiet ta’ sħabhom u jsaħħu r-reżiljenza tagħhom għat-theddid ibridu. Jistgħu isiru missjonijiet tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża komuni, kemm b’mod indipendenti jew biex jikkumplimentaw l-istrumenti tal-UE, ħalli jgħinu lis-sħab biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom.
L-Unjoni Ewropea żiedet l-enfasi tagħha fuq it-tiswir tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza fil-pajjiżi sħab fis-settur tas-sigurtà, fost l-oħrajn billi tibni fuq ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, tiżviluppa d-dimensjoni tas-sigurtà tal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta u tibda djalogi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u dwar is-sigurtà mal-pajjiżi tal-Mediterran. Għalhekk tnieda stħarriġ dwar ir-riskju bħala proġett pilota, bil-koperazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova. Dan bil-għan li jiġu identifikati l-vulnerabbiltajiet ewlenin tal-pajjiż u li jkun żgurat li l-assistenza tal-UE timmira speċifikament fuq dawk iż-żoni. Ir-riżultati tal-proġett pilota juru li l-istħarriġ hu utli. Filwaqt li jsejsu fuq l-esperjenza miksuba, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex ċertu azzjonijiet jingħataw prijorità skont xi waħda minn dawn it-temi: aktar effettività, il-komunikazzjoni strateġika, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u ċ-ċibersigurtà.
Biex din l-ewwel esperjenza tkun ta’ ġid għall-ġejjieni, aktar pajjiżi ġirien jistgħu jibbenefikaw mill-istħarriġ; għalkemm dan jaf ikollu bżonn xi adattamenti biex ikun jirrifletti s-sitwazzjonijiet lokali nazzjonali differenti u t-theddid speċifiku tagħhom, u biex tkun evitata d-duplikazzjoni b’rabta mal-ġlieda kontinwa kontra t-terroriżmu u b’rabta mad-djalogi li qed issiru dwar is-sigurtà. B’mod aktar ġenerali, fis-7 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli adottaw Komunikazzjoni Konġunta dwar “Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-Azzjoni Esterna tal-UE” 34 . Dan biex tappoġġa lill-pajjiżi sħab ħalli jsiru aktar reżiljenti għall-isfidi dinjija ta’ żmienna. Dan jagħraf il-bżonn ta’ tranżizzjoni minn kontroll tal-kriżi għal approċċ aktar strutturali u fit-tul għall-vulnerabbiltajiet, b’enfasi fuq l-antiċipazzjoni, il-prevenzjoni u l-prontezza.
Iċ-Ċiberreżiljenza għall-Iżvilupp
L-UE qed tappoġġa lil pajjiżi li mhumiex fl-Ewropa biex isaħħu r-reżiljenza tan-netwerks tal-informazzjoni tagħhom. Kulma jmur id-diġitalizzazzjoni qed tkompli tiżdied u din għandha dimensjoni intrinsika tas-sigurtà li ġġib magħha sfidi partikolari għar-reżiljenza tas-sistemi tan-netwerks tal-informazzjoni madwar id-dinja, għax l-attakki fuq l-internet m’għandhomx fruntieri. L-UE tappoġġa lill-pajjiżi terzi biex jibnu l-kapaċità tagħhom ħalli jipprevjenu kif xieraq u jirreaġixxu għall-ħsarat li jaf jinqalgħu u għall-attakki bl-internet. Wara l-proġett pilota dwar iċ-ċibersigurtà fl-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fil-Kosovo 35 u fil-Moldova, konkluż fl-2016, il-Kummissjoni se tniedi programm ġdid biex issaħħaħ ir-reżiljenza fuq l-internet ta’ xi pajjiżi terzi, l-aktar fl-Afrika u fl-Asja għall-perjodu 2017-2020, iżda anki fl-Ukrajna. Dan bil-għan li jiżdiedu s-sigurtà u l-prontezza tal-infrastruttura kritika u n-netwerks tal-informazzjoni fil-pajjiżi terzi b’approċċ li jinvolvi l-komponenti kollha tal-gvern, filwaqt li jkun żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.
Is-sigurtà tal-avjazzjoni
L-avjazzjoni ċivili għadha mira ewlenija u simbolika għat-terroristi iżda din jaf tinqabad fil-mira wkoll bħala parti minn kampanja ta’ theddid ibridu. Għalkemm l-UE żviluppat qafas robust tas-sigurtà tal-avjazzjoni, it-titjiriet li joriġinaw mill-pajjiżi terzi jistgħu jkunu aktar vulnerabbli. Il-Kummissjoni qed iżżid l-isforzi biex jissawru l-kapaċitajiet fil-pajjiżi terzi, u dan bi qbil mar-Riżoluzzjoni 2309(2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. F’Jannar 2017, il-Kummissjoni nediet valutazzjoni tar-riskju integrata ġdida biex tiżgura l-prijoritizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-isforzi tat-tiswir tal-kapaċitajiet li jsiru fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri, kif ukoll mas-sħab internazzjonali. Fl-2016, il-Kummissjoni nediet proġett mifurx fuq erba’ snin dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili fl-Afrika u fil-Peniżola Għarbija biex tiġġieled it-theddida tat-terroriżmu kontra l-avjazzjoni ċivili. Il-proġett jiffoka fuq l-iskambju tal-għarfien espert bejn l-Istati sħab u esperti mill-Istati Membri tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili permezz ta’ konsulenza, taħriġ u attivitajiet tat-tagħlim. Matul l-2017, dawn l-attivitajiet se jkomplu jiżdiedu.
c.NIPPREVJENU, NIRREAĠIXXU U NQUMU FUQ SAQAJNA
Minkejja li l-konsegwenzi jistgħu jittaffew b’politiki fit-tul fil-livell nazzjonali u tal-UE, fiż-żmien qasir jibqa’ l-bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-Unjoni biex jipprevjenu, jirreaġixxu u jirkupraw mit-theddid ibridu bil-ħeffa u b’mod koordinat. Ir-rispons għall-avvenimenti li jikkawża t-theddid ibridu jeħtieġ ikun minnufih. Matul l-aħħar sena, f’dan il-qasam sar progress kbir għax fl-UE daħal fis-seħħ protokoll operazzjonali li jistabbilixxi l-proċess tal-ġestjoni tal-kriżi f’każ ta’ xi attakk ibridu. Fiż-żmien li ġej se jsir monitoraġġ u eżerċizzji regolari.
L-Azzjoni 19: Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se jistabbilixxu protokoll operazzjonali komuni u jagħmlu eżerċizzji regolari biex itejbu l-kapaċità tat-teħid tad-deċiżjonijiet strateġiċi b’reazzjoni għat-theddid ibridu kumpless, skont il-proċeduri tal-Ġestjoni tar-Riskju u l-proċeduri tal-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku Waqt Kriżi.
Il-Qafas Konġunt jirrakkomanda li jitwaqqfu mekkaniżmi ta’ rispons rapidu għall-avvenimenti li jikkawża t-theddid ibridu, ħalli dawn jikkoordinaw mal-mekkaniżmi ta’ rispons tal-UE 36 u mas-sistemi ta’ twissija bikrija. Għal dan il-għan, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ħarġu l-protokoll operazzjonali tal-UE kontra t-theddid ibridu 37 (Playbook tal-UE) li jiddeskrivi l-modalitajiet għal koordinazzjoni, għal ġbir u analiżi tal-intelligence, għal kontribut informattiv għall-proċessi tat-tfassil tal-politika, għal eżerċizzji u taħriġ, u għal koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab, l-aktar in-NATO, f’każ ta’ theddid ibridu. Bl-istess mod, in-NATO żviluppat Protokoll biex tissaħħaħ l-interazzjoni bejn in-NATO u l-UE fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu fl-oqsma taċ-ċiberdifiża, il-komunikazzjoni strateġika, l-għarfien tas-sitwazzjoni, u l-ġestjoni tal-kriżijiet. Il-Playbook tal-UE se jiġi ttestjat b’eżerċizzju fil-ħarifa tal-2017, bħala parti mill-Eżerċizzju Parallel u Kkoordinat tal-Unjoni Ewropea, li jinkludi interazzjoni man-NATO.
L-Azzjoni 20: Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, (skont l-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom), se jeżaminaw l-applikabbiltà u l-implikazzjonijiet prattiċi tal-Artikolu 222 tat-TFUE u tal-Artikolu 42(7) tat-TUE f’każ li jseħħ attakk ibridu serju u mifrux.
L-Artikolu 42(7) tat-TUE jirreferi għal aggressjoni armata fit-territorju ta’ Stat Membru, filwaqt li l-Artikolu 222 tat-TFUE (il-klawżola ta’ solidarjetà) jirreferi għal attakk terroristiku jew diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem fit-territorju ta’ Stat Membru. Dan tal-aħħar hu aktar probabbli li jintuża f’każ ta’ xi attakk ibridu u hu taħlita ta’ azzjonijiet sovversivi jew kriminali. Jekk tiġi invokata l-klawżola ta’ solidarjetà, din twassal għal koordinazzjoni fil-livell tal-Kunsill (Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku Waqt Kriżi, IPCR) u tħalli implikazzjoni fuq l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-UE, kif ukoll fuq programmi u mekkaniżmi ta’ assistenza tal-UE. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE tipprovdi arranġamenti biex l-Unjoni timplimenta l-klawżola ta’ solidarjetà. Dawn il-modalitajiet ta’ applikazzjoni jibqgħu validi u m’hemmx bżonn issir reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Jekk l-attakk ibridu jkun jinkludi aggressjoni armata, l-Artikolu 42(7) jista’ jiġi invokat ukoll. F’dan il-każ, l-għajnuna u l-assistenza għandhom jagħtuhom l-Istati Membri u anki l-UE. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jibqgħu jivvalutaw l-aktar modi effettivi biex jiġu indirizzati attakki ta’ dan it-tip.
L-adozzjoni tal-protokoll operazzjonali tal-UE msemmi hawn fuq issostni direttament lil din il-valutazzjoni u se ssir bħala parti mill-Eżerċizzju Parallel u Kkoordinat tal-UE (il-PACE) f’Ottubru 2017. Dan l-eżerċizzju se jittestja d-diversi mekkaniżmi tal-UE u l-kapaċità ta’ interazzjoni tagħha bil-għan li jitħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet meta l-ambigwità li tikkawża xi theddid ibridu tkun qed tnaqqas iċ-ċarezza.
L-Azzjoni 21: Ir-Rappreżentant Għoli, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se tintegra, tisfrutta u tikkoordina l-kapaċitajiet ta’ azzjoni militari fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu skont il-Politika tas-Sigurtà u tad-Difiża Komuni.
Bħala tweġiba għall-inkarigu ta’ Integrazzjoni tal-Kapaċitajiet Militari li jappoġġaw lis-CFSP/CSDP, wara seminar ma’ Esperti Militari f’Diċembru tal-2016 u gwida mill-grupp ta’ ħidma tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea f’Mejju tal-2017, f’Lulju 2017 tlestiet il-konsulenza militari tal-UE dwar “il-kontribut militari tal-UE għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu skont il-Politika tas-Sigurtà u tad-Difiża Komuni”, u se titmexxa ’l quddiem permezz tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni għall-Iżvilupp tal-Kunċetti.
d.IL-KOPERAZZJONI BEJN L-UE U N-NATO
L-Azzjoni 22: Ir-Rappreżentant Għoli, b’koordinazzjoni mal-Kummissjoni, se tissokta bid-djalogu informali u żżid il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni man-NATO dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-komunikazzjoni strateġika, iċ-ċibersigurtà u “l-prevenzjoni u r-rispons tal-kriżijiet” ħalli tiġġieled kontra t-theddid ibridu, filwaqt li tibqa’ tirrispetta l-prinċipji tal-inklużività u l-awtonomija tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull organizzazzjoni.
Skont id-Dikjarazzjoni Konġunta li ffirmaw il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO f’Varsavja fit-8 ta’ Lulju 2016, l-UE u n-NATO żviluppaw sett komuni ta’ 42 proposta għall-implimentazzjoni, li mbagħad ġew approvati mill-Kunsill tan-NATO u mill-Kunsill tal-UE fi proċessi separati iżda paralleli fis-6 ta’ Diċembru 2016 38 . F’Ġunju tal-2017, ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO ippubblikaw rapport dwar il-progress kumplessiv li sar b’rabta mat-42 azzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta. Il-ġlieda kontra t-theddid ibridu hi waħda mis-seba’ oqsma ta’ koperazzjoni msemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta, u minn dawn it-42 azzjoni hemm għaxra li għandhom x’jaqsmu magħha. Ir-rapport juri li l-isforzi konġunti li saru dan l-aħħar sena kisbu riżultati sostanzjali. Ħafna mill-azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn il-ġlieda kontra t-theddid ibridu li diġà ssemmew, fosthom iċ-Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu, għarfien aħjar tas-sitwazzjoni, it-twaqqif ta’ Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu u l-interazzjoni tagħha mal-Fergħa l-ġdida tan-NATO għall-Analiżi tat-Theddid Ibridu, u l-kollaborazzjoni bejn gruppi tal-komunikazzjoni strateġika. Għall-ewwel darba, il-persunal tal-UE u tan-NATO se jwettqu eżerċizzju flimkien b’rabta ma’ rispons għal xenarju ibridu. Dan l-eżerċizzju mistenni jittestja l-implimentazzjoni ta’ aktar minn terz tal-proposti komuni. L-UE se twettaq l-eżerċizzju parallel u kkoordinat tagħha din is-sena u qed tipprepara biex tieħu rwol ewlieni fl-2018.
Fejn tidħol ir-reżiljenza, il-persunal tal-UE u tan-NATO bdew aġġornamenti reċiproċi, fosthom dwar mekkaniżmu tal-UE għal Rispons Politiku Integrat Waqt Kriżi. Permezz ta’ kuntatti regolari bejn il-persunal tal-UE u tan-NATO, inkluż b’sessjonijiet ta’ ħidma u fin-NATO jew permezz tal-parteċipazzjoni fil-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, setgħu jsiru skambji tal-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti bażiċi tan-NATO għar-reżiljenza nazzjonali. Għall-ħarifa ġew ippjanati aktar skambji bejn il-Kummissjoni u n-NATO fejn jidħol it-tisħiħ tar-reżiljenza. Ir-rapport ta’ progress li jmiss dwar il-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO se jissuġġerixxi possibbiltajiet biex titwessa’ l-koperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.
3.KONKLUŻJONI
Din il-Komunikazzjoni Konġunta tiddeskrivi azzjonijiet imfassla biex jgħinu fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u jrawmu r-reżiljenza fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, kif ukoll għas-sħab. Għalkemm il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli qed jiksbu riżultati f’kull qasam u id f’id mill-qrib mal-Istati Membri u mas-sħab, hu tassew importanti li jinżamm dan l-impetu kontra t-theddid ibridu attwali u li qed ikompli jevolvi. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija biex jitħabtu kontra t-theddid ibridu relatat mas-sigurtà nazzjonali u għaż-żamma tal-liġi u tal-ordni. L-isforzi nazzjonali u kollettivi tar-reżiljenza li jilqgħu għat-theddid ibridu għandhom jitqiesu bħala elementi li jsaħħu lil xulxin fl-istess sforz globali. Għalhekk l-Istati Membri qed jintalbu biex mingħajr dewmien jimlew dawn l-istħarriġiet dwar ir-riskji ibridi ħalli jagħtu informazzjoni prezzjuża dwar l-iskala tal-vulnerabbiltà u l-prontezza madwar l-Ewropa. Jekk insejsu fuq il-progress sinifikattiv li sar fit-titjib tal-għarfien, inkunu qed naħtfu l-potenzjal kollu taċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu. Ir-Rappreżentant Għoli tistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-ħidma tat-Task Force StratCom ħalli din titħabat kontra ż-żieda fit-theddid ibridu b’mod aktar effettiv. L-UE se tappoġġa bis-sħiħ liċ-Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu immexxi mill-Gvern Finlandiż.
Il-valur miżjud tal-UE jinkiseb billi l-Istati Membri u s-sħab jingħataw l-għajnuna ħalli jibnu r-reżiljenza tagħhom, permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti u programmi eżistenti. Fl-azzjonijiet biex tinbena r-reżiljenza sar bosta progress; f’oqmsa bħat-trasport, l-enerġija, iċ-ċibersigurtà, l-infrastruttura kritika, il-protezzjoni tas-sistema finanzjarja mill-użu illeċitu, u l-isforzi tal-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni. Billi n-natura tat-theddid ibridu mistennija tkompli tevolvi, l-azzjoni tal-UE biex tinbena r-reżiljenza se tibqa’ għaddejja. B’mod partikolari, l-UE se tiżviluppa indikaturi li jtejbu l-protezzjoni u r-reżiljenza ta’ infrastruttura kritika kontra t-theddid ibridu fis-setturi rilevanti.
Flimkien mal-Istati Membri, il-Fond Ewropew għad-Difiża jista’ jikkofinanzja l-prijoritajiet tal-kapaċitajiet ħalli tissaħħaħ ir-reżiljenza kontra t-theddid ibridu. Il-pakkett li jmiss dwar iċ-ċibersigurtà u l-miżuri transettorjali mmirati lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva NIS, se jaħsbu għal pjattaformi ġodda li jiġġieldu t-theddid ibridu fl-UE kollha.
Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jappellaw lill-Istati Membri u lill-partijiet konċernati biex meta meħtieġ isibu ftehim malajr u jiżguraw l-implimentazzjoni minnufih u effettiva ta’ għadd ta’ miżuri mmirati biex tissaħħaħ ir-reżiljenza msemmija f’din il-Komunikazzjoni. L-UE se ssejjes fuq il-koperazzjoni tant siewja li għandha man-NATO, u ssaħħaħha.
L-UE tibqa’ impenjata li timmobilizza l-istrumenti rilevanti kollha tagħha biex tindirizza t-theddid ibridu kumpless. L-appoġġ tal-isforzi tal-Istati Membri jibqa’ prijorità għall-Unjoni, biex taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħitha u reattiva, b’mod li tikkumplimenta lis-sħab ewlenin tagħha.
Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Qafas Konġunt dwar il-ġlieda kontra t-theddidiet ibridi – rispons tal-Unjoni Ewropea, JOIN(2016) 18 final.
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra theddid ibridu, Stqarrija għall-Istampa 196/16, id-19 ta’ April 2016.
Din ippreżentatha r-Rappreżentant Għoli lill-Kunsill Ewropew fit-28 ta’ Ġunju 2016.
COM(2016) 230 final, 20.4.2016.
Il-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2016, u d-Dikjarazzjoni ta’ Ruma li għamlu l-mexxejja ta’ 27 Stat Membru u l-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea mill-25 ta’ Marzu 2017.
http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/06/19-conclusions-eu-nato-cooperation/
Dokument ta’ riflessjoni dwar il-futur tad-difiża Ewropea, is-7 ta’ Ġunju 2017, https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reflection-paper-defence_mt.pdf
Sal-lum, 21 Stat Membru ħatru punti ta’ kuntatt nazzjonali. Dawn huma persuni li jaħdmu fil-bliet kapitali tal-Istati Membri u għandhom rwol fil-politika/fir-reżiljenza.
Il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit, l-Estonja u Spanja.
Maċ-Ċentru jistgħu jissieħbu wkoll l-Istati Membri l-oħra tal-UE u l-Alleati tan-NATO.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta’ Ġunju 2017.
Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni, ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni.
Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35.
https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/docs/body/20141216-action-plan_en.pdf u t-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-EUMSS li ġie ppreżentat lill-Istati Membri fil-21 ta’ Ġunju 2017.
Study on "Evaluation of risk assessment capacity at the level of Member States' authorities performing coast guard functions", 2017, https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/documentation/studies https://bookshop.europa.eu/en/evaluation-of-risk-assessment-capacity-at-the-level-of-member-states-authorities-performing-coast-guard-functions-in-order-to-identify-commonalities-and-ways-to-enhance-interoperability-and-cooperation-in-this-field-across-eu-pbEA0417344/?CatalogCategoryID=JRWep2OwmH0AAAFEQf8mwjCM
It-tielet rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2016) 831 final)
Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73-117.
Aktar dettalji jinsabu fit-tielet rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2016) 831 final) u fit-tmien rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2017) 354 final)
COM(2017) 26.6.2017, COM(2017) 340 final, SWD(2017) 275 final 0.
It-tmien rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2017) 354 final)
COM(2017) 354 final
Aktar dettalji jinsabu fit-tmien rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2017) 354 final)
Aktar dettalji jinsabu fit-tmien rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2017) 354 final)
Il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar id-diskors illegali ta’ mibegħda fuq l-internet, il-31 ta’ Mejju 2016, http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/files/hate_speech_code_of_conduct_en.pdf
Aktar dettalji jinsabu fit-tmien rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2017) 354 final)
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 u t-23 ta’ Ġunju 2017.
Is-Summit tal-G7 f’Taormina, l-Italja, mis-26 sas-27 ta’ Mejju 2017.
Is-Summit tal-G20 f’Hamburg, il-Ġermanja, mis-7 sat-8 ta’ Lulju 2017.
Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017) 228 final.
Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-Azzjoni Esterna tal-UE, JOIN(2017) 21 final.
Din id-deżinjazzjoni hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u taqbel mal-UNSCR 1244 u mal-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Indipendenza tal-Kosovo.
L-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku Waqt Kriżi (l-IPCR) li għandu l-Kunsill, is-sistema ARGUS tal-Kummissjoni u s-CRM tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (2016) 227, adottat fis-7 ta’ Lulju 2016.
http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/12/06-eu-nato-joint-declaration/