IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.5.2017
JOIN(2017) 17 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
għal impetu mġedded tas-Sħubija Afrika-UE
{SWD(2017) 150 final}
{SWD(2017) 151 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.5.2017
JOIN(2017) 17 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
għal impetu mġedded tas-Sħubija Afrika-UE
{SWD(2017) 150 final}
{SWD(2017) 151 final}
Werrej
1.Introduzzjoni
2.Xenarju jinbidel fl-Afrika
3.Għanijiet strateġiċi tal-UE
4.Relazzjoni politika aktar b'saħħitha
5.It-tibdil ta’ objettivi strateġiċi f’azzjonijiet
5.1.Stati u soċjetajiet iktar reżiljenti
A.Tipprevjeni l-kunflitti, tindirizza l-kriżijiet u l-konsolidazzjoni tal-paċi
B.Issaħħaħ is-sistemi ta’ governanza
C.Tiġġestjona l-migrazzjoni u l-mobilità
5.2.Aktar xogħol u xogħol aħjar, speċjalment għaż-żgħażagħ
A.Nattiraw investimenti responsabbli u sostenibbli
B.Għoti tal-enerġija lill-Afrika
C.It-trasformazzjoni tal-agrikoltura u n-negozju agrikolu, u l-ekonomija blu tagħha, inkluż is-sajd
D.Għarfien u ħiliet avvanzati
1.Introduzzjoni
L-2017 hija sena definittiva għas-sħubija bejn l-Ewropa u l-Afrika. F’xenarju globali li qed jinbidel malajr, l-Afrika qed tesperjenza bidliet ekonomiċi, politiċi u soċjetali profondi, u l-importanza tagħha għad-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa kulma jmur qed issir iktar ovvja. L-Ewropa u l-Afrika għandhom ħafna x’jiggwadanjaw minn żieda fir-rabtiet politiċi u ekonomiċi, imma għandhom ħafna x’jitilfu wkoll jekk jonqsu milli jieħdu azzjoni.
Il-ħames Summit Afrika-UE li għandu jseħħ f’Novembru 2017 jipprovdi opportunità kritika għall-Mexxejja Afrikani u Ewropej biex jirrispondu għal dan il-kuntest li qiegħed jevolvi u biex jifformulaw mill-ġdid u japprofondixxu s-sħubija bejn l-Afrika u l-UE.
Din il-Komunikazzjoni tipproponi qafas imġedded għal azzjoni konġunta li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jippreżentaw lis-Summit u li jistgħu jiġu riflessi fi Pjan Direzzjonali għas-snin 2018-2020. Il-Komunikazzjoni tipprevedi sħubija iktar b’saħħitha, iktar profonda u iktar orjentata lejn l-azzjonijiet biex ikun hemm iktar prosperità u stabbiltà bejn iż-żewġ kontinenti. Hija tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-politiki u ġabra inizjali ta’ inizjattivi konkreti għall-2018-2020 u għas-snin ta’ wara li għandhom jiġu kkoordinati u msaħħa mal-Istati Membri tal-UE u żviluppati iktar b’mod konġunt mal-imsieħba Afrikani b’risposta għall-Agenda 2063 1 tal-Afrika stess u tibni fuq l-Istrateġija globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE 2 . Hi tagħti attenzjoni partikolari lill-aspirazzjonijiet u lill-ħtiġijiet taż-żgħażagħ li l-involviment tagħhom fil-proċess inġenerali se tiġi inkoraġġuta b'mod qawwi.
Il-Komunikazzjoni tikkontribwixxi għar-riflessjoni li għadha għaddejja li ġiet imnedija permezz tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, mal-Karibew u mal-Paċifiku 3 , li se sservi bħala bażi informattiva għan-negozjati li se jibdew fl-2018 bil-ħsieb li tiġġedded l-isħubija li ilha teżisti bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, b’mod partikolari l-pilastru Afrikan.
Il-Komunikazzjoni hija ggwidata minn oqfsa internazzjonali, bħalma huma l-Aġenda tal-2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli 4 , l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa (AAAA) tagħha dwar il-finanzjament għall-iżvilupp 5 u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima 6 . Hija konsistenti ma’ politiki oħra rilevanti tal-UE 7 .
2.Xenarju jinbidel fl-Afrika
Bid-diversità kollha tagħha, l-Afrika qed tkun preżenti fix-xena internazzjonali b’iktar kunfidenza, dinamiżmu u ottimiżmu minn qatt qabel.
Matul dawn l-aħħar żewġ deċennji, l-Afrika wriet progress ekonomiku impressjonanti. Qed iseħħu trasformazzjonijiet pożittivi f’għadd ta’ pajjiżi. Għadd dejjem jiżdied ta’ gvernijiet Afrikani u organizzazzjonijiet reġjonali qed jieħdu rwol ewlieni fl-indirizzar tal-isfidi dwar it-tnaqqis fis-sigurtà, l-politika u l-faqar fi ħdan il-fruntieri tagħhom u lil hinn minnhom, kif ukoll qed ikollhom rwol iktar attiv fil-promozzjoni ta’ governanza tajba u tal-istat tad-dritt. F’għadd ta’ pajjiżi dan ippermetta lill-istat u lis-soċjetà biex isiru iktar reżiljenti billi żdiedet il-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini u żdied il-progress lejn trasformazzjoni strutturali.
Dawn ix-xejriet inkoraġġanti iżda ta’ spiss ikunu fraġli u għadhom mhux inklużivi jew sostenibbli biżżejjed biex joffru prospetti aħjar għal parti kbira tal-popolazzjoni, u speċjalment għall-għadd ta’ żgħażagħ dejjem jiżdiedu fl-Afrika. L-ispazju politiku jikber f’xi pajjiżi jikkuntrasta max-xejriet rigressivi f’pajjiżi oħrajn. Bosta pajjiżi ma kinux kapaċi jirriformaw u jirkupraw minn kunflitti sal-punt neċessarju jew bil-pass neċessarju, u allura qed isofru minn fraġilità. Ħafna pajjiżi xorta għadhom jiffaċċjaw limitazzjonijiet severi fuq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tagħhom u jiddependu ħafna fuq l-isfruttament ta’ riżorsi naturali. Fil-fatt, it-tkabbir ekonomiku ġenerali fil-kontinent Afrikan qed ibatti bħalissa. Apparti l-fatturi lokali, l-isfidi għas-sigurtà transnazzjonali, b’mod partikolari l-kriminalità organizzata, fosthom it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu jheddu l-istabbiltà reġjonali u l-iżvilupp sostenibbli. Id-degradazzjoni ambjentali fuq l-art u fil-baħar, il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, u tifqigħat ta’ mard infettuż bħall-Ebola wkoll jheddu l-progress. It-tifqigħa tal-karestija fis-Sudan t’Isfel, fin-Niġerja u fis-Somalja jenfasizzaw l-effett u l-interkonnessjonijiet man-nuqqas tas-sigurtà, mat-tibdil fil-klima u mal-iskarezzi tal-ilma u tal-ikel. Dawn l-isfidi wasslu għal livelli mingħajr preċedent ta’ spostamenti sfurzati fl-Afrika. Żdiedu wkoll iktar migrazzjonijiet irregolari, l-ewwel nett fl-Afrika imma wkoll lejn l-Ewropa, li mbagħad iżżid il-pressjoni fuq it-tmexxija politika u s-sistemi governattivi fil-pajjiżi kollha affettwati.
Id-dinamika demografika se tkun waħda mill-iktar bidliet strutturali sinifikanti fid-dinja fis-seklu 21. Sal-2050, il-popolazzjoni tal-Afrika se tkun ta’ 2.4 biljun, magħmula l-iktar miż-żgħażagħ 8 . Il-mod kif dawn il-bidliet se jiġu ġestjonati politikament u akkomodati ekonomikament se jiddefinixxi l-futur tal-kontinent u lil hinn minnu.
Min-naħa, il-projettazzjonijiet demografiċi fl-Afrika jħallu ftit li xejn dubju dwar il-ħtieġa kruċjali li jiġu ġġenerati miljuni ta’ xogħolijiet ġodda. Skont il-projezzjonijiet 9 , kull sena, l-Afrika Sub-Saħarjana għandha bżonn toħloq 18-il miljun xogħol ġdid sal-2035, meta mqabbel mat-3 miljun xogħol formali maħluqa fil-preżent, sabiex tassorbixxi persuni li qed jidħlu għall-ewwel darba fis-suq tax-xogħol. Barra minn dan, meta wieħed jikkunsidra d-daqs żgħir tas-settur formali u n-nuqqas ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, il-maġġoranza taż-żgħażagħ se jkomplu jirrikorru għall-ekonomija informali, inkluż għall-agrikultura ta’ sussistenza, bħala mezz ta’ għejxien.
Min-naħa l-oħra, din iż-żieda fil-popolazzjoni potenzjalment toffri opportunitajiet ekonomiċi sinifikanti. Il-konsum privat ġenerali mmexxi minn klassi medja li dejjem qed toktor 10 huwa mistenni li, kull sena, jilħaq EUR 2 triljun fl-2025 11 , u kumpaniji fl-Afrika huma mistennija li joffru suq ikbar milli hu, bil-livelli tal-infiq li huma mistennija li jilħqu EUR 3.3 triljun kull sena sal-2025.
3.Għanijiet strateġiċi tal-UE
F’dan il-kuntest globali u li dejjem qed jinbidel, m’hemmx dubju li huwa fl-interess strateġiku tal-UE li tapprofondixxi u tadatta s-sħubija twila tagħha mal-Afrika.
Matul l-aħħar 10 snin, l-UE u l-Afrika diġà bnew sħubija iktar b’saħħitha u iktar politikali bbażata fuq valuri u interessi komuni, kif imfissra fl-iStrateġija Konġunta UE-Afrika 12 (JAES). L-UE, b’mod kollettiv, illum hija l-investitur barrani ewlieni tal-Afrika 13 , is-sieħeb kummerċjali ewlieni tagħha 14 , fornitur ewlieni tas-sigurtà 15 , is-sors ewlieni tagħha tar-rimessi 16 , u l-ewwel sieħeb tagħha fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja 17 . Netwerk dejjem iżjed ravviċinata ta’ kuntatti umani u skambji jsaħħaħ ir-rabtiet bejn in-nies miż-żewġ kontinenti.
Waqt li tibni fuq il-JAES, l-UE għandha ssegwi tliet objettivi strateġiċi interrelatati:
·Involviment mutwali iktar b’saħħtu u iktar kooperazzjoni fl-arena internazzjonali, skont il-valuri u l-interessi komuni, inkluż f’relazzjonijiet bilaterali;
·Sigurtà, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar, u l-ġlieda kontra theddid transnazzjonali bħala investiment fis-sigurtà taż-żewġ kontinenti;
·Żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv fl-Afrika, biex jinħolqu xogħlijiet li għandu bżonn il-kontinent u biex jinħatfu l-opportunitajiet li toffri lill-Ewropa.
4.Relazzjoni politika aktar b'saħħitha
It-twettiq ta’ aġenda komuni ambizzjuża tirrikjedi l-ewwel u qabel kollox, investiment fuq il-livell politiku sabiex javvanzaw ir-relazzjoni politika eżistenti mal-Afrika għal stadju strateġiku ogħla. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’:
·Koalizjonijiet iktar profondi dwar kwistjonijiet ta’ governanza globali, billi jkun hemm iktar djalogu u kooperazzjoni effettiva mal-fora internazzjonali. L-Unjoni Afrikana (UA) u l-grupp Afrikan fin-NU huma sieħba strateġiċi u alleati ewlenin sabiex isaħħu l-irwol tan-NU u l-ordni globali bbażata fuq ir-regoli li hija essenzjali għall-paċi u l-prosperità futuri. Is-sieħba kollha għandhom rwol fit-tisħiħ tal-effettività, ir-responsabbiltà u r-rappreżentattività tas-sistema kollha tan-NU, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà. Tali kooperazzjoni għandha tfittex li tirriforma u ssaħħaħ l-istituzzjonijiet multilaterali u tiżviluppa ftehimiet, normi u azzjonijiet b’risposta għal sfidi globali bħalma huma t-tibdil fil-klima, l-epidemiji, il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali kif ukoll il-migrazzjoni u l-mobilità u l-kriżi umanitarja. Bl-istess mod, din il-kooperazzjoni se sservi biex tippromwovi u tappoġġa l-istat tad-dritt u l-ġustizzja fuq livell internazzjonali, inkluż li tiżgura l-ġustizzja u r-responsabbiltà għall-iktar reati serji, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
·Żieda fil-kooperazzjoni dwar interessi komuni u bbażata fuq interazzjoni politika frekwenti, billi jintuża l-potenzjal sħiħ tal-JAES u oqfsa u ftehimiet ta’ kooperazzjoni oħra eżistenti fil-livell l-iktar xieraq (multilaterali, kontinentali, reġjonali, nazzjonali, lokali), ibbażati fuq prinċipji ta’ sussidjarjetà. B’mod partikolari, is-sħab Afrikani u tal-UE għandhom isaħħu d-djalogu politiku fuq livell ministerjali, mhux biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar il-politika barranija, imma wkoll fir-rigward ta’ inizjattivi u sħubijiet dwar il-politika settorjali;
·Twassil ta’ sħubija ffukata fuq il-persuni, billi jiġu ffukati kuntatti u skambji interpersonali u bejn in-negozji u billi jissaħħaħ, b’mod partikolari, l-involviment mal-awtoritajiet lokali, mas-settur privat u mas-soċjetà ċivili. Dan wera li huwa ta’ sfida u jirrikjedi sforzi konġunti mill-ġdid. Id-djalogu ma’ dawn l-atturi kollha se jiġi nkoraġġut fiż-żmien ta’ qabel is-Summit u wara li dan isir.
5.It-tibdil ta’ objettivi strateġiċi f’azzjonijiet
Il-qafas tal-politika esterna tal-UE u l-Aġenda tar-riforma 2063 tal-Afrika stess jipprovdu l-gwidanza t-tajba biex ibiddlu dawn l-objettivi f’aġenda trasformattiva, strutturata madwar żewġ linji prinċipali:
·Il-bini ta’ stati u ta’ soċjetajiet iktar reżiljenti;
·Il-ħolqien ta’ iktar xogħol u ta’ xogħlijiet aħjar, speċjalment għaż-żgħażagħ.
5.1.Stati u soċjetajiet iktar reżiljenti
F’Agenda 2063, l-Afrika għandha l-għan li toħloq Afrika paċifika, sikura u prospera, Afrika b’governanza tajba, b’demokrazija u b’rispett għad-drittijiet umani, għall-ġustizzja u għall-istat tad-dritt, u Afrika fejn l-iżvilupp huma mmexxi mill-persuni u fejn il-potenzjali kollu tagħha jista’ jitgawda miż-żgħażagħ - speċjalment mit-tfajliet - u fejn ħadd ma jitħalla barra.
Dawn l-aspirazzjonijiet jissodisfaw b’mod sħiħ il-valuri u l-għanijiet tal-UE stess, b’mod partikulari peress li l-fraġilità lil hinn mill-fruntieri tagħha qed thedded l-interessi vitali kollha tagħha.
A.Tipprevjeni l-kunflitti, tindirizza l-kriżijiet u l-konsolidazzjoni tal-paċi
L-interessi għas-sigurtà tal-UE qatt qabel ma kienu daqshekk marbutin mill-qrib mal-Afrika. Ir-rabta diretta bejn il-Libja u s-Saħel, bejn il-Qarn tal-Afrika u l-Golf tappella għal approċċ iktar strateġiku li jmur lil hinn mill-formati stabbiliti. Theddid għas-sigurtà marittima fil-Baħar l-Aħmar, fl-Oċean Indjan u fil-Golf tal-Guinea jaffettwaw direttament l-ekonomija tal-Ewropa.
It-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti u r-reati transnazzjonali organizzati bħalma huma t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll theddid iktar tradizzjonali għall-paċi u s-stabilità (kunflitti intrastatali, kunflitti lokali dwar ir-riżorsi, vjolenza elettorali, serq bl-użu ta’ armi u l-piraterija eċċ) ilkoll jikkostitwixxu sintomi ta’ nuqqas ta’ stabilità u fraġilità strutturali iktar profondi.
Il-viżjoni Afrikana
F’Agenda 2063, l-Afrika qed taspira li ssir kontinent paċifiku u sikur. Bl-adozzjoni tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA), l-Afrika għandha l-għan li ssaħħaħ il-mekkaniżmi biex tassigura l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-livelli kollha, li tindirizza theddid emerġenti għall-paċi u s-sigurtà tal-Afrika; u li tistabbilixxi strateġiji għall-kontinent biex tiffinanzja l-ħtiġijiet tas-sigurtà tiegħu. Ir-rapport ta’ Paul Kagame bl-isem "The imperative to reinforce our Union" u r-rapport ta’ Donal Kaberuka's dwar "Securing predictable and sustainable financing for peace in Africa 18 ” huma passi importanti biex dan il-proċess ikompli jissaħħaħ.
Azzjoni tal-UE
L-Afrika tibqa’ waħda miċ-ċentri ta’ gravità ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà. Minn 33 operazzjoni ċivili jew tal-militar immexxija mill-UE li huma kompluti jew li għadhom għaddejjin, 19 minnhom ġew skjerati fl-Afrika u llum, 5 mis-6 operazzjonijiet militari kurrenti mmexxija mill-UE ġew skjerati fl-Afrika. Permezz tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) biss, mill-2004, l-UE għaddiet finanzjament sostanzjali li jammonta għal aktar minn EUR 2 biljun. Dan b’żieda mal-programmi ta’ assistenza importanti relatati mas-sigurtà/il-ġlieda kontra t-terroriżmu,/ ir-radikalizzazzjoni fuq livell nazzjonali, u attivitajiet oħra mmexxija mill-UE u minn Stati Membri individwali. B’konformità mal-Istrateġija Globali tal-UE, l-UE trid terġa’ tafferma l-pożizzjoni tagħha bħala fornitur tas-sigurtà u bħala s-sieħeb ewlieni tal-Afrika fil-operazzjonalizzazzjoni tal-APSA u fl-appoġġ ta’ strateġiji reġjonali, u b’hekk tikkontribwixxi għall-isforzi Afrikani li għadhom għaddejjin biex issib “soluzzjonijiet Afrikani għal problemi Afrikani”.
L-UE qed tipproponi li tieħu s-sħubija pass iktar ’il quddiem billi żżid l-isforzi sabiex:
(i) Tintensifika iktar l-koordinazzjoni u d-djalogu billi:
·Tistabbilixxi pjattaforma kollaborattiva li tiġbor flimkien imsieħba Ewropej u Afrikani kif ukoll atturi internazzjonali u tan-NU sabiex jibnu reżiljenza iktar b’saħħitha kontra l-ispettru sħiħ ta’ skattament ta’ theddid u ta’ kriżijiet;
(ii) Tipprevjeni kunflitti billi:
·Issaħħaħ l-appoġġ għall-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-APSA u l-bini ta’ kapaċitajiet Afrikani;
·Ittejjeb inizjattivi ta’ bini ta’ kapaċità fir-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-iktar permezz ta’ missjonijiet tal-PSDK 19 u permezz ta’ appoġġ komplimentari għal bini ta’ kapaċità b’appoġġ għas-sigurtà u l-iżvilupp;
·Issaħħaħ l-istat tad-dritt ċivili u l-kapaċitajiet fl-infurzar tal-liġi kif ukoll l-abbiltajiet ta’ pajjiżi Afrikani biex jikkumbattu t-terroriżmu, il-piraterija, ir-radikalizzazzjoni vjolenti u l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin b’mod effettiv.
·Issaħħaħ l-implimentazzjoni effettiva ta’ riżoluzzjonijiet, politiki u konvenzjonijiet rilevanti tal-KSNU billi jingħata tagħrif espert rilevanti;
·Issaħħaħ id-disponibbiltà ta’ kooperazzjoni esperta ma’ sħab Afrikani individwali, inkluż permezz ta’ proġetti ta’ bini ta’ kapaċità, biex tittejjeb is-sigurtà marittima u tal-avjazzjoni, pereżempju, permezz tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi 20 ;
(iii) Tindirizza kriżijiet u ttejjeb il-ġestjoni ta’ kunflitti billi:
·Tibqa’ tgħin lill-Unjoni Afrikana, lill-organizzazzjonijiet sottoreġjonali u lill-pajjiżi f’operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi permezz ta’ strumenti speċifiċi tal-UE bħalma huma l-FPA u permezz ta’ operazzjonijiet tal-PSDK fuq talba tagħhom u fejn jitqies xieraq. Attivitajiet jistgħu jinkludu wkoll il-passi inizjali ta’ sforzi ta' konsolidazzjoni tal-paċi wara l-kunflitti, bħalma huma d-diżarmament, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid.
Inizjattivi ewlenin
·Tistabbilixxi pjattaforma ta’ kooperazzjoni li tiġbor flimkien n-NU u sħab Ewropej, Afrikani u sħab internazzjonali oħra, sabiex jiżdied id-djalogu politikali, diskussjonijiet strateġiċi u azzjonijiet konġunti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-paċi u l-iżvilupp.
·Tagħmel kontribut inizjali lill-Fond għall-Paċi tal-UA, sakemm l-istruttura ta’ governanza tagħha hija stabbilita u tibqa’ taħdem mal-UA u man-NU biex timplimenta l-pjan UA/Kaberuka dwar l-għażliet dwar is-sostenibbiltà finanzjarja.
·Tappoġġa l-inizjattivi Afrikani fil-qasam tas-sigurtà marittima 21 billi ttejjeb l-istrateġiji fl-għarfien marittimu, l-għodod u n-netwerks ta’ informazzjoni kif ukoll is-sistemi ġudizzjarji u dawk tal-pulizija.
B.Issaħħaħ is-sistemi ta’ governanza
Il-governanza, l-iżvilupp u s-sigurtà huma marbutin mill-qrib. Soċjetajiet reżiljenti, b’istituzzjonijiet affidabbli, demokratiċi, effettivi u trasparenti fil-livelli kollha, li qed joperaw f’qafas makro-ekonomika stabbli u prevedibbli u fejn id-drittijiet umani huma rrispettati, huma fil-qalba tal-iżvilupp sostenibbli u l-istabilità. Soċjetajiet bħal dawn huma l-aktar ippreparati biex jadattaw, jaġixxu u jiġġestjonaw bl-aħjar mod it-tibdil fl-ambjent ekonomiku estern u t-tibdil intern, inkluż permezz tat-twassil effettiv ta’ servizzi lil popolazzjoni li qed tikber.
Il-progress fil-governanza mhux stabbli. Id-demokrazija qed tissaħħaħ imma għandha tiġi miżmuma peress li l-integrità tal-proċess elettorali ta’ spiss taffaċċja sfidi u jseħħ tibdil kostituzzjonali jew tentattivi biex ikun hemm dan, biex jagħtu lok biex min ikun fil-poter jibqa’ fil-poter. Il-progress fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet umani għadu mhux stabbli u jvarja minħabba governanza insuffiċjenti, in-nuqqas ta’ stabilità u l-kunflitti.
Il-parteċipazzjoni inklużiva taċ-ċittadini fit-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi u b’mod partikolari, l-involviment taż-żgħażagħ u tan-nisa fi proċessi politiċi formali se żżid il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-istat. Dawn l-istituzzjonijiet ukoll ta’ spiss ma jkollhomx il-kapaċità li jiffunzjonaw effettivament, pereżempju, f’oqsma bħall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, inkluż it-trasparenza ta’ akkwist pubbliku u tal-infiq u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi. B’mod partikolari, il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku li huwa prerekwiżit biex l-istat ikun jista’ jmexxi sew, ta’ spiss hija taħt il-livelli neċessarji u mminata minn Flussi Finanzjarji Illeċiti 22 Ta’ mill-inqas USD 50 biljun 23 joħorġu mill-kontinent kull sena permezz ta’ flussi finanzjarji illiċiti, u jaqbżu bil-kbir l-ammont totali annwali tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA).
Fl-oqsma kollha ta’ governanza, mill-parteċipazzjoni u l-emanċipazzjoni għat-trasparenza, mir-responsabbiltà u l-kwalità tat-twettiq ta’ servizzi pubbliċi, is-servizzi diġitali 24 u t-teknoloġiji jistgħu jkollhom - u diġà qed ikollhom - rwol importanti ta’ abilitazzjoni. Kemm l-UE kif ukoll l-Afrika jistgħu jibbenifikaw u jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin.
Il-viżjoni Afrikana
F’Agenda 2063, l-Afrika taspira li tkun “kontinent fejn huma stabbiliti l-valuri demokratiċi, il-kultura, prattiki, prinċipji universali tad-drittijiet umani, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġustizzja u l-istat tad-dritt”, u “għandha istituzzjonijiet kapaċi u tmexxija trasformattiva fil-livelli kollha”. Hija tipprevedi żvilupp iffukat fuq il-persuni fejn iċ-ċittadini jipparteċipaw b’mod attiv fl-iżvilupp soċjali, ekonomiku u politiku, u fejn l-istituzzjonijiet huma responsabbli u jipprovdu servizzi effettivi u effiċjenti ma’ professjonisti kompetenti. Permezz tal-Arkitettura tal-Governanza Afrikana, il-kontinent għammar lilu nnifsu b’qafas importanti għall-koordinazzjoni u l-bini ta’ demokrazija. Il-Mekkaniżmu Afrikan ta' Evalwazzjoni bejn il-Pari, istrument uniku b'appartenenza Afrikana, huwa pilastru ewlieni ta’ din l-arkitettura.
Azzjoni tal-UE
L-UE hija s-sieħba ewlenija tal-Afrika fejn jidħlu l-governanza, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet umani, b’impenn qawwi u fit-tul fuq livell nazzjonali, reġjonali u kontinentali, impenn li huwa element fundamentali tar-relazzjoni tagħhom 25 . Isiru djalogi politiċi strutturali mal-maġġoranza tal-pajjiżi Afrikani b’konformità mal-artikoli dwar id-djalogu politiku skont il-ftehim tal-assoċjazzjoni rispettiva, e.ż., l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou għal pajjiżi AKP Afrikani. Barra minn hekk, l-UE tipprovdi appoġġ sostanzjali għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-governanza Afrikana permezz ta’ programmi b’istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u kontinentali, ikkumplimentati minn azzjonijiet bl-għan li jsaħħu l-awtoritajiet lokali u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fi djalogu politiku. L-UE qed tappoġġa wkoll l-isforzi tal-pajjiżi Afrikani biex jiġu mobilizzati iktar riżorsi domestiċi, biex ittejjeb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u biex tassigura li jkun hemm sostenibbiltà tad-dejn, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-approċċ “Iġbor Iktar, Onfoq Aħjar 26 ”, li huwa bbażat fuq l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa.
Abbażi tal-esperjenza tagħha, l-UE qed tipproponi li tieħu s-sħubija pass iktar ’il quddiem billi żżid l-isforzi sabiex:
(i) Tappoġġa d-demokrazija u tippromwovi d-drittijiet umani u l-istat tad-dritt billi
-Issaħħaħ u tespandi d-djalogi politiċi ma’ pajjiżi sħab billi tuża d-dispożizzjonijiet kollha tal-oqfsa u ftehimiet eżistenti;
-Tinkoraġġixxi r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ strumenti tad-drittijiet umani internazzjonali u tal-UA stess fuq livell nazzjonali;
-Tibqa’ ssaħħaħ il-kunfidenza fi proċessi domestiċi permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa f’Osservazzjoni Elettorali, b’mod partikolari mal-UA, inkluż b’segwitu għar- rakkomandazzjonijiet ta’ osservazzjonijiet elettorali;
-Issaħħaħ id-djalogu u l-iskambju ta’ informazzjoni, tislet tagħlimiet u tieħu l-aħjar prattiċi minn missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali li fil-passat ikkooperaw b'mod konkret, issaħħaħ programmi ta’ kooperazzjoni għad-demokrazija u tagħti appoġġ lill-Arkitettura tal-Governanza Afrikana billi tiżviluppa kuntatti u avvenimenti konġunti ma’ partijiet interessati oħra, fosthom mal-gvern, partijiet politiċi, assemblej parlamentari u mas-soċjetà ċivili, biex taqsam l-esperjenzi u l-għarfien u biex tidentifika mezzi kif issaħħaħ id-demokrazija fiż-żewġ kontinenti.
(ii) Tippromwovi governanza responsabbli, trasparenti u reattiva billi:
-Tappoġġa l-kapaċità tal-istituzzjonijiet biex joffru opportunitajiet għan-numru dejjem jiżdied ta’ żgħażagħ biex jipparteċipaw fil-livelli kollha tas-soċjetà;
-Iżżid il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, iżżid it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-amminstrazzjoni pubblika kif ukoll l-effiċjenza u l-kwalità fit-twassil ta’ servizzi pubbliċi, b’mod partikolari permezz tal-iskjerar ta’ servizzi ta’ governanza elettronika filwaqt li tassigura r-rispett għall-privatezza u livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dejta personali;
-Issaħħaħ sforzi konġunti biex tiffaċilita, tippreżerva u twessa’ l-ispazju għall-impenn tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni u fl-iffurmar ta’ politiki;
-Tappoġġa rwol u kapaċità iktar b’saħħithom għal awtoritajiet lokali, b’mod partikolari biex tindirizza l-isfidi relatati mal-urbanizzazzjoni rapida, l-aktar billi tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Karta Afrikana dwar il-Governanza Lokali u l-AHCLA 27 u billi tiffaċilita l-ġemellaġġ;
-Issaħħaħ l-emanċipazzjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ kif ukoll ta’ nies vulnerabbli permezz ta’ programmi mmirati biex irawwmu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u billi tassigura aċċess indaqs għal kulħadd għal edukazzjoni ta’ kwalità u taħriġ vokazzjonali, protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli kif ukoll kopertura universali tas-saħħa, inkluż tilqim, kura tas-saħħa riproduttiva u l-prevenzjoni ta’ mard li jittieħed;
-Trawwem kooperazzjoni dwar il-ġestjoni ta’ finanzi pubbliċi, inkluż dwar politiki/strumenti proattivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi, u tassigura sistemi effiċjenti ta’ kontroll għal finanzi pubbliċi billi tappoġġa żvilupp tal-kapaċità f’oqsma bħalma huma r-riformi fil-politiki tat-taxxa, l-amministrazzjoni tat-taxxi u l-ġestjoni ta’ dħul minn riżorsi naturali, kif ukoll tiġġieled kontra flussi finanzjarji illiċiti fis-segwitu tal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa;
(iii) Tibni r-reżiljenza għad-degradazzjoni ambjentali u l-kriżi umanitarja billi:
-Issaħħaħ l-isforzi fl-appoġġ tal-investiment tal-gvernijiet fit-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, il-bini ta’ kapaċitajiet għal azzjoni bikrija, kriżijiet tal-ispostament li jieħdu fit-tul u l-forniment tal-bżonnijiet bażiċi biex tkun tista’ tiflaħ, tadatta u tirkupra minn stress, xokkijiet u trawmi, inkluż f’żoni urbani;
-Tgħin lis-sħab Afrikani biex jindirizzaw il-vulnerabbiltà għat-tifqigħat tal-mard u theddid ieħor għas-saħħa - bħar-reżistenza għall-antimikrobiċi - b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ ta’ sistemi ta’ saħħa, il-bini ta’ kapaċità għall-preparazzjoni u r-rispons għal emerġenzi 28 , u l-appoġġ ta’ sanitazzjoni u l-forniment ta’ ilma nadif;
-Issaħħaħ il-kapaċità tal-Afrika stess biex tiġġestjona sfidi ambjentali u soċjetali bl-użu ta’ teknoloġiji u informazzjoni spazjali, inkluż dejta u servizzi provduti mill-Programm Ewropew tal-Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus);
-Tiffaċilita kundizzjonijiet soċjali u ambjentali mtejba relatati mal-isfruttament ta’ riżorsi naturali, inkluż fil-proċess tal-estrazzjoni ta’ minerali, l-ipproċessar u r-reċiklaġġ.
Inizjattivi ewlenin
·Issaħħaħ id-djalogu u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-appoġġ għal demokrazija billi tibda b’konferenza konġunta bejn l-UA u l-UE ta’ livell għoli dwar proċessi elettorali, id-demokrazija u l-governanza fl-Afrika u fl-Ewropa; skont il-politiki Afrikani u Ewropej, bl-involviment tal-istituzzjonijiet rilevanti, fosthom il-Parlament Pan-Afrikani u l-Parlament Ewropew kif ukoll is-soċjetà ċivili u l-akkademja;
·Appoġġ irduppjat għall-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi domestiċi sas-sena 2020 ,skont l-Inizjattiva Fiskali ta’ Addis Adaba;
·Azzjoni konġunta biex tissaħħaħ il-ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali, b’mod partikolari permezz tal-elaborazzjoni tal-Karta konġunta tal-UE-Afrika.
C.Tiġġestjona l-migrazzjoni u l-mobilità
Il-mobilità u l-migrazzjoni jikkostitwixxu kwistjonijiet importanti ekonomiċi, soċjali u kwistjonijiet relatati mas-sigurtà, kemm fl-Afrika kif ukoll fl-Ewropa. Jistgħu jsaħħu s-soċjetajiet imma jistgħu jiddestabbilizzawhom ukoll jekk ma jiġux ġestjonati sew. Bil-flussi tal-migrazzjoni u tal-mobilità - inkluż iċ-ċaqliq sfurzat - b’livelli rikord fl-Afrika, u fl-istess ħin, b’numri dejjem jiżdiedu ta’ migranti u ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil li qed jaslu l-Ewropa mill-Afrika, iż-żewġ kontinenti għarfu li hemm aktar x’isir, b’mod partikolari sabiex jiġu evitati vjaġġi perikolużi, biex jitnaqqsu l-imwiet matul ir-rotta u biex tiżdied il-kooperazzjoni prattika. L-Afrika u l-Ewropa għandhom interess komuni u responsabbiltà komuni, u qed jappellaw ukoll għal soluzzjonijiet globali, skont il-prinċipju ta’ solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabilità. Id-Dikjarazzjoni ta’ New York 29 tipprovdi qafas politiku tajjeb ħafna biex jiġu indirizzati l-movimenti kbar ta’ rifuġjati u migranti.
Il-Viżjoni Afrikana
F’Aġenda 2063 l-Afrika timmira li jkollha rabtiet dinamiċi u ta’ benefiċċju reċiproku mad-dijaspora tagħha u li tkun kontinent ta’ fruntieri mingħajr intoppi, biex ittemm l-eżodu ta’ mħuħ kif ukoll kull forma ta’ “migrazzjonijiet illegali u traffikar taż-żgħażagħ” filwaqt li tfittex aktar mobilità fost l-oħrajn qalb l-akkademiċi, u l-persunal u l-istudenti ta’ riċerka - eż. billi tenfasizza l-importanza tal-mobilità taż-żgħażagħ intra-Afrikana. Prijoritajiet oħra jinkludu titjib fil-mekkaniżmi tar-rimessi u politiki responsabbli tal-migrazzjoni tal-ħaddiema. Barra minn hekk, l-Afrika taspira li tkun kontinent mingħajr traffikar ta' bnedmin fejn jintemmu l-kriminalità organizzata u forom oħra ta’ netwerks kriminali.
Azzjoni tal-UE:
L-UE tindirizza l-migrazzjoni bi spirtu ta’ sħubija u fiduċja reċiproka permezz ta’ djalogu kontinwu u kooperazzjoni mas-sħab Afrikani tagħha. Diġa’ jinsabu fis-seħħ oqfsa importanti għad-djalogu, bħad-Djalogu dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità bejn l-Afrika u l-UE (MMD). Aktar inizjattivi iġibu flimkien lill-gvernijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej mal-kontroparti tagħhom mill-Afrika Ċentrali, tal-Punent u tat-Tramuntana (‘Proċess ta’ Rabat’), u mill-Afrika tat-Tramuntana u tal-Lvant (‘Proċess ta’ Kartum’). F’Novembru 2015, il-mexxejja minn 31 pajjiż Ewropew u Afrikan bħala membri ta’ dawn iż-żewġ proċessi ta’ djalogu impenjaw rwieħhom għal pjan ta’ azzjoni ambizzjuż fil-Belt Valletta.
L-approċċ l-aktar ambizzjuż u innovattiv tal-UE għall-ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni huwa l-Qafas ta’ Sħubija 30 , li jipprovdi bażi għal kooperazzjoni prattika fl-indirizzar tal-kawżi fl-għerq tal-migrazzjoni u tal-ġestjoni tal-migrazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, fir-rispett sħiħ tal-obbligi umanitarji u tad-drittijiet umani. Fi ħdan l-ispirtu tal-Qafas ta’ Sħubija, l-UE u l-Istati Membri tagħha riċentement żiedu l-isforzi tagħhom vis-à-vis s-sħab tagħhom fl-Afrika ta’ Fuq sabiex isalvaw aktar ħajjiet fil-Mediterran u jkun hemm ġestjoni aktar effettiva tal-flussi migratorji. Dan wassal għal Komunikazzjoni Konġunta: Il-Migrazzjoni fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, insalvaw il-ħajjiet 31 u ġiet ikkonfermata għal darb’oħra mill-Kunsill Ewropew, fid-Dikjarazzjoni ta’ Malta 32 dwar l-indirizzar tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali.
Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika 33 (EUTF Afrika) huwa għodda ewlenija li tagħti riżultati fir-rigward ta’ impenji li saru fil-Belt Valletta, hekk kif jibqa’ ta’ importanza enormi għall-approċċ tal-Qafas ta’ Sħubija. B’valur ta’ aktar minn EUR 2.6 biljun 34 u filwaqt li jkopri r-reġjun tas-Saħel, il-Lag taċ-Ċad, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta’ Fuq, l-EUTF tal-Afrika jindirizza kawżi ewlenin ta’ destabilizzazzjoni, migrazzjoni irregolari, ċaqliċ sfurzat 35 u traffikar ta’ bnedmin billi jappoġġja l-ħolqien tax-xogħol u l-iżvilupp ekonomiku, ir-reżiljenza, il-ġestjoni tal-migrazzjoni kif ukoll l-istabilità u l-governanza.
Barra dawn il-proċessi u inizjattivi, il-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew 36 (PIE) propost se jkun l-aktar mezz b'saħħtu tal-UE għall-promozzjoni tal-investiment u l-ħolqien tax-xogħol fl-Afrika - u jagħti sehem fit-tkabbir sostenibbli kif ukoll jimmira direttament fuq il-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni u taċ-ċaqliq sfurzat.
Fi ħdan dawn l-oqfsa eżistenti, l-UE tipproponi li l-isħubija tittieħed pass oltre billi jkomplu l-isforzi skont l-approċċ tal-Qafas ta’ Sħubija, kif ukoll li:
(i) Tindirizza flussi migratorji reġjonali u l-isfidi transfruntieri relatati, billi:
·Tiġi appoġġjata l-adozzjoni u l-internalizzazzjoni tal-oqfsa regolatorji li jwasslu għall-migrazzjoni legali u l-mobilità fi ħdan l-Afrika;
·Jiġi indirizzat iċ-ċaqliq sfurzat u l-promozzjoni ta’ protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ tqassim tar-responsabbiltà, billi jiġu megħjuna l-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-kapital uman ta’ dawk imġiegħla jaħarbu minn djarhom, tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom u, finalment, jiġu pprovduti benefiċċji għall-iżvilupp lill-persuni spustati u lil dawk li jilqgħuhom;
·Tittejjeb il-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż permezz tal-kunċett tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri.
·Naħdmu flimkien lejn il-finalizzazzjoni tal-Patti Globali fl-2018 u nikkooperaw flimkien mal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali rilevanti;
(ii) Timmassimizza d-dividendi tal-migrazzjoni regolari u l-mobilità u l-potenzjal tagħha bħala xprun tal-iżvilupp permezz ta’:
·L-għoti ta' aktar appoġġ lix-xogħol tal-Istitut Afrikan għar-Rimessi tal-Flus;
·Għarfien, operazzjoni u kapaċità mtejba tad-dijaspora Afrikana bħala attur ta’ żvilupp;
·L-għoti ta' aktar appoġġ għall-investiment u l-intraprenditorija tad-dijaspora fil-pajjiżi ta’ oriġini;
·Aktar żieda fil-mobilità tal-istudenti u tar-riċerkaturi.
(iii) Tiżdied il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni irregolari, billi
·Tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta’ oqfsa leġiżlattivi komprensivi li jkopru l-aspetti kollha tat-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-persuni, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata u l-protokolli li jissupplimentawha, inkluż billi titjieb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra n-netwerks ta’ traffikar u ta’ kuntrabandu;
·Jiġu stabbiliti miżuri adegwati biex jiġu mmaniġjati flussi ta’ migrazzjoni, kemm ta’ dawk deħlin, ħerġin kif ukoll fi tranżitu, inkluż bil-promozzjoni tal-istabbiliment ta’ sistemi affidabbli tar-reġistrazzjoni/tal-ID ċivili, u ta’ proċeduri li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-migranti u tal-prinċipju ta’ non-refoulement;
·Jiġi evitat u skoraġġut l-użu ta’ kanali irregolari ta’ migrazzjoni u tissaħħaħ il-kooperazzjoni biex jiġu ffaċilitati r-ritorn u r-riintegrazzjoni sostenibbli ta’ migranti irregolari, filwaqt li jiġu promossi l-migrazzjoni regolari u l-opportunitajiet ta’ mobilità.
Inizjattivi ewlenin
·L-appoġġ lil inizjattivi Afrikani dwar il-migrazzjoni u l-mobilità regolari Intra-Afrikana inkluż l-appoġġ għall-iżilupp tal-Protokoll dwar il-Moviment Liberu tal-persuni fl-Afrika u l-Protokoll Dwar id-Dritt Speċifiku għan-Nazzjonalità u l-Qerda tal-Apolidija fl-Afrika; appoġġ għall-iskemi ta’ protezzjoni soċjali inkluż il-portabilità tad-drittijiet soċjali; mekkaniżmi għall-portabilità u l-għarfien tal-ħiliet u l-kwalifiki.
·Iż-żieda tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika fil-ġlieda kontra n-netwerks tal-kuntrabandu u tat-traffikar, inkluż l-appoġġ tal-adeżjoni u l-implimentazzjoni tal-istati Afrikani mal-"Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali” u l-protokolli li jissupplimentawha.
5.2.Aktar xogħol u xogħol aħjar, speċjalment għaż-żgħażagħ
Fl-Agenda 2063, l-Afrika tipprevedi bidla radikali li tippermetti “kontinent prosperu, bil-mezzi u r-riżorsi biex imexxi l-iżvilupp tiegħu stess u fejn l-ekonomiji jitbiddlu strutturalment permezz tal-industrijalizzazzjoni, il-manifattura u l-valur miżjud biex jinħoloq tkabbir kondiviż permezz tal-iżvilupp tas-settur privat, l-intraprenditorija u xogħol diċenti għal kulħadd”.
B’ħarsa biex din il-bidla radikali ssir realtà, l-UE takkumpanja lill-industrijalizzazzjoni tal-Afrika bl-għan aħħari li toħloq il-ġid permezz ta’ iktar xogħol u xogħol aħjar, filwaqt li tiffoka fuq iż-żieda tal-produttività tax-xogħol u l-investimenti ta’ kwalità fis-setturi li jżidu l-valur u f’dawk li jirrikjedu ħafna ħaddiema, b’mod partikolari fis-settur agroalimentari, fir-rigward ta’drittijiet tax-xogħol maqbula internazzjonalment u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, kif ukoll l-emanċipazzjoni tan-nisa. Fl-istess ħin, dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat li t-trasformazzjoni ekonomika tqis l-isfidi u l-opportunitajiet tat-tibdil fil-klima u s-sostenibilità ambjentali.
A.Nattiraw investimenti responsabbli u sostenibbli
L-istabilità makroekonomika, il-ħolqien ta’ swieq reġjonali, klima ta’ investiment xierqa u ekonomija diversifikata b’valur miżjud huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u ħolqien diċenti tax-xogħol.
Is-settur privat għandu l-akbar potenzjal ta’ ħolqien tax-xogħol, u għalhekk huwa essenzjali li jattira investimenti privati, domestiċi u barranin responsabbli fl-Afrika. Dan ikun jeħtieġ l-iżvilupp ta’ sistemi finanzjarji miftuħa biex jiżdied il-kreditu tas-settur privat u tinħoloq klima ta’ investiment, filwaqt li titħeġġeġ l-imġieba responsabbli tal-investituri li jirrispettaw l-istandards soċjali u ambjentali u governanza korporattiva tajba.
Il-viżjoni Afrikana
Fl-Agenda 2063, l-Afrika taspira li ssir “kontinent fejn il-libertà tan-nies, il-kapital, l-oġġetti u s-servizzi se tirriżulta f’żidied sinifikanti fil-kummerċ u l-investiment”. Dan ifisser li hemm bżonn jiġu promossi “politiki makroekonomiċi li jiffaċilitaw it-tkabbir, il-ħolqien tal-impjieg, l-investimenti u l-industrijalizzazzjoni” u li “jiġi żviluppat is-settur privat Afrikan permezz tal-involviment u klima favorevoli, filwaqt li jitrawwmu negozji pan-Afrikani permezz tat-tkabbir ta’ ċentri tal-manifattura reġjonali u kummerċ intra-Afrikan imkabbar”.
Azzjoni tal-UE
L-UE ilha ħafna taħdem ma’ sħab Afrikani biex tiżviluppa l-ambjent tan-negozju u l-klima ta’ investiment, tavvanza l-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika Afrikan fil-livell nazzjonali, reġjonali u kontinentali, kif ukoll tattira l-investiment pubbliku u privat madwar il-kontinent. Iż-żieda, b’mod partikolari, fl-investimenti pubbliċi flimkien ma’ riżorsi pubbliċi skarsi hija indispensabbli u hija fil-qalba tal-EIP.
L-UE qed tipproponi li tieħu s-sħubija pass iktar ’il quddiem sabiex:
(i) Iżżid investimenti kbar responsabbli u sostenibbli fl-Afrika b’mod partikolari fil-kuntest tal-EIP propost billi:
·Tiġi appoġġjata klima ta’ investiment prevedibbli u favorevoli fl-Afrika għal investiment responsabbli u sostenibbli, permezz tad-djalogu ma’ pajjiżi Afrikani u s-settur privat;
·Jiġu appoġġjati infrastrutturi, b’mod partikolari f’setturi inkluż l-enerġija sostenibbli, l-ilma, it-trasport, it-teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, l-ambjent, l-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali u "tkabbir blu", l-infrastruttura soċjali u l-kapital uman; Dan se jinkludi l-offerta ta’ sħubiji mal-industrija tal-UE, b’mod partikolari fejn hija fuq quddiem nett fid-dinja;
·Jiġu appoġġjati l-imprendituri, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u negozji ġodda, permezz ta’ strutturi u servizzi ta’ appoġġ dedikati għan-negozji lokali;
·Ikun hemm ħidma mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u ma’ banek ta’ żvilupp sabiex jiġu stimolati r-riżorsi mis-swieq tal-kapital, b’iffukar fuq setturi li jżidu l-valur bl-ogħla potenzjal għall-ħolqien ta’ xogħol sostenibbli u żvilupp b’emissjonijiet baxxi, u jiġu sfruttati l-opportunitajiet offerti mill-ekonomija ħadra, blu u ċirkolari;
·Jiġu promossi responsabilità soċjali korporattiva, intraprenditorija soċjali u oqfsa ta’ mġieba responsabbli tal-kumpaniji;
(ii) Trawwem relazzjonijiet ta’ negozju Ewropej u Afrikani billi:
·Jitwaqqaf djalogu strutturat mas-settur Ewropew u Afrikan, permezz tal-pjattaforma Negozju Sostenibbli għall-Afrika (SB4A) fil-qafas tal-EIP, fora tan-negozju, u “Missjonijiet tad-Diplomazija Ekonomika" ta’ investituri Ewropej għall-Afrika;
·Jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika, billi jiġi żgurat li s-sħab ikunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji kollha tal-qafas stabbli u prevedibbli mogħti mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (EPA), Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles u reġimi kummerċjali oħra ta’ benefiċċju, fil-kuntest ta’ sistema multilaterali ta’ kummerċ imsaħħa. Huma se jibbenefikaw ukoll minn strateġija riveduta ta’ Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE;
(iii) Tappoġġja l-ambizzjoni tal-Afrika biex tibni suq intern Afrikan ġenwin billi:
·Jiġi ffaċilitat il-kummerċ permezz ta’ riforma tad-dwana sostenibbli u appoġġ għall-immodernizzar;
·Tkompli tissaħħaħ l-Infrastruttura ta’ Kwalità Pan-Afrikana (PAQI) 37 b’enfasi speċifika fuq it-tnedija ta’ sistema ta’ standardizzazzjoni Pan-Afrikana, ispirata minn prattiċi tas-Suq Uniku tal-UE;
·Jiġu appoġġjati t-tħejjijiet għal Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali (CFTA).
|
Inizjattivi ewlenin ·Jiġu ġġenerati investimenti kbar tal-UE fl-Afrika permezz tal-EIP propost, li mistenni joħloq ingranaġġ ta’ EUR 44 biljun ta’ investimenti sal-2020, appoġġjat bi djalogu strutturat mas-settur privat Ewropew u Afrikan taħt pjattaforma Negozju Sostenibbli għall-Afrika (SB4A). Se ssir tfittxija għal sinerġiji ma’ inizjattivi nazzjonali simili, minn Stati Membri u fuq livell multilaterali, b’mod partikolari mal-G20 “Patt mal-Afrika”. ·Tiġi appoġġjata klima ta’ investiment aktar prevvedibbli u favorevoli fl-Afrika,l-aktar permezz ta’ approvazzjoni tal-prinċipji gwida ta' bejn l-Afrika u l-UE għat-tfassil ta’ politika tal-investiment. ·Tiġi appoġġjata l-aġenda diġitali tal-Afrika, b’iffukar fuq l-iżvilupp tas-servizzi tal-Governanza elettronika, inizjattivi u investimenti li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ negozju agrikolu permezz tal-aċċess għal u l-użu tad-dejta tas-suq, tal-klima u ta’ dik ambjentali u dwar l-iżvilupp ta' ambjent ta’ riċerka diġitali miftuħ biex jitrawmu l-ħilietu l-għarfien. |
B.Għoti tal-enerġija lill-Afrika
Il-kisba ta’ aċċess universali għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna, inkluż f’żoni rurali hija wkoll opportunità biex niġġeneraw żvilupp inklussiv u impjiegi għaż-żewġ kontinenti, allinjati mal-isfida klimatika. Huwa fl-interess ta’ kulħadd li tiżdied il-kooperazzjoni bbażata fuq valuri komuni ta’ tranżizzjoni ta’ enerġija nadifa li l-UE tiddefendi u tmexxi globalment.
Sal-2030 38 , it-talba għall-forniment tal-elettriku mistennija tittrippla madwar l-Afrika, hekk kif l-ekonomiji jikbru, il-popolazzjoni tespandi u turbanizza ruħha. Madwar 700 miljun persuna, l-aktar fl-Afrika sub-Saħarjana illum m’għandhomx aċċess għal forom moderni ta’ enerġija u la r-rati ta’ elettrifikazzjoni preżenti u lanqas it-tkabbir annwali tal-PDG ma jidhru biżżejjed biex jiżguraw aċċess universali għall-enerġija. Madankollu, r-riżorsi rikki u indiġeni ta’ enerġija sostenibbli tal-Afrika jaqbżu sew il-bżonnijiet preżenti u prospettivi tagħha. Jintlaħaqx jew le l-potenzjal tal-Afrika jiddependi fuq iż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-użu effiċjenti tal-enerġija, interkonnessjonijiet transfruntieri aħjar inkluż mal-Ewropa u l-qafas ta’ politika adattat biex jiggverna s-settur tal-enerġija. L-iffinanzjar pubbliku waħdu ma jistax jagħti l-investimenti meħtieġa biex din id-domanda tintlaħaq.
Il-viżjoni Afrikana
L-Afrika tinsab determinata li tipparteċipa fi sforzi globali dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li jappoġġjaw u jwessgħu l-ispazju politiku għal żvilupp sostenibbli fuq il-kontinent. Sforzi bħal dawn jinkludu miżuri stabbiliti f’kontribuzzjonijiet Afrikani dwar it-tibdil fil-klima determinati nazzjonalment. F’Agenda 2016, l-Afrika beħsiebha “tisfrutta ir-riżorsi ta’ enerġija kollha Afrikani biex tiżgura enerġija moderna, effiċjenti, affidabbli, kosteffikaċi, rinnovabbli u li tiffavorixxi l-ambjent għall-unitajiet domestiċi Afrikani, l-industriji u l-istituzzjonijiet kollha”.
Azzjoni tal-UE
L-UE ssieħbet mal-Afrika fil-qasam tal-enerġija għal ħafna snin u qed tmexxi sforzi fid-Deċennju ta’ Enerġija Sostenibbli għal kulħadd 39 , bl-għan li żżid il-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku billi tgħolli s-sehem ta’ enerġija rinnovabbli u tnaqqas il-proporzjon ta’ karburant fossili fil-produzzjoni totali tal-enerġija.
L-UE poġġiet miri ambizzjużi għall-kooperazzjoni tagħha tal-enerġija sostenibbli mal-Afrika sub-Saħarjana 40 , filwaqt li tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet tal-COP21: Sal-2020, l-UE se tappoġġja l-aċċess għall-enerġija sostenibbli lil 30 miljun persuna, u twassal 5 GW ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli filwaqt li tiffranka 11-il miljun tunnellata ta’ CO2 kull sena, b’appoġġ għall-Inizjattiva tal-Afrika għal Enerġija Rinnovabbli (AREI).
Fil-każ tal-Afrika ta’ Fuq is-sħubija dwar l-enerġija tkompli tiżviluppa fuq livell reġjonali fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran. Fuq livell bilaterali, l-UE taħdem ma’ pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq b’portafoll wiesa’ ta’ programmi ta’ assistenza finanzjarja u teknika u fil-każ speċifiku ta’ fornitur ewlieni tal-enerġija bħall-Alġerija, permezz ta’ Sħubija Strateġika ta’ Enerġija.
L-UE qed tipproponi li tieħu s-sħubija pass oltre billi żżid l-isforzi tagħha biex:
(i) Tinkoraġġixxi l-investimenti pubbliċi u privati fl-enerġija rinnovabbli fl-Afrika, b’mod partikolari fil-kuntest tal-EIP propost billi:
·Tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni pubblika privata permezz ta’ pjattaforma ta’ livell għoli biex jinbena każ ekonomiku b'saħħtu għal investimenti mħaffa fis-settur privat fl-Afrika;
·Jittieħed rwol katalitiku billi l-gvernijiet tal-Afrika jiġu mgħejjuna jtejbu l-ambjent ta' kif jingħataw il-permessi għas-settur tal-enerġija. Skont l-oqfsa ta’ politika komprensiva dwar l-enerġija u l-klima inkluż l-aħħar pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha 41 , l-UE tista’ taqsam, bħala relevanti, għadd ta’ esperjenzi, għarfien u elementi tal-aħjar prattika, uniċi mas-sħab Afrikani, fl-analiżi tal-politika u fir-regolamentazzjoni biex twassal għal produzzjoni tal-enerġija sostenibbli u mmodernizzar tas-sistema tal-enerġija, kif ukoll fejn rilevanti, l-integrazzjoni tas-suq reġjonali;
·Tingħata għajnuna għall-bini ta’ integrazzjoni reġjonali ta’ swieq tal-enerġija fl-Afrika, permezz tal-armonizzazzjoni tar-regolamenti tal-elettriku;
·Jiġu promossi interkonnessjonijiet transfruntieri inklużi mal-Ewropa biex jiġi żgurat forniment tal-elettriku affidabbli u affordabbli;
(ii) Tapprofondixxi l-allejanzi strateġiċi u l-kollaborazzjoni, billi:
·Jiġu intensifikati d-djalogu u l-koordinazzjoni fil-qafas tas-sħubija dwar l-enerġija bejn l-Afrika u l-UE, mal-Istati Membri tal-UE permezz tal-Inizjattiva tal-UE għall-Enerġija (EUEI), u ma’ sħab ewlenin u inizjattivi bħall-G20, G7, SE4All u USAID, biex titrawwem il-kooperazzjoni;
·Isir partenarjat ma’ awtoritajiet lokali fi tranżizzjoni axxendenti lejn ekonomija u soċjetà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għall-klima, inkluż permezz ta’ inizjattivi bħall-Patt Globali tas-Sindki (li jibni fuq il-Patt tas-Sindki tal-UE ta’ suċċess) u l-estensjoni ulterjuri tal-komponenti tiegħu tal-Afrika Reġjonali;
·Tiżdied il-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi u l-innovaturi fil-qafas tad-Djalogu ta' Politika ta’ Livell Għoli UE-Afrika dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni.
Inizjattivi ewlenin
·Sal-2020, titwettaq il-kontribuzzjoni tal-UE lill-AREI u tintlaħaq il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli ta’ 5 GW sal-2020, filwaqt li jingħata aċċess għall-enerġija sostenibbli lil 30 miljun persuna fl-Afrika filwaqt li jiġu ffrankati 11-il miljun tunnellata ta’ CO2 kull sena.
·Titnieda inizjattiva ġdida biex tiffaċilita l-kooperazzjoni pubblika privata bejn l-UE u l-Afrika dwar żieda fl-investimenti fis-settur tal-enerġija sostenibbli tal-Afrika permezz ta’ Pjattaforma ta’ Livell Għoli biex titjieb il-klima ta’ investiment u jitneħħew ir-riskji mill-investimenti privati, jiġi ffaċilitat il-qsim ta’ għarfien dwar negozju innovattiv, mudelli ta’ ffinanzjar u l-aħjar prattika dwar l-ingranaġġ ta’ finanzji pubbliċi.
·Titnieda Sħubija ta’ Riċerka u Innovazzjoni ġdida bejn l-UE u l-Afrika dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija sostenibbli li tiffoka fuq l-iskjerament 42 kif ukoll fuq il-bini tal-kapaċità fl-effiċjenza tal-enerġija u s-sorsi rinnovabbliu dwar is-servizzi klimatiċi.
C.It-trasformazzjoni tal-agrikoltura u n-negozju agrikolu, u l-ekonomija blu tagħha, inkluż is-sajd
L-agrikoltura, inklużi l-bhejjem, il-ħut u l-akkwakultura huma essenzjali għall-Afrika. Dawn jirrappreżentaw is-sors ewlieni ta’ dħul għal madwar 90 % tal-popolazzjoni rurali tal-kontinent u jipprovdu l-mezz ta’ sussistenza għal madwar 75% tal-forza tax-xogħol, li nofshom huma nisa. Il-produttività tibqa’ baxxa u bbażata fuq biedja ta’ sussistenza u sajd artiġjanali fuq skala żgħira. In-nuqqas ta’ kapital, il-ġestjoni mhux sostenibbli tar-riżorsi, il-kwistjonijiet tal-proprjetà tal-art u n-nuqqas ta' sigurtà marittima huma ostakoli ewlenin li jipprevjenu t-tkabbir meħtieġ. L-Afrika qed titlef diversi biljuni ta’ euro minħabba sfruttament żejjed tal-istokk tal-ħut, u l-governanza subottimali tas-sajd. Barra minn hekk, l-impatti tat-tibdil fil-klima, dawk ta’ bħalissa u dawk mistennija, ikomplu jitfgħu pressjoni fuq is-setturi.
L-iżblukkar tal-potenzjal tas-setturi tal-produzzjoni tal-ikel jidher li huwa wieħed mill-aktar mezzi effettivi biex jindirizza s-sigurtà tal-ikel, joħloq l-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ dħul, u jagħti s-setgħa lil mijiet ta’ miljuni ta’ Afrikani, b’mod partikolari liż-żgħażagħ.
Il-viżjoni Afrikana
F’Agenda 2063, l-Afrika timmira li “tbiddel, tkabbar u tindustrijalizza l-ekonomiji tagħha, inkluż permezz taż-żieda tal-valur ta’ riżorsi naturali, pjanijiet ta’ produttività u ktajjen ta’ valur reġjonali”, filwaqt li tippromwovi l-implimentazzjoni tal-politiki industrijali fil-livelli kollha, b’iffukar fuq l-MSME 43 s u n-negozju agrikolu” u “strateġiji biex jikbru l-ekonomiji blu/tal-oċean u l-ekonomija ħadra Afrikani” 44
Azzjoni tal-UE
L-UE hija waħda mis-sħab ewlenin tal-Afrika fejn jidħol l-iżvilupp tal-agrikoltura u tal-ekonomija blu 45 . L-azzjoni tagħha għandha l-għan li żżid l-irwol tal-ktajjen ta’ valur responsabbli fil-programmi ta’ żvilupp rurali u marittimu u li ssaħħaħ il-qafas regolatorju u politiku li jakkumpanjahom, filwaqt li jiġu ġestiti b’mod sostenibbli riżorsi prezzjużi bħall-ilma u l-art.
L-UE beħsiebha tieħu s-sħubija pass oltre billi żżid l-isforzi tagħha sabiex:
(i) Tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-katina tal-valur responsabbli u sostenibbli billi:
·Tiffaċilita l-investimenti tas-settur privat flimkien ma’ ktajjen ta’ valur agroalimentari, filwaqt li tibni fuq inizjattivi bħall-Istrument Finanzjarju Agrikolu (Agri FI), l-EIP propost u l-gwida FAO-OECD għal ktajjen ta’ forniment agrikolu responsabbli;
·Tassisti l-Afrika biex taħtaf opportunitajiet tas-suq għall-produzzjoni tal-ikel Afrikana. L-EPAs joffru opportunitajiet kbar, inkluż aċċess liberu għall-UE, regoli flessibbli għas-sejbien tal-inputs, id-djalogu u l-kooperazzjoni dwar l-agrikoltura, u pjanijiet ta’ implimentazzjoni tal-EPA. Għal pajjiżi anqas żviluppati mingħajr EPAs, jingħata aċċess ħieles għas-suq permezz ta’ “Kollox Barra Armi”. L-UE se tkompli wkoll tappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċità tal-Afrika biex tikkonforma mal-istandards ta’ sigurtà u kwalità, inkluż dwar kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji;
·Iżżid il-produttività sostenibbli tas-settur tas-sajd Afrikan permezz ta’ espansjoni kif xieraq tan-netwerk tal-Ftehimiet ta’ Sħubija għal Sajd Sostenibbli bejn il-pajjiżi tal-UE u Afrikani, u t-titjib tal-kapaċità tas-sħab Afrikani fil-ġestjoni tas-sajd sostenibbli u l-ġlieda kontra s-Sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU)permezz tal-kooperazzjoni u d-djalogu skont ir-Regolament IUU tal-UE 46 ;
·Tippromwovi l-implimentazzjoni tal-azzjoni klimatika fl-agrikoltura Afrikana kif stabbilit fil-Kontribuzzjonijiet Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs) tal-pajjiżi Afrikani;
·Tippromwovi l-integrazzjoni effettiva fl-adattament għat-tibdil fil-klima, il-konservazzjoni u r-ristorazzjoni tal-bijodiversità u t-tnaqqis fir-riskju ta’ diżastri fil-politiki tal-agrikoltura Afrikana, inkluż permezz tar-restawr ta’ ekosistemi u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura;
(ii) Trawwem il-ħiliet, l-innovazzjoni u r-riċerka kollaborattiva billi:
·Issaħħaħ il-mobilizzazzjoni tal-għarfien espert Ewropew u Afrikan fir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari billi tkompli ssaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ pjan direzzjonali bejn l-Afrika u l-UE u s-Sigurtà Nutrizzjonali u l-Agrikoltura Sostenibbli 47 (FNSSA), is-Sħubija fir-riċerka u l-innovazzjoni fiż-żona tal-Mediterran (PRIMA) li jmiss u l-All Atlantic Ocean Research and Innovation Alliance;
·Issaħħaħ it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni fl-agrikoltura u l-attivitajiet imprenditorjali agroalimentari, li jibnu fuq appoġġ preċedenti u preżenti lill-organizzazzjonijiet tal-bdiewa;
·Iżżid l-appoġġ għall-aċċess għall-finanzi, l-aċċess għall-konnettività għal bdiewa żgħar u l-użu tas-servizzi diġitali tal-Agrikoltura elettronika biex jiżdiedu l-produttività u d-dħul;
Inizjattivi ewlenin
·L-inkoraġġiment tal-iżvilupp tal-katina tal-valur billi tiffaċilita l-investimenti responsabbli għal negozju agrikolu sostenibbli u ekonomija blu ,bl-użu ta’ firxa ta' strumenti inkluż l-Agri FI u l-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew propost.
·Il-ġenerazzjoni ta’ investimenti tal-UE u Afrikani biex jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni fl-agrikoltura permezz tas-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni UE-Afrika dwar l-FNSSA u billi jiżdied l-użu ta’ teknoloġiji ġodda minn komunitajiet lokali għal aktar dħul agrikolu u nutrizzjoni.
·L-espansjoni kif xieraq tan-netwerk tal-Ftehim ta' Sħubija Dwar is-Sajd Sostenibbli bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk Afrikani.
D.Għarfien u ħiliet avvanzati
Minkejja li l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni f’ħafna pajjiżi Afrikani żdiedet mhux ħażin fl-aħħar għexieren ta’ snin, għad hemm aktar minn 20% tat-tfal Afrikani, l-aktar bniet, li ma jlestux l-edukazzjoni primarja; Madwar 50 % m’għandhomx aċċess għall-edukazzjoni sekondarja u madwar 7 % biss jidħlu għall-edukazzjoni terzjarja. Il-livelli preżenti ta’ tagħlim bażiku, li huwa neċessarju għal żgħażagħ biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom permezz ta’ Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) u edukazzjoni ogħla, għadu baxx ħafna. Ħafna żgħażagħ li jirnexxielhom ilestu l-edukazzjoni primarja u sekondarja jitilqu mingħajr l-għarfien u l-ħiliet li għandhom bżonn għal aktar tagħlim u biex ikunu ċittadini attivi, responsabbli u produttivi.
Hemm diskrepanza bejn il-ħiliet li jirċievu ż-żgħażagħ permezz ta’ VET u l-edukazzjoni ogħla, u dawk li huma meħtieġa għall-ħajja tax-xogħol tagħhom. Is-sistemi edukattivi u ta’ VET jeħtieġ li jkunu aktar rilevanti għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, u marbuta aħjar mal-iżvilupp soċjali u industrijali, aktar innovattivi u ta’ kwalità ogħla. Minħabba li ħafna żgħażagħ jaħdmu fis-settur informali, jew jeħtieġ li joħolqu l-għixien tagħhom stess, huwa essenzjali li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ imprenditorjali u s-servizzi ta’ appoġġ tan-negozji biex ikollhom il-ħila jintegraw is-settur formali.
Rabta aħjar tal-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka se ssaħħaħ il-kontribuzzjoni tal-edukazzjoni għall-impjieg u l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fl-oqsma tat-tagħlim mill-bogħod u miftuħ
Il-viżjoni Afrikana
Fl-Agenda 2063, l-Afrika timmira li “tikkatalizza r-rivoluzzjoni tal-edukazzjoni u tal-ħiliet u tippromwovi b’mod attiv ix-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, biex tibni l-għarfien, il-kapital uman, il-kapaċitajiet u l-ħiliet meħtieġa biex titmexxa l-innovazzjoni”.
Azzjoni tal-UE
L-UE ilha żmien twil is-sieħeb tal-Afrika fil-qasam tal-edukazzjoni, minn kmieni fit-tfulija u l-edukazzjoni primarja sa dik għolja, inkluż it-tagħlim VET u dak imprenditorjali 48 kif ukoll dak fir-riċerka u l-innovazzjoni.
L-UE tippromwovi opportunitajiet indaqs, anqas inugwaljanzi u aktar impjegabilità, bil-koeżjoni soċjali, l-ekwità, id-diversità, l-inklussività u t-tneħħija tad-disparità bejn is-sessi.
L-UE qed tipproponi li tieħu s-sħubija pass oltre billi żżid l-isforzi tagħha biex:
(i) Tappoġġja l-edukazzjoni ta’ kwalità fil-livelli kollha billi:
·Iżżid l-isforzi konġunti biex tiffaċilita l-aċċess għal u t-tlestija tal-edukazzjoni primarja u sekondarja għat-tfal kollha, l-aktar għall-bniet, permezz ta’ programmi bilaterali u s-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni;
·Tindirizza s-sessi u l-edukazzjoni, inkluża l-vjolenza abbażi ta’ sess, taħt l-Inizjattiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza Bejn is-Sessi;
·Tkompli tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi Afrikani fil-programm Erasmus+, filwaqt li tiżdied il-mobilità tal-persunal u l-istudenti u l-kooperazzjoni akkademika biex jitjiebu l-ħiliet tal-istudenti u l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni.
·Tkompli tappoġġja l-mobilità reġjonali u ż-żieda fl-appoġġ għall-armonizzazzjoni ta’ edukazzjoni ogħla permezz ta’ programmi transfruntieri, l-għarfien tal-kwalifiki, l-assigurazzjoni tal-kwalità mtejba, l-innovazzjoni u għal “Proġett ta’ kkalibrar” imtejjeb;
(ii) Testendi l-appoġġ għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonaliu l-Intraprenditorija
·Tniedi Faċilità ta’ VET tal-UE li tipprovdi livell għoli ta’ għarfien espert lill-partijiet ikkonċernati nazzjonali biex tappoġġja l-proċess ta’ tranżizzjoni lejn sistemi ta’ VET immexxija mit-talba adattati għall-bżonnijiet u l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol;
·Tappoġġja l-bini tal-mobilità u tal-kapaċità fl-Edukazzjoni Għolja permezz ta’ Erasmus+, u tiżviluppa proġetti pilota biex testendi l-iskemi ta’ mobilità ta’ VET tal- Erasmus+ għall-Afrika;
·Tappoġġja l-proġetti ta’ bini ta’ kapaċità li jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa u taż-żgħażagħ fis-soċjetà u fl-ekonomija, l-aktar permezz tat-titjib tat-tagħlim mhux formali u billi ttejjeb is-sinerġiji bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol;
·Tappoġġja l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali u litteriżmu u l-użu ta’ teknoloġiji u servizzi diġitali biex tipprovdi edukazzjoni li tħares ‘il quddiem, inklussiva u ta’ kwalità għolja. Dan ifisser ukoll li tappoġġja l-kapaċità u l-ħiliet tal-imprendituri, inkluż tan-nisa, li jużaw teknoloġija diġitali biex jibnu negozji;
(iii) Tintensifika l-kollaborazzjoni bejn l-Afrika u l-UE fir-riċerka billi:
·Iżżid il-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi u l-innovaturi mill-Afrika u l-Ewropa, inkluż permezz taż-żieda ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp personali għar-riċerkaturi permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u tipi oħra ta’ proġetti ta’ Orizzont 2020;
·Tappoġġja l-bini tal-kapaċità tar-riċerka fl-Afrika permezz ta’ programmi bħall-Għotjiet għar-Riċerka tal-Unjoni Afrikana;
·Tappoġġja ambjent ta’ riċerka diġitali miftuħ għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka fl-Afrika.
Inizjattivi ewlenin
·It-tnedija ta’ faċilità taż-Żgħażagħ Afrikana, li tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm Erasmus +permezz ta’ 3 inizjattivi separati:
A. Programm ta’ “Għoti ta’ setgħa liż-żgħażagħ” biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u titħeġġeġ il-mobilità bejn iż-żgħażagħ u l-intrapriżi żgħażagħ fl-Afrika u fl-Ewropa.
B. Jitmexxa proġett ta’ mobilità VET.
C. Jissaħħaħ il-kapitlu Afrikan tal-Assoċjazzjoni tal-Istudenti u l-Alumni ta' Erasmus+.
·It-twaqqif ta’ faċilità tal-VET tal-UE biex isaħħaħ ir-rilevanza tas-suq tax-xogħol tal-VET u jippromwovi l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli.
Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)7293 finali tal-20 ta’ Ottubru 2015.
Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) u l-istabbiliment tal-Garanzija FEIS u tal-Fond ta’ Garanzija FEIS (COM(2016)586); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, “It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieġ u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u Pjan Ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa”. Brussell, 14.9.2016, COM(2016) 581 finali .
Roadmap lejn Sħubija ta' Riċerka u Innovazzjoni bejn l-Afrika u l-UE fejn tidħol is-Sigurtà Nutrizzjonali u l-Agrikoltura Sostenibblie . Addis Ababa, 4-5 ta’ April 2016.