Brussell, 26.4.2017

JOIN(2017) 16 final

RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Rapport Annwali tal-2016


RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Rapport Annwali tal-2016

Sommarju

Sa minn meta Hong Kong għadda għand ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) fl-1997, l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha segwew mill-qrib l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali (SAR, Special Administrative Region) ta' Hong Kong skont il-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi". L-UE taderixxi mal-politika tagħha ta’ "Ċina Waħda" u tappoġġa l-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" kif ukoll l-implimentazzjoni tiegħu. F’konformità mal-impenn mogħti lill-Parlament Ewropew fl-1997, il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna joħorġu rapport annwali dwar l-iżviluppi f’Hong Kong. Dan huwa d-19-il rapport, u jkopri l-iżviluppi fl-2016.

Is-sena kienet waħda politikament ta’ sfida għas-SAR ta' Hong Kong u għall-prinċipju ta' “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”. Is-soċjetà ta’ Hong Kong saret iktar polarizzata. In-nies qed isiru iktar dejjem iktar imħassba dwar il-futur ta’ Hong Kong wara l-2047, id-data sa meta l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" hu ggarantit fil-Liġi Bażika ta’ Hong Kong. Is-sena kienet immarkata wkoll bit-tħassib kontinwu dwar il-bejjiegħa tal-kotba mitlufin, l-irvell ta’ Mong Kok, il-feġġa ta’ gruppi politiċi favur l-awtodetermiazzjoni jew saħansitra l-indipendenza, l-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv u l-iskwalifika ta’ żewġ leġiżlaturi favur l-indipendenza, id-deċiżjoni mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu (NPCSC, National People’s Congress Standing Committee) li joħroġ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Bażika dwar it-teħid ta’ ġuramenti, il-votazzjoni għall-Kumitat tal-Elezzjoni u l-preparazzjonijiet għall-elezzjonijiet tal-Kap Eżekuttiv.

Il-każ tal-ħames pubblikaturi tal-kotba li sfaw nieqsa fl-2015, li l-UE tqis bħala l-iktar sfida serja għal-Liġi Bażika u għall-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" sa mir-radd tal-poter tal-1997, kompla jiżvolġi u ċ-ċirkostanzi tal-għajbien tagħhom għad irid jiġi ċċarat. Wieħed mill-pubblikaturi għadu taħt detenzjoni mingħajr ma ġie akkużat formalment.

Minkejja l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, ġeneralment, fl-2016, il-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" kompla jaħdem sewwa.

Il-ġudikatura kompliet turi l-indipendenza tagħha u l-aderenza tagħha mal-proċess ġust, minkejja li kienet ikkonfrontata b’ħafna stħarriġ ġudizzjarju politikament sensittiv u bl-interpretazzjoni mill-NPCSC tal-Liġi Bażika.

L-istat tad-dritt baqa’ l-prinċipju gwida għall-gvern, għall-partijiet ikkonċernati ekonomiċi u għall-popolazzjoni inġenerali. L-azzjoni kontra l-korruzzjoni baqgħet b’saħħitha u l-indikaturi ta' governanza tajba kienu pożittivi. Hong Kong kien ikklassifikat fl-14-il post fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta’ Transparency International.

Il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-informazzjoni kienu ġeneralment rispettati. Madankollu, jistgħu jiġu osservati xejriet negattivi fir-rigward tal-libertà tal-istampa u fl-industrija tal-pubblikazzjoni bħala konsegwenza tal-kawtela u tal-awtoċensura minn dawk li jirrappurtaw dwar l-iżviluppi tal-politika nazzjonali u dik barranija tar-RPĊ. L-għajbien tal-pubblikaturi tal-kotba ikkontribwixxa għal dan.

Hong Kong baqa’ ċentru kummerċjali u finanzjarju internazzjonali kompetittiv kif ukoll iċ-ċentru ewlieni dinji għall-kummerċ maċ-Ċina kontinentali. Huwa wkoll il-bażi tal-ittestjar prinċipali għar-riforma tas-suq kapitali taċ-Ċina. Biex jilqa’ għall-isfidi l-ġidda fl-era diġitali, Hong Kong qed jipprova jerġa’ jiffoka l-istrateġija tiegħu għat-tkabbir billi jidħol fit-teknoloġija u l-innovazzjoni. L-istat tad-dritt, qafas regolatorju trasparenti, livelli baxxi ħafna ta’ korruzzjoni u ta' rati ta' kriminalità, flimkien ma’ amministrazzjoni pubblika effiċjenti u ġudikatura indipendenti kollha għenu biex tiġi ppreservata u mrawma l-klima favorevoli għall-investiment li tinsab fil-qalba tas-suċċess ta’ Hong Kong.

L-UE tinkoraġġixxi lis-SAR ta’ Hong Kong u lill-gvern ċentrali taċ-Ċina biex ikomplu r-riforma elettorali f’konformità mal-Liġi Bażika u biex jilħqu ftehim dwar sistema elettorali li hi demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti. Il-vot universali jagħti lill-gvern appoġġ pubbliku u leġittimità akbar sabiex jintlaħqu l-objettivi ekonomiċi ta’ Hong Kong u sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali, bħad-diviżjonijiet soċjoekonomiċi u ġenerazzjonali fis-soċjetà ta' Hong Kong. Ir-rekord ta’ nies li ħarġu jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv (LegCo) u tal-Kumitat tal-Elezzjoni juri li n-nies huma ħerqana li jkollhom rwol attiv fil-ħajja politika u biex jiddeċiedu fuq il-futur tas-SAR.

Żviluppi politiċi

Il-klima politika ta' Hong Kong baqgħet polarizzata ħafna bejn il-kampijiet progovernattivi u dawk favur id-demokrazija. Żdiedu t-tensjonijiet bil-feġġa tal-moviment "lokalista" bħala forza politika. Kien hemm dejjem aktar tensjoni fir-relazzjonijiet ta' bejn l-eżekuttiv u l-leġiżlatura, bil-leġiżlaturi tal-oppożizzjoni jwettqu kampanja ta' nonkooperazzjoni u jużaw tattiċi ostruzzjonisti sabiex idewmu l-inizjattivi tal-gvern. Pereżempju, l-LegCo naqas għat-tieni darba li jadotta l-abbozz ta’ liġi dwar id-drittijiet tal-awtur. Dan ikkomprometta serjament it-tentattivi tal-gvern li jistabbilixxi lil Hong Kong bħala ċentru reġjonali għad-dritt ta' proprjetà intellettwali billi l-qafas legali attwali jmur lura għal qabel l-era tal-internet.

Il-każ tal-ħames pubblikaturi ta’ kotba li sparixxew tard fl-2015 kompla jiżvolġi fl-2016. Erbgħa mill-pubblikaturi rritornaw lejn Hong Kong matul is-sena, għalkemm iċ-ċirkostanzi tal-għajbien tagħhom qatt ma ġew iċċarati. Gui Minhai, ċittadin Żvediż, għadu miżmum iċ-Ċina mingħajr ma ġie akkużat formalment. Tlieta mill-pubblikaturi li rritornaw qalu li marru ċ-Ċina kontinentali b’mod volontarju, biex jassistu fl-investigazzjonijiet, filwaqt li Lam Wing Kee allega pubblikament li hu nħataf u ġie interrogat mill-forzi tas-sigurtà tal-kontinent fuq perjodu ta’ tmien xhur. Diversi bejjiegħa ta’ kotba ħadu sehem fi "stqarrijiet" fuq it-televiżjoni. L-UE ripetutament qajmet tħassib dwar prattiċi bħal dawn.

L-UE qajmet il-każ kemm mal-awtoritajiet ta’ Hong Kong kif ukoll ma’ dawk ta’ Beijing f’diversi okkażjonijiet. Fis-7 ta’ Jannar, il-kelliem għar-Rappreżentant Għoli/Viċi President Mogherini ħareġ dikjarazzjoni dwar il-każ 1 , u ddeskrivih bħala "inkwetanti ħafna". Fl-4 ta’ Frar, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni li tesprimi tħassib serju dwar l-għajbien 2 , u fit-23 ta’ Novembru għadda riżoluzzjoni dwar il-każ ta’ Gui Minhai 3 .

L-UE tieħu dawn il-kwistjonijiet b'serjetà kbira u tittama li inċidenti bħal dawn ma jiġux ripetuti. Għandhom jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex terġa' tiġi stabbilità l-fiduċja fl-istat tad-dritt f’Hong Kong u fil-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi".

Wieħed mill-iktar żviluppi politiċi notevoli fl-2016 kien il-feġġa ta’ gruppi politiċi ġodda wara l-falliment tar-riforma elettorali u "l-moviment umbrella" ta’ Hong Kong. Diversi gruppi radikali deskritti b’mod ġenerali bħala lokalisti, jagħmlu kampanji favur id-difiża tal-interessi ta’ Hong Kong għall-kuntrarju tal-interessi taċ-Ċina, b’xi wħud jitolbu għall-awtodeterminazzjoni (Demosisto) jew indipendenza mill-ewwel (Hong Kong Indigenous Party (il-Partit Indiġenu ta’ Hong Kong), Hong Kong National Party (il-Partit Nazzjonali ta’ Hong Kong)). Hong Kong National Party (il-Partit Nazzjonali ta’ Hong Kong) qal li hu se jfittex l-indipendenza "bi kwalunkwe mezz", u mhux qed jeskludi l-vjolenza bħala l-aħħar tentattiv. Skont rapporti tal-midja, ġew stabbiliti tal-inqas 21 grupp lokalista. Kemm l-awtoritajiet ċentrali ta’ Hong Kong kif ukoll dawk taċ-Ċina tkellmu b’mod qawwi kontra s-sejħiet għall-indipendenza u l-awtodeterminazzjoni, fuq il-bażi li dawn ikunu qegħdin jiksru l-Liġi Bażika.

Fit-8 ta’ Frar (l-ewwel ġurnata tas-Sena l-Ġdida Ċiniża), faqqa’ ġlied vjolenti fuq skala li ftit kien hemm bħalha f’Hong Kong bejn dawk li kienu qegħdin jipprotestaw u l-pulizija. Madwar 500 dimostrant tefgħu l-ġebel u qabbdu nirien, bil-forzi tal-pulizija li ma bdewx ilaħħqu magħhom jisparaw żewġ tiri ta’ twissija. L-irvell ta’ Mong Kok li dam 10 sigħat ħalla 128 persuna midruba, fosthom 90 uffiċjal tal-pulizija. Mill-64 dimostrant li ġew arrestati, 38 kienu akkużati b’irvell (iktar tard twaqqgħu l-akkużi kontra 10 persuni). Ħafna mid-dimostranti kienu jappartjenu għal gruppi lokalisti. Il-pulizija ddeskriviet l-irvellijiet bħala organizzati u ppjanati minn qabel. Il-vjolenza bla preċedent setgħet kienet imqanqala minn skuntentizza soċjali u politika, b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ.

Saru sejħiet għall-awtodeterminazzjoni jew għall-indipendenza fit-tħejjija għall-elezzjonijiet każwali tal-Kunsill Leġiżlattiv fi Frar u matul il-kampanja tal-elezzjoni tal-Kunsill Leġiżlattiv f’Settembru. F’Hong Kong ma hemmx ħafna nies li jappoġġjaw b’mod ġenwin ideat radikali bħal dawn iżda l-ilmenti soċjali u ekonomiċi, flimkien man-nuqqas ta’ sodisfazzjon bil-poteri politiċi tradizzjonali, jidhru li jikkontribwixxu għall-appoġġ għal-lokalisti. F’dan il-kuntest, l-UE tfakkar fl-aderenza tagħha għall-politika tagħha ta’ "Ċina Waħda" u fl-appoġġ tagħha għall-implimentazzjoni kontinwa tal-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" f’Hong Kong.

Fl-elezzjonijiet każwali tat-28 ta’ Frar, kandidat indiġenu ta’ Hong Kong li kien kontra l-kontinent għamel kisba sorpriża billi rebaħ 15 % tal-voti. Għalkemm naqas milli jirbaħ siġġu (dan intrebaħ mill-kandidat pandemokratiku), ir-riżultat kien sinifikanti ħafna billi ta leġittimità politika lil moviment politiku li sa issa kien marġinali.

Fil-5 ta’ Awwissu, eluf ħadu sehem fl-ewwel manifestazzjoni li qatt saret favur l-indipendenza. L-organizzaturi qalu li għall-manifestazzjoni attendew 10 000 persuna, iżda l-pulizija niżżlu n-numru għal 2 500.

Fl-4 ta’ Settembru, f'Hong Kong saru l-elezzjonijiet biex jintgħażlu 70 membru tal-Kunsill Leġiżlattiv. Minkejja n-nuqqas ta’ vot universali, l-elezzjonijiet ġeneralment dehru ħielsa minn interferenza u l-proċess mexa, fil-biċċa l-kbira tiegħu b'mod ordnat. Ivvutaw 2,17 miljun votant (58 % tal-elettorat).

Il-kamp favur il-gvern żamm il-maġġoranza, iżda issa l-kamp favur id-demokrazija jista’ jimblokka l-leġiżlazzjoni permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi. L-elezzjonijiet ikkonfermaw il-polarizzazzjoni politika miżjuda f’Hong Kong u kienu mmarkati bl-elezzjoni ta’ diversi kandidati lokalisti, li ġabu kważi 19 % tal-voti. Il-Kunsill Leġiżlattiv il-ġdid ra wkoll bidla ġenerazzjonali kbira. Kważi terz tal-leġiżlaturi huma ġodda u ħafna huma ferm iżgħar mill-membri ta’ qabel.

Madankollu, l-elezzjonijiet kienu mtappna bl-esklużjoni ta’ sitt kandidati favur l-indipendenza għal raġunijiet dubjużi li sussegwentement kienu soġġetti għal sfida legali.

Il-mandat tal-Kunsill Leġiżlattiv il-ġdid beda b’ċerimonja tal-ħatra kaotika. Diversi leġiżlaturi għamlu bidliet fil-formolazzjoni tal-kliem tat-test tal-ġurament jew inkella tqiesu li ġabu ruħhom bla rispett. Xi wħud intalbu jerġgħu jieħdu l-ġurament dak il-ħin, filwaqt li oħrajn kellhom l-opportunità li jagħmlu dan f’sessjoni separata tal-Kunsill Leġiżlattiv.

Qamet problema partikolari fil-każ taż-żewġ leġiżlaturi favur l-indipendenza li ġew eletti ġodda, ir-rappreżentanti ta’ Younginspiration, Sixtus Leung u Yau Waiching, li ħadu l-iktar azzjoni radikali billi użaw lingwaġġ offensiv fil-konfront taċ-Ċina kontinentali. Il-gvern nieda reviżjoni ġudizzjarja biex iżommhom milli jerġgħu jieħdu l-ġuramenti tagħhom u b'hekk obbligahom iħallu s-siġġijiet tagħhom.

Il-każ kien għadu pendenti fil-qorti ta’ Hong Kong meta l-NPCSC iddeċieda li jintervjeni billi joħroġ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Bażika dwar it-teħid ta’ ġurament (l-Artikolu 104). L-interpretazzjoni, li għaddiet b’mod unanimu mill-NPCSC fis-7 ta’ Novembru, bagħtet messaġġ ċar li Sixtus Leung u Yau Wai-ching għandhom jiġu mċaħħda milli jerġgħu jieħdu l-ġuramenti tagħhom u milli jieħdu l-kariga. Is-sentenza sussegwenti tal-qorti kienet fuq l-istess linja, għalkemm l-imħallef enfasizza li hu kien jasal għall-istess konklużjoni "bir-referenza għat-termini tal-interpretazzjoni tal-[NPCSC] jew mingħajrha". Iż-żewġ leġiżlaturi tilfu l-appelli tagħhom. Fil-frattemp, dawn ġew ordnati li jħallu s-siġġijiet tagħhom.

Filwaqt li l-NPCSC għandu s-saħħa li jinterpreta l-Liġi Bażika, it-twaqqit tal-interpretazzjoni tiegħu - fil-klima li diġà hi politikament imqanqla - qajjem tħassib dwar l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura f’Hong Kong, u deher bħala li qiegħed effettivament jantiċipa s-sentenza tal-qorti.

Tnedew diversi reviżjonijiet ġudizzjarji tal-ġuramenti tal-leġiżlaturi minn individwi privati, u l-gvern fittex l-iskwalifika ta’ erba’ leġiżlaturi oħra li kienu favur id-demokrazija. Dawn il-każijiet għadhom pendenti.

Ix-xhur finali tal-2016 kienu mmarkati bil-preparamenti għall-elezzjoni tal-Kap Eżekuttiv. Il-Kap Eżekuttiv preżenti ssorprenda lil ħafna meta ħabbar li hu mhux se jikkontesta. L-elezzjonijiet għall-Kumitat Elettorali ta’ 1 194 ruħ, li se jeleġġi l-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, saru fil-11 ta’ Diċembru. Il-parteċipazzjoni rekord kienet kważi d-doppju ta’ dik tal-2011 (46 % meta mqabba ma’ 27,6 %). Għalkemm il-pandemokratiċi marru aħjar mill-elezzjonijiet preċedenti u se jkollhom ftit poter, il-kamp progovernattiv xorta jżomm maġġoranza komda ħafna.

Stat tad-dritt u ġudikatura

Minkejja t-tħassib li tqajjem minħabba l-inċident tal-ħames pubblikaturi neqsin u r-reviżjonijiet ġudizzjarji ta’ profil għoli, fl-2016, l-istat tad-dritt kien irrispettat u l-ġudikatura żammet l-istandards għoljin tagħha. Għall-indipendenza ġudizzjarja, il- Global Competitiveness Report (ir-Rapport dwar il-Kompetittività Globali) 2016-2017 4 ikklassifika lil Hong Kong fit-tmien post. Ħafna avukati esprimew tħassib dwar l-interpretazzjoni tal-NPCSC dwar l-Artikolu 104 u ħarġu jipprotestaw, fejn iddikjaraw li dan kien l-iktar każ serju ta’ ndħil fis-sistema legali ta’ Hong Kong sa minn meta Hong Kong għadda għand iċ-Ċina.

Iż-żamma tal-indipendenza ġuridika u r-rispett sħiħ għall-istat tad-dritt huma essenzjali sabiex jinżammu l-kredenzjali demokratiċi ta' Hong Kong, il-pożizzjoni tiegħu bħala ċentru kummerċjali internazzjonali, u l-ambizzjoni tiegħu li jikkonsolida r-rwol tiegħu bħala ċentru internazzjonali għall-arbitraġġ u l-medjazzjoni.

Opportunitajiet indaqs, drittijiet u libertajiet

Hong Kong igawdi minn livell għoli ta’ libertà. Il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-informazzjoni huma parti integrali tal-valuri ewlenin tiegħu, li jżomm mal-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi". Dawn huma wkoll komponent essenzjali tas-saħħa tiegħu bħala ċentru kummerċjali globali. L-UE tappella lill-partijiet interessati kollha biex iħarsu dawn il-valuri.

Il-midja, inkluża dik diġitali, kompliet tkun, fil-parti l-kbira tagħha, libera u tesprimi firxa wiesgħa ta' opinjonijiet. Madankollu, hemm sentiment li qed jinħass dejjem aktar, dokumentat fir-rapport annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti ta’ Hong Kong (HKJA, Hong Kong Journalists Association), li kemm il-midja stampata kif ukoll dik elettronika eżerċitat awtoċensura, b’mod speċjali meta rrappurtat dwar iċ-Ċina kontinentali. L-HKJA qalet li l-2016 kienet sena "diffiċli ħafna" għal-libertà tal-istampa u li l-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" kien taħt theddida serja. Hi kkritikat it-tendenza li jinħatru nies b’rabtiet mill-qrib ma’ Beijing f’pożizzjonijiet ewlenin fil-maniġment tal-midja lokali. L-akkwist ta’ diversi mezzi tax-xandir ta' Hong Kong minn operaturi kontinentali wkoll ikkawża tħassib. Hong Kong tela’ pożizzjoni ‘l fuq għad-69 pożiżżjoni fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2016, għalkemm l-indiċi enfasizza xejra negattiva. F’Novembru, PEN International fetħet ċentru f’Hong Kong biex tiddefendi l-libertà tal-espressjoni.

Wara l-għajbien tal-ħames pubblikaturi, xi ħwienet tal-kotba rrappurtaw li neħħew pubblikazzjonijiet li jikkritikaw lill-mexxejja taċ-Ċina minn fuq l-ixkafef tagħhom, oħrajn għalqu u pubblikaturi rrappurtaw tfixkil fl-istampar, fil-ħżin u fid-distribuzzjoni.

Fl-2015, il-ħatriet għall-kunsilli tal-università qajmu kontroversja kbira dwar il-libertà akkademika u l-governanza indipendenti tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja. Fl-2016 komplew is-sejħiet għat-tneħħija tal-Kap Eżekuttiv bħala kanċillier ex officio tal-universitajiet kollha f’Hong Kong. Ħafna akkademiċi jaraw din il-prattika bħala theddida għall-governanza universitarja indipendenti li fuq perjodu ta' żmien twil tista’ tagħmel ħsara għal-libertà akkademika f’Hong Kong.

Hong Kong għad ma għandux liġi komprensiva kontra d-diskriminazzjoni. F’Jannar, il-Kummissjoni għall-Opportuniajiet Ugwali (EOC, Equal Opportunities Commission) ħarġet studju dwar id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali, li sab diskriminazzjoni mifruxa sew kontra persuni LGBTI. Madankollu, 55,7 % tal-popolazzjoni appoġġjat il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. L-EOC talbet lill-gvern biex iniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-kontenut ta’ leġiżlazzjoni futura.

Wara perjodu twil ta’ konsultazzjoni pubblika u deliberazzjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Liġi dwar id-Diskriminazzjoni, l-EOC issottometta r-rakkomandazzjonijiet lill-gvern f’Marzu. Oqsma ta’ prijorità għolja jinkludu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, l-ugwaljanza għan-nisa, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ razza, nazzjonalità, ċittadinanza u stat ta’ residenza u l-protezzjoni ugwali għal koppji li jikkoabitaw.

Ħaddiema domestiċi barranin, li huma madwar 300 000, komplew ibatu minn nuqqas ta’ xogħol u protezzjoni soċjali. Żewġ dispożizzjonijiet huma ta’ tħassib partikolari: ir-rekwiżit ta' residenza għand l-impjegatur u r-regola ta’ "ġimagħtejn", skont liema tali ħaddiema domestiċi barranin għandhom isibu impjieg fi żmien ġimagħtejn minn meta jiskadi l-kuntratt tagħhom jew inkella jiffaċċjaw deportazzjoni. Ta’ tħassib ukoll hu r-rabta bid-dejn (debt bondage) u l-prattiki ħżiena min-naħa tal-aġenziji tax-xogħol. Il-Gvern ħa passi biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari billi ħareġ kodiċi ta' kondotta mhux vinkolanti, iżda hemm bżonn ta’ azzjoni iktar determinata.

It-traffikar tal-bnedmin baqa’ ta’ tħassib, b’mod partikolari fin-nuqqas ta’ qafas leġiżlattiv u politiku koerenti. Il-Gvern stabbilixxa task force biex jindirizza l-kwistjoni u qed jaħdem fuqha mal-UE u ma' membri oħrajn tal-komunità internazzjonali.

Fl-2016, kien hemm dibattitu mqanqal dwar ir-refuġjati. Il-komunità lokali u internazzjonali kienet allarmata bir-rimarki tal-Kap Eżekuttiv lill-midja li Hong Kong jaf jikkunsidra li jirtira mill-Konvenzjoni Kontra t-Tortura (CAT, Convention Against Torture) biex irażżan l-influss ta’ migranti li jitolbu protezzjoni skont il-prinċipju ta’ non-refoulement. Hong Kong mhuwiex parteċipi fil-CAT bil-merti tiegħu stess, iżda permezz tar-RPĊ. Sussegwentement, diversi uffiċjali għoljin taw assigurazzjonijiet li Hong Kong ma kellu l-ebda intenzjoni li jirtira. Madankollu, il-gvern ta’ Hong Kong jikkunsidra li hemm bżonn ta’ reviżjoni tal-proċedura ta’ talbiet ta’ non-refoulement, li hu jgħid li hi vulnerabbli għall-abbuż, li wasslet għal madwar 10 000 każ b’lura.

Il-korruzzjoni hija meqjusa li hi taħt kontroll, bis-sistema kontra l-korruzzjoni tibqa’ robusta u reżiljenti. Hong Kong jiftaħar li għandu standards għoljin ħafna ta’ trasparenza u ta’ miżuri kontra l-korruzzjoni. L-awtoritajiet u l-mexxejja politiċi u tan-negozju jirrikonoxxu li t-trasparenza hi vitali għal Hong Kong biex jibqa’ b’saħħtu bħala ċentru tal-kummerċ internazzjonali, inkluż għal ditti kontinentali.

Relazzjonijiet bejn Hong Kong u ċ-Ċina kontinentali

Partijiet mis-soċjetà ta’ Hong Kong huma mħassba serjament dwar l-erożjoni gradwali tal-"livell għoli ta’ awtonomija" ta' Hong Kong fir-RPĊ u dwar ir-rispett dejjem jonqos għall-valuri u l-istil ta’ ħajja tiegħu skont il-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi". L-ikbar sfidi għar-relazzjonijiet ta’ Hong Kong mar-RPĊ kienu l-feġġa ta’ tendenzi politiċi radikali f’Hong Kong u l-interpretazzjoni tal-NPCSC tal-Artikolu 104. L-iskadenza tal-2047 kull ma tagħmel qiegħda żżid l-ansjetà u l-inċertezza fis-soċjetà ta’ Hong Kong fir-rigward tal-futur tal-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", minkejja l-assigurazzjonijiet ripetuti minn Beijing li dan se jibqa’ jiġi rrispettat b’mod sħiħ u implimentat fedelment.

Wara l-allegazzjonijiet pubbliċi magħmula minn wieħed mill-pubblikaturi ta’ kotba, li hu kien inħataf mill-forzi kontinentali, il-Kap Eżekuttiv CY Leung kiteb lill-gvern ċentrali taċ-Ċina biex jitlob kjarifika. L-awtoritajiet ta’ Hong Kong u l-gvern ċentrali taċ-Ċina kellhom diversi sessjonijiet ta’ negozjati bil-għan li jilħqu ftehim dwar mekkaniżmu ta’ notifika transkonfinali għar-residenti ta’ Hong Kong detenuti fuq il-kontinent u viċi versa.

Il-President tal-Kungress Popolari Nazzjonali, Zhang Dejiang, għamel żjara uffiċjali f’Hong Kong mis-17 sad-19 ta’ Mejju, fl-okkażjoni tas-Summit Belt and Road. Iż-żjara kienet l-ewwel waħda minn uffiċjal għoli ta’ Beijing wara l-falliment tar-riforma politika u l-moviment umbrella favur id-demokrazija fl-2014. Zhang fittex li jserraħ moħħ in-nies ta’ Hong Kong dwar l-implimentazzjoni kontinwa tal-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi". Hu kkonsulta mal-oppożizzjoni pandemokratika, iżda t-tensjonijiet politiċi qawwija ma setgħux iwasslu għal iktar kuntatti li jħallu l-frott. Fl-aħħar tas-sena, il-gvern ċentrali taċ-Ċina ħabbar li se joħroġ permessi għar-ritorn lejn id-dar (li jippermettu l-ivvjaġġar lejn il-kontinent) għal xi politiċi pandemokratiċi li ma kellhomx dawn il-permessi.

Żviluppi ekonomiċi

Fl-2016, il-PDG ta’ Hong Kong irreġistra tkabbir ta’ 1,9 % 5 f’termini reali, wara l-espansjoni ta’ 2,5 % fl-2015. Is-settur estern kellu prestazzjoni taħt l-aspettattiva fl-ewwel nofs tas-sena minħabba ambjent ta’ negozju globali medjokri. It-tnaqqis qawwi fit-turisti li ġew miċ-Ċina kontinentali wkoll kellu impatt negattiv fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut. L-ekonomija reġgħet bdiet tiela’ b’mod stabbli lejn l-aħħar nofs tal-2016, b’żieda fl-esportazzjonijiet tal-oġġetti u s-servizzi. Fl-2016, is-suq tax-xogħol kellu impjieg sħiħ, b’rata ta’ qgħad baxxa ta’ 3,4 %. L-inflazzjoni baqgħet taħt kontroll, billi l-prezzijiet għall-konsumatur telgħu bi 2,3 % matul is-sena.

Fl-indirizz politiku annwali tiegħu fit-13 ta’ Jannar 2016, il-Kap Eżekuttiv, CY Leung ħabbar numru ta’ inizjattivi biex jiżviluppa l-ekonomija, jagħti spinta lill-innovazzjoni u lit-teknoloġija u jtejjeb l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. Hu għamel enfasi qawwija fuq ir-rwol ta’ Hong Kong fl-inizjattiva taċ-Ċina "One Belt, One Road" (OBOR) u fuq it-13-il Pjan ta’ Ħames Snin tiegħu. Hong Kong se jkompli jfittex ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs, free-trade agreements), ftehimiet għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tal-investiment, ftehimiet komprensivi dwar l-evitar tat-taxxa doppja (CDTAs, comprehensive double-taxation avoidance agreements) u ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru mas-sħab kummerċjali kbar tiegħu tul il-"Belt and Road".

Il-baġit fiskali għall-2016-2017 6 kien fih numru ta’ miżuri ta’ salvataġġ biex jgħinu lin-negozju u lir-residenti ħalli jkunu jistgħu jegħlbu l-ekonomija li qed tiddgħajjef u biex jistimulaw il-konsum. Dan ippropona diversi skemi u inizjattivi ta’ finanzjament biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-innovazzjoni u t-teknoloġija (inkluża t-teknoloġija finanzjarja (fintech)), irawwem negozji ġodda, jgħin lill-industriji jsibu swieq ġodda u jsaħħaħ l-isforzi għall-promozzjoni tal-inizjattiva OBOR. Minkejja ż-żidiet kontinwi fin-nefqa pubblika matul is-snin, is-SAR ta’ Hong Kong akkumula eċċessi fiskali sostanzjali bir-riżervi fiskali jilħqu HKD 935,7 biljun fl-aħħar tas-sena fiskali 2016-2017, ekwivalenti għal 37 % tal-PDG.

Wara l-pjan ta’ azzjoni (blueprint) adottat fil-bidu tas-sena, l-awtoritajiet ta’ Hong Kong ħadmu fuq diversi fronti biex iħaddnu l-istrateġija "One Belt, One Road". Twaqqaf Kumitat ta’ Tmexxija, li se jkun ippresedut mill-Kap Eżekuttiv, flimkien ma’ Uffiċċju ddedikat għall-Belt and Road, biex jifformula strateġiji u politiki għall-parteċipazzjoni ta’ Hong Kong f’OBOR. B’mod parallel, f’Lulju, l-Awtorità Monetarja ta’ Hong Kong stabbilixxiet l-Infrastructure Financing Facility Office (l-Uffiċċju għall-Faċilità tal-Iffinanzjar tal-Infrastuttura) (IFFO) biex jippromwovi lil Hong Kong bħala pjattaforma għall-iffinanzjar tal-infrastruttura. Fuq il-front regolatorju, Hong Kong iffirma ftehimiet ta’ avjazzjoni u/jew ftehimiet għall-ħelsien mit-taxxa doppja ma’ diversi pajjiżi tul ir-rotot tal-Belt and Road (Malta, is-Serbja u l-Latvja), biex jipprepara għal opportunitajiet ta’ żvilupp potenzjali. Għad hemm il-ħsieb li jsiru negozjati għal Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles mal-Georgia u l-Maldivi, li permezz tagħhom Hong Kong jittama li jespandi n-netwerk ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tiegħu fl-Eurasja. Tul il-kors tas-sena kien hemm numru ta’ żjarat uffiċjali lill-pajjiżi tal-OBOR u attivitajiet promozzjonali.

Hong Kong kien l-ikbar suq tad-dinja għall-offerti inizjali għall-pubbliku għat-tieni sena konsekuttiva, fejn ġabar total ta’ USD 24,8 biljuni 7 . Aktar minn 80 % tal-fondi miġbura kienu attribwiti għall-istituzzjonijiet finazjarji Ċiniżi kontinentali. Hong Kong żamm il-vantaġġ kompetittiv tiegħu fuq Shanghai u fuq Shenzhen bħala ċ-ċentru ppreferut għall-ġbir ta’ fondi tal-kumpaniji Ċiniżi. Madankollu, l-iżvilupp tan-negozju offshore renminbi (RMB) f’Hong Kong iffaċċja burraxki mid-deprezzament kontinwu tal-munita Ċiniża. Il-pul ta’ likwidità ta’ RMB u t-tranżazzjonijiet ta’ RMB f’Hong Kong naqsu, l-iktar minħabba l-aspettattivi qawwija ta’ deprezzament sostnut ta’ RMB. Hong Kong kompla jkun il-bażi ewlenija tal-ittestjar għar-riforma fis-suq kapitali taċ-Ċina. Wara t-tnedija b’suċċess tal-programm Shanghai-Hong Kong Stock Connect f’Novembru 2014, fil-5 ta’ Diċembru tnediet it-tieni rabta kummerċjali ta’ stokks ma’ Shenzhen. L-iskema ta’ negozju Shenzhen-Hong Kong Stock Connect tippermetti lil investituri internazzjonali biex jinnegozjaw 881 stokk elenkati f’Shenzhen, filwaqt li investituri kontinentali eliġibbli għandhom aċċess għal 417-il stokk. L-iskema immarkat stadju importanti ġdid fl-isforzi taċ-Ċina biex issaħħaħ il-fiduċja tal-investituri fis-swieq tal-istokks wara t-taqlib tas-sajf 2015 u rrappreżentat pass importanti ‘il quddiem fir-riformi tagħha tas-suq finanzjarju. L-Awtorità Monetarja ta’ Hong Kong iddikjarat li ż-żewġ partijiet se jesploraw il-fattibbiltà ta’ skema ta’ rabta tas-suq tal-bonds fiż-żmien opportun.

Filwaqt li s-servizzi finanzjarji iffjorixxew, u saħħew il-pożizzjoni ta’ Hong Kong bħala ċentru finanzjarju internazzjonali, xi setturi tal-ekonomija (b’mod partikolari l-port u setturi u industriji relatati) komplew jitilfu s-saħħa tagħhom. Il-Port ta’ Hong Kong iffaċċja pressjoni dejjem ikbar minn portijiet kontinentali billi ċ-Ċina rrilassat il-politika tagħha dwar it-trasport bil-baħar biex tippermetti bastimenti barranin biex jgħabbu u jħottu l-merkanzija tul il-kosta tagħha. Bħala riżultat, Hong Kong qiegħed b’mod gradwali jitlef ir-rwol tiegħu bħala punt ta’ trasbord għall-oġġetti minn u lejn il-kontinent, li ammonta għal 40 % tal-merkanzija ta’ trasbord tiegħu. Waqt li Hong Kong kien l-ikbar port tal-kontejners fid-dinja aktar minn deċennju ilu, fl-2015 dan waqa’ għall-ħames post wara Shanghai, Singapore, Shenzhen u Ningbo 8 . Fl-2016, il-fluss ta’ kontejners fil-Port ta’ Hong Kong niżel iktar bi 2,2 %.

L-istruttura industrijali tas-SAR baqgħet fil-parti l-kbira mhux mibdula sa mill-1997. Biex jilħaq l-isfidi l-ġodda fl-era diġitali, Hong Kong qed jipprova jerġa’ jiffoka l-istrateġia tat-tkabbir tiegħu billi jidħol fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni. Fl-indirizz politiku u l-baġit fiskali tal-2016-2017, il-gvern warrab ammont bla preċedent ta' HKD 18-il biljun biex jippromwovi l-iżvilupp tal-innovazzjoni u tat-teknoloġija, inklużi HKD 8,2 biljuni għall-iżvilupp ta’ binjiet industrijali b’ħafna sulari għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid. L-Uffiċċju tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija ġie stabbilit f’Novembru 2015 biex imexxi l-isforzi tas-settur biex ilaħħaq. Fl-2016, tnieda programm pilota b’kupun għat-teknoloġija ta’ HKD 500 miljun, biex jipprovdi lill-SMEs b’għajnuna finanzjarja biex itejbu l-kapaċità teknoloġika tagħhom. Inizjattivi oħrajn li qed jiġu żviluppati jinkludu l-Fond ta’ Riskju għall-Innovazzjoni u għat-Teknoloġija (biex jippromwovi s-sħubiji pubbliku-privat) u l-programm ta’ riċerka Midstream (għall-universitajiet biex jikkonvertu r-riċerka f’suċċess kummerċjali).

Il-gvern ta’ Hong Kong identifika l-fintech bħala qasam ta’ tkabbir potenzjali promettenti. F’Settembru, l-Awtorità Monetarja ta’ Hong Kong ħabbret serje ta’ inizjattivi ta’ politika f’dan il-qasam, inkluż l-istabbiliment ta’ ċentri tal-innovazzjoni ta’ fintech u esperimenti ta’ sorveljanza ta’ finitech, li jippermettu approvazzjonijiet iktar mgħaġġla għall-esperimenti ta’ fintech. It-tama hi li Hong Kong jaqbeż lil Singapore u Tokjo bħala l-aqwa ċentru finanzjarju tal-Asja.

Art u akkomodazzjoni

Fl-2016, is-suq tal-proprjetà kien sejjer tajjeb ħafna, bil-prezzijiet tal-akkomodazzjonijiet jilħqu quċċata ġdida. Il-prezzijiet tal-akkomodazzjonijiet residenzjali żdiedu sew fit-tieni nofs tas-sena, immexxija mill-unitajiet żgħar u ta’ daqs medju. Bħala riżultat, il-prezzijiet fissi globali f’Diċembru 2016 qabżu l-ogħla prezzijiet tal-1997 b’77 % 9 . Biex irażżan il-prezzijiet tal-akkomodazzjonijiet dejjem jogħlew, il-gvern għolla t-taxxa tal-boll għal standard ta’ 15 % għax-xerrejja li mhux qed jixtru għall-ewwel darba u għax-xerrejja korporattivi sa mill-5 ta’ Novembru, b'hekk issostitwiet l-arranġamenti progressivi tat-taxxa, li taħthom, l-ogħla rata kienet ta’ 8,25 %. Madankollu, il-prezzijiet tal-proprjetà baqgħu ma jistgħux jintlaħqu minn ħafna, b’mod partikolari mill-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Bħala riżultat, l-affordabilità tal-akkomodazzjonijiet baqgħet kwistjoni taħraq għall-gvern tas-SAR. Xi servejs globali kklassifikaw lil Hong Kong bħala l-belt l-inqas affordabbli fid-dinja f’termini ta’ sjieda ta’ akkomodazzjoni 10 . Il-gvern fassal strateġija fit-tul dwar l-akkomodazzjonijiet biex jissupplixxi 280 000 unità ta’ akkomodazzjoni pubblika tul l-10 snin li ġejjin. Ir-rapport dwar il-progress tal-2016 indika li se jkun hemm nuqqas ta’ art adegwata għal residenzi pubbliċi matul id-deċennju li jmiss, billi se jkun dejjem iktar diffiċli biex tinkiseb art għall-iżvilupp. It-tfittxija għal u l-akkwist ta’ art adattata għall-iżvilupp ta’ abitazzjonijiet ikkawżat qasmiet profondi, b’mod partikolari f’żoni rurali fejn is-sidien, il-kerrejja f’art 11 abbandunata (jew l-okkupanti illegali), in-nies tal-irħula u l-gruppi tal-ħodor għandhom kunflitti ta’ interess potenzjali. Il-proċess tal-ippjanar sar itwal u iktar ikkumplikat minħabba l-oppozizzjoni minn diversi gruppi ta’ interess.

Min-naħa tad-domanda, il-parteċipazzjoni attiva ta’ kumpaniji Ċiniżi kontinentali kienet żvilupp sinifikanti fis-suq tal-proprjetà, fejn il-preżenza tagħhom f’Hong Kong kibret 12 . Fl-2016, l-iżviluppaturi tal-proprjetà Ċiniżi kontinentali ħadu sehem fi 62 % tal-offerti tal-gvern għal siti residenzjali u rebħu 24 % tal-offerti mogħtija 13 . Iż-żieda fl-attività fis-suq tal-bejgħ ta’ art pubblika f’Hong Kong tellgħet il-prezzijiet ‘il fuq għal xi siti u b’hekk ma baqgħux affordabbli għall-iżviluppaturi lokali. Istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi u l-konglomerati wkoll saru xerrejja dominanti fis-suq prinċipali tal-uffiċċji. Il-ħruġ ta’ kapital ikkawżat mit-twessigħ tal-kanali tal-investiment transfruntier u mill-aspettattivi ta’ iktar deprezzament tal-RMB kontra d-dollaru Amerikan sostna d-domanda mill-istituzzjonijiet finanzjarji kontinentali.

Ambjent tan-negozju

Fl-2016, l-ambjent tan-negozju f’Hong Kong iffaċċja xi burraxki. L-SMEs, il-kumpaniji l-ġodda, il-kumpaniji barranin u xi individwi sabuha iktar iebsa u diffiċli li jiftħu kontijiet bankarji. Il-kmamar tal-kummerċ lokali u barranin ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet għal dan, u argumentaw li l-prattika kienet inkonsistenti mal-ambizzjoni ta’ Hong Kong li jkun super-connector (il-pont ewlieni) bejn iċ-Ċina u d-dinja u hotspot għall-innovazzjoni u l-kumpaniji l-ġodda. Finalment f’Settembru, l-Awtorità Monetarja ta’ Hong Kong intervjeniet u ħarġet ċirkolari lill-banek. Madankollu, il-kwistjoni għadha ma ġietx riżolta kompletament.

Wara li daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2015, l-Ordinanza tal-Kompetizzjoni dehret li qed iġġib bidliet gradwali fil-prattiċi u l-kultura tan-negozju f’Hong Kong. Pereżempju, fl-2016, 19-il assoċjazzjoni tan-negozju neħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-prezzijiet jew l-iskali tat-tariffi. Il-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni rċeviet kważi 1 900 ilment u domanda, li minnhom 130 imxew għat-tieni stadju għal iktar valutazzjoni. "Il-proprjetà u l-ġestjoni tal-proprjetà" u "s-servizzi professjonali u tekniċi" kienu l-iktar żewġ setturi involuti. Numru ta’ ilmenti kienu jirrigwardaw tgerfix fl-offerti, li hu prevalenti fis-settur tar-rinnovazzjoni. Fit-tielet kwart tal-2016, il-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni ħarġet l-ewwel proposta tagħha għal ordni ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għal ċerti ftehimiet bejn linji ta’ tbaħħir. Hi għadha trid tindirizza xi karatteristiċi distintivi tas-sistema ta’ Hong Kong, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ reġim ta’ fużjoni transettorjali, in-nuqqas ta’ azzjonijiet privati u l-eżenzjoni ta’ korpi statutorji mill-kopertura.

Dwar il-politika dwar l-ambjent, Hong Kong ħabbar deċiżjoni li se jneħħi gradwalment in-negozju lokali tal-avorju fi żmien ħames snin. L-emenda leġiżlattiva relevanti għandha tintbagħat lill-Kunsill Leġiżlattiv fl-ewwel nofs tal-2017. F’Diċembru, il-gvern nieda l-ewwel pjan ta’ strateġija u azzjoni tal-belt biex jippreserva l-bijodiversità u jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli, u alloka HKD 150 miljun għall-inizjattivi ta’ bijodiversità fl-ewwel tliet snin.

Impenji internazzjonali

Hong Kong għamel progess kostanti fl-implimentazzjoni tal-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni Finanzjarja f’Materji ta’ Taxxa (AEOI) f’konformità mal-istandard tal-OECD 14 . F’Ġunju, il-Kunsill Leġiżlattiv għadda ordinanza li temenda l-liġi domestika biex tipprovdi l-qafas legali neċessarju għal AEOI. Hong Kong se jkun lest jiskambja informazzjoni fiskali mal-Ġappun u r-Renju Unit b’mod awtomatiku mill-2018 ‘il quddiem. Hu stieden ukoll lil 16-il Stat Membru ieħor tal-UE biex jibdew diskussjonijiet mal-awtorità kompetenti dwar ftehimiet għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja u se jkompli jinnegozja trattati ta’ taxxa ma’ iktar Stati Membri.

F’Ġunju, Hong Kong informa lill-OECD bl-impenn tiegħu li jimplimenta l-pakkett tal-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt (BEPS, base erosion and profit shifting). Biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-OECD, hu għandu l-mira li jissottometti l-emendi tal-abbozz(i) tal-liġijiet relevanti għall-Kunsill Leġiżlattiv f’nofs l-2017. Għal dan il-għan, f’Ottubru, il-gvern nieda eżerċizzju ta’ konsultazzjoni biex jevalwa l-opinjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-OECD biex jiġġieled il-BEPS min-negozji.

Hong Kong kompla jsaħħaħ ir-reġimi ta’ tiegħu għal kontra l-ħasil ta’ flus jew kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. F’Marzu, l-Assoċjazzjoni tal-Banek ta’ Hong Kong ħarġet karta ta’ gwida (ippreparata f’konsultazzjoni mal-Awtorità Monetarja ta’ Hong Kong) lill-membri kollha tagħha dwar l-indirizzar tal-ħasil ta’ flus "ibbażat fuq in-negozju". Huwa sostnut li r-reġim attwali ta Hong Kong jagħmlu ġurisdizzjoni attraenti mhux biss għan-negozju u għall-investiment, iżda wkoll għal attivitajiet illeċiti. Il-karta ta’ gwida hi maħsuba biex tgħin lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jittraduċu l-prinċipji wesgħin tal-Ordinanza tal-2012 Kontra l-Ħasil ta’ Flus u Kontra l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (l-Istituzzjonijiet Finanzjarji) fi proċeduri interni li jistgħu jitħaddmu. F’Diċembru, il-Bureau dwar is-Sigurtà ssottometta proposti lill-Kunsill Leġiżlattiv għal emendi għall-Ordinanza ta’ Nazzjonijiet Uniti (Miżuri kontra t-Terroriżmu) biex jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet l-iktar reċenti tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarju dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 2178 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-miżuri l-ġodda jħaffu l-iffrizar tal-assi li jappartjenu għas-suspettati ta’ terrorizmu u jipprojbixxu lin-nies milli jidħlu f’Hong Kong jew milli jidħlu f’xi stat ieħor għal skopijiet ta’ terroriżmu.

Minkejja l-isforzi regolatorji tiegħu, ir-reputazzjoni ta’ Hong Kong bħala ċentru finanzjarju internazzjonali ħadet daqqa fid-dawl tal-iżvelar tal-Panama Papers. L-iżvelar qajjem mistoqsijiet dwar jekk Hong Kong għandux regolamentazzjoni effettiva fis-seħħ biex tipprevjeni l-abbuż minn kumpaniji offshore. Skont il-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigativi, Hong Kong kien is-suq ewlieni għal Mossack Fonseca, il-kumpanija legali bbażata l-Panama u li għenet lill-klijenti tagħha jimmaniġġjaw l-assi tagħhom fi strutturi sigrieti offshore. Proporzjon kbir tal-klijenti tal-kumpanija ġew minn jew permezz ta’ affiljati bbażati f’Hong Kong. L-awtoritajiet ta’ Hong Kong argumentaw li ma kien hemm l-ebda liġi domestika li tipprojbixxi lill-kumpaniji jew lill-entitajiet kummerċjali milli jistabbilixxu kumpaniji f’ġurisdizzjonijiet barra minn Hong Kong.

Relazzjonijiet bilaterali u l-kooperazzjoni bejn l-UE u Hong Kong fl-2016

Fl-2016, ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u Hong Kong komplew jissaħħu. Bħal fi snin preċedenti, l-UE kienet it-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali ta’ Hong Kong wara ċ-Ċina kontinentali 15 , filwaqt li Hong Kong kien l-erbatax (14) l akbar sieħeb kummerċjali tal-UE għall-kummerċ f’oġġetti u sieħeb ewlieni għall-kummerċ f'servizzi.

Fl-2016, in-negozju bilaterali bejn l-UE u Hong Kong kiber b’mod sinifikanti b’7,3 % u ammonta għal EUR 53,2 biljun, bl-UE tgawdi minn surplus fil-kummerċ ta’ EUR 16,8-il miljun 16 , il-ħames l-ogħla surplus ta’ negozju estern tiegħu. Fl-2015 (l-iktar sena reċenti li hemm dejta disponibbli għaliha), in-negozju bilaterali fis-servizzi ammonta għal EUR 22,77 biljun, b’defiċit tal-UE ta’ EUR 506 miljun.

Ir-relazzjonijiet ta’ investiment komplew jiffjorixxu wkoll. Fl-2015, l-UE kienet it-tielet l-akbar sors ta’ investiment dirett barrani f’Hong Kong (IDB), wara l-Gżejjer Verġni Britanniċi u ċ-Ċina kontinentali 17 . Hong Kong hu wieħed mill-aqwa għaxar investituri fl-UE. Fl-2015, l-istokk ta’ investiment dirett mill-UE lejn Hong Kong ammonta għal EUR 119.4 biljuni; l-istokk ta’ investiment dirett minn Hong Kong lejn l-UE laħaq EUR 80.4 biljuni 18 . Il-kumpaniji mill-UE ammontaw għal 2 107, u b’hekk baqgħu l-ikbar grupp ta’ kumpaniji barranin stabbilit f’Hong Kong 19

Bħala l-pjattaforma naturali għan-negozju u l-investiment bejn iċ-Ċina u l-Ewropa, Hong Kong jista’ biss jiggwadanja minn flussi ta’ investiment dejjem akbar. Fl-2016, l-UE u Hong Kong esploraw b’mod informali r-rwol li Hong Kong jista’ jkollu bħala pjattaforma ta’ investiment fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u taħt l-inizjattiva OBOR.

L-10 laqgħa ta’ Djalogu Strutturat bejn l-UE u Hong Kong fi Brussell fis-17 ta’ Novembru kisbet ir-riżultati sinifikanti li ġejjin.

Iż-żewġ naħat laħqu ftehim dwar il-miżuri biex tiġi ffaċilitata l-esportazzjoni tal-laħam u l-prodotti tal-laħam mill-UE.

Huma qablu li jkomplu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza alimentari.

L-UE u Hong Kong laqgħu l-kooperazzjoni promettenti fil-qafas ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar il-Proprjetà Intelletwali li għadu kif ġie stabbilit u qablu li jkollhom esperti dwar l-investiment miż-żewġ naħat jiltaqgħu u jiskambjaw informazzjoni dwar żviluppi reċenti fil-politiki ta’ investiment rispettivi tagħhom. Il-partijiet qablu li jsaħħu iktar il-kooperazzjoni tajba tagħhom fid-WTO. 

Huma ddeċidew li jikkoordinaw l-isforzi biex jikkumbattu t-traffikar ta’ ħajja selvaġġa.

Huma aġġornaw lil xulxin dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri fil-qasam tat-trasparenza f’materji ta’ taxxa u kontra l-BEPS taħt il-patroċinju tal-G20 u l-OECD.

L-UE u Hong Kong komplew jaħdmu tajjeb flimkien taħt il-pjan ta’ azzjoni dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar fid-dwana tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. F’Marzu, temmew proġett pilota ta’ sitt xhur, li taħtu skambjaw intelliġenza dwar il-każijiet ta’ detenzjoni permezz ta’ mezzi sikuri u ta’ statistika ta’ detenzjoni mal-fruntieri analizzata b’mod konġunt. Il-proġett pilota involva ħames ajruporti fl-UE. Fid-dawl ta’ din l-esperjenza pożittiva, l-UE u Hong Kong iddeċidew li jespandu l-ambitu tal-kooperazzjoni tagħhom, b’mod partikolari biex jinkludu iktar ajruporti tal-UE.

Biex jiffaċilitaw iktar in-negozju, l-UE u Hong Kong stabbilew pjan ta’ ħidma li jista’ jwassal għar-Rikonoxximent Reċiproku tal-programmi ta’ Operatur Ekonomiku Awtroizzat (AEO, Authorised Economic Operator) rispettivi.

Fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-2016 rat żviluppi pożittivi fl-iskema ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Għotjiet tar-Riċerka ta’ Hong Kong, stabbilit fl-2015 biex irawwem kooperazzjoni fil-proġetti ta’ riċerka akkademika konġunta taħt il-programm qafas tal-UE, Orizzont 2020. F’Settembru, il-Kunsill tal-Għotjiet tar-Riċerka ta l-ewwel somma ta’ HKD 2 miljuni għal proġett minn Hong Kong Polytechnic University (l-Università Politeknika ta’ Hong Kong) F’Ottubru tnediet it-tieni stedina għall-applikazzjonijiet taħt is-sejħa ta’ Orizzont 2020 għall-2016-2017.

Bħala parti mill-aġenda tagħha għal tassazzjoni ġusta fil-livell globali, l-UE kompliet taħdem biex tfassal lista komuni tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx. Hi ġabret "tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi" skont il-bażi ta’ valutazzjoni minn qabel tal-pajjiżi mhux tal-UE kollha. It-tabella ta’ valutazzjoni mhijiex lista preliminari tal-UE u ma timplikax xi ġudizzju tal-pajjiżi mhux tal-UE. Hong Kong ġie mmarkat għall-indikaturi tar-riskju, trasparenza u r-reġim tat-taxxa fuq id-dħul korporattiva preferenzjali. B’mod parallel, hu żied l-isforzi tiegħu, b’mod partikolari billi ffirma ftehimiet bilaterali bejn l-awtoritajiet kompetenti (CAA, competent authority agreements) għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja mar-Renju Unit u l-Ġappun abbażi tal-mudell tal-OECD. Hu avviċina lil kważi l-Istati Membri kollha tal-UE bil-ħsieb li jiffirma CAAs, CDTAs u ftehimiet ta’ skambju ta’ informazzjoni fiskali. Hu rċieva tweġibiet favorevoli minn numru ta’ Stati Membri u kien qed jistenna feedback minn oħrajn.

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u Hong Kong fil-qasam tas-servizzi finanzjarji ssaħħew bil-Forum annwali ġdid tal-UE, tal-Asja u tal-Paċifiku, li għamel il-laqgħa inawgurali tiegħu f’Singapore f’Ottubru. Il-membri kollha tal-Kumitat Reġjonali tal-Asja u tal-Paċifiku tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO), il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentata mid-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq inġabru biex jiskambjaw informazzjoni u opinjonijiet dwar l-iżviluppi politiċi u regolatorji. Hong Kong kien irrappreżentat mis-"Securities and Futures Commission" (il-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Futuri) tiegħu. L-iskop tal-Forum hu li tiġi skambjata informazzjoni dwar l-oqfsa regolatorji attwali u l-iżviluppi futuri, bil-fowkus ikun fuq l-opportunitajiet għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni Asja-Paċifiku fil-qasam tas-servizzi finanzjarji; deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni Ewropea u deċiżjonijiet simili li jridu jittieħdu mill-awtoritajiet tal-Asja-Paċifiku; u prijoritajiet ta’ politika emerġenti għall-aġenda regolatorja globali.

L-interessi tan-negozji tal-UE f’Hong Kong huma rrappreżentati mill-Kamra Ewropea tal-Kummerċ, "kamra ta' kmamar" bi sħubija li tinkludi 15-il kamra Ewropea bbażati f’Hong Kong u waħda fil-Macao. L-ECC għandha ħames "kunsilli kummerċjali" li jiffokaw fuq is-settur awtomobilistiku, il-protezzjoni ta' marki tad-ditti, l-enerġija u l-ambjent, is-servizzi finanzjarji u l-informazzjoni, il-komunikazzjoni u t-teknoloġija. Hi taħdem mill-qrib mal-Uffiċċju tal-UE għall-Hong Kong u l-Macao biex tiffaċilita d-djalogu mal-gvern. Fl-2016, hi kompliet il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-Programm tal-UE ta' Informazzjoni dwar in-Negozju, li kellu l-għan li jsaħħaħ is-sħubija ekonomika u l-kooperazzjoni tan-negozju ma’ Hong Kong u l-Makao u jiżgura rappreżentanza iktar b’saħħitha u koordinata tal-interessi tan-negozju tal-UE.

L-UE u l-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri f’Hong Kong komplew jaħdmu flimkien sabiex jgħollu l-profil tal-UE. Għal dan l-għan, l-Uffiċċju tal-UE kompla jorganizza laqgħat ta’ "djalogu" bejn il-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE u membri anzjani tal-Gvern ta’ Hong Kong, il-Kunsill Leġiżlattiv u l-ġudikatura u personalitajiet ewlenin oħrajn, inkluż nies tan-negozju. L-UE u Hong Kong ħadmu flimkien biex iżidu l-kuntatti bejn il-persuni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kooperazzjoni akkademika, il-mobilità tal-istudenti, il-kultura u l-industriji kreattivi.

Il-missjonijiet diplomatiċi tal-UE u l-istituti kulturali ħadmu flimkien ma’ sħab lokali dwar ħafna attivitajiet bejn il-persuni, inkluż il-Festival tal-Films tal-UE, l-organizzazzjoni ta’ Padiljun tal-Edukazzjoni Għolja Ewropea f'fiera kbira tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Jum Ewropew tal-Lingwi, kompetizzjoni fil-kalendarju tal-iskejjel u diversi avvenimenti li jiffokaw fuq id-drittijiet tal-bniedem, inkluż workshop ta’ jumejn dwar it-traffikar tal-persuni u konferenza dwar id-drittijiet tal-LGBTI u l-libertà tar-reliġjon. L-UE tittama li tibni fuq dan il-momentum sabiex tkompli l-ħidma tagħha mal-gvern, mas-soċjetà ċivili u man-negozji biex tippromwovi l-iskambju tad-drittijiet u l-libertajiet.

Il-Programm Akkademiku tal-UE f’Hong Kong (EUAP, EU Academic Programme), konsorzju li jinkludi l-Università Battista ta’ Hong Kong, l-Università ta’ Hong Kong, l-Università Ċiniża ta’ Hong Kong u l-Università ta’ Lingnan, kompla jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u Hong Kong permezz ta’ xogħol akkademiku u tal-bini ta’ netwerks ma' sħab lokali, reġjonali u Ewropej. L-EUAP għamel sensiela ta’ avvenimenti dwar l-istudji ta’ każijiet dwar “belt intelliġenti” Ewropea, u organizza konferenzi u seminars. Hu ospita wkoll b’suċċess il-Mudell tal-Unjoni Ewropea, simulazzjoni unika ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u politika li fiha l-istudenti kellhom ir-rwoli ta' kapijiet tal-Istat jew ta’ gvern ta’ Stat Membru fil-Kunsill Ewropew.

Fl-2016, kien hemm numru ta’ żjarat ta’ livell għoli mill-istituzzjonijiet tal-UE. Żjarat mill-Kummissjoni Ewropea kienu jinkludu lill-Viċi President Jyrki Katainen f’Lulju (li ltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv, mas-Segretarju Ġenerali u mas-Segretarju Finanzjarju) u mill-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Phil Hogan, f’Novembru. Iż-żjara mis-Sur Hogan wittiet it-triq għal ftehim dwar il-miżuri biex jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet tal-laħam tal-UE lejn Hong Kong.

(1)   https://eeas.europa.eu/delegations/hong-kong/4962/statement-spokesperson-disappearance-individuals-associated-mighty-current-publishing-house_en  
(2)   http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P8-TA-2016-0045&language=MT  
(3)   http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P8-TA-2016-0444&language=MT&ring=B8-2016-1256  
(4)   http://www3.weforum.org/docs/GCR2016-2017/05FullReport/TheGlobalCompetitivenessReport2016-2017_FINAL.pdf  
(5)  Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, l-indikaturi ekonomiċi kollha marbutin mal-ekonomija ta’ Hong Kong oriġinaw mid-Dipartimenti taċ-Ċensiment u tal-Istatistika ta’ Hong Kong.
(6) Is-sena fiskali tal-gvern tas-SAR ta’ Hong Kong tibda fl-1 ta’ April u tintemm fil-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.
(7)  Sors: Stqarrija għall-aħbarijiet minn Hong Kong Stock Exchanges and Clearing Ltd. (HKEx), 20 ta’ Diċembru 2016.
(8)  Sors: Dipartiment Marittimu, gvern tas-SAR ta' Hong Kong.
(9) Sors: Sfond Ekonomiku tal-2016 u l-Prospetti għall-2017, il-Gvern tas-SAR ta’ Hong Kong
(10)  Skont it-12-il International Housing Affordability Survey (2016) tad-Demografija Annwali, minn 367 belt, Hong Kong għandha l-inqas abitazzjoni affordabbli bi prezzijiet fissi medji 19-il darba iktar mill-introjtu medjan annwali.
(11)

     Ġeneralment, l-art abbandunata hi art agrikola fit-Territorji l-Ġodda rurali, b’mod speċjali ż-żoni relattivament ċatti u iktar aċċessibbli. L-art intużat għal diversi attivitajiet industrijali mhux regolati bħal pereżempju maħżen miftuħ, faċilitajiet ta’ appoġġ għall-port, workshops industrijali, operazzjonijiet ta’ loġistika, btieħi għar-riċiklaġġ, maħżen għall-makkinarju u għall-materjal tal-bini.

(12)  Skont id-Dipartiment taċ-Ċensiment u l-Istatistika ta’ Hong Kong, in-numru ta’ kumpaniji Ċiniżi kontinentali f’Hong Kong żdied minn 853 fl-2012 għal 1 123 fl-2016.
(13)  Sors: JLL, Hong Kong.
(14)  Hong Kong wera l-appoġġ tiegħu għall-istandard tal-OECD f’Settembru 2014 bi ħsieb li jagħmel skambji inizjali ma’ sieħba xierqa fuq bażi reċiproka sal-aħħar tal-2018.
(15)  Il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq l-istatistika kummerċjali maħruġa mid-Dipartiment taċ-Ċensiment u l-Istatistika ta’ Hong Kong.
(16)  Sors: Comext, il-bażi tad-dejta ta’ referenza tal-Eurostat għan-negozju internazzjonali tal-oġġetti. Dejta provviżorja tal-14 ta’ Frar 2017.
(17)  Sors: External direct investment of Hong Kong in 2015 (Investiment dirett estern ta’ Hong Kong fl-2015), id-Dipartiment taċ-Ċensiment u l-Istatistika ta’ Hong Kong.
(18) Sors: Eurostat u DĠ KUMMERĊ.
(19)  Sors: L-istħarriġ annwali tal-2016 dwar il-kumpaniji f’Hong Kong li jirrappreżentaw kumpaniji prinċipali li jinsabu barra minn Hong Kong, id-Dipartiment taċ-Ċensiment u l-Istatistika ta’ Hong Kong.