IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.5.2017
JOIN(2017) 18 final
RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat
Werrej
1. INTRODUZZJONI 3
2. IS-SITWAZZJONI ATTWALI TA’ INVOLVIMENT BILATERALI U REĠJONALI4
Involviment bilaterali4
Involviment reġjonali8
3. PROGRESS DWAR PRIJORITAJIET EWLENIN 11
Il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem 11
L-iżvilupp ekonomiku għall-istabbilizzazzjoni 14
Is-sigurtà 19
Il-migrazzjoni u l-mobilità 22
4. ASSISTENZA FINANZJARJA LI TAPPOĠĠA L-VIĊINAT 24
Programmazzjoni konġunta u aktar koordinazzjoni mal-Istati Membri tal-UE 25
Aktar kooperazzjoni ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej (EFIs) u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs), inkluż permezz ta’ taħlit 26
Fondi fiduċjarji 27
Riżerva ta’ flessibbiltà 28
Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew 28
5. KONKLUZJONI 29
Rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat
1. INTRODUZZJONI
Dan huwa l-ewwel rapport wara r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) f’Novembru 2015
, li jistabbilixxi qafas ġdid għall-bini ta’ sħubijiet aktar effettivi bejn l-UE u l-ġirien tagħha, u jappoġġa l-istabbilizzazzjoni bħala l-prijorità ewlenija. Ir-rapport jirrifletti l-prijoritajiet politiċi ġenerali għall-azzjoni esterna tal-UE maqbula mal-Kunsill
wara l-pubblikazzjoni tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea f’Ġunju 2016.
Ir-rieżami tal-PEV kien ibbażat fuq proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni li jinvolvi s-sħab u l-Istati Membri tal-UE, u abbażi tal-kontributi tagħhom; Huwa introduċa approċċ ġdid li jinkludi aktar rispett lejn l-aspirazzjonijiet diversi tas-sħab tal-UE; insegwiment aktar effettiv ta’ oqsma ta’ interess reċiproku; metodi ta’ ħidma ġodda biex jappoġġaw sens akbar ta’ sjieda mis-sħab u involviment akbar u responsabbiltà kondiviża mill-Istati Membri; kif ukoll aktar flessibbiltà fil-mod kif l-UE tmexxi l-politiki u l-fondi ta’ żvilupp tagħha. Dan ir-rapport jirrifletti l-impenji meħuda fir-Rieżami tal-PEV biex iżommu l-partijiet interessati kollha infurmati bil-progress tal-PEV. Huwa jieħu wkoll kont tal-iżviluppi fir-relazzjonijiet tal-UE mas-sħab tagħha minn mindu ġiet adottata il-politika riveduta, u juri kif l-UE qed tipprovdi riżultati rigward l-approċċ il-ġdid.
Żviluppi fil-Viċinat tal-UE u fi ħdan l-UE komplew jikkonfermaw l-importanza ta’ relazzjonijiet ta’ ħidma mill-qrib u siewja bejn l-UE u l-ġirien tagħha. L-UE tappoġġa l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali fil-Pajjiżi Sħab kollha, li hija wkoll konformi mal-prinċipji tal-Karta tan-NU. Attakk terroristiku fl-UE u fil-pajjiżi ġirien juri l-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni kemm fuq is-sigurtà kif ukoll fuq il-muturi politiċi u soċjoekonomiċi ta’ estremiżmu vjolenti. L-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari, u r-reazzjoni għall-flussi tar-refuġjati jibqgħu sfidi importanti kemm għall-UE kif ukoll għall-ġirien tagħha, u l-oqsma ewlenin li fuqhom għandha tiffoka l-ħidma tagħna minħabba l-instabbiltà kontinwa kawża tal-kunflitti, speċjalment fil-Libja u s-Sirja. Lejn il-Lvant, il-pajjiżi ġirien qed ikomplu jaffaċċjaw it-trasformazzjoni tas-soċjetà f’kuntest ta’ pressjoni minn politika barranija Russa dejjem iktar assertiva.
Dan ir-rapport jenfasizza kif l-UE u s-sħab tagħha tal-Lvant u tan-Nofsinhar qed jaħdmu biex jippromwovu l-istabbilizzazzjoni u r-reżiljenza b’enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ekonomiku, l-impjegabilità, l-impjieg taż-żgħażagħ, u ż-żamma tal-impenn tal-UE li tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u l-governanza tajba ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi effettivi u responsabbli kif ukoll il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.
L-2016 ra progress dwar l-enerġizzazzjoni mill-ġdid tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien permezz ta’ forom ġodda ta’ sħubiji mfassla apposta. Dan inkluda l-ħidma fuq oqfsa ġodda speċifiċi għall-pajjiż għal kooperazzjoni bilaterali fil-forma ta’ Prijoritajiet tas-Sħubija kif ukoll Aġendi ta’ Assoċjazzjoni aġġornati. L-approċċ ta’ sjieda konġunta għamilha possibbli biex jiġu riflessi aħjar il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet individwali tal-pajjiżi sħab kif ukoll l-interessi u l-valuri tal-UE.
L-assistenza finanzjarja qed tintuża b’mod aktar flessibbli, biex tappoġġa l-prijoritajiet il-ġodda tal-PEV. L-Istati Membri ġew involuti bis-sħiħ fil-proċess li jiddefinixxi dawn il-prijoritajiet ukoll permezz ta’ aktar koordinazzjoni dwar assistenza finanzjarja u l-programmazzjoni konġunta. Kien ukoll żgurat involviment iktar mill-qrib tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet interessati oħra.
L-Istrateġija Globali se tmexxi l-azzjoni esterna tal-UE fis-snin li ġejjin, u l-PEV riveduta hija strument importanti biex tilħaq l-objettivi tagħha, b’mod partikolari fit-tweġiba għall-ħtieġa li titjieb ir-reżiljenza tal-istati u s-soċjetajiet fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-UE, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti
. Il-PEV rieżaminata hija wkoll koerenti mad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma li tippromwovi rwol iktar b’saħħtu tal-Ewropa fix-xena globali
u hija f’konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli.
It-taqsimiet li ġejjin jiddeskrivu żviluppi f’impenn reġjonali u bilaterali tal-UE mas-sħab; jpprovdu d-dettalji relatati mal-progress fuq prijoritajiet ewlenin ta’ koperazzjoni; jiddeskrivu l-impatti ta’ assistenza finanzjarja u jieħdu ħarsa ’l quddiem lejn kif qiegħda tiżviluppa l-PEV.
2. IS-SITWAZZJONI ATTWALI TA’ INVOLVIMENT BILATERALI U REĠJONALI
Involviment bilaterali
Il-PEV rieżaminata tirrikonoxxi li s-sħab individwali għandhom aspirazzjonijiet u interessi differenti fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE. Fl-2016, l-UE fittxet b’mod attiv il-fehmiet tas-sħab fit-triq ’il quddiem u tnedew u ġew konklużi konsultazzjonijiet ma’ numru ta’ pajjiżi tal-PEV dwar oqfsa ġodda għall-involviment bilaterali. Kemm jekk permezz tal-Prijoritajiet tas-Sħubija, Aġendi ta’ Assoċjazzjoni aġġornati jew Pjanijiet ta’ Azzjoni eżistenti, l-għan kien li jirriflettu l-livell ta’ ambizzjoni ta’ kull pajjiż fir-relazzjonijiet tiegħu mal-UE. Dawn id-dokumenti bilaterali konġunti li jirriflettu l-prijoritajiet politiċi komuni taw il-bażi għal eżerċizzju ta’ programmazzjoni li għaddej bħalissa tal-programmi ta’ assistenza bilaterali ġodda (Oqfsa ta’ Appoġġ Uniku) taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (SEV) għall-perjodu 2017–2020 li qed jitmexxa f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi sħab u tal-partijiet interessati rilevanti l-oħrajn kollha, inklużi s-soċjetà ċivili, tas-sħab soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-settur privat.
Il-Prijoritajiet tas-Sħubija mal-Libanu u l-Ġordan ġew adottati fi tmiem l-2016
. Sabiex iż-żewġ pajjiżi jiġu megħjuna jindirizzaw l-impatt tar-refuġjati wara l-kunflitt Sirjan, intlaħaq qbil dwar Patti li fihom azzjonijiet prijoritarji u l-impenji reċiproċi u dawn ġew annessi mal-Prijoritajiet tas-Sħubija. Iż-żewġ pajjiżi sħab diġà qed jirċievu assistenza mill-UE biex jindirizzaw il-bżonnijiet u jippromwovu r-reżiljenza u l-awtodipendenza tar-refuġjati u tal- komunitajiet ospitanti vulnerabbli, u jiżguraw approċċ ta’ Kollegament bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD) li jiġbor fih ukoll l-għajnuna umanitarja, u jipprovdi benefiċċji fuq medda twila ta’ żmien f’oqsma varji bħas-saħħa pubblika, l-edukazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.
In-negozjar ta’ Prijoritajiet tas-Sħubija ta l-opportunità li r-relazzjonijiet mal-Alġerija u l-Eġittu jinbnew mill-ġdid.
Il-Prijoritajiet tas-Sħubija mal-Alġerija ġew adottati f’Marzu 2017
. Saru djalogi dwar l-enerġija u l-migrazzjoni; ġie ffirmat ftehim dwar il-protezzjoni ċivili u ġew adottati programmi ta’ kooperazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli, id-diversifikazzjoni ekonomika u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, b’reazzjoni għall-isfidi ekonomiċi u fiskali ewlenin li qed taffaċċja bħalissa l-Alġerija.
Abbozz ta’ Prijoritajiet tas-Sħubija mal-Eġittu ġie provviżorjament maqbul f’Diċembru 2016. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Shoukhry ġie mistieden għas-sessjoni tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin ta’ Marzu biex jiddiskuti l-modi differenti li bihom il-prijoritajiet jistgħu jitmexxew ’il quddiem.
Is-sena 2016 rat l-intensifikazzjoni ta’ forom eżistenti ta’ kooperazzjoni mat-Tuneżija. F’Settembru 2016
ġiet adottata Komunikazzjoni Konġunta li stabbiliet aktar azzjonijiet biex jippromwovu l-istabbiltà fit-tul, inkluża l-governanza tajba, ir-riforma ġudizzjarja, l-iżvilupp soċjoekonomiku u s-sigurtà. Din ipprovdiet ukoll bażi għall-ħolqien ta’ Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u t-Tuneżija f’Settembru 2016 u għall-kontribut sostanzjali tal-UE fil-konferenza tal-investituri tat-Tuneżija 2020 f’Novembru 2016.
L-UE appoġġat l-aġenda ta’ riformi tal-Marokk f’firxa wiesgħa ta’ setturi soċjali (l-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali, il-ġeneru, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniku Vokazzjonali (TVET), is-settur ekonomiku (l-approssimazzjoni regolatorja, it-tkabbir ekoloġiku, l-agrikoltura, u ġestjoni finanzjarja pubblika) u tal-ġustizzja. Il-kooperazzjoni teknika u finanzjarja mal-Marokk tkompliet matul il-perjodu ta’ inċertezza legali sakemm issir id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (QtĠ) dwar il-Ftehim Agrikolu bejn l-UE u l-Marokk.
Is-sitwazzjoni interna tal-Libja tibqa’ estremament kumplessa u volatili minkejja l-firma tal-Ftehim Politiku Libjan (LPA) f’Diċembru 2015. Il-kooperazzjoni tal-UE adattat ruħha għaċ-ċirkustanzi partikolari ħafna, inkluż billi torjenta l-appoġġ permezz tal-muniċipalitajiet. Il-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, hija impenjata li timplimenta bis-sħiħ l-LPA u li tkompli tagħmilha ta’ medjatur bl-għan li tlaqqa’ lill-atturi Libjani kollha flimkien biex issib ftehim komprensiv biex treġġa’ lura l-ordni pubbliku, issaħħaħ l-istat tad-dritt, iġġib taħt kontroll ċivili l-forzi armati u ta’ sigurtà, tevita kollass finanzjarju, tippreserva l-unità tal-pajjiż u tindirizza t-terroriżmu u l-migrazzjoni irregolari.
L-istrateġija tal-UE għas-Sirja
tistabbilixxi l-għanijiet strateġiċi tal-UE, l-għanijiet immedjati u l-linji ta’ azzjoni għar-riżoluzzjoni tal-gwerra fis-Sirja u tittratta l-impatt umanitarju immedjat u fit-tul tagħha. Din l-istrateġija tiddefinixxi kif l-UE jista’ jkollha rwol aktar b’saħħtu biex tikkontribwixxi għal soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja taħt il-qafas eżistenti man-NU. Hija tagħti ħarsa wkoll lejn kif l-UE tista’ tkompli l-għajnuna tagħha għal aktar minn 13-il miljun ruħ fil-bżonn fis-Sirja, tgħin biex tinbena r-reżiljenza u l-istabbiltà fil-pajjiż, u tappoġġa r-rikostruzzjoni ta’ wara l-ftehim u r-ritorn sikur u dinjituż tar-refuġjati u tal-persuni spustati internament malli tkun għaddejja tranżizzjoni politika kredibbli.
Filwaqt li l-programmi bilaterali mal-gvern Sirjan ġew sospiżi mill-2011, l-UE tappoġġa lill-poplu Sirjan billi tipprovdi appoġġ ta’ għajnuna umanitarja li ssalva l-ħajjiet u appoġġ tar-reżiljenza billi taħdem mas-soċjetà ċivili u mal-NGOs. L-appoġġ tal-UE ffoka fuq kwistjonijiet bħalma huma r-reżiljenza fil-livell komunitarju, it-twassil ta’ servizzi pubbliċi u l-governanza lokali, id-drittijiet tal-bniedem u l-kontabilità, il-konsolidazzjoni tal-paċi, kwistjonijiet tal-ġeneru u l-minoranzi, sabiex issaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tipparteċipa fit-tranżizzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż. Fl-2016 l-UE żiedet b’mod konsiderevoli l-assistenza mhux umanitarja tagħha filwaqt li għaqqdet l-assistenza transkonfinali mal-appoġġ minn ġewwa s-Sirja bl-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u tissaħħaħ ir-reżiljenza lokali. L-għajnuna tal-UE tintuża wkoll biex tappoġġa b’mod sinifikanti ħames miljun rifuġjat Sirjan fil-pajjiżi ġirien u l-komunitajiet ospitanti tagħhom billi tipprovdi għajnuna umanitarja kif ukoll appoġġ għar-reżiljenza b’enfasi qawwija fuq l-edukazzjoni, l-aċċess għal servizzi essenzjali, u fuq miżuri mmirati biex jipprovdu l-għajxien għar-refuġjati biex tissaħħaħ ir-reżiljenza u tiġi sfruttata l-awtonomija. L-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, kienet l-akbar donatur fil-konferenza ta’ Londra dwar is-Sirja fi Frar 2016, u tagħmel użu minn firxa ta’ strumenti biex tgħin lill-pajjiżi jindirizzaw l-ambjent soċjoekonomiku u l-konsegwenzi tal-kriżi fis-Sirja. Il-konferenza internazzjonali ospitata mis-Sirja dwar “L-appoġġ tal-futur tas-Sirja u r-reġjun” fi Brussell f’April 2017 tenniet l-appoġġ u l-impenn sħiħ tat-taħditiet intra-Sirjani moderati min-NU f’Ġinevra, bħala l-uniku forum li fih għandha tiġi nnegozjata soluzzjoni politika. Kien hemm enfasi partikolari fuq ir-rwol tas-soċjetà ċivili f’dan il-proċess. Il-Konferenza kkonkludiet b’impenn globali ta’ EUR 5.6 biljun għall-2017, li minnhom EUR 3.7 biljun ġejjin mill-UE u l-Istati Membri, inklużi EUR 1.2 biljun mill-UE kemm għal appoġġ umanitarju kif ukoll għar-reżiljenza. Dan ikkonferma mill-ġdid l-impenn li sar f’Londra. Il-Kummissjoni Ewropea wiegħdet EUR 560 miljun addizzjonali għall-2018 għall-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja.
Fir-rigward tal-Iżrael u tal-Palestina
, l-UE tibqa’ impenjata bis-sħiħ lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati, li hija kruċjali għall-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp għall-perjodu fit-tul tar-reġjun. L-UE investiet b’mod konsiderevoli fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-Awtorità Palestinjana, fuq kollox għall-implimentazzjoni ta’ riformi ewlenin f’oqsma bħalma huma l-konsolidazzjoni fiskali, il-qafas regolatorju, u l-integrazzjoni tas-servizzi ċivili. Il-finanzjament tal-UE ffoka wkoll fuq investimenti li jistgħu jikkontribwixxu għal titjib sostenibbli fil-kundizzjonijiet tal-għajxien, partikolarment fl-Istrixxa ta’ Gaża.
Fil-Viċinat tal-Lvant, kien hemm ukoll sforz konġunt biex tiżviluppa ulterjorment ir-relazzjonijiet b’mod li jirrifletti aħjar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ sħab.
L-UE hija impenjata lejn assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika mal-Ukrajna. Għal dan l-għan, partijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ilha tiġi applikata b’mod proviżorju mill-2014, filwaqt li ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) ilha tiġi applikata b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2016. F’dawn l-aħħar sentejn, sar xogħol sinifikanti b’appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju tal-UE, biex jiġi stabilizzat u mmodernizzat il-pajjiż, b’riformi ewlenin adottati mill-gvern Ukren, notevolment fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika. Appoġġ għall-istabbilità politika u ekonomika tal-Ukrajna jitwassal skont programmi ta’ għajnuna makrofinanzjarja u miżuri speċjali.
L-UE tibqa’ impenjata favur l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika mal-Georgia. Hija kompliet tintensifika r-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiż bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia f’Lulju 2016 (li ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-2014) mar-rieżami li għaddej bħalissa tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE- u l-Georgia 2017-2020
u l-adeżjoni tal-Georgia għat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija f’Ottubru 2016. Id-djalogu ta’ Liberalizzazzjoni tal-Viża bejn l-UE u l-Georgia
wera li huwa għodda effettiva biex jitħarsu aktar riformi b’firxa wiesgħa u fl-aħħar ta’ Marzu 2017 witta t-triq għad-dħul fis-seħħ ta’ vvjaġġar fuq perjodu qasir mingħajr viża.
Ir-relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Moldova (minn hawn ’il quddiem “il-Moldova”) se jissoktaw fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, li daħal fis-seħħ f’Lulju 2016 (li ilu jiġi applikat b’mod provviżorju mill-2014). Rieżami tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni għall-perjodu 2017–2020 għadu għaddej.
Tnedew konsultazzjonijiet dwar il-Prijoritajiet ta’ Sħubija mal-Armenja, l-Azerbajġan u l-Belarussja.
Fi Frar tal-2017 ġew konklużi negozjati mal-Armenja dwar il-Ftehim Komprensiv ta’ Sħubija Msaħħa ġdida. Il-kooperazzjoni tal-UE mal-Armenja tiffoka fuq riformi ekonomiċi u ta’ governanza bl-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż u l-iżvilupp ekonomiku inklużiv. In-negozjati dwar ftehim komprensiv mal-Azerbajġan bl-għan li jissostitwixxu l-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni (fis-seħħ mill-1999) tnedew fi Frar 2017. L-UE tibqa’ impenjata biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Azerbajġan inkluż fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku, il-konnettività u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili.
Il-Grupp informali ta’ Koordinazzjoni, magħmul minn uffiċjali għolja tal-UE u l-Belarussja, ġie stabbilit fil-bidu tal-2016 bl-għan li tiġi riflessa aħjar il-qagħda tar-relazzjonijiet bilaterali. Passi tanġibbli meħuda mill-Belarussja li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali universali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt, ser jibqgħu importanti għat-tfassil tal-politika futura tal-UE lejn il-Belarussja.
Ħamsa mis-sitt pajjiżi sħab tal-Lvant huma affettwati minn kunflitti. L-UE appoġġat l-isforzi diplomatiċi biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna permezz ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta’ Minsk u tkompli tappoġġa bis-sħiħ riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti fir-reġjuni separatisti tan-Nofsinhar tal-Ossezja u tal-Abkażja, kif ukoll soluzzjoni paċifika għall-konflitt Transnistrijan bi status speċjali għat-Transnistrija. L-UE tkompli wkoll tappoġġa soluzzjoni paċifika għall-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh, fejn l-istatus quo huwa insostenibbli. Il-kunflitt m’għandux soluzzjoni militari u jeħtieġ soluzzjoni politika malajr kemm jista’ jkun f’konformità mad-dritt internazzjonali. L-UE tkompli tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi u l-proposti ta’ medjazzjoni tal-Kopresidenti tal-Grupp Minsk tal-OSKE.
Involviment reġjonali
Is-sħubija tal-Lvant (SL) tgħaqqad l-UE u s-sitt pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant flimkien biex jaħdmu dwar kwistjonijiet ta’ tħassib reċiproku. Din tissejjes fuq erba’ prijoritajiet stabbiliti fis-Summit ta’ Riga
tal-2015: l-iżvilupp ekonomiku u opportunitajiet tas-suq; It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba; il-konnettività, l-effiċjenza tal-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima; il-mobbiltà u l-kuntatti bejn in-nies.
Abbażi ta’ dawn il-prijoritajiet, mill-2016 ’l hawn approċċ iktar orjentat lejn is-Sħubija tal-Lvant ġie applikat b’attenzjoni kontinwa fuq it-tisħiħ tal-istat u r-reżiljenza tas-soċjetà. Ħidma strateġika ġdida li tgħaqqad kemm il-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali għandha l-għan li tiggwida l-ħidma tal-UE u s-sitt pajjiżi bejn is-Summits, billi tiffoka fuq għoxrin riżultat sal-2020. Kull riżultat huwa marbut ma’ għodod ta’ implimentazzjoni, b’għanijiet ċari li jridu jintlaħqu sa żmien is-Summit li jmiss tas-Sħubija tal-Lvant f’Novembru 2017, u l-miri li jridu jintlaħqu sal-2020. B’mod parallel, kompliet il-ħidma fil-qafas tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed
.
Is-SL timpenja ruħha mas-soċjetajiet u mal-istituzzjonijiet tas-sħab tagħha, inkluż il-leġiżlaturi permezz tal-Assemblea Parlamentari EURONEST
, u livell tal-gvern lokali u muniċipali permezz tal-qafas tal-CORLEAP
. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-SL u l-pjattaformi nazzjonali tas-soċjetà ċivili kkontribwew għad-djalogu ta’ politika fil-livelli kollha, minn Kumitati ta’ Assoċjazzjoni għal attivitajiet taħt Panels u Pjattaformi Teknoloġiċi, inklużi laqgħat ministerjali. Saru numru ta’ laqgħat ministerjali bħal dawn taħt is-SL, inkluż dwar is-saħħa, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-ekonomija diġitali, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Ġiet imtejba l-komunikazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE fir-reġjun permezz tat-Task Force l-gdida tal-UE għall-Komunikazzjoni Strateġika tal-Lvant (StratComm) u bit-tisħiħ tal-viżibbiltà ta’ programmi ta’ kooperazzjoni tal-UE. Fl-Armenja u l-Moldova, tfasslu kampanji kontra l-korruzzjoni u b’appoġġ għall-istat tad-dritt. Attivitajiet ta’ komunikazzjoni supplimentari ppromwovew il-benefiċċji konkreti ta’ assistenza liċ-ċittadini tal-UE fil-Georgia bħal-liberalizzazzjoni ta’ viżi u Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni. Fl-Ukrajna, il-qafas “Flimkien iktar b’saħħitna” għen biex jipproduċi messaġġ ċar u koerenti dwar l-assistenza tal-UE lill-Ukrajna.
Tkompliet kooperazzjoni territorjali mal-Istati Membri u mal-pajjiżi tas-SL fil-fruntieri esterni tal-UE permezz tal-adozzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali għall-perjodu 2014–2020
fuq il-konfini fuq l-art, bil-baħar u ta’ programmi tal-baċiri tal-baħar. Sar progress fit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni effettiva tal-Moldova u l-Ukrajna dwar Strateġija makroreġjonali tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju
.
L-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) tlaqqa’ lill-Istati Membri tal-UE, il-Viċinat tan-Nofsinhar u pajjiżi oħra fir-reġjun tal-Mediterran. Ir-rieżami tal-PEV jindika li fl-isforzi ta’ kooperazzjoni reġjonali tagħha fil-Viċinat tan-Nofsinhar il-prijorità tingħata lill-UgħM. Mill-2012 il-Ġordan kellu l-kopresidenza tal-UgħM, li tenfasizza s-sjieda konġunta ta’ dan il-forum importanti. Fuq inizjattiva tar-RGħ/VP, saru laqgħat tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin, bl-aktar reċenti f’Jannar 2017. L-UgħM għandha potenzjal uniku fir-reġjun biex iġġib flimkien is-sħab kollha kkonċernati, u biex twassal benefiċċji diretti lejn ir-reġjun b’mod partikolari fl-oqsma tal-impjieg taż-żgħażagħ, l-intraprenditorija, l-ambjent, l-ilma u l-infrastruttura. Dan jintwera permezz tal-Laqgħat Ministerjali tal-UgħM fejn il-prijoritajiet konġunti f’oqsma ewlenin ġew maqbula mill-ministri, bħall-Ekonomija Blu (Novembru 2015)
, l-impjieg u x-xogħol (Settembru 2016)
u dwar l-Enerġija (Diċembru 2016)
. L-ewwel Laqgħa tal-UgħM dwar il-Kooperazzjoni u l-Ippjanar Reġjonali (Ġunju 2016) wasslet għal impenn aktar qawwi ta’ pajjiżi sħab lejn oqfsa tal-kooperazzjoni reġjonali b’enfasi fuq inizjattivi u proġetti konkreti u tanġibbli. Saret laqgħa Ministerjali tal-UgħM dwar l-Ilma f’April 2017 u din approvat it-tħejjija tal-Aġenda tal-Ilma tal-UgħM għar-reġjun
. Pjan direzzjonali
bi proposti konkreti sabiex jiġu riveduti l-prijoritajiet u biex jiżdiedu s-sinerġiji ġie approvat mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UgħM fit-23 ta’ Jannar 2017 f’Barċellona. L-UE kompliet taħdem lejn l-organizzazzjoni ta’ Konferenza Ministerjali tal-Unjoni għall-UgħM. Il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Esperti tal-Ekonomija Diġitali kien stabbilit biex jindirizza kwistjonijiet tal-ekonomija diġitali fil-livell reġjonali.
L-UE saħħet ukoll il-kooperazzjoni tagħha mal-Lega tal-Istati Għarab (LAS). Skont id-Djalogu Strateġiku UE-LAS imniedi f’Novembru 2015 fi Brussell, żewġ gruppi ta’ ħidma addizzjonali — dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali u dwar il-migrazzjoni internazzjonali — ġew miżjuda ma’ dawk diġà eżistenti dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-armi tal-qerda tal-massa, l-immaniġġar tal-kriżijiet, it-twissija bikrija u r-rispons għall-kriżijiet, u l-assistenza umanitarja. S’issa dawn il-gruppi ta’ ħidma kkonċentraw fuq id-djalogi ta’ politika u l-iskambji tal-aħjar prattiki. Il-Laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab fil-Kajr, f’Diċembru 2016, ikkonfermat il-Programm ta’ Ħidma Konġunt, li jqiegħed enfasi fuq attivitajiet relatati mal-ġestjoni ta’ kriżijiet, is-soċjetà ċivili, id-drittijiet tal-bniedem, id-diplomazija, l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet u l-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fl-iżvilupp ekonomiku. Ir-RGħ/VP ħa sehem fis-summit annwali tal-LAS li sar fil-Ġordan f’Marzu 2017.
Il-kooperazzjoni tal-UE mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) ħadet impetu ġdid bl-organizzazzjoni konġunta li kienet suċċess ta’ Attività ta’ Livell Għoli dwar Diskriminazzjoni u Mibegħda Anti-Musulmana fi New York f’Jannar 2016.
Sa mit-tnedija tagħha fl-2014, il-Politika Annwali ta’ Brussell fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili tan-Nofsinhar kienet komponent ċentrali tal-proċess konsultattiv li għaddej mas-soċjetà ċivili f’inizjattiva li timmira li ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ djalogu bejn is-soċjetà ċivili, l-UE u l-awtoritajiet fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Id-diskussjonijiet sostantivi tal-Forum tal-2016 iffukaw fuq il-migrazzjoni u l-mobilità, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili. Il-Fondazzjoni Anna Lindh, bin-netwerk tagħha mifrux fuq 42 pajjiż tal-UgħM b’5,000 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, jkompli jkun interlokutur ewlieni tal-UE fi kwistjonijiet ta’ djalogu interkulturali, u l-promozzjoni ta’ fehim reċiproku.
L-UE appoġġat l-istabbiliment ta’ SESAME
, inizjattiva unika internazzjonali tad-diplomazija xjentifika bbażata fil-Ġordan u mfassla bħala xjenza għal inizjattiva għall-paċi. Fil-Lvant Nofsani, dan huwa l-ewwel ċentru ewlieni tar-riċerka internazzjonali. Dan jinkludi wkoll pajjiżi minn barra mir-reġjun tal-Viċinat (il-Bahrain, l-Iran, il-Pakistan u t-Turkija).
Sar ukoll progress sinifikanti fit-twaqqif ta’ Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA), li l-għan tagħha huwa li jiġu żviluppati soluzzjonijiet ġodda għal ġestjoni sostenibbli tal-ilma u l-produzzjoni tal-ikel.
L-UE hi wkoll ħerqana li tipparteċipa u tħeġġeġ forom oħra ta’ kooperazzjoni reġjonali, speċjalment fil-Viċinat tan-Nofsinhar, fejn il-koperazzjoni reġjonali hija limitata. F’dan ir-rigward, l-UE tipparteċipa f’diversi formati tad-Djalogu 5+5
u hija proponent b’saħħtu ta’ aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Magreb.
Barra minn hekk, l-UE hija involuta mal-Istati Afrikani kollha, inklużi l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq fil-qafas tal-Istrateġija Konġunta Afrika-UE
u permezz tal-kooperazzjoni tagħha mal-Unjoni Afrikana. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli reċentement adottaw Komunikazzjoni Konġunta
li tagħti impetu mġedded lis-Sħubija Strateġika mal-Afrika.
B’mod ġenerali, l-UE qed taħdem fuq it-titjib tal-komunikazzjoni strateġika u biex tiżviluppa strateġiji mfassla apposta għal udjenzi kemm fil-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar. B’mod partikolari, il-programm OPEN
qed jikkontribwixxi għal attivitajiet ta’ komunikazzjoni aktar iffokati billi juża stħarriġ tal-opinjoni regolari u jimmira messaġġi fil-pajjiżi tal-PEV permezz tal-kampanji tal-midja soċjali, il-kuntatti bejn in-nies u t-taħriġ fil-midja. Barra minn hekk, l-użu tal-kultura bħala għodda ta’ diplomazija pubblika se jikkontribwixxi biex l-UE ssir aktar viżibbli u attur globali aktar b’saħħtu fil-Viċinat.
3. PROGRESS DWAR PRIJORITAJIET EWLENIN
L-objettiv ġenerali tal-PEV rieżaminata huwa li jingħata appoġġ għall-istabbilizzazzjoni fil-Viċinat tal-Ewropa u r-reżiljenza tiegħu. Dan huwa segwit permezz ta’ azzjonijiet immirati li jirriflettu l-oqsma ta’ prijorità ta’ interess tal-UE, kif imsemmi fir-Rieżami: il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; l-iżvilupp ekonomiku għall-istabbilizzazzjoni; sigurtà; u migrazzjoni u mobilità.
Hemm fehim komuni mas-sħab li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lir-riformi li għandhom isaħħu s-servizzi pubbliċi ewlenin, u r-reżiljenza tas-soċjetajiet u l-komunitajiet sabiex jadattaw għal bidla rapida u l-pressjonijiet esterni. Dawn ir-riformi wkoll jagħtu benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini, pereżempju permezz tal-liberalizzazzjoni tal-viżi, appoġġ għall-ħolqien ta’ opportunitajiet u impjiegi għaż-żgħażagħ u għal aktar flessibbiltà fl-indirizzar tar-relazzjonijiet ekonomiċi u ta’ kummerċ ta’ kull pajjiż mal-UE.
Il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem
L-istabilità tal-UE stess hija mibnija fuq id-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u l-promozzjoni ta’ riformi f’dan il-qasam hija essenzjali għall-għan ta’ stabbilizzazzjoni tal-PEV. L-UE tappoġġa sforzi li jippromwovu l-istat tad-dritt u l-valuri demokratiċi, inkluża r-riforma tal-ġustizzja u l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u d-djalogu tas-soċjetà ċivili. Dawn jidhru b’mod prominenti fid-diskussjonijiet dwar Prijoritajiet tas-Sħubija u f’Aġendi ta’ Assoċjazzjoni rieżaminati. Permezz ta’ djalogu politiku, l-UE tkompli taħdem ma’ sħab fuq il-promozzjoni tar-rispett tal-impenji internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.
Saru l-elezzjonijiet f’xi pajjiżi tal-PEV. Ħafna minnhom saru b’konformità mal-istandards internazzjonali applikabbli għal elezzjonijiet demokratiċi u trasparenti. Fl-Eġittu, il-passi istituzzjonali previsti fil-pjan direzzjonali ta’ tranżizzjoni tlestew fl-aħħar tal-2015 meta saru l-elezzjonijiet leġiżlattivi. L-elezzjonijiet parlamentari fil-Ġordan ġew ivvalutati bħala “trasparenti u amministrati tajjeb” minn Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE
. L-UE appoġġat b’mod konsistenti l-iżvilupp tas-sistema elettorali tal-Ġordan, u fi Frar 2017 adottat programm ġdid ta’ EUR 15-il miljun
biex tissaħħaħ aktar il-governanza demokratika. Il-missjoni ta’ Esperti Elettorali tal-UE akkumpanjat l-elezzjonijiet parlamentari li saru l-Marokk f’Ottubru 2016, li ġew ivvalutati bħala pass ’il quddiem fil-konsolidazzjoni tal-programm ta’ riformi li l-Marokk għamel mill-2011 ’il quddiem
. L-elezzjonijiet parlamentari fil-Georgia kienu evalwati b’mod pożittiv mill-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-OSKE-ODIHR (Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem), bħala “kompetittivi, ġeneralment amministrati sew u li fihom il-libertajiet fundamentali ġew imħarsa”
. Il-missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet għall-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja, li saret f’Settembru 2016, semmiet ir-rieda ta’ involviment f’riforma elettorali u l-ewwel passi meħudin mill-Belarussja biex jiġu indirizzati xi kwistjonijiet li ilhom għaddejjin, filwaqt li numru ta’ rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja għadhom ma ġewx indirizzati. Dan juri l-ħtieġa għal riforma elettorali komprensiva bħala parti mill-proċess ta’ demokratizzazzjoni usa’.
In-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt, il-korruzzjoni, u kapaċità amministrattiva dgħajfa u mhux responsabbli jippersistu f’ħafna pajjiżi tal-viċinat u jxekklu l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi kemm fil-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar.
Fl-2016 il-Kummissjoni b’kooperazzjoni mill-qrib mal-OECD/SIGMA, żviluppat il-Prinċipji tal-Amministrazzjoni Pubblika (PAR) li għandhom jintużaw bħala qafas ta’ referenza għal dawk il-pajjiżi tal-PEV li huma impenjati biex jirriformaw l-amministrazzjonijiet tagħhom f’konformità mal-prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment u l-prattiki ta’ governanza tajba.
Bl-appoġġ tal-UE, it-Tuneżija, il-Georgia u l-Ukrajna wettqu riformi kbar fil-qasam tas-settur tal-ġustizzja, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, flimkien mal-PAR. It-Tuneżija stabbiliet pjanijiet għal titjib ulterjuri fil-governanza (partikolarment fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni) fil-Pjan ta’ Żvilupp ta’ ħames snin (2016–2020). Il-Georgia żiedet l-isforzi biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni burokratika b’pakkett ta’ riformi fil-ġustizzja. Fl-Ukrajna saru programmi fuq skala kbira għat-trawwim ta’ deċentralizzazzjoni, PAR, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-istat tad-dritt, bl-għajnuna tal-Grupp ta’ Appoġġ għall-Ukrajna u l-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili. Fil-Moldova, bosta liġijiet li jirriformaw is-settur tal-ġustizzja, dwar il-PAR u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ġew adottati fl-2016 u l-implimentazzjoni tagħhom għadha għaddejja. Fl-Armenja, programm ġdid PAR tal-gvern ġie ratifikat fl-2017 filwaqt li qed jissaħħu l-attivitajiet li jippromwovu l-prinċipji tal-amministrazzjoni pubblika fl-Azerbajġan. L-Alġerija, il-Marokk u t-Tuneżija qed jinvolvu ruħhom fil-ġestjoni finanzjarja pubblika għall-immodernizzar. Fil-Libanu, perjodu twil ta’ staġnar politiku ġie ssuperat bl-elezzjoni ta’ President u l-formazzjoni ta’ gvern, iżda għad hemm dgħufijiet fit-trasparenza u l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet tal-gvern, b’mod partikolari fir-rigward tal-korruzzjoni. Saru b’suċċess elezzjonijiet muniċipali f’Mejju 2016, u l-elezzjonijiet parlamentari għadhom pendenti. L-UE kompliet il-kooperazzjoni intensa ma' Iżrael f’firxa wiesgħa ta’ setturi. Madankollu, il-potenzjal sħiħ tar-relazzjoni jiddependi fuq progress fil-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani. L-UE investiet b’mod kunsiderevoli fl-Awtorità Palestinjana biex tippromwovi riformi ewlenin, b’mod partikolari dwar il-governanza, il-konsolidazzjoni fiskali u l-qafas regolatorju. L-okkupazzjoni li għaddejja bħalissa u l-firda bejn ix-Xatt tal-Punent u Gaża jibqgħu ostakli għall-bini tal-istat Palestinjan.
L-aħħar sentejn raw deterjorament sinifikanti tad-drittijiet tal-bniedem bħala konsegwenza tal-kunflitti armati fil-Libja, is-Sirja u l-Lvant tal-Ukrajna, l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol mir-Russja, u attakki terroristiċi. F’xi pajjiżi, ix-xejriet antidemokratiċi wasslu biex jittieħdu passi kontra l-libertajiet fundamentali, il-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-imminar ta’ istituzzjonijiet demokratiċi. L-UE tkompli tissorvelja mill-qrib dawn ix-xejriet, li dehru b’mod prominenti fid-djalogi politiċi tagħha f’livell bilaterali u f’fora multilaterali, u qed iżżomm kuntatt regolari ma’ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. L-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) jibqa’ strument essenzjali, inkluż fl-aktar ambjenti diffiċli, biex jagħti appoġġ kontinwu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem individwali kif ukoll lilll-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni. Ġie wkoll estiż l-appoġġ finanzjarju tal-UE lejn il-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) biex jipprovdi assistenza lil organizzazzjonijiet u individwi f’pajjiżi fejn il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem saret diffiċli.
Fl-2016, l-UE bdiet timplimenta l-Approċċ ibbażat fuq id-Drittijiet, li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha, bħala wieħed mill-prinċipji gwida tal-assistenza finanzjarja tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (SEV) u opportunità biex tintegra b’mod aktar effettiv il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
L-involviment ta’ Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (OSĊ) huwa parti essenzjali tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi kollha tal-PEV. L-UE kompliet il-kontestazzjoni tal-ispazju dejjem jiċkien disponibbli għall-azzjoni tas-soċjetà ċivili madwar il-Viċinat u qed tiddefendi d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni biex ittejjeb il-kultura ċivika vibranti u reżiljenti. L-UE qed timxi ’l quddiem fuq il-politika tagħha biex tilħaq lil organizzazzjonijiet iżgħar u aktar ġodda inklużi dawk barra mill-bliet kapitali u qed timplimenta l-pjanijiet direzzjonali għall-involviment mas-soċjetà ċivili
. Inizjattivi ta’ Boroż ta’ Studju tas-Soċjetà ċivili issa jitwasslu permezz tal-programmi veri u proprji li jsiru kemm fin-Nofsinhar kif ukoll fil-Lvant, li għandhom fil-mira organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u gruppi ta’ politika. Fit-Tuneżija, qed tiġi kkonsultata regolarment soċjetà ċivili vibranti qabel il-laqgħat istituzzjonali u qabel negozjati dwar id-DCFTA, sħubija ta’ mobilità u kwistjonijiet oħra. Fil-Georgia, il-Ġordan, il-Libanu u l-Marokk, l-UE laħqet firxa dejjem usa’ ta’ atturi politiċi, soċjali, kulturali, u tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-Eġittu, l-appoġġ lis-soċjetà ċivili huwa fokus ta’ assistenza bilaterali tal-UE, minħabba r-rwol li l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom fil-kontribut għall-istabbiltà u s-sigurtà sostenibbli. L-UE għandha kooperazzjoni mill-qrib u tajba mas-soċjetà ċivili żviluppata sew fl-Ukrajna. Miri speċifiċi huma stabbiliti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żieda fil-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jidħlu fi djalogu politiku ma’ gvernijiet nazzjonali u mal-UE, u b’hekk tiżdied il-kwalità ta’ djalogu strutturat mal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u l-Pjattaformi Nazzjonali tiegħu.
Fl-2017 l-inizjattiva Vuċijiet Żgħażagħ Mediterranji bdiet tibni fuq il-programm Vuċijiet Żgħażagħ Għarab u espandiet il-firxa tagħha biex tinkludi pajjiżi tal-UE kif ukoll pajjiżi fil-viċinat tan-Nofsinhar. Taħt il-patroċinju tal-Fondazzjoni Anna Lindh in-netwerk iġib flimkien għalliema żgħażagħ, ġurnalisti, imprendituri soċjali kif ukoll attivisti tal-paċi u tad-demokrazija. Il-programm għandu l-għan li jħarreġ lill-mexxejja żgħażagħ biex jiddibattu f’taħriġ u ħiliet u biex ikunu ppreparati għal parteċipazzjoni attiva fl-inizjattivi tat-tfassil tal-politika u fil-ħajja politika.
Il-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba sa ċertu punt saħħet lis-soċjetajiet ċivili fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, b’attenzjoni fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-minoranzi nazzjonali.
L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016–2020
wasslet għall-analiżi tal-ġeneru tal-proposti tal-proġetti kollha u għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Prijoritajiet tas-Sħubija, Aġendi ta’ Assoċjazzjoni u r-rapporti tal-pajjiżi kollha. L-ugwaljanza bejn is-sessi hija integrata fid-dokument “SL 20 riżultati għall-2020”.
Il-mekkaniżmu bbażat fuq l-inċentivi tas-SEV
(“Programm Ġeneriku”) jirrikonoxxi b’mod partikolari l-impenn għal riforma politika. L-allokazzjonijiet għall-2016 saru abbażi ta’ valutazzjonijiet tal-progress ta’ 14-il pajjż
fil-bini ta’ demokrazija profonda u sostenibbli. Għall-eżerċizzju tal-2016, il-Georgia, it-Tuneżija u l-Ukrajna ġew allokati fondi addizzjonali li ntużaw biex jiżdied l-appoġġ għal attivitajiet ta’ prijorità, inkluż ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-istat tad-dritt u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili.
L-iżvilupp ekonomiku għall-istabbilizzazzjoni
L-iżvilupp ekonomiku sostenibbli huwa ta’ importanza ewlenija għall-istabbilizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-pajjiżi tal-Viċinat biex jittrattaw uħud mill-isfidi li huma wkoll ta’ tħassib għall-UE — minn flussi migratorji, għar-radikalizzazzjoni, instabilità soċjali u l-ħtieġa urġenti li jiġu pprovduti perspettivi pożittivi għal popolazzjonijiet żgħażagħ u li qed jikbru. Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandha l-għan li tippromwovi l-intraprenditorjat u toħloq ambjent kummerċjali attraenti speċjalment għall-SMEs, tiżviluppa l-kapital uman permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, tiżgura kundizzjonijiet tas-suq trasparenti, tappoġġa l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali, u infrastruttura xierqa — li kollha huma essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.
Fir-rigward tal-ambjenti lokali tan-negozju, f’Ottubru 2016, l-UE flimkien mal-OECD nedew Programm konġunt dwar il-Promozzjoni tal-Investiment fil-Mediterran
, li jippromovi d-djalogu politiku u inizjattivi biex jappoġġaw il-gvernijiet ta’ pajjiżi sħab fl-isforzi fuq il-klima tal-investiment u l-ambjent tan-negozju. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju għall-persuni permezz ta’ tkabbir ekonomiku bbażat fuq il-kummerċ, għażla usa’ ta’ prodotti u servizzi ta’ kwalità aħjar bi prezz orħos għall-intrapriżi u għall-konsumaturi, li jirriżulta mhux biss f’aktar importazzjonijiet, iżda wkoll f’suq domestiku aktar żviluppat u opportunitajiet aħjar għall-esportazzjoni. It-titjib fil-ġustizzja kummerċjali u soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, it-tisħiħ tad-djalogu soċjali u t-titjib tal-kapaċità ta’ forniment tas-servizz tal-amministrazzjoni pubblika se jikkontribwixxu wkoll għal ambjent kummerċjali aħjar.
L-istabbiliment ta’ Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi (DCFTA) mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna qed jiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ u investiment u qafas operattiv aktar stabbli għal kumpaniji mill-UE u r-reġjun. L-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni għat-tliet sħab tad-DCFTA. Is-sehem tal-UE fil-kummerċ totali ta’ 3 sħab tad-DCFTA żdied f’dawn l-aħħar snin u fl-2016 ammonta għal 55 % għall-Moldova, 41 % għall-Ukrajna u 30 % għall-Georgia. L-UE hija wkoll l-ewwel sieħeb kummerċjali għall-Azerbajġan u l-Armenja, bl-ishma tal-UE jammontaw għal 47 % u 26 % tal-kummerċ totali tagħhom rispettivament. Għall-Belarussja, l-UE hija t-tieni l-ikbar sieħeb kummerċjali b’sehem ta’ 25 %.
F’April 2016, l-UE tat ammont addizzjonali ta’ kwoti bla dazju għal żejt taż-żebbuġa impurtat mit-Tuneżija fl-2016 u l-2017
. Din il-miżura kummerċjali awtonoma kienet rispons urġenti tal-Unjoni wara l-attakki terroristiċi tal-2015 fit-Tuneżija biex tiġi appoġġata l-ekonomija tagħha, titnaqqas il-pressjoni għall-migrazzjoni u t-taqlib soċjali. In-negozjati dwar DCFTA bejn l-UE u t-Tuneżija għadhom għaddejjin. L-appoġġ tal-UE biex jissaħħaħ is-settur agrikolu kien ipprovdut ukoll fil-Georgia, il-Moldova u l-Armenja. F’Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna.
L-approċċ tal-UE lejn kull wieħed mis-sħab tal-ENP jirrifletti l-livell ta’ impenn ta’ kull pajjiż għas-sħubija mġedda mal-UE.
F’Lulju 2016, l-UE qablet fuq proċedura simplifikata ta’ Regoli ta’ Oriġini
għall-esportazzjonijiet mill-Ġordan ta’ firxa kbira ta’ prodotti għal durata ta’ 10 snin, b’rieżami f’nofs it-terminu, li tipprovdi opportunitajiet ta’ impjieg kemm għan-nies tal-Ġordan kif ukoll għar-rifuġjati Sirjani.
Numru ta’ inizjattivi dwar il-modernizzazzjoni ekonomika u l-istrateġiji ta’ imprenditorija jimmiraw għat-trawwim tal-SMEs permezz tal-Inizjattiva tal-UE għall-Inklużjoni Finanzjarja fin-Nofsinhar u tal-inizjattiva EU4Business fil-Lvant. Azzjonijiet reġjonali ġodda tnedew biex jittejbu r-rabtiet bejn l-UE u istituzzjonijiet ta’ appoġġ għan-negozju fil-Lvant u fin-Nofsinhar, u jappoġġaw l-intraprenditorija soċjali bħala fattur innovattiv għall-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Kemm fil-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar, l-UE offriet opportunitajiet konsiderevoli lil firxa ta’ SMEs u kumpaniji midcap. Din l-għajnuna tingħata permezz ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) u istituzzjonijiet ta’ żvilupp tal-Istati Membri fil-qafas tal-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (NIF). L-UE, f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji, adottat programmi sostanzjali biex tgħin l-SMEs fil-Georgia, l-Ukrajna, il-Moldova, it-Tuneżija u l-Marokk biex tħares l-istat tekniku ta’ tħejjija, il-kompetittività u l-isfidi tal-integrazzjoni tal-katina tal-valur ta’ kooperazzjoni kummerċjali aktar mill-qrib, inkluż f’setturi ewlenin tal-agrikoltura u l-manifattura. Fil-Marokk, dawn il-faċilitajiet finanzjarji huma addizzjonali mal-Programm tat-Tkabbir Ekoloġiku u l-Kompetittività li jiffoka b’mod partikolari fuq l-SMEs u fuq it-titjib tal-ambjent tan-negozju. Fir-rigward tal-Eġittu, l-UE adottat programm ġdid fl-2016 bl-isem Faċilità għal Tkabbir Inklussiv u Ħolqien tal-Impjiegi
permezz tal-NIF. Fil-Libja, faċilitajiet ta’ taħriġ onlajn f’kooperazzjoni maċ-ċentru nazzjonali għall-SMEs jagħtu spinta lill-impjegabbiltà taż-żgħażagħ.
Tpoġġiet enfasi akbar, fost il-pajjiżi tas-SL, fuq li jinġiebu flimkien il-linji ta’ kooperazzjoni fl-impjiegi taż-żgħażagħ u l-impjegabbiltà. Il-programm EU4Youth adottat dan l-aħħar jindirizza l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u żgħażagħ żvantaġġati fil-Lvant u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà u l-ekonomija billi jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u billi jgħinhom isiru mexxejja u imprendituri. Fl-Azerbajġan, l-UE qed tgħin biex timmodernizza l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) tal-pajjiż u biex ittejjeb ir-rabtiet tagħhom għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Fil-Georgia, il-Moldova u l-Armenja, l-UE tkompli tappoġġa l-iżvilupp rurali u l-agrikoltura sostenibbli permezz tat-tielet fażi tal-Programm tal-Viċinat Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (ENPARD). Biex tiġi żviluppata l-ekonomija diġitali
, matul l-2016 il-pajjiżi tas-SL ftiehmu biex jiffokaw il-kooperazzjoni diġitali tagħhom fuq 6 temi prijoritarji: il-qafas leġiżlattiv tat-(tele)komunikazzjonijiet; il-fiduċja & ċ-ċibersigurtà; il-ħiliet diġitali; L-innovazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni u n-negozji ġodda; eTrade inkluż il-kummerċ elettroniku, id-dwana elettronika u l-loġistika elettronika; u s-saħħa elettronika. Netwerks reġjonali tas-SL ġew stabbiliti għal kull wieħed minn dawn is-suġġetti u ttieħdu l-pjanijiet ta’ azzjoni għall-2017–2020.
Tkompliet il-ħidma fl-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp reġjonali f’pajjiżi sħab tas-SL. Pereżempju, fl-2016, il-Moldova adottat Strateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Reġjonali pluriennali ġdida għall-2016–2020
, kif għamlet ukoll l-Armenja għall-perjodu 2016–2025
. Fin-Nofsinhar, id-deċentralizzazzjoni u r-reġjonalizzazzjoni huma elementi ewlenin ta’ tranżizzjoni fit-Tuneżija. Żviluppi importanti hawnhekk fl-2016 jinkludu l-ħolqien ta’ Ministeru tal-Gvernijiet Lokali u l-Affarijiet għall-Ambjent
, kif ukoll l-adozzjoni ta’ pjan ġdid ta’ żvilupp territorjali għall-2016
.
Minħabba s-sehem kbir ta’ żgħażagħ fil-popolazzjoni inġenerali fin-Nofsinhar, is-settur tal-edukazzjoni huwa prijorità. Il-programmi tal-ETV qed ikunu appoġġati fil-Ġordan, il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija u l-Eġittu. F’Diċembru 2016, l-UE u t-Tuneżija nedew is-Sħubija għaż-Żgħażagħ, b’enfasi partikolari fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-impjiegi u l-mobbiltà. Is-setturi tal-edukazzjoni primarja u sekondarja huma appoġġati permezz tal-mekkaniżmu PEGASE
kif ukoll il-kontribut tal-UE lill-UNRWA
fil-Palestina.
L-edukazzjoni u l-kooperazzjoni fost iż-żgħażagħ qed ikunu appoġġati mill-programm Erasmus+. Permezz tal-proġetti tal-2016 biss, 4,900 student u persunal akkademiku min-Nofsinhar tal-Mediterran u 4,100 student u persunal akkademiku tas-Sħubija tal-Lvant se jingħataw appoġġ biex jistudjaw, jgħallmu jew isegwu taħriġ fl-Ewropa (filwaqt li 2,400 u 1,900 Ewropew se jimxu lejn pajjiżi ġirien rispettivi). 57 proġett ġdid ta’ bini tal-kapaċità ikomplu jappoġġaw il-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja u l-universitajiet f’pajjiżi ġirien.
Fl-2016, madwar 8,900 żagħżugħ u ħaddiem żagħżugħ minn pajjiżi ġirien li ħadu sehem fi proġetti ta’ edukazzjoni mhux formali bħal skambji, taħriġ u volontarjat (6,700 mis-SL u 2,200 minn Nofsinhar tal-Mediterran)>
Taħt EU4Youth, ġiet introdotta Tieqa ġdida għaż-Żgħażagħ fis-Sħubija tal-Lvant fi ħdan il-qafas Erasmus+ għall-bini ta’ kapaċità ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-oqsma tal-impenn ċiviku u l-intraprenditorija. Bl-istess mod, fit-Tuneżija tnediet Tieqa għaż-Żgħażagħ.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni ngħataw spinta fl-2016 bit-tnedija ta’ EU4Innovation li joffru qafas uniku viżibbli fl-attivitajiet kollha tal-UE li jappoġġaw it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-innovazzjoni tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Ġew iffirmati żewġ ftehimiet ma’ banek fl-Ukrajna u l-Georgia, li kull wieħed minnhom jiswa EUR 50 miljun, fil-qafas tal-programm InnovFin tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li jipprovdu garanziji għal self għal kumpaniji innovattivi.
Minbarra Erasmus+, il-parteċipazzjoni f’Ewropa Kreattiva (il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna), COSME
u Orizzont 2020, inklużi l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, tiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ kooperazzjoni għall-amministrazzjonijiet, in-negozji, l-universitajiet, l-operaturi kulturali u awdjoviżivi, il-professjonisti żgħażagħ, l-istudenti u r-riċerkaturi. L-inizjattiva Connect tas SL tippermetti lir-riċerkaturi u l-istudenti tas-SL biex jikkollaboraw b’mod virtwali mal-kontropartijiet tagħhom f’iktar minn 10,000 stabbiliment ta’ riċerka u edukattiv fl-Ewropa. Il-programm tas-SL dwar il-kultura u l-kreattività jipprovdi appoġġ importanti għall-bini tal-kapaċità għall-iżvilupp u l-professjonalizzazzjoni tas-settur kulturali fil-pajjiżi tas-SL. It-Tuneżija, il-Georgia u l-Armenja saru assoċjati ma’ Orizzont 2020 fl-2016 (li jgħaqqad flimkien il-Moldova, l-Ukrajna, u l-Iżrael). L-Armenja ssieħbet f’COSME f’Jannar 2016 filwaqt li l-Ukrajna rratifikat il-Ftehim COSME fi Frar 2017. Barra minn hekk, l-Ukrajna ssieħbet fil-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom.
Attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità dwar l-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti, imnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-2016 mat-Tuneżija, il-Moldova u l-Ukrajna, għandhom potenzjal kbir biex tingħata spinta lill-iżvilupp ekonomiku mmexxija mill-innovazzjoni f’pajjiżi sħab tal-PEV u jkomplu fl-2017.
Is-sigurtà tal-enerġija hija essenzjali għall-istabbiltà politika u soċjali fil-Viċinat u għalhekk l-UE hija attiva fil-promozzjoni b’mod partikolari tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. L-UE żżid il-koordinazzjoni mal-IFIs permezz ta’ azzjonijiet immirati, inkluż dwar l-effiċjenza enerġetika, f’għadd ta’ pajjiżi pilota (it-Tuneżija, il-Georgia u l-Ukrajna), li fiha l-assistenza finanzjarja ser tkun akkumpanjata minn riforma regolatorja. L-UE kompliet tiżviluppa sħubija strateġika tal-enerġija mal-Alġerija. F’dan il-kuntest, fl-2016 sar b’suċċess forum tan-negozju bejn l-UE u l-Alġerija dwar l-enerġija, fl-Alġier u tnieda proġett ġdid ta’ kooperazzjoni biex jappoġġa l-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija
. Fl-Eġittu, l-UE kkontribwiet għall-finanzjament tal-akbar park eoliku u fil-Marokk għall-akbar impjant solari. Fil-Ġordan, l-UE ffinanzjat żewġ faċilitajiet pilota, wieħed għall-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ u faċilità għall-enerġija solari kkonċentrata.
L-interkonnettività u l-effiċjenza enerġetika hija waħda mill-erba’ prijoritajiet tas-Summit ta’ Riga bi 38 % mill-fondi reġjonali allokati għaliha. L-UE ffirmat Memorandum ta’ Ftehim dwar Sħubija Strateġika dwar l-Enerġija mal-Ukrajna f’Novembru 2016, li għandu l-għan li jespandi l-kooperazzjoni fl-oqsma prijoritarji kollha koperti mill-Unjoni tal-Enerġija u li jintegra s-suq tal-enerġija tal-Ukrajna eqreb lejn is-suq Ewropew tal-enerġija. Sar ukoll progress dwar it-tisħiħ tal-interkonnessjonijiet tal-enerġija bejn il-Moldova u r-Rumanija, bl-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ self biex tinbeda l-interkonnessjoni tal-gass Ungheni-Chishinau kif ukoll jitlesta l-istudju tal-fattibbiltà dwar l-interkonnessjonijiet tal-elettriku. Fil-Georgia u fl-Ażerbajġan, għaddejjin ix-xogħlijiet għall-espansjoni tal-Pipeline tal-Gass tan-Nofsinhar tal-Kawkasu li jifforma l-ewwel parti tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar lejn l-UE.
Il-programm il-ġdid EU4Energy imniedi f’Ġunju 2016 jiffoka fuq is-sigurtà tal-enerġija, l-enerġija sostenibbli u żvilupp tas-suq li jlaqqgħu flimkien fil-Viċinat tal-Lvant mal-Asja Ċentrali. Il-fond tas-Sħubija għall-Ambjent u l-Effiċjenza tal-Enerġija fl-Ewropa tal-Lvant (E5P) ġie estiż ġeografikament lil hinn mill-Ukrajna u l-Moldova għall-Armenja, il-Georgia, u l-aktar reċenti għall-Belarussja.
Il-Ministri tal-Enerġija tal-UgħM, adottaw dikjarazzjoni dwar l-enerġija f’Diċembru 2016
li tippromwovi l-integrazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, tappoġġa l-użu u l-iskalar ta’ soluzzjonijiet ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, u tippromwovi l-interkonnessjonijiet, l-investimenti u l-bini tal-kapaċità permezz ta’ tliet pjattaformi tematiċi li jkopru oqsma ta’ politika prijoritarji tal-gass, l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku u l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Din il-kooperazzjoni dwar l-enerġija hija marbuta mill-qrib mal-ħidma dwar it-tibdil fil-klima. Azzjonijiet dwar l-ambjent komplew ibbażati fuq id-djalogu politiku u huma appoġġati permezz ta’ proġetti bilaterali li għaddejjin bħalissa (l-aktar permezz ta’ assistenza teknika, ġemellaġġ, TAIEX u NIF) u programmi reġjonali, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-PEV iffirmaw il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, u ħafna minnhom diġà rratifikawh fl-2016 u kmieni fl-2017. Minkejja xi inizjattivi f’dan il-qasam, ir-riformi għadhom frammentati u r-rieda politika ta’ livell għoli biex tiżgura reżiljenza fir-rigward tat-tibdil fil-klima għadha dgħajfa. L-UE u l-Marokk ikkooperaw mill-qrib fil-kuntest tat-tħejjijiet għat-tnejn u għoxrin sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 22) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li saret f’Novembru 2016 f’Marrakexx.
Dwar it-trasport u l-Konnettività, f’Ġunju 2016 intlaħaq ftehim ta’ livell għoli bejn l-UE u l-Ministri Sħab tas-SL dwar mapep indikattivi biex jiġi estiż in-netwerk essenzjali tat-TEN-T tal-pajjiżi sħab tal-Lvant, u bħalissa għaddejjin il-proċeduri. L-għan huwa li tiġi żgurata l-koordinazzjoni meħtieġa, l-istandardizzazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-investimenti kbar fuq dan in-netwerk ewlieni tat-trasport, inklużi proġetti fuq skala żgħira mmirati lejn it-tneħħija tal-punti ta’ konġestjoni. Is-sikurezza fit-toroq fir-reġjun tal-PEV hija settur ewlieni ieħor ta’ kooperazzjoni. Il-Ministri Sħab tal-UE u tal-Mediterran laqgħu l-ħidma teknika mwettqa fuq mapep indikattivi tat-TEN-T li jestendu lejn ir-reġjun tal-Mediterran f’dikjarazzjoni maħruġa f’Ġunju 2016
.
Jinsabu għaddejjin proġetti ta’ assistenza teknika fil-Lvant tal-pajjiżi fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà marittima, implimentati mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima. L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tipprovdi assistenza fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, is-sigurtà u s-sikurezza. It-Turkija, l-Iran u xi pajjiżi tal-Asja Ċentrali jieħdu sehem ukoll f’dawn il-proġetti. L-UE kkonkludiet ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru mal-Georgia u l-Moldova. Fin-Nofsinhar, proġetti ta’ assistenza teknika reġjonali qed isiru fl-oqsma tas-sikurezza marittima, tas-sikurezza tal-avjazzjoni, it-trasport bit-triq, it-trasport bil-ferrovija, it-trasport u l-loġistika urbana. Ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru milħuqa bejn l-UE u l-Marokk, Iżrael, il-Ġordan — u f’diskussjoni mat-Tuneżija — jikkontribwixxu fit-trawwim ta’ żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli u konnettività.
L-UE qed taħdem mas-sħab tal-PEV biex tappoġġa riformi relatati mas-saħħa, issaħħaħ is-sistemi tas-saħħa u tiżgura kopertura tas-saħħa universali, li jgħinu biex jippromwovu l-koeżjoni soċjali u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku.
Sigurtà
Ir-reġjuni tal-Lvant u tan-Nofsinhar isofru kemm minn kunflitti attivi u ffriżati b’diżgrazzji sinifikanti, popolazzjonijiet kbar ta’ persuni u refuġjati spostati f’pajjiżhom u inċertezza ekonomika u politika estensiva. It-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti u forom differenti ta’ kriminalità organizzata jaffettwaw kemm l-UE kif ukoll il-Viċinat tagħha. Għal dawn ir-raġunijiet, iż-żieda fis-sigurtà hija objettiv komuni rilevanti għall-pajjiżi kollha tal-PEV.
Dwar il-ġestjoni u r-rispons tal-kriżi, ġew skjerati diversi missjonijiet ċivili tal-PSDK u missjonijiet ta’ assistenza fuq il-fruntieri fl-Ukrajna, il-Georgia, il-Moldova, il-Palestina u l-Libja u huma appoġġati finanzjarjament minn Stati Membri tal-UE jew Fondi Fiduċjarji tal-PSDK. Fl-Ukrajna, l-UE pprovdiet madwar żewġ terzi kemm tal-baġit kif ukoll tal-issorveljar tal-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ fl-Ukrajna (li jinkludi kontribuzzjonijiet individwali provduti mill-Istati Membri tal-UE). Il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-UE għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) qed tipprovdi pariri strateġiċi lill-Ukrajna dwar l-iżvilupp effettiv, sostenibbli u responsabbli tas-servizzi ta’ sigurtà biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż u l-istat tad-dritt. Il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) żiedet l aktar impenn viżibbli tal-UE f’appoġġ lill-Awtorità Palestinjana (AP) il-forzi tas-sigurtà, u kkontribwiet ukoll biex tiffaċilita d-djalogu u tibni l-fiduċja fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà bejn l-Awtorità Palestinjana u l-awtoritajiet tas-sigurtà Iżraeljani. Minn mindu ġie adottat ir-Rieżami tal-PEV, aktar minn 2,000 membru tal-persunal mis-sħab tal-Lvant u tan-Nofsinhar ibbenefikaw minn taħriġ ġeneriku u speċjalizzat immexxi mill-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża fil-qasam tal-PSDK, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-protezzjoni ta’ persuni ċivili. L-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova jipparteċipaw fil-missjonijiet tal-PSDK tal-UE/operazzjonijiet b’appoġġ finanzjarju minn Stati Membri tal-UE. Fid-dikjarazzjoni konġunta
tagħhom tal-2016, l-UE u n-NATO impenjaw ruħhom li jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħhom permezz ta’ sett ta’ miżuri konkreti li jfittxu li jappoġġaw l-isforzi għall-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab tal-Lvant u tan-Nofsinhar u biex tissaħħaħ ir-reżistenza tagħhom. L-UE saħħet il-ħidma mas-sħab tal-PEV dwar it-theddid ibridu u l-identifikazzjoni u l-provediment ta’ miżuri ta’ appoġġ biex dawn jittaffew. L-Alġerija ffirmat arranġament amministrattiv mal-UE dwar il-protezzjoni ċivili li ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Beda wkoll ix-xogħol fuq l-għajnuna umanitarja fi ħdan il-qafas tad-Djalogu Strateġiku tal-UE u l-Lega tal-Istati Għarab.
L-UE appoġġat djalogu kontinwu dwar il-kunflitti li jaffettwaw l-Ukrajna, il-Georgia, il-Moldova, l-Armenja u l-Azerbajġan bl-għan li tintlaħaq soluzzjoni paċifika u sostenibbli. Fil-Georgia, l-UE hija l-kopresident tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta’ Ġinevra għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt u tinsab favur li jitkomplew il-kuntatti bejn in-nies madwar it-territorju kollu tal-Georgia. Bħala osservatur attiv fil-format 5+2
għall-proċess ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitt fit-Transnistrija, inkluż billi jitressqu proposti fformulati ffinanzjati mill-Missjoni tal-UE ta’ Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) biex jissolvew kwistjonijiet konkreti, u b’elementi ta’ miżuri għall-bini ta’ fiduċja, l-UE appoġġat l-isforzi mwettqa fl-2016 mill-Presidenza fil-kariga Ġermaniża tal-OSKE. Dawn l-isforzi wasslu għal qawmien mill-ġdid ta’ taħditiet dwar ftehim f’Berlin f’Ġunju 2016 u għall-adozzjoni ta’ Protokoll bejn in-naħat dwar il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu solvuti sabiex irawmu soluzzjoni ta’ kunflitt li ilha taffettwa lill-Moldova għal 25 sena. Mill-1 ta’ Jannar 2016, ir-regoli taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva bejn l-UE u l-Moldova
ġew estiżi għat-Transnistrija, u dan jippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jinsabu f’dan ir-reġjun biex jibqgħu jibbenefikaw minn kummerċ preferenzjali mal-UE. Il-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh ra eskalazzjoni serja fl-2016. L-UE tkompli tappella liż-żewġ naħat biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, ibaxxu t-ton tar-retorika u jimpenjaw ruħhom f’taħdidiet sostantivi lejn il-paċi taħt l-awspiċi tal-Grupp ta’ Minsk tal-OSKE. Żjarat frekwenti tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għar-reġjun qed jappoġġaw l-isforzi tal-Kopresidenti tal-Grupp ta’ Minsk u l-attivitajiet ta’ bini tal-paċi li għadhom għaddejjin u huma turija tal-interess u l-involviment tal-UE fis-soluzzjoni paċifika għal dan il-kunflitt fit-tul.
Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti ġiet imsaħħa. Saru djalogi msaħħa fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u żjarat ta’ livell għoli fir-reġjun, speċifikament it-Tuneżija, il-Libanu, il-Ġordan, l-Iżrael u l-Eġittu li jwassal għal riżultati konkreti. Ġew skjerati esperti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu/is-sigurtà f’Delegazzjonijiet tal-UE fl-Alġerija, il-Ġordan, il-Libja, il-Marokk, it-Tuneżija u l-Libanu, b’appoġġ dirett tal-Istati Membri, biex jikkontribwixxu għal għarfien aħjar tas-sitwazzjoni ta’ kuntest lokali kif ukoll id-definizzjoni ta’ proġetti ta’ bini ta’ kapaċità mmirati, ibbażati fuq l-evidenza. Huma jaġixxu wkoll bħala punt ta’ referenza għal kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti għal kwistjonijiet lokali u internazzjonali, pereżempju fil-pjattaforma għall-koordinazzjoni tad-donaturi fit-Tuneżija jew f’laqgħat tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu.
Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS) hija kruċjali għall-istabbiltà dejjiema tal-Viċinat, kemm bħala mezz ta’ bini ta’ istituzzjonijiet responsabbli kif ukoll bħala parti minn miżuri ta’ bini ta’ kunfidenza u ta’ paċi. L-appoġġ tal-UE għar-RSS f’pajjiżi terzi issa qed iseħħ fil-qafas ta’ politika tal-UE għar-RSS adottat reċentement
. Lejn tmiem l-2016, l-UE nediet evalwazzjoni tematika dwar l-appoġġ tal-UE għar-RSS f’pajjiżi tal-Viċinat u Tkabbir
. Il-Moldova kienet l-ewwel pajjiż fejn l-UE bagħtet konsulent RSS ġdid biex jagħti gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ sigurtà nazzjonali, l-iżvilupp ta’ qafas nazzjonali u l-kapaċitajiet fir-rigward tal-PSDK, u l-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Moldova f’missjonijiet u operazzjonijiet.
L-appoġġ għar-RSS fit-Tuneżija għandu l-għan li jimmodernizza s-settur tas-sigurtà, isaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri u l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri u jimmodernizza s-servizzi tal-intelligence, filwaqt li jerġa’ jibni l-fiduċja fost il-popolazzjoni. Fil-Libanu, il-programm dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBM) appoġġa lill-awtoritajiet Libaniżi permezz tal-implimentazzjoni ta’ Sistema ta’ Ġestjoni tad-Data tal-Fruntieri u ċentru ta’ taħriġ ġodda. L-UE tappoġġa wkoll l-iżvilupp organizzazzjonali tal-aġenziji tas-sigurtà nazzjonali Libaniżi kollha permezz ta’ assistenza teknika, tagħmir, taħriġ u żjarat ta’ studju lejn l-Ewropa.
Fil-Lvant, l-UE kienet qed tikkontribwixxi wkoll b’mod sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-IBM, b’mod partikolari fuq il-konfini bejn il-Moldova u l-Ukrajna, inkluż permezz ta’ finanzjament kontinwu tal-EUBAM. L-oqfsa legali għall-kontrolli fuq il-fruntieri fiż-żewġ pajjiżi inġiebu skont l-istandards tal-UE u l-aħjar prattiki. Ir-regolamenti dwar is-sorveljanza tal-fruntieri fil-Moldova u l-Ukrajna huma approssimati għal dawk speċifikati fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. L-IBM tal-Georgia hija wkoll f’konformità mal-istandards Ewropej. Fl-2016, l-UE kompliet tipprovdi l-bini tal-kapaċitajiet lis-servizzi tad-dwana u tal-gwardji tal-konfini ta’ pajjiżi sħab tas-SL permezz tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCG), l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u programmi u inizjattivi varji
. It-tfixkil tal-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huwa prijorità għas-sigurtà interna tal-UE. Fl-2016, l-UE allokat finanzjament iddedikat biex tappoġġa lill-pajjiżi tal-PEV l-użu tagħhom ta’ sistemi u bażijiet ta’ data dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni tal-Interpol. L-aġenziji tal-UE, bħalma huma l-EBCG, l-Europol, is-CEPOL (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi), EMCDDA (Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga) u l-Eurojust qegħdin gradwalment jinvolvu aktar ruħhom fil-forniment ta’ appoġġ għat-tiswir tal-kapaċitajiet lil pajjiżi sħab u l-intensifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni operattiva u strateġika mal-pajjiżi sħab tal-PEV biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, kif ukoll it-terroriżmu, il-kuntrabandu ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin, tal-armi żgħar u tad-drogi illegali, kemm fl-UE kif ukoll fir-reġjun ikkonċernat. Il-pajjiżi fin-Nofsinhar u ċ-Ċentru tal-Asja u fl-Afrika tal-Lvant qed jiġu involuti wkoll (programm EU-Act
) biex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi transreġjonali.
Programm transreġjonali tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) ġie estiż għal pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV biex jgħinhom jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet
tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar l-AML/CTF li hija inkarigata mit-tfassil tal-istandards internazzjonali ewlenin dwar dawn il-kwistjonijiet.
Iċ-Ċentru Satellitari tal-UE (SatCen) ikkontribwixxa b’mod intensiv b’analiżi
għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni Ewropej tal-Lvant u ż-żona tal-Mediterran, fid-dawl ta’ theddidiet maġġuri, inkluż it-terroriżmu, il-migrazzjoni, il-piraterija u l-kriminalità organizzata. B’mod partikolari, SatCen kien involut ħafna fl-appoġġ lill-EBCG u EU NAVFOR MED Operation SOPHIA għall-kontroll tal-fruntieri u kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, u pprovda analiżi estensiva għall-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukrajna fil-verifika tal-Ftehimiet ta’ Minsk.
Qed jingħata appoġġ tal-UE għall-pajjiżi kollha tal-ENP biex ikun hemm allinjament u aktar promozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tal-ġliedakontra ċ-ċiberkriminalità
. Il-kooperazzjoni u l-kuntatti mal-Ġordan, il-Libanu, l-Iżrael u l-Marokk ilha tavvanza sew. Fl-Ukrajna, l-UE bdiet tappoġġa l-isforzi tal-gvern dwar iċ-ċibersigurtà f’koordinazzjoni mill-qrib mal-isforzi bilaterali tal-Istati Membri f’dan il-qasam.
L-approssimazzjoni mal-istandards ta’ strumenti oħra tal-Kunsill tal-Ewropa dwar materji kriminali sostantivi hija promossa mill-Programm tan-Nofsinhar tal-Kunsill tal-Ewropa ffinanzjat mill-UE jew il-Programm Euromed Ġustizzja IV, li fl-aħħar mill-aħħar se jiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV u l-Istati Membri tal-UE.
L-attivitajiet taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza (CoE) ta’ Mitigazzjoni tar-riskji Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari (CBRN) issa żdiedu u jkopru 56 pajjiż fid-dinja, inklużi diversi stati fir-reġjun tal-MENA
u b’inizjattivi ġodda dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi. L-għanijiet għall-2017
jinkludu drillijiet u eżerċizzji ta’ simulazzjoni dwar il-ġestjoni tal-konsegewenzi tas-CBRN fil-Lvant Nofsani. L-UE tiffinanzja t-twaqqif ta’ ċentru reġjonali għat-taħriġ fil-Ġordan.
Il-migrazzjoni u l-mobilità
Il-migrazzjoni irregolari u l-ispostament furzat huma tħassib prinċipali u jeħtieġu rispons multidimensjonali. L-UE stabbiliet approċċ komprensiv għall-migrazzjoni, li jinkludi sforzi biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari, biex tiġi promossa l-migrazzjoni legali u l-mobbiltà, biex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-iżvilupp tal-migrazzjoni, jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin, u jiġu ġestiti b’mod effettiv il-konfini, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għal moviment liberu fi ħdan l-UE. Dan huwa rifless fil-Komunikazzjoni dwar Qafas ta’ Sħubija
ġdid ma’ pajjiżi terzi adottata taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar l-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp
u l-Konklużjonijiet relatati tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2016
. L-għan huwa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u jiġi stabbilit approċċ ġdid biex tiżdied ir-reżiljenza u tissaħħaħ l-awtodipendenza tal-persuni spustati bil-forza u l-komunitajiet ospitanti tagħhom.
Is-sitwazzjoni inkwetanti ħafna dwar ir-rotta ta’ migrazzjoni fil-Mediterran Ċentrali - b'madwar 700,000 sa miljun migrant maqbud fil-Libja, aktar minn 180,000 tluq irregolari minn dan il-pajjiż lejn l-Italja u kważi 5,000 mewta matul il-qsim fl-2016 — wasslet lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex jadottaw Komunikazzjoni Konġunta dwar "Il-Migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali — Il-ġestjoni tal-flussi, is-salvataġġ tal-ħajjiet” f’Jannar 2017
. L-ambizzjoni hija li jitnaqqas l-għadd ta’ ħajjiet mitlufa fuq il-baħar, tiġi intensifikata l-ġlieda kontra dawk li jiffaċilitaw id-dħul klandestin u t-traffikanti, jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet tal-migranti, b’mod partikolari t-tfal u gruppi vulnerabbli oħra ta’ persuni, jiġu appoġġati l-komunitajiet ospitanti u jiżdied ir-ritorn voluntarju assistit permezz ta’ firxa ta’ azzjonijiet li se jibbenefikaw minn finanzjament ta’ EUR 200 miljun fl-2017 minn Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika. Il-Libja hija l-mira ewlenija tal-intervent tal-UE b’enfasi wkoll fuq il-fruntieri tan-Nofsinhar tal-Libja u żieda fil-kooperazzjoni mal-Eġittu, it-Tuneżija u l-Alġerija, inklużi inizjattivi reġjonali bħas-Seahorse Mediterranean Network .
L-UE ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri tal-Proċessi ta’ Khartoum u Rabat
(kemm ma’ pajjiżi tal-Viċinat kif ukoll mas-sħab reġjonali usa’) biex jimplimentaw l-azzjonijiet maqbula tas-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni (Novembru 2015). L-UE qed issaħħaħ l-isforzi biex tiżdied il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni f’pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq permezz ta’ aktar djalogu politiku kif ukoll permezz ta’ koperazzjoni teknika u finanzjarja aktar profonda. Ġew diskussi wkoll proposti biex jitnedew djalogi dwar il-migrazzjoni mal-Alġerija u l-Eġittu.
Ir-reġim ħieles mill-viża mogħtija mill-UE lill-Moldova fl-2014, li ppermetta lil aktar minn 850,000 ċittadin tal-Moldova jivvjaġġaw mingħajr viża lejn iż-żona Schengen, qed jaħdem tajjeb, b’rata baxxa ħafna ta’ rifjut. Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposti leġiżlattivi għal sistemi ta’ tneħħija tal-obbligu tal-viża mal-Georgia u l-Ukrajna f’Marzu u f’April 2016 rispettivament, u l-Georgia ngħatat il-liberalizzazzjoni tal-viża fit-28 ta’ Marzu 2017, filwaqt li l-leġiżlazzjoni li tagħti reġim ħieles mill-viżi għall-Ukrajna ġiet adottata fl-11 ta’ Mejju 2017.
F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Direttiva riveduta tal-Karta Blu
bl-għan li tistabbilixxi skema waħda mifruxa mal-UE li toffri aktar ċarezza u tnaqqas il-burokrazija.
Barra minn hekk, is-Sħubijiet ta’ Mobilità joffru qafas komprensiv għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ mobilità, inkluż, fejn xieraq, kwistjonijiet tal-viża, kif ukoll il-bżonn li jiġu ffaċilitati r-ritorn u r-riammissjoni ta’ migranti irregolari. L-UE għandha fis-seħħ għadd ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi sħab tal-PEV (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna), iffirmati flimkien ma’ ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża, li jistabbilixxu obbligi u proċeduri ċari għall-awtoritajiet tal-pajjiż sieħeb u l-Istati Membri tal-UE rigward meta u kif għandhom jittieħdu lura persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni irregolari. L-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Moldova tal-2008 u l-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u r-ritorn (fil-qafas tal-ftehim ta’ riammissjoni) qed jagħtu riżultati pożittivi. Kompla għaddej l-appoġġ finanzjarju sostanzjali mill-UE għall-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Mobbiltà tal-Marokk u tal-politika ta’ migrazzjoni ġdida tiegħu stess li inkludiet regolarizzazzjoni ta’ 25,000 migrant irregolari fil-Marokk. F’Ottubru 2016, l-UE u seba’ Stati Membri tal-UE ffirmaw Sħubija għall-Mobbiltà mal-Belarussja bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri. Għadd ta’ proġetti tal-UE jappoġġaw is-Sħubijiet għall-Mobilità mal-Azerbajġan. Tinsab attiva wkoll is-sħubija għall-Mobilità mal-Armenja, sa ċertu punt minħabba appoġġ tal-proġett attwali dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, iffinanzjati mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat. L-UE qed tinnegozja Ftehim ta’ Sħubija għall-Mobilità mal-Libanu. L-UE qed tinnegozja l-ftehimiet ġodda dwar l-iffaċilitar tal-viża u r-riammissjoni fil-kuntest ta’ sħubiji dwar mobilità mal-Marokk, it-Tuneżija, il-Ġordan u l-Belarussja.
Ġiet imnedija Faċilità tas-Sħubija għall-Mobilità fl-1 ta’ Jannar 2016 li għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija u l-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Mobilità u l-Aġendi Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità billi tipprovdi assistenza mmirata, flessibbli u mfassla apposta.
Pass addizzjonali li sar mill-UE biex tittejjeb il-kapaċità tagħha ta’ koordinazzjoni ma’ pajjiżi sħab dwar il-migrazzjoni kien il-ħolqien, fl-2016, ta’ 15-il post ta’ Uffiċjal ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropew (EMLOs) sekondati mill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE għad-Delegazzjonijiet tal-UE, fosthom fit-Tuneżija, il-Ġordan, u l-Libanu.
4. ASSISTENZA FINANZJARJA LI TAPPOĠĠA L-VIĊINAT
Fl-2016, l-assistenza taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (SEV) laħqet l-impenji ta’ iktar minn EUR 2.3 biljun. Din l-għajnuna qed tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-PEV imġedda, li jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal twassil aktar effettiv u aktar flessibilità fl-użu tal-għajnuna finanzjarja tal-UE.
Mir-Rieżami, l-UE laqqgħet flimkien għadd ta’ għodod differenti biex ittejjeb aktar il-koordinament u l-koerenza għall-modalitajiet kollha tal-għajnuna. Għal dan l-għan, il-programmi ta’ kooperazzjoni ta’ għotjiet ġew ikkumplimentati minn attivitajiet oħra mfassla u mmexxija minn istituzzjonijiet sħab b’użu aktar strateġiku ta’ taħlit, TAIEX u ta’ ġemellaġġ (Twinning). B’mod partikolari, TAIEX u Twinning ġew orjentati mill-ġdid biex tinħoloq sinerġija aktar mill-qrib bejn ix-xogħol ta’ politika u pprogrammar ta’ assistenza finanzjarja.
L-UE tkompli tappoġġa b’mod attiv il-pajjiżi ġirien li qed jiffaċċjaw nuqqasijiet finanzjarji esterni eċċezzjonali permezz tal-istrument ta’ Assistenza Makrofinanzjarja (MFA). Il-Kummissjoni ħarġet EUR 600 miljun f’assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna f’April 2017, u l-aħħar porzjon ta’ EUR 23 miljun lill-Georgia f’Mejju 2017. Operazzjoni ġdida ta’ għajnuna makrofinanzjarja għall-Moldova, li tikkonsisti sa massimu ta’ EUR 100 miljun, attwalment qiegħda tistenna l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Fl-2016, b’appoġġ għall-Viċinat tan-Nofsinhar, l-UE approvat ukoll is-segwitu tal-operazzjonijiet tal-AMF għat-Tuneżija (EUR 500 miljun) u għall-Ġordan (EUR 200 miljun) għall-appoġġ tal-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi li ġew affettwati minn żviluppi fis-sigurtà u minn kunflitti reġjonali. Barra minn hekk, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex tirrispondi għall-ħtiġijiet għall-Viċinat, il-Kummissjoni pproponiet li tiżdied il-kapaċità ta’ self tal-AMF annwali għal EUR 2 biljun. Il-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċiniat (NIF) timmobilizza l-fondi tal-għotjiet tal-UE biex tippermetti jew ittejjeb b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet ta’ self imwettqa minn Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej (EFIS), u mill-bidu tagħha kien hemm żieda sinifikanti — kemm f’ammonti disponibbli u kemm fl-użu tagħha.
Il-kollaborazzjoni subreġjonali, reġjonali u Ewropea madwar il-viċinat ġiet imsaħħa taħt il-programmi tas-SEV, kif ukoll permezz tal-kooperazzjoni transkonfinali.
Programmazzjoni konġunta u aktar koordinazzjoni mal-Istati Membri tal-UE
Skont ir-regolament SEV
, ir-Rieżami tal-PEV
, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-Ipprogrammar Konġunt tat-12 ta’ Mejju 2016
, l-UE miexja fit-triq għal aktar programmazzjoni konġunta fil-Viċinat. It-tieni perjodu ta’ programmar (2017/2018–2020) għal pajjiżi tas-SEV jipprovdi opportunità biex isir progress f’dan ir-rigward. L-Ipprogrammar Konġunt huwa għodda effettiva biex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-UE fil-livell tal-pajjiż u fil-livell settorjali u jidentifika u jiżviluppa prijoritajiet komuni. Huwa jsaħħaħ id-djalogu politiku koordinat, kif ukoll l-analiżi konġunta, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, l-inizjattivi ta’ implimentazzjoni konġunta, il-monitoraġġ konġunt u l-evalwazzjoni konġunta. Il-Palestina hija l-eżempju l-aktar avvanzat f’dan il-proċess b’dokument ta’ programmazzjoni konġunt li jirriżulta minn diskussjonijiet fost l-isħab Ewropej għall-iżvilupp, il-ministeri Palestinjani, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunità tan-negozju, in-Nazzjonijiet Uniti u bosta atturi ewlenin oħra. Fil-Moldova u l-Marokk, id-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri approvaw analiżi konġunta
tal-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi. Minħabba l-kriżi, il-programmazzjoni annwali fl-Ukrajna għall-perjodu 2014–2017 ġiet sostitwita permezz tal-adozzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri speċjali, li għalihom il-Kummissjoni u s-SEAE żguraw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mill-qrib ħafna ma’ Stati Membri tal-UE li l-aġenziji tal-iżvilupp tagħhom qed ikunu dejjem iżjed attivi bħala sħab fl-implimentazzjoni.
Ġew integrati wkoll attivitajiet ta’ programmar konġunt f’missjonijiet ta’ pprogrammar fit-Tuneżija f’Ottubru 2016, fil-Ġordan u l-Libanu f’Novembru 2016 u fl-Eġittu f’Marzu 2017. Fl-Armenja, id-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri involvew ruħhom fi proċess komprensiv ta’ analiżi konġunta u fl-Ażerbajġan, l-ipprogrammar konġunt mal-Istati Membri tal-UE, l-Iżvizzera u n-Norveġja huwa speċifikament iffukat fuq l-ETV u f’Diċembru 2016 ġie miftiehem Pjan Direzzjonali mill-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE.
Aktar kooperazzjoni ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej (EFIs) u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs), inkluż permezz ta’ taħlit
Filwaqt li tirrikonoxxi l-irwol importanti tal-istrumenti finanzjarji, il-Kummissjoni fl-2015 bdiet inizjattiva ta’ kooperazzjoni mtejba mal-aktar istituzzjonijiet ta’ finanzjament tal-iżvilupp rilevanti li huma attivi fir-reġjun. L-għan huwa li jiksbu b’mod aħjar l-effiċjenza u l-impatt tal-objettivi komuni tal-istituzzjonijiet fil-Viċinat Ewropew, bħat-tisħiħ tat-tkabbir, il-progress tat-tranżizzjoni ekonomika, il-promozzjoni ta’ żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli u l-promozzjoni tal-istabilità politika. Timijiet komuni jiżviluppaw ħidma konġunta fuq oqsma prijoritarji ta’ kooperazzjoni, li jilħqu l-quċċata tagħhom kull sena f’laqgħa multilaterali ta’ livell għoli, fejn jiġi vvalutat il-progress u jiġu stabbiliti għanijiet ġodda, għas-sena sussegwenti.
Bil-ħsieb li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mal-Bank Dinji (WB) fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-UE fl-2016 ospitat, l-ewwel Jum UE-WB MENA, li ġabar diretturi tat-timijiet tal-pajjiżi tal-Bank Dinji u Kapijiet ta’ Kooperazzjoni tal-UE fir-reġjun. Sabiex jissaħħu d-djalogu, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali fil-Viċinat tal-Lvant, saru laqgħat ta’ koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u, l-Bank Dinji, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) rispettivament. Meta jitqies l-involviment qawwi rispettiv tagħhom fl-Ukrajna, il-Kummissjoni qed torganizza regolarment jiem iddedikati mal-BEI, il-BERŻ u l-Bank Dinji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet żieda ta’ Self Estern tal-BEI b’appoġġ għall-Inizjattiva tar-Reżiljenza Ekonomika.
L-UE kompliet l-operazzjonijiet ta’ taħlit permezz tal-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat. Din approfondiet aktar il-kooperazzjoni mal-BERŻ, il-BEI, il-Bank Dinji (WB), il-Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW) u l-Agence Française de Développement fl-2016 permezz tat-twaqqaf ta’ “Inizjattiva tal-UE għal inklużjoni finanzjarja”
, li għandhom l-għan li jimmobilizzaw il-finanzjament tal-SMEs għan-Nofsinhar. Fil-kuntest tad-DCFTAs stabbiliti bejn l-UE u l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, l-UE flimkien mal-BERŻ, il-BEI u l-KfW, daħħlet fis-seħħ il-faċilità tad-DCFTA għall-SMEs, li bdiet tkun operattiva b’mod sħiħ fl-2016. L-objettivi ewlenin tal-Faċilità huma l-appoġġ lill-SMEs f’dawk il-pajjiżi u biex tiżdied il-kompetittività tagħhom, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi, jiġu megħjuna jaħtfu opportunitajiet ta’ kummerċ ġodda u jikkonformaw mal-liġi tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, l-istandards tekniċi u ta’ kwalità, kif ukoll mal-miżuri ta’ ħarsien ambjentali meħtieġa skont l-implimentazzjoni tad-DCFTA.
Fl-2016 ġew ikkoordinati EUR 6.7 biljun ta’ impenji ġodda tal-UE permezz ta’ Inizjattiva ta’ Koordinazzjoni tal-Investiment tan-Nofsinhar tal-Mediterran (AMICI), kofinanzjati mill-UE u l-Istati Membri. Dan jitqabbel ma’ EUR 5.2 biljun fl-2015 (+25 %), li jippermettu proġetti ġodda ta’ investiment totali ta’ EUR 14-il biljun (+27 %). Il-parti l-kbira tal-appoġġ tal-UE hija pprovduta minn self u finanzjament ta’ ekwità (76 %).
Flimkien ma’ aktar koperazzjoni ma’ EFIs u IFIs, l-UE impenjat ruħha wkoll għal aktar koordinazzjoni ma’ donaturi mhux mill-UE. L-involviment aktar mill-qrib ma’ sħab Għarab, Iżlamiċi u reġjonali għandu l-għan li jevita d-duplikazzjoni u jibni fuq attivitajiet ta’ komplementaritajiet potenzjali. Fl-2016, din l-inizjattiva ġiet imwessgħa bl-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ koordinazzjoni ta’ livell għoli bejn l-UE u istituzzjonijiet finanzjarji prinċipali Għarab u Iżlamiċi fil-marġini tal-Bank Dinji/fil-laqgħat tar-rebbiegħa tal-Fond Monetarju Internazzjonali. L-UE tippresjiedi laqgħat regolari tad-donaturi biex tikkoordina rispons għall-kriżi tas-Sirja. Fir-rigward tal-Ukrajna, il-Grupp ta’ Sostenn għall-Ukrajna qed jorganizza regolarment laqgħat ta’ koordinazzjoni upstream fuq kwistjonijiet strateġiċi fi Brussell, u b’hekk jikkumplimenta l-koordinazzjoni intensiva fil-pajjiż.
Fondi fiduċjarji
Il-Fondi Fiduċjarji huma strument importanti li jagħtu appoġġ rapidu lejn ir-reġjun, flimkien mal-Istati Membri u donaturi oħra. Proġetti taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-Kriżi Sirjana
(stabbilit f’Diċembru 2014) jindirizzaw ir-reżiljenza fit-tul u l-ħtiġijiet ta’ rkupru bikri (ekonomiċi, edukattivi, soċjali u psikosoċjali, sanitarji, is-saħħa u servizzi bażiċi oħra għal refuġjati Sirjani u għall-komunitajiet ospitanti u l-amministrazzjonijiet tagħhom u persuni spostati internament fil-Ġordan, il-Libanu, it-Turkija u l-Iraq. Dan il-fond jippermetti rispons tal-UE aktar koerenti u integrat għall-kriżi u llum huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin li permezz tagħhom qed jiġu implimentati l-Patti l-ġodda tal-UE għall-Ġordan u l-Libanu.
Il-Fond laħaq total ta’ EUR 932 miljun sentejn wara li nbeda u se jilħaq EUR 1.3 biljun sas-sajf tal-2017. Minn dan l-ammont, EUR 815.2 miljun joħorġu mill-baġit tal-UE, EUR 92.6 miljun minn 22 Stat Membru tal-UE u EUR 24.6 miljun mit-Turkija. Ġew adottati programmi li jammontaw għal EUR 767 miljun permezz tal-Bord Operattiv tal-fond, li huwa magħmul minn 15-il Stat Membru tal-UE u t-Turkija (minħabba r-rwol li għandhom fil-kofinanzjament). Ġew iffirmati EUR 437 miljun f’kuntratti li jinkludu l-kofinanzjament, l-appoġġ tal-edukazzjoni primarja u għolja, kif ukoll kura psikosoċjali, reżiljenza u inizjattivi għall-għajxien, is-saħħa, l-ilma u l-ħtiġijiet sanitarji kif ukoll il-bini ta’ skejjel.
Fl-2016 il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika
, li kien imniedi taħt il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta, appoġġa sitt programmi fl-Afrika ta’ Fuq li jiffukaw l-aktar fuq it-titjib tal-governanza u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, li jwieġeb għal ħtiġijiet ta’ protezzjoni u biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin u l-muturi tal-migrazzjoni irregolari. F’Jannar 2017, tħabbru EUR 200 miljun ta’ finanzjament addizzjonali fil-kuntest tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali.
Riżerva ta’ flessibbiltà
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali adottat f’Settembru 2016
, il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ “riżerva ta’ flessibbiltà” għal strumenti esterni biex tippermetti li l-UE tkun tista’ tirreaġixxi aħjar u aktar malajr għal kriżijiet ġodda u ħtiġijiet mhux previsti. Taħt ir-riżerva ta’ flessibbiltà, kull strument estern ġeografiku, inkluż l-SEV, għandu jżomm riżerva mhux allokata ta’ 10 % fil-bidu tas-sena sabiex iwieġeb għal ħtiġijiet mhux previsti u kriżijiet ġodda, bil-possibbiltà li jitmexxew ’il quddiem is-sena d-dieħla l-ammonti ta’ dik ir-riżerva mhux użati matul is-sena. Ir-riżerva ta’ flessibbiltà hija parti mir-rieżami propost tar-Regolament Finanzjarju.
Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew
F’Settembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Pjan ambizzjuż ta’ Investiment Estern għall-Ewropa
(il-Pjan) biex jiġi appoġġat l-investiment fil-pajjiżi sħab fl-Afrika u fil-Viċinat Ewropew. L-għan tagħha huwa li jissaħħu s-sħubijiet, jiġi promoss mudell ġdid ta’ parteċipazzjoni fis-settur privat fil-finanzjament ta’ investimenti kbar ta’ interess pubbliku fir-reġjun u biex jingħata kontribut biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u b’hekk jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari. Il-pjan huwa propost li jikkonsisti minn tliet pilastri komplementari: (i) il-mobilizzazzjoni tal-investiment permezz tal-ikkombinar ta’ faċilitajiet ta’ investiment eżistenti tal-UE (blending) faċilitajiet b’garanzija ġdida fi ħdan il-Fond Speċjali għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD); (ii) l-għoti ta’ assistenza teknika għat-titjib tal-ambjent regolatorju għal awtoritajiet u kumpaniji pubbliċi f’pajjiżi sħab; u (iii) it-titjib tal-ambjent tan-negozju u l-investiment fil-pajjiżi sħab billi titrawwem il-governanza tajba, tiġi miġġielda l-korruzzjoni, jitneħħew l-ostakli għall-investiment u d-distorsjonijiet tas-swieq. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Garanzija, li huwa parti mill-ewwel pilastru, għaddej minn proċess ta’ approvazzjoni.
Dan l-approċċ innovattiv imdaqqas għandu l-għan li jipprovdi fondi addizzjonali lil pajjiżi sħab fil-forma ta’ investiment minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Dan għandu wkoll l-għan li jinkludi firxa ta’ programmi ta’ kooperazzjoni tal-iżvilupp tal-UE tematiċi, nazzjonali u reġjonali ddedikati bi djalogu politiku strutturat immirat lejn it-titjib tal-klima tal-investiment u l-ambjent politiku ġenerali fil-pajjiżi kkonċernati.
Bil-fondi tal-UE li jilħqu total ta’ EUR 3.35 biljun sal-2020, l-EFSD huwa mistenni jimmobilizza sa EUR 44 biljun f’investiment addizzjonali. Jekk l-Istati Membri jipprovdu t-tlaqqigħ ta’ kontribuzzjonijiet individwali, dan jista’ jimmobilizza aktar minn EUR 88 biljun f’investiment addizzjonali.
5. KONKLUŻJONI
L-implimentazzjoni tar-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) irriflettiet determinazzjoni ġdida biex il-politika tkun aktar rilevanti għall-interessi kemm tas-sħab kif ukoll tal-Istati Membri tal-UE, u dan għen sabiex jiġu żviluppati relazzjonijiet li jindirizzaw aħjar l-isfidi komuni u urġenti li għandna quddiemna, f’koerenza ma’ u bl-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tar-Rappreżentant Għoli.
Filwaqt li l-isfidi fir-reġjun għadhom kbar ħafna, l-UE qiegħda taġixxi b’aktar flessibiltà u sensittività mas-sħab tagħha billi tuża riżorsi limitati b’impatt ikbar. Il-prinċipji ewlenin tal-politika — approċċ differenzjat u sjieda akbar — se jkomplu jiggwidaw l-implimentazzjoni tagħha fis-snin li ġejjin permezz ta’ azzjoni diplomatika, relazzjonijiet ta’ kummerċ u investiment, assistenza finanzjarja u oqfsa reġjonali fit-tul.
Fi proċess ta’ impenn kontinwu ma’ ċittadini tal-UE u ċittadini f’pajjiżi sħab, l-UE se tkompli wkoll issaħħaħ il-viżibilità tal-PEV, b’mod partikolari permezz ta’ enfasi fuq il-benefiċċji fuq perijodu qasir, medju u twil tal-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi ġirien tagħha.
Dan ir-rapport jikkonferma wkoll l-involviment wiesa’ tal-partijiet interessati rilevanti kollha fl-implimentazzjoni tar-Rieżami inkluż abbażi tas-suġġerimenti magħmula matul konsultazzjonijiet estensivi li saru fl-2015. Dan jindika b’mod ċar li, mill-addozzjoni tar-Rieżami, ittieħdu passi sostanzjali biex jinkisbu dawk l-impenji.