Brussell, 24.5.2017

JOIN(2017) 19 final

Rakkomandazzjoni Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jiftħu n-negozjati u jinnegozjaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mmodernizzat flimkien mar-Repubblika taċ-Ċilì

{SWD(2017) 172 final}
{SWD(2017) 173 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Iċ-Ċilì kien l-ewwel pajjiż tal-Amerika t’Isfel li kkonkluda Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-UE (“il-Ftehim”). Il-Ftehim, li jinkludi dispożizzjonijiet ta’ politika, ta’ kooperazzjoni u ta’ kummerċ, kien japplika b’mod proviżorju sa mill-1 ta’ Frar 2003. Dan il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2005.

L-implimentazzjoni tal-Ftehim avvanzat ġmielha u l-qafas istituzzjonali tiegħu huwa kompletament funzjonali. Il-Ftehim ikkontribwixxa biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċilì (“il-Partijiet”) u witta t-triq biex ikunu stabbiliti oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni u djalogi ġodda ta’ politika. Fir-rigward ta’ kwistjonijiet kummerċjali, il-Ftehim jinkludi Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, li kkontribwixxa għal tkabbir qawwi fil-kummerċ u l-investiment bilaterali.

Matul laqgħa marġinali tas-Summit UE-CELAC li sar f’Santiago fis-26-27 ta’ Jannar 2013, il-mexxejja mill-UE u miċ-Ċilì qablu li huma għandhom jesploraw il-possibilitajiet biex jimmodernizzaw il-Ftehim wara 10 snin ta’ implimentazzjoni tiegħu. F’April 2015, is-Sitt Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì approva t-twaqqif tal-grupp ta’ ħidma konġunt (“il-Grupp”) dwar l-immodernizzar tal-Ftehim. It-tir tal-Grupp kien li jwettaq eżerċizzju dwar il-kamp ta’ applikazzjoni billi jivvaluta l-livell ta’ ambizzjoni biex jinbdew negozjati għall-immodernizzar tal-Ftehim fl-oqsma kollha. Il-Grupp ħoloq żewġ sottogruppi, wieħed inkarigat mill-politika u l-kooperazzjoni u l-ieħor mill-kummerċ. Is-sottogruppi kkonkludew il-ħidma tagħhom fl-okkażjoni tal-14-il Kumitat ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì li sar fil-31 ta’ Jannar 2017.

Jenħtieġ li ftehim immodernizzat iqiegħed ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċilì f’qafas billi jinkludi fih kwistjonijiet ta’ politika, ta’ sigurtà, ta’ kooperazzjoni settorjali u ta’ kummerċ. L-għan ewlieni ta’ politika huwa li jkunu approfonditi r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċilì billi jkun stabbilit test komprensiv ġdid biex jissostitwixxi l-Ftehim eżistenti sabiex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni attwali tiegħu u jirrifletti l-isfidi politiċi u ekonomiċi bilaterali u globali l-ġodda. Jenħtieġ li l-proċess ta’ mmodernizzar, filwaqt li jkompli jibni fuq l-esperjenzi tal-implimentazzjoni tal-Ftehim attwali, iqis l-approfondiment tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE u l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda tal-UE, l-evoluzzjoni tar-rwol tal-UE u taċ-Ċilì fix-xena internazzjonali.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet kummerċjali kien hemm ukoll żviluppi kbar fil-politika kummerċjali fil-livell globali, u l-Partijiet ikkonkludew ftehimiet tassew ambizzjużi u komprensivi ma’ sħab terzi, li jmorru ferm lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u ċ-Ċilì.

Id-diskussjonijiet ta’ tħejjija li saru fil-Grupp ikkontribwew għat-tfassil ta’ għadd ta’ parametri li jenħtieġ li jitqiesu mill-proċess ta’ mmodernizzar. Għall-parti politika u ta’ kooperazzjoni, il-Grupp ikkontribwixxa sabiex tintlaħaq komprensjoni inizjali dwar l-istruttura possibbli u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim il-ġdid. Il-Grupp għen ukoll fl-identifikazzjoni ta’ oqsma potenzjali ta’ interess reċiproku għal kooperazzjoni fil-futur, b’lenti fuq il-kooperazzjoni internazzjonali kontinwa bejn l-UE u ċ-Ċilì fil-qafas tal-Aġenda 2030 u l-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet kummerċjali, l-eżerċizzju dwar il-kamp ta’ applikazzjoni rrifletta l-kamp ta’ applikazzjoni u l-livell ta’ ambizzjoni li l-Partijiet jistgħu jiksbu f’immodernizzar komprensiv tal-parti kummerċjali tal-Ftehim. Dan ikkonferma l-għan kondiviż li jiġi aġġornat bl-akbar ambizzjoni l-qafas għar-relazzjoni bilaterali kummerċjali u ta’ investiment, filwaqt li jimxi fuq il-passi tal-Ftehim eżistenti u jmur lil hinn mill-impenji tad-WTO. Jenħtieġ li n-negozjati jsiru billi jitqiesu l-aktar ftehimiet kummerċjali riċenti nnegozjati u konklużi mill-Partijiet, u l-ħtieġa li tkun żgurata l-komplementarjetà u l-koerenza ma’ dawn in-negozjati u l-ftehimiet.

Għaldaqstant jenħtieġ li Ftehim immodernizzat ikun jipprovdi għall-ogħla livell possibbli ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-prodotti, fis-servizzi, fl-investiment u fl-aċċess għall-akkwist mill-gvern. Jenħtieġ li dan jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni u infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kummerċjali eżistenti meta jittratta l-ostakli nontariffarji u aspetti oħra regolatorji u bbażati fuq ir-regoli. Jenħtieġ li Ftehim immodernizzat jiżgura d-dritt tal-Partijiet li jsegwu għanijiet leġittimi ta’ politika pubblika fl-oqsma rilevanti kollha. Jenħtieġ ukoll li jmexxi ’l quddiem kwistjonijiet oħra bħall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, il-kummerċ u s-sessi, u l-kummerċ u l-SMEs.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet politiċi eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-rakkomandazzjoni hija konformi mal-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà li tipprovdi, fost miri oħra, approfondiment tar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina u mal-Karibew permezz tal-konklużjoni ta’ sħubijiet bilaterali.

Ir-rakkomandazzjoni hija konformi mal-Komunikazzjoni “Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” li tenfasizza l-ħtieġa li r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE jitmexxew ’il quddiem sabiex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir billi jiġu indirizzati l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment b’mod komprensiv, filwaqt li jiġu żgurati l-livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali tal-UE u għanijiet ta’ politika oħra, inklużi l-iżvilupp sostenibbli u l-ħtiġijiet partikolari tal-SMEs. Il-Komunikazzjoni “Kummerċ għal kulħadd” enfasizzat li l-Kummissjoni kienet se titlob għal direttivi ta’ negozjati biex timmodernizza l-Ftehim wara li temmet b’suċċess l-eżerċizzju dwar il-kamp ta’ applikazzjoni.

Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-rakkomandazzjoni hija f’konformità mal-Aġenda għall-Bidla, adottata fl-2011, bħala l-bażi għall-politika tal-iżvilupp tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi mhux tal-UE. F’dan il-kuntest, iċ-Ċilì ma għadux jibbenefika mill-assistenza tal-UE għall-kooperazzjoni bilaterali u ġiet segwita formula ġdida ta’ kooperazzjoni internazzjonali li timxi fuq il-passi tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

Ir-rakkomandazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-iskop tal-Ftehim huwa li tiġi aġġornata l-assoċjazzjoni eżistenti bejn l-UE u ċ-Ċilì. Għalhekk, jenħtieġ li l-azzjoni ssir fuq livell tal-UE.

Il-politika kummerċjali komuni hija mniżżla fost l-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fl-Artikolu 3 TFUE u taħt l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax f’oqsma ta’ kompetenza esklużiva.

Il-proporzjonalità

Ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) biex jinnegozjaw Ftehim immodernizzat maċ-Ċilì ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ jew xieraq sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politika.

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet kummerċjali, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ġew ikkunsidrati l-opzjonijiet raġonevoli kollha għall-interventi ta’ politika sabiex tkun ivvalutata l-effettività possibbli ta’ dawn l-interventi ta’ politika, kif deskritt fid-dettall fir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt.

L-għażla tal-istrument

Deċiżjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2012 saret evalwazzjoni ex-post dwar l-impatt ekonomiku tal-parti kummerċjali tal-Ftehim minn konsulent estern. Dettalji ulterjuri jinsabu fir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt mehmuż ma’ din ir-rakkomandazzjoni.

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Bejn it-8 ta’ Ġunju u t-8 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika online, li ġiet ippubblikata fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u mtella’ fuq “EU Survey” (l-għodda online tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi). Il-partijiet interessati kienu mistiedna jwieġbu mistoqsijiet li jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u ċ-Ċilì. Il-ġabra fil-qosor tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika tinsab mehmuża mar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt u t-tweġibiet tal-partijiet interessati ġew ippubblikati fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Tqabbad konsulent estern biex iwettaq analiżi ex ante dwar l-impatt potenzjali tal-immodernizzar tal-parti kummerċjali tal-Ftehim. L-istudju estern jinsab mehmuż mar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Saret valutazzjoni tal-impatt dwar l-immodernizzar tal-parti kummerċjali tal-Ftehim. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt u l-iskeda tas-sommarju eżekuttiv tiegħu, kif ukoll l-opinjoni pożittiva tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, jinsabu mehmuża ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Apparti l-valutazzjoni tal-impatt, valutazzjoni tal-impatt indipendenti għas-sostenibbiltà se tifli l-impatti potenzjali ekonomiċi, soċjali, ambjentali u dawk fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-parti kummerċjali tal-Ftehim immodernizzat. Din se ssir minn konsulenti esterni fl-istess waqt tan-negozjati, u se sserraħ fuq konsultazzjoni wiesgħa u kontinwa mal-partijiet interessati, b’mod partikolari mas-soċjetà ċivili. Il-valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibbiltà se tiġi ffinalizzata qabel l-inizjalar tal-Ftehim immodernizzat, u s-sejbiet tagħha se jikkontribwixxu għall-proċess ta’ negozjati.

L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

Jenħtieġ li l-SMEs jibbenefikaw minn opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ u minn iffrankar fl-ispejjeż minħabba l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u mill-qafas ġuridiku msaħħaħ, kif ukoll minn dispożizzjonijiet li jtejbu l-proċeduri doganali, u dawk li jżidu t-trasparenza regolatorja. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt fih informazzjoni dettaljata dwar l-impatti potenzjali fuq il-partijiet interessati u s-setturi ekonomiċi.

Id-drittijiet fundamentali

L-UE se tara li tinkludi klawżoli speċifiċi dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li jeħtieġ li jkunu stabbiliti bħala elementi essenzjali tal-Ftehim.

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt dwar l-immodernizzar tal-parti kummerċjali tal-Ftehim jindirizza l-kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali mill-aspetti soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem. Pereżempju, f’konformità mal-politika tal-UE stabbilita, jenħtieġ li l-parti kummerċjali ta’ Ftehim immodernizzat ikun fiha kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-parti kummerċjali ta’ Ftehim immodernizzat ikollha impatt negattiv limitat fuq il-baġit tal-UE fl-għamla ta’ dazji doganali minħabba l-liberalizzazzjoni tat-tariffi. Huma mistennija impatti pożittivi indiretti fir-rigward taż-żidiet fir-riżorsi marbuta mat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-introjtu nazzjonali gross.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

F’konformità mal-impenn meħud fil-Komunikazzjoni tal-2015 “Kummerċ għal kulħadd - Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment”, se jkun hemm evalwazzjoni ex post fil-fond tal-effetti tal-parti kummerċjali tal-Ftehim immodernizzat ladarba din il-parti tkun ilha fis-seħħ għal biżżejjed żmien biex tkun aċċertata d-disponibbiltà ta’ data sinifikanti. Ir-rapport mehmuż dwar il-valutazzjoni tal-impatt fih informazzjoni dettaljata dwar l-arranġamenti ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni li huma previsti.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Mhux applikabbli.

Aspetti proċedurali

It-tim tan-negozjati se jkun magħmul mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli.

F’konformità mal-Artikolu 218(4) TFUE, huwa ssuġġerit li l-Kunsill jappunta kumitat speċjali li b’konsultazzjoni miegħu għandhom isiru n-negozjati. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Amerika Latina u l-Karibew se jkun ikkonsultat fir-rigward tal-parti politika u ta’ kooperazzjoni tal-Ftehim immodernizzat. Il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali se jkun ikkonsultat dwar il-partijiet tal-Ftehim immodernizzat relatati mal-kummerċ.

Il-Parlament Ewropew se jinżamm infurmat fl-istadji kollha tal-proċedura, f’konformità mal-Artikolu 218(10) TFUE.

L-istruttura preċiża tal-ftehim se tiġi ddeterminata fid-dawl ta’ valutazzjoni ulterjuri tal-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jinfurmaw liċ-Ċilì dwar ir-regoli interni tal-UE fir-rigward tat-trasparenza u dwar l-aċċess min-naħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew għad-dokumenti tan-negozjati.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jilqgħu b’sodisfazzjon il-fatt li l-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qegħdin kulma jmur jinvolvu ruħhom fi stadju bikri mal-parlamenti tagħhom fir-rigward tan-negozjati kummerċjali, f’konformità mal-prattiki istituzzjonali tagħhom. Il-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huma mħeġġa jagħmlu l-istess fir-rigward ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill, wara li titqies id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE, kif inhu dovut.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jirrakkomandaw li d-direttivi tan-negozjati joħorġu fil-beraħ immedjatament wara li jiġu adottati.

Din ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill se tkun ta’ natura mhux klassifikata meta d-direttivi tan-negozjati fl-Anness ma jibqgħux aktar mehmuża mar-Rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jiftħu n-negozjati u jinnegozjaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mmodernizzat flimkien mar-Repubblika taċ-Ċilì

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”),

BILLI jenħtieġ li n-negozjati jinfetħu bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mmodernizzat flimkien mar-Repubblika taċ-Ċilì (“il-Ftehim”) biex jissostitwixxi l-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u r-Repubblika taċ-Ċilì min-naħa l-oħra 1 .

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma b’dan awtorizzati li jinnegozjaw, f’isem l-Unjoni, Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mmodernizzat flimkien maċ-Ċilì (“il-Ftehim”),

(2)Il-Kummissjoni għandha tkun il-kap tat-tim ta’ negozjati tal-Unjoni.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Amerika Latina u l-Karibew. Il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali għandu jiġi kkonsultat dwar il-partijiet tal-Ftehim relatati mal-kummerċ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha se jiġu ppubblikati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 352, 30.12.2002, p. 1.

Brussell, 24.5.2017

JOIN(2017) 19 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni Konġunta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

Li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jiftħu n-negozjati u jinnegozjaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mmodernizzat flimkien maċ-Ċilì

{SWD(2017) 172 final}
{SWD(2017) 173 final}


DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJATI TA’ FTEHIM TA’ ASSOĊJAZZJONI MMODERNIZZAT FLIMKIEN MAĊ-ĊILÌ

{SWD(2017) 172 final}

{SWD(2017) 173 final}

ANNESS

DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJATI TA’ FTEHIM TA’ ASSOĊJAZZJONI MMODERNIZZAT FLIMKIEN MAĊ-ĊILÌ

A.    IN-NATURA U L-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM

L-għan tan-negozjati huwa li jiġi konkluż ftehim komprensiv flimkien maċ-Ċilì (Ftehim Immodernizzat) biex jimmodernizza u jissostitwixxi l-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u r-Repubblika taċ-Ċilì min-naħa l-oħra 1 (Ftehim ta’ Assoċjazzjoni), li diġà jeżisti.

In-negozjati għandhom iwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-preżent tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u jaġġustawh għall-isfidi politiċi u ekonomiċi l-ġodda, għar-realtà l-ġdida tas-sħubija bejn l-UE u ċ-Ċilì, u għal-livell ta’ ambizzjoni tal-ftehimiet li ġew konklużi dan l-aħħar u tan-negozjati li qegħdin isiru bejn l-UE u ċ-Ċilì.

Il-Ftehim Immodernizzat għandu joħloq qafas legalment vinkolanti li jkun koerenti, komprensiv u aġġornat għar-relazzjonijiet tal-UE maċ-Ċilì.

Peress li ċ-Ċilì ma għadux jibbenefika minn assistenza bilaterali tal-UE għall-iżvilupp, huwa importanti li l-iskema l-ġdida tal-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì tkun riflessa fis-sustanza u fl-istruttura tal-Ftehim Immodernizzat. Din għandha tirrifletti n-natura trasformattiva tal-Aġenda 2030 u r-rwol tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp fit-triq lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Il-Ftehim għandu jipprovdi għal kooperazzjoni politika msaħħa dwar kwistjonijiet barranin u ta’ sigurtà.

L-istruttura preċiża tal-Ftehim se tkun iddeterminata fid-dawl ta’ valutazzjoni ulterjuri tal-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja.

B.    IL-KONTENUT PROPOST TAL-FTEHIM

I.    Il-Prinċipji Ġenerali u l-Objettivi

Il-Ftehim Immodernizzat għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif minqux b’mod partikolari fil-Karta tan-NU u strumenti oħra rilevanti għad-drittijiet tal-bniedem, fosthom d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Flimkien mal-ewwel parti tal-klawżola tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, dawn għandhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim Immodernizzat. Għandu jipprovdi għall-possibbiltà ta’ sospensjoni unilaterali parzjali jew sħiħa tal-Ftehim f’każ ta’ ksur ta’ dawn il-prinċipji.

Il-Ftehim Immodernizzat għandu jippermetti liċ-Ċilì u lill-UE li jsaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali tagħhom, il-politiki pubbliċi tagħhom u l-oqfsa leġiżlattivi tagħhom, kif ukoll li jaġixxu bħala sħab strateġiċi f’fora u istituzzjonijiet multilaterali u reġjonali ewlenin, meta jaqblu bejniethom li għandu jsir hekk.

Il-Ftehim Immodernizzat għandu jirrikjedi li kull Parti tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tattwa d-dispożizzjonijiet tagħha, inkluż li dawn ikunu osservati fil-livelli kollha tal-gvern.

Il-Ftehim Immodernizzat għandu jirrifletti l-wirt kulturali komuni u r-rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi b’saħħithom li jgħaqqdu liż-żewġ naħat u għandu jkun jikkonforma ma’ dawn il-prinċipji u objettivi ewlenin sottostanti:

·Li jadatta l-kontenut tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni sabiex jirrifletti aħjar l-iżviluppi globali ta’ dan l-aħħar.

·Li jirrifletti l-valuri konġunti tad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt.

·Li jirrifletti l-impenn li jrawwem Assoċjazzjoni aktar b’saħħitha bl-iskop li jġib miegħu prosperità u benessri għaċ-ċittadini tagħhom.

·Li jirrinforza koordianzzjoni aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet bilaterali u internazzjonali ta’ interess reċiproku, inklużi l-aspetti reġjonali.

·Li jsaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bilaterali, reġjonali u globali ta’ tħassib komuni.

·Li jirrifletti l-importanza ta’ sistema multilaterali b’saħħitha u effettiva, ibbażata fuq id-dritt internazzjonali, billi jżomm il-paċi, jevita l-kunflitti u jsaħħaħ is-sigurtà internazzjonali u billi jaffronta sfidi komuni.

·Li jirrifletti r-rikonoxximent li l-iżvilupp sostenibbli huwa objettiv ġenerali tal-Partijiet u li dawn se jkollhom l-għan li jiżguraw ir-rispett, il-promozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards u l-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent u x-xogħol li huma konsistenti mal-acquis tal-UE. Għandu jirrifletti l-impenn tal-Partijiet li ma jħeġġux il-kummerċ jew l-investiment dirett barrani billi jbaxxu l-istandards u l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż dwar l-ambjent, ix-xogħol jew is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll l-impenn favur it-titjib tal-liġijiet, tal-politiki u tal-livelli sottostanti tal-protezzjoni ambjentali u tax-xogħol.

L-objettiv tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-kummerċ u l-investiment għandu jkun li jiżdied kemm il-kummerċ kif ukoll l-investiment bejn l-UE u ċ-Ċilì billi jittieħed vantaġġ mill-potenzjal mhux sfruttat tar-relazzjoni bilaterali, jiġu ġġenerati opportunitajiet ekonomiċi ġodda, jissaħħaħ il-benesseri tal-konsumatur, tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir, permezz ta’, fost l-oħrajn:

·Il-liberalizzazzjoni ulterjuri progressiva u reċiproka tal-kummerċ fil-prodotti u fis-servizzi, l-investiment kif ukoll l-aċċess għal opportunitajiet ta’ akkwist pubbliku.

·Livell għoli ta’ protezzjoni tal-investiment.

·Livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

·Livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

·It-tneħħija, it-tnaqqis jew l-evitar ta’ ostakli tariffarji mhux neċessarji.

·Id-dritt li l-attività ekonomika tkun irregolata fl-interess pubbliku, biex jinkisbu objettivi leġittimi tal-politika pubblika bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, tas-servizzi soċjali, tal-edukazzjoni pubblika, tas-sikurezza, il-morali pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.

·Miżuri biex ikun żgurat li l-kummerċ internazzjonali jikkontribwixxi għall-objettiv ġenerali tal-iżvilupp sostenibbli, u l-impenn tal-Partijiet li jimplimentaw dan il-Ftehim, skont dawn il-miżuri.

·L-objettiv kondiviż tal-Partijiet li jqisu l-isfidi partikolari li jħabbtu wiċċhom magħhom l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju huma u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment.

·L-impenn tal-Partijiet li jikkomunikaw mal-partijiet interessati rilevanti kollha mis-soċjetà ċivili, inkluż is-settur privat, it-trejdunjins u organizzazzjonijiet oħra mhux governattivi.

·L-impenn tal-Partijiet fil-konfront ta’ Ftehim li jikkonforma b’mod sħiħ mad-drittijiet u mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-WTO u li jappoġġa s-sistema kummerċjali multilaterali.

II.    Oqsma għall-Kooperazzjoni 

Il-Ftehim għandu jkun favur kamp ta’ applikazzjoni kemm jista’ jkun wiesa’ għall-kooperazzjoni li minnu, fil-prinċipju, ma għandu jkun eskluż l-ebda qasam ta’ attività. Għandu jimxi fuq l-esperjenza tal-kooperazzjoni eżistenti u jkollu l-għan li jiżgura kooperazzjoni internazzjonali effettiva fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Għandu jinkludi impenji miż-żewġ partijiet biex japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom permezz ta’ skambji ta’ għarfien u l-aħjar prassi f’oqsma ta’ interess komuni, filwaqt li jitqies ukoll li ċ-Ċilì huwa pajjiż b’introjtu għoli u membru tal-OECD. Għandu jirrifletti l-importanza tat-tisħiħ ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni settorjali, li għandhom ikunu mmirati l-aktar lejn l-iżvilupp ta’ proposti u miżuri konkreti u objettivi starteġiċi u t-trawwmin ta’ kultura dinamika ta’ konsultazzjoni u koordinazzjoni.

Għandu jħalli lill-partijiet jidentifikaw modi ta’ kif jiżviluppaw u japplikaw metodi ta’ ħidma moderni, effettivi u dinamiċi u jippermetti valutazzjoni konġunta tar-riżultati, abbażi ta’ objettivi strateġiċi. Għandu jrawwem il-ħolqien ta’ netwerks ta’ kuntatt u jsaħħaħ il-kapaċitajiet neċessarji għall-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-kejl, il-valutazzjoni u t-tixrid tar-riżultati tar-relazzjoni.

Oqsma għall-kooperazzjoni:

·Il-Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà

·Id-diżarmament u n-nonproliferazzjoni

·Id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba

·L-ugwaljanza bejn is-sessi

·Is-sigurtà internazzjonali u ċ-ċiberspazju

·Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

·Il-kooperazzjoni ġudizzjarja

·Il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tad-drogi, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni

·Il-migrazzjoni internazzjonali

·Il-protezzjoni konsulari

·Is-sigurtà taċ-ċittadini

·Il-kooperazzjoni fil-ġestjoni internazzjonali tal-kriżijiet

·L-intrapriża u l-industrija

·Il-materja prima

·Ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji

·L-impjiegi u l-kwistjonijiet soċjali

·Il-kooperazzjoni reġjonali

·Iż-żgħażagħ

·Il-kultura

·L-enerġija sostenibbli

·L-ambjent

·It-tibdil fil-klima

·L-ekonomija ċirkolari

·Is-sajd

·Il-governanza tal-oċeani

·L-istat ta’ tħejjija għad-diżastri

·Il-kooperazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp

·It-tkabbir blu

·Ir-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni

·L-osservazzjoni tad-Dinja

·L-istrateġiji tal-politika diġitali

·Il-kapital uman avvanzat

·L-edukazzjoni u l-edukazzjoni għolja

·It-turiżmu

·Il-protezzjoni tad-data personali

·L-istatistika

·Oqsma oħra, kif xieraq



III.    Il-Kummerċ u l-Investiment 

In-Natura u l-Kamp ta’ Applikazzjoni

L-objettiv tal-parti dwar il-kummerċ u l-investiment ta’ Ftehim immodernizzat għandu jkun li żżid il-livell ta’ ambizzjoni fl-oqsma kollha tal-Ftehim eżistenti. Għandha tipprovdi liberalizzazzjoni reċiproka addizzjonali u komprensiva tal-kummerċ fi prodotti u servizzi, u tistabbilixxi regoli dettaljati dwar sensiela mifruxa ta’ kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ u mal-investiment, kif speċfikat hawn taħt. Il-Ftehim għandu jipprovdi għal liberalizzazzjoni progressiva u reċiprova tal-investiment, protezzjoni tal-investiment u aċċess addizzjonali reċiproku għas-swieq tal-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, il-Ftehim għandu jkollu l-għan li jneħħi l-ostakli bla bżonn għall-kummerċ u għall-investiment, inklużi l-ostakli nontariffarji (ONT) eżistenti, permezz ta’ mekkaniżmi effettivi u effiċjenti, u jipprova jilħaq livell ambizzjuż ta’ koerenza regolatorja għall-prodotti u għas-servizzi, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn ir-regolaturi.

Ir-regoli tal-Ftehim fir-rigward tal-koerenza regolatorja, b’mod partikolari, għandhom ikunu bla preġudizzju għad-dritt tal-Partijiet li jirregolaw f’konformità mal-livell ta’ saħħa u sikurezza, u protezzjoni tal-konsumatur, tax-xogħol, tad-data u tal-ambjent li kull naħa jidhrilha li huwa xieraq, jew inkella li jiksbu l-objettivi leġittimi tal-politika pubblika, bħad-diversità kulturali jew l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli (kif definiti minn kull Parti) permezz tar-regolamentazzjoni.

Il-parti tal-ftehim li tirrigwarda l-kummerċ u l-investiment għandha wkoll tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u ta’ valuri usa’ tal-UE bħad-drittijiet tal-bniedem, fost l-oħrajn billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet marbuta mal-kummerċ li jkunu jirrigwardaw ix-xogħol, l-ambjent u l-ġeneru, inkluż permezz tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, it-trasparenza u l-promozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards internazzjonali tax-xogħol u tal-ambjent. Sabiex ikunu trattati miżuri bħal dawn, għandu jitqies l-iżvilupp sostenibbli matul il-Ftehim, inkluż fl-għamla ta’ kapitolu speċifiku dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, li jkopri kemm il-kwistjonijiet soċjali kif ukoll dawk ambjentali.

Il-Ftehim għandu jiżgura li l-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-awtoritajiet li jaqgħu taħt l-awtoritajiet ċentrali u l-entitajiet rilevanti, jikkonformaw b’mod effettiv mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

Il-Ftehim għandu jqis il-ħtiġijiet partikolari tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Il-Kummerċ fil-Prodotti

It-tneħħija ulterjuri tad-dazji doganali

Il-Ftehim għandu jimmira għal liberalizzazzjoni sħiħa tat-tariffi, filwaqt li jipprovdi għal trattament speċjali għall-prodotti identifikati bħala sensittivi, li fil-konfront tagħhom għandu jkun hemm aċċess għas-suq sinifikanti, bħal pereżempju, perjodi itwal ta’ eliminazzjoni, jew impenji ta’ liberalizzazzjoni parzjali (inklużi l-kwoti tar-rata tariffarja), b’kunsiderazzjoni tal-interessi offensivi u difensivi tal-UE.

Kull dazju doganali, taxxa jew imposta fuq l-esportazzjonijiet jew kull miżura ta’ effett ekwivalenti għandha tkun abolita, u l-adozzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ dan it-tip għandha tkun projbita.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet

Il-Ftehim għandu jipprojbixxi kull projbizzjoni jew restrizzjoni fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet, inklużi restrizzjonijiet kwantitattivi jew rekwiżiti ta’ awtorizzazzjonijiet, li ma jkunux iġġustifikati bl-eċċezzjonijiet speċifiċi stipulati hawn taħt, u għandu jkun fih kontrolli mtejba fuq il-liċenzjar tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet, il-prodotti msewwija, il-prodotti manifatturati mill-ġdid u l-immarkar tal-oriġini.

Ir-regoli tal-oriġini

In-negozjati għandhom ikollhom l-għan li jaġġornaw l-Anness dwar ir-Regoli tal-Oriġni, sabiex irendu r-regoli tal-oriġini u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-Ftehim aktar ċari u aktar sempliċi, filwaqt li jqisu l-aktar żviluppi reċenti fir-rigward tar-regoli tal-oriġini tal-UE. Id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva għandu jkollhom ukoll l-għan li jiżguraw li l-iżbalji amministrattivi jiġu trattati kif suppost.

Fl-interess tal-kummerċ u tal-investiment tal-UE, l-estensjoni tal-akkumulazzjoni tal-oriġini għall-pajjiżi terzi tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni matul in-negozjati.

Il-kwistjonijiet marbuta mad-dwana u l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet biex ikun iffaċilitat aktar il-kummerċ bejn il-Partijiet, filwaqt li jkunu żgurati kontrolli u miżuri għal kontra l-frodi effettivi. Għal dan l-għan, għandu jimxi fuq il-passi tal-Ftehim tad-WTO ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u jinkludi obbligi dettaljati bl-għan li, fost l-oħrajn, tingħata promozzjoni lill-immodernizzar u lis-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, lid-dokumentazzjoni standardizzata, lit-trasparenza, liċ-ċertezza legali u lill-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali.

Kooperazzjoni ta’ dan it-tip għandha tinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji u, meta xieraq, it-twaqqif ta’ rikonoxximent reċiproku tat-tekniki tal-ġestjoni tar-riskju, tal-istandards tar-riskji, tal-kontrolli tas-sigurtà, u tal-programmi ta’ sħubija kummerċjali għal operaturi ekonomiċi konformi u affidabbli, li jridu jiġu deċiżi u implimentati mill-Kumitat rilevanti. Għandha tinkludi wkoll l-aġġornament tad-dispożizzjonijiet attwali dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ukoll jippromovu l-konverġenza fil-qasam tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ, permezz tal-implimentazzjoni u tal-applikazzjoni effettiva tar-regoli u tal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-dwana u ta’ proċeduri oħra relatati mal-kummerċ, inklużi d-dispożizzjonijiet tad-WTO u l-istrumenti tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, fost l-oħrajn, il-Konvenzjoni ta’ Kyoto rriveduta.

Il-miżuri nontariffarji

Il-Ftehim għandu jkollu l-għan li jneħħi l-ostakli bla bżonn għall-kummerċ u għall-investiment, inklużi l-ONT li għad fadal, permezz ta’ mekkaniżmi effettivi u effiċjenti, u li jippromovi l-koerenza regolatorja għall-prodotti u għas-servizzi bejn l-UE u ċ-Ċilì.

L-ONT speċifiċi għall-prodotti għandhom ikunu trattati fuq il-bażi tar-rikjesta u l-offerta, b’mod parallel mal-iskambji dwar il-konċessjonijiet tariffarji. Il-Ftehim għandu jinkludi impenji speċifiċi għas-settur dwar l-ONT. Il-Ftehim għandu wkoll jipprevedi proċeduri adattati biex ikunu evitati ONT ġodda kif ukoll ikun evitat li fil-futur ifeġġu ostakli oħra bla bżonn għall-kummerċ, inkluż permezz tat-trasparenza fir-rigward tal-liġijiet u tar-regolamenti applikabbli.

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-Intrapriżi Kummerċjali Statli, li jivvalutaw kull distorsjoni possibbli għall-kompetizzjoni u kull ostaklu għall-kummerċ u għall-investiment li dan jista’ jikkaġuna.

Għandha wkoll tkun indirizzata l-kwistjoni tal-ostakli ta’ lokalizzazzjoni għall-kummerċ (miżuri mfassla biex jipproteġu, jiffavorixxu jew iħeġġu lill-operaturi domestiċi a skapitu tal-prodotti jew servizzi importati, jew tal-proprjetà intellettwali żviluppata barra l-pajjiż jew bi sjieda barranija).

Regolamenti tekniċi, standards u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità

Il-Partijiet għandhom jikkonkludu dispożizzjonijiet komprensivi dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK), li jimxu fuq il-passi tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (il-Ftehim dwar l-OTK) u jmorru lil hinn minnu. Dawn id-dispożizzjonijiet għandu jkollhom l-għan li, fost l-oħrajn, jaraw li jiksbu kompatibbiltà u konverġenza tar-regolamenti tekniċi permezz tal-applikazzjoni tal-istandards internazzjonali, jissimplifikaw ir-rekwiżiti tal-ittestjar u taċ-ċertifikazzjoni, pereż. permezz ta’ approċċ għall-valutazzjoni tal-konformità li jkun imsejjes fuq ir-riskju (inkluż l-użu tal-awtodikjarazzjoni tal-konformità f’setturi li fihom dan huwa possibbli u xieraq), jippromovu l-użu tal-akkreditazzjoni, li jsaħħu t-trasparenza, jistabbilixxu mekkaniżmu għal djalogu u kooperazzjoni mtejba sabiex għat-trattament ta’ kwistjonijiet bilaterali marbuta mal-OTK, u jtejbu t-tixrid tal-informazzoni lill-importaturi u lill-esportaturi.

Jistgħu jkunu kkunsidrati Annessi Settorjali bi skemi aktar dettaljati u speċifiċi.

Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS – Sanitary and Phytosanitary measures)

Sabiex tkun żgurata l-koerenza ma’ ftehimiet kummerċjali simili oħra konklużi mill-UE, il-Ftehim il-ġdid għandu jinkorpora, permezz ta’ arranġamenti istituzzjonali xierqa, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim SPS attwali mehmuż mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni eżistenti, u jekk ikun hemm bżonn, jitqiesu l-aġġustamenti possibbli f’oqsma speċifiċi.

L-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ

Is-salvagwardji

Il-Ftehim għandu jinkludi klawżola dwar il-miżura ta’ salvagwardja li jipprevedu li kwalunkwe Parti tista’ tieħu l-miżuri xierqa f’konformità mal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu XIX tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 jew il-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji. Il-Ftehim għandu wkoll jiżgura li miżuri ta’ salvagwardja bħal dawn ikollhom l-anqas effett possibbli fuq il-kummerċ bilaterali.

Sabiex l-impenji fir-rigward tal-liberalizzazzjoni jkunu kbar kemm jista’ jkun, u sabiex tkun żgurata kull protezzjoni neċessarja, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-setturi sensittivi, il-Ftehim għandu, fil-prinċipju jinkludi klawżola bilaterali ta’ salvagwardja li permezz tagħha kwalunkwe parti tista’ tneħħi, parzjalment jew kompletament, il-preferenzi, f’dawk il-każijiet li fihom, minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, żieda fl-importazzjonijiet ta’ prodott mill-parti l-oħra tkun qiegħda tikkawża jew thedded li tikkawża dannu serju għall-industrija domestika tagħha.

Il-miżuri antidumping u l-miżuri kumpensatorji

Il-Ftehim għandu jinkludi klawżola dwar il-miżuri antidumping u l-miżuri kumpensatorji li tipprevedi li kwalunkwe Parti tista’ tieħu l-miżuri xierqa kontra d-dumping u/jew is-sussidji kumpensatorji f’konformità mal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 jew il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Il-Ftehim għandu jintegra wkoll l-impenji li jmorru lil hinn mir-regoli tad-WTO f’dan il-qasam, f’konformità mar-regoli tal-UE u ma’ ftehimiet preċedenti.

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Il-Ftehim għandu jirrikonoxxi li l-pagamenti li jaqgħu taħt il-kaxxa l-ħadra ma jikkawżawx distorsjoni tal-prezzijiet u għaldaqstant, fil-prinċipju, ma għandhomx ikunu fil-mira tal-miżuri antidumping jew antisussidji.

Il-Kummerċ fis-Servizzi u l-Investiment

Il-liberalizzazzjoni tas-servizzi u l-investiment u l-kummerċ diġitali

F’konformità mal-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), il-Ftehim għandu jkollu kopertura settorjali sostanzjali u għandu jkopri l-modalitajiet kollha ta’ provvista. Il-Ftehim ma għandu jkollu l-ebda esklużjoni a priori mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għajr għall-esklużjoni tas-servizzi awdjoviżivi mill-impenji ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi u tal-investiment, u s-servizzi provduti u l-attivitajiet imwettqa fl-eżerċitar tal-awtorità governattiva. Il-mira tan-negozjati għandha tkun dik ta’ liberalizzazzjoni progressiva u reċiproka tal-kummerċ fis-servizzi u fl-investiment billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-aċċess tas-suq u t-trattament nazzjonali, lil hinn mill-impenji tal-Partijiet relatati mad-WTO u mill-offerti mressqa fil-kuntest tan-negozjati tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi. Il-Ftehim għandu jinkludi regoli li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni relatati mal-investimenti.

Barra minn hekk, il-Ftehim għandu jinkludi skemi regolatorji ġodda jew imtejba meta mqabbla mal-GATS. Għal dan l-għan, in-negozjati għandhom ikopru kwistjonijiet bħal:

·dispożizzjonijiet regolatorji dwar it-trasparenza u r-rikonoxximent reċiproku;

·dispożizzjonijiet orizzontali dwar ir-regolamentazzjoni domestika, bħal dik li tiżgura l-imparzjalità u l-proċess ġust fir-rigward tar-rekwiżiti u l-proċeduri tal-illiċenzjar u tal-kwalifiki; u

·dispożizzjonijiet regolatorji għal setturi speċifiċi – inklużi s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi tal-posta u tal-kurjer u s-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali.

Fil-kuntest ta’ diġitalizzazzjoni tal-kummerċ kulma jmur tikber, in-negozjati għandhom jissarrfu f’regoli li jkopru l-kummerċ elettroniku u l-flussi transfruntiera ta’ data, is-servizzi fiduċjarji elettroniċi u s-servizzi ta’ awtentikazzjoni, il-komunikazzjonijiet mhux mitluba għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, u għandhom jindirizzaw il-protezzjoniżmu diġitali u r-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data mhux ġustifikati, filwaqt li la jinnegozzjaw u lanqas jaffettwaw ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

Il-Ftehim jista’ jinkludi impenji proċedurali għad-dħul u għas-soġġorn ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju skont l-impenji tal-Partijiet fil-Modalità 4. Fl-istess waqt, ma għandu jkun hemm xejn fil-Ftehim li ma jħallix lill-Partijiet japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u r-rekwiżiti nazzjonali tagħhom fir-rigward tad-dħul u tas-soġġorn, bil-kundizzjoni li, meta jagħmlu dan, ma jġibux fix-xejn jew ma jirvinawx il-benefiċċji akkumulati frott il-Ftehim. Il-liġijiet, ir-regolamenti u r-rekwiżiti tal-UE u tal-Istati Membrii tagħha fir-rigward tal-kundizzjonijiet u tad-drittijiet tax-xogħol għandhom ikomplu japplikaw.

Il-Ftehim għandu jisħaq id-dritt tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom li jirregolaw fit-territorji tagħhom biex jiksbu objettivi leġittimi ta’ politika pubblika bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, tas-servizzi soċjali, tal-edukazzjoni pubblika, tas-sikurezza, tal-ambjent, tal-morali pubblika, tal-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali. Għandha tinżamm il-kwalità għolja tas-servizzi pubbliċi tal-UE f’konformità mat-TFUE u b’mod partikolari l-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, u bil-kunsiderazzjoni tar-riżervi tal-UE f’dan il-qasam, inkluż il-GATS.

Il-protezzjoni tal-investiment

Il-Ftehim għandu jinkludi:

·standards ta’ protezzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u mfissra bir-reqqa, inklużi dispożizzjonijiet dwar it-trattament ġust u ekwu, sigurtà u protezzjoni kompluti, trattament nazzjonali, trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit, protezzjoni kontra l-esproprjazzjoni diretta u indiretta, trasferimenti ħielsa, kumpens għat-telf, osservanza ta’ impenji bil-miktub; u

·mekkaniżmu ġuriżdizzjonali tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku biex isolvi t-tilwimiet bejn l-investituri u l-istati, bi tribunal tal-investiment u mekkaniżmu tal-appell (Sistema ta’ Qorti tal-Investiment). Dan il-mekkaniżmu għandu jiżgura imparzjalità sħiħa u trasparenza sħiħa tal-proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim, jevita litigazzjoni frivola u jinkludi għodod xierqa biex jiffaċilita l-ftehim bonarju tal-pretensjonijiet.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment għandhom jiżguraw protezzjoni qawwija tal-investituri u tal-investimenti, filwaqt li jitħares kompletament id-dritt tal-Partijiet li jirregolaw fit-territorji tagħhom sabiex jiksbu objettivi leġittimi ta’ politika bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, tas-servizzi soċjali, tal-edukazzjoni pubblika, tas-sikurezza, tal-ambjent, tal-morali pubblika, tal-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.

Iċ-Ċaqliq tal-Kapital u l-Pagamenti

Il-Ftehim għandu jibqa’ jżomm id-dispożizzjonijiet dwar il-liberalizzazzjoni sħiħa tal-pagamenti kurrenti u taċ-ċaqliq tal-kapital, u jinkludi klawżola ta’ sospensjoni (standstill clause). Għandu jinkludi dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u ta’ konċessjoni (pereż. fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti u tal-politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni), kollox f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-kapital.

Il-Ftehim ma għandux jipprekludi l-infurzar ta’eċċezzjonijiet dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-kapital u tal-pagament ġustifikabbli skont ir-regoli tad-WTO rilevanti.

Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

Il-Ftehim għandu jikkomplementa u jimxi fuq il-passi tal-Ftehim TRIPS, bl-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni u infurzar tal-għamliet kollha tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

B’mod konsistenti ma’ dan ta’ hawn fuq, il-Ftehim għandu jkopri dispożizzjonijiet ġenerali; id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati; it-trademarks; id-disinji; il-privattivi, il-varjetajiet tal-pjanti, il-protezzjoni ta’ informazzjoni mhux żvelata inklużi sigrieti kummerċjali; indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ); u impenji, meta applikabbli, ta’ aderenza u/jew konformità mal-ftehimiet jew konvenzjonijiet multilaterali rilevanti.

Il-Ftehim għandu jiżgura infurzar imtejjeb tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż fl-ambjent diġitali u fil-fruntieri.

Fir-rigward tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ), filwaqt li jimxi fuq il-passi tal-protezzjoni ta’ livell għoli għall-IĠ tal-inbejjed u tal-ispirti li tinsab fil-Ftehim eżistenti, il-Ftehim Immodernizzat għandu jipprovdi protezzjoni diretta permezz tal-qbil dwar IĠ ta’ prodotti agrikoli/alimentari elenkati, b’livell għoli ta’ protezzjoni fuq il-passi tal-Artikolu 23 TRIPS (inkluż kontra l-evokazzjoni), infurzar imtejjeb, eċċezzjonijiet għad-drittijiet konferiti lit-trademarks (koeżistenza), u l-possibbiltà li jiġu miżjuda IĠ ġodda. Għandhom ikunu indirizzati kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet individwali preċedenti, pereżempju dawk relatati mal-varjetajiet tal-pjanti, mat-trademarks, ma’ użi preċedenti ġeneriċi jew użi preċedenti leġittimi oħra.

Il-Ftehim għandu wkoll ikollu l-għan li jistabbilixxi djalogu regolari jew gruppi ta’ ħidma regolari dwar il-Proprjetà Intellettwali biex jippromovi l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-progress leġiżlattiv rispettiv, l-iskambju ta’ esperjenzi dwar l-infurzar u konsultazzjoni f’rabta mal-pajjiżi terzi.

L-Akkwist Pubbliku

Il-Ftehim għandu jimmira li jikseb aċċess reċiproku mtejjeb għas-swieq tal-akkwist pubbliku minn awtoritajiet ċentrali u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-awtoritajiet ċentrali, kif ukoll minn intrapriżi tal-istat u intrapriżi bi drittijiet speċjali jew esklussivi li joperaw fis-setturi tas-servizz pubbliku. Għandu jkollu l-għan li jikkomplementa l-kopertura attwali tal-aċċess għas-suq u jiżgura trattament mhux anqas favorevoli minn dak mogħti lill-fornituri stabbiliti lokalment. L-akkwist tal-prodotti, servizzi u servizzi ta’ kostruzzjoni għandu jkun kopert minn eċċezzjonijiet limitati u għandu jinkludi wkoll negozjati ta’ impenji f’rabta ma’ konċessjonijiet ta’ xogħlijiet, konformement mal-leġiżlazzjonijiet rispettivi f’dan il-qasam.

Il-Ftehim għandu wkoll ikollu l-għan li jtejjeb ir-regoli u l-iskemi attwali billi jallinjahom mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA – Government Procurement Agreement) irrivedut tad-WTO u billi jdaħħal dispożizzjonijiet ġodda.

Il-Kummerċ u l-Kompetizzjoni

Il-Ftehim għandu jkun fih skemi dwar l-antitrust u l-fużjonijiet applikabbli għall-intrapriżi kollha. Għandu jinkludi prinċipji ġenerali ta’ infurzar, inklużi t-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni, il-ġustizzja proċedurali u l-proċess ġust.

Il-Ftehim għandu wkoll ikun fih dispożizzjonijiet dwar is-sussidji li jkopru kwistjonijiet bħat-trasparenza, il-konsultazzjonijiet u skemi li jirrigwardaw l-aktar tipi ta’ sussidji li jikakwżaw distorsjoni. Id-dispożizzjonijiet dwar il-konsultazzjonijiet għandhom jeskludu s-sussidji agrikoli. Il-Ftehim għandu jinkludi regoli speċifiċi dwar l-intrapriżi tal-istat, l-intrapriżi li jingħataw drittijiet jew privileġġi speċifiċi u monopolji speċifikati, sabiexi kun żgurat li dawn ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni jew joħolqu ostakli għall-kummerċ u għall-investiment.

L-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju

Il-Ftehim għandu jinkludi kapitolu speċifiku dwar l-SMEs. Il-Ftehim għandu jkun ta’ assistenza għall-SMEs sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-opportunitajiet tal-Ftehim, inkluż permezz ta’ arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq, u ta’ qafas istituzzjonali xieraq.

Il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-aspetti ambjentali u ta’ xogħol tal-kummerċ u tal-iżvilupp sostenibbli, li jkunu ta’ rilevanza f’kuntest kummerċjali u ta’ investiment. Għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jippromovu l-aderenza mal-prinċipji u mar-regoli rilevanti maqbula b’mod internazzjonali, kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, inklużi l-istandards ewlenin tax-xogħol u l-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u ftehimiet ambjentali multilaterali, inklużi dawk relatati mat-tibdil fil-klima.

Il-Ftehim għandu jisħaq id-dritt tal-Partijiet li jriregolaw fl-oqsma tax-xogħol u dawk ambjentali, b’mod konsistenti mal-impenji internazzjonali tagħhom, u bl-iskop li jintlaħqu livelli għolja ta’ protezzjoni. Għandu jinkludi dispożizzjonijiet sabiex il-kummerċ u l-investiment ma jitħeġġewx a skapitu ta’ livelli domestiċi aktar baxxi ta’ protezzjoni tax-xogħol u tal-ambjent. Dan għandu jinkludi impenn li ma jkun hemm l-ebda deroga mil-liġijiet domestiċi dwar ix-xogħol u l-ambjent, jew nuqqas ta’ infurzar tagħhom.

Il-Ftehim għandu jippromovi kontribut akbar tal-kummerċ u tal-investiment għall-iżvilupp sostenibbli, inkluż permezz tal-ittrattar ta’ oqsma bħall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fi prodotti u servizzi ambjentali u li jiffavorixxu l-klima u l-promozzjoni ta’ skemi volontarji ta’ garanzija tas-sostenibbiltà, responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji u ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li jitqiesu l-istrumenti rikonoxxuti internazzjonalment.

Il-Ftehim għandu wkoll ikun fih impenji li jippromovu l-kummerċ ta’ riżorsi naturali miksuba legalment u ġestiti b’mod sostenibbli, b’mod partikolari f’rabta mal-bijodiversità, in-natura selvaġġa, il-prodotti tal-forestrija, is-sajd u għandu jkopri l-istrumenti u l-prassi internazzjonali rilevanti. Għandu wkoll jippromovi l-kummerċ li jiffavorixxi l-iżvilupp b’livell baxx ta’ emissjonijiet u li jiflaħ għall-klima.

Il-Ftehim għandu jipprevedi dispożizzjonijiet adattati għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettivi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll proċeduri biex ikunu indirizzati t-tilwimiet kollha li jistgħu jfeġġu bejn il-Partijiet, u għandu jipprovdi għas-sehem tas-soċjetà ċivili.

Il-Kummerċ u l-Ġeneru

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jindirizzaw aspetti tal-ġeneru relatati mal-kummerċ. Għandu jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittejbu l-opportunitajiet għan-nisa biex jibbenefikaw mill-opportunitajiet ekonomiċi li jfeġġu mir-relazzjoni kummerċjali mtejba tal-Partijiet permezz tal-Ftehim.

L-Enerġija u l-Materja Prima

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jittrattaw l-aspetti tal-enerġija u tal-materja prima li jkunu relatati mal-kummerċ u mal-investiment. In-negozjati għandhom jimmiraw għall-iżgurar ta’ ambjent tan-negozju miftuħ, trasparenti, nondiskriminatorju u prevedibbli u għat-tqegħid ta’ limiti għall-prattiki antikompetittivi, kif ukoll għall-affrontar tar-rekwiżiti fuq kontenut lokali f’dawn l-oqsma. Il-Ftehim għandu wkoll jinkludi regoli li jappoġġaw u jippromovu ulterjorment il-kummerċ u l-investiment fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.

Il-Koerenza u t-Trasparenza Regolatorja

Il-Ftehim għandu jinkludi skemi trażversali dwar it-trasparenza u l-koerenza regolatorji għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ regolamenti effiċjenti, kosteffettivi u aktar kompatibbli għall-prodotti u għas-servizzi. Il-Ftehim għandu jinkludi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet dwar il-konsultazzjonijiet bikrija dwar regolamenti sinifikanti, inklużi l-opportunitajiet tal-partijiet interessati li jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ proposti regolatorji, għall-pubblikazzjoni ta’ miżuri li jkollhom impatt fuq il-kummerċ u fuq l-investiment, għall-promozzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni, u l-użu msaħħaħ ta’ prassi regolatorja tajba, bħall-valutazzjoni tal-impatt tar-regolamentazzjoni.

Antikorruzzjoni

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi li fil-mira tagħhom ikollhom il-korruzjoni li tolqot il-kummerċ u l-investiment u li jkunu ta’ skoraġġiment għaliha. Tali dispożizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq standards u ftehimiet kemm Ewropej kif ukoll maqbula internazzjonalment li jkunu relatati mal-antikorruzzjoni.

Is-Soluzzjoni u l-Medjazzjoni tat-Tilwim bejn Żewġ Stati

Il-Ftehim għandu jinkludi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn żewġ stati li jkun effettiv u vinkolanti u li jkollu proċedura mħaffa, b’mod partikolari għall-kompożizzjoni tal-bord u t-tmexxija tal-proċedimenti tal-bord. Il-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim għandu jkun trasparenti, miftuħ u innovattiv. Għandu jinkludi dispożizzjonijiet għal mekkaniżmu ta’ medjazzjoni flessibbli u veloċi.

Eċċezzjonijiet Ġenerali

Il-Ftehim għandu jinkludi eċċezzjonijiet ġenerali, inklużi fir-rigward tas-sigurtà, tal-bilanċ tal-pagamenti, tas-superviżjoni prudenzjali u tat-tassazzjoni abbażi tal-Artikoli rilevanti tal-Ftehimiet tad-WTO.

Oqsma oħra

Wara analiżi mill-Kummissjoni, konsultazzjoni minn qabel mal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali, u f’konformità mat-Trattati tal-UE, il-Ftehim jista’ jinkludi dispożizzjonijiet dwar oqsma oħra relatati mal-kummerċ u mal-investiment li għalihom jista’ jkun espress interess reċiproku matul in-negozjati.

IV. Qafas Istituzzjonali Ġenerali 

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-istruttura istituzzjonali, jimxi fuq il-passi tal-arranġamenti u tal-prassi eżistenti u jiżviluppahom ulterjorment.

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jżomm ir-rwol tiegħu tal-ogħla korp tal-Ftehim Immodernizzat responsabbli għas-superviżjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tiegħu. Qiegħed ikun issuġġerit li ż-żmien meta jsiru l-laqgħat tal-Kunsill jiġi adattat abbażi ta’ qbil komuni bejn il-partijiet.

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jżomm ir-rwol ewlieni tiegħu li jiżgura l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Il-Ftehim għandu jidentifika modi sabiex il-ħidma tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni tkun waħda aktar effettiva, biex jippromovi s-sinerġiji u jipprovdi aktar dinamiċità, fil-kompitu tiegħu li jassisti lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fit-twettiq tad-doveri tiegħu. Jistgħu jkunu stabbiliti sottokumitati u gruppi ta’ ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi.

Il-Ftehim għandu jipprevedi li l-laqgħat speċifiċi tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni f’rabta mal-Kummerċ stabbiliti skont il-Ftehim (“il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni dwar il-Kummerċ”) iwettqu monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jirrigwardaw il-kummerċ u l-investiment. Jistgħu jkunu stabbiliti sottokumitati dwar oqsma speċifiċi, skont il-każ, u dawn ikunu joperaw fil-qafas tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni dwar il-Kummerċ. Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni dwar il-Kummerċ għandu jagħti rendikont lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

Il-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni għandu jżomm ir-rwol tiegħu u għandu jikkostitwixxi forum ta’ kooperazzjoni interparlamentari għall-membri tal-Parlament Ewropew u tal-Kungress Nazzjonali taċ-Ċilì.

Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt għandu jinżamm biex jirrappreżenta l-fehma tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni tal-ftehim il-ġdid.

V. Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

Minkejja l-Mekkaniżmu ta’ Soluzzjoni tat-Tilwim għall-kwistjonijiet kummerċjali u dawk b’rabta mal-kummerċ, il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ rispett tal-obbligi tal-Ftehim, inkluża l-possibbiltà ta’ sospensjoni parzjali jew sħiħa tal-Ftehim f’każ ta’ ksur tal-elementi essenzjali. Ma għandu jkun hemm xejn f’dan il-Ftehim li jaffettwa l-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali.

(1)    ĠU L 352, 30.12.2002, p. 1.