13.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-“Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-FSE bi tħejjija għall-proposta għal wara l-2020”

(2018/C 247/03)

Relatur:

Catiuscia MARINI (IT/PSE). President tar-Reġjun ta’ Umbria

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Politika ta’ koeżjoni

1.

Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-politika reġjonali ta’ koeżjoni, bħala politika fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi hija maħsuba biex tmexxi ’l quddiem l-objettivi tal-Unjoni kif definiti fit-Trattati tal-UE bis-sehem u r-responsabbiltà tal-livelli kollha ta’ gvern, u b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet territorjali;

2.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-politiki Ewropej l-iktar immonitorjati u vvalutati, kif jixhdu l-għadd ta’ eżerċizzji ta’ valutazzjoni li twettqu, kif ukoll ir-riżultati tar-rapporti dwar il-koeżjoni li kull tant żmien jitfasslu mill-Kummissjoni Ewropea u jiġu diskussi f’numru ta’ fora;

3.

jiġbed l-attenzjoni għan-natura pervażiva ta’ din il-politika, li jwassalha biex tkun magħrufa sew miċ-ċittadini Ewropej, u tikkontribwixxi b’tali mod għal perċezzjoni pożittiva tal-Ewropa miċ-ċittadini stess, fi żmien meta l-UE teħtieġ bil-qawwa li ttejjeb l-immaġni tagħha;

4.

iqis importanti Qafas Strateġiku Komuni ġdid li jkun legalment vinkolanti u li jkopri l-politiki Ewropej kollha, u li jibqa’ jinkludi l-għodod ta’ implimentazzjoni territorjali b’użu ta’ diversi fondi (Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità — CLLD, u Investiment Territorjali Integrat — ITI); huwa tal-fehma li Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni robust li jkopri l-Fondi SIE huwa daqstant importanti, billi huwa essenzjali biex jiġu assigurati s-sinerġiji meħtieġa bejn il-politiki li għandhom objettivi komplementari;

5.

jirriferi għall-Opinjoni reċenti tiegħu dwar il-futur tal-Politika (1) ta’ koeżjoni, (adottata f’Mejju 2017), u dwar is-semplifikazzjoni (2) (adottata fi Frar 2018), fejn huma indirizzati l-punti prinċipali għal aktar titjib ta’ din il-politika, f’termini ta’ orjentazzjoni iktar determinata lejn ir-riżultati u aktar semplifikazzjoni;

6.

madankollu, huwa konxju li r-riżultati u l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni mhux qed jiġu ppreżentati biżżejjed u li mingħajr valutazzjoni adegwata ta’ din il-politika, jista’ jkun hemm konsegwenzi negattivi fuq il-perċezzjoni tal-Fondi Strutturali min-naħa tal-opinjoni pubblika;

7.

għaldaqstant, jappella għal komunikazzjoni iktar diretta u inklużiva, li tkun kapaċi toħloq narrattiva pożittiva u interessanti dwar l-użu tal-fondi.

Ir-rwol tal-Fond Soċjali Ewropew

8.

ifakkar li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) kien l-ewwel strument finanzjarju tal-UE li nħoloq mit-Trattat ta’ Ruma (1957),u jibqa’ l-istrument prinċipali tal-Unjoni Ewropea li jibbenefika direttament liċ-ċittadini, b’rabta mal-politiki tal-impjieg u l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni, u li jaqdi rwol sinifikanti fir-riforma tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-ġudikatura; għaldaqstant, l-FSE jippromovi livell massimu ta’ impjieg, itejjeb il-produttività tax-xogħol u l-opportunitajiet indaqs, jippromovi l-inklużjoni soċjali, inaqqas id-differenzi fir-rati ta’ impjieg bejn ir-reġjuni Ewropej, kif ukoll ġewwa dawn ir-reġjuni stess u bejn bliet u żoni ruralidifferenti;

9.

jenfasizza l-impatti pożittivi tat-twettiq tal-programmi ffinanzjati mill-FSE: huwa stmat li fil-perjodu bejn l-2007 u l-2014, bis-saħħa tal-appoġġ tal-FSE, 9,4 miljun ċittadin Ewropew sabu impjieg u 8,7 miljun kisbu kwalifika professjonali (3);

10.

jiddispjaċih li ħafna Stati Membri naqqsu l-kofinanzjament tal-miżuri tal-FSE — ta’ spiss anke bħala konsegwenza tal-politiki ta’ konsolidazzjoni baġitarja –u jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw kofinanzjament nazzjonali suffiċjenti;

11.

minkejja dan, jinnota r-rwol tal-FSE bħala “stabilizzatur awtomatiku” — imsaħħaħ fl-aħħar snin mill-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti — fl-appoġġ tal-miżuri tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku matul il-kriżi ekonomika, u b’dan il-mod qed juru flessibbiltà adegwata permezz taż-żieda fir-rati ta’ kofinanzjament tal-UE u permezz tal-modulazzjoni tal-prefinanzjament għas-salvagwardja tal-investiment soċjali f’reġjuni li jkunu qed iġarrbu skossi ekonomiċi asimmetriċi, kif ukoll biex jirreaġixxu għall-isfidi u biex jintervjenu favur il-gruppi l-iżjed vulnerabbli u esposti;

12.

jappella għal relazzjoni eqreb bejn il-proporzjon ta’ nies soċjalment esklużi u l-allokazzjoni ta’ riżorsi; jenfasizza li approċċ aktar b’saħħtu mmirat aktar lejn it-territorju u bbażat fuq il-post għall-użu tal-Fondi għandu jżid l-effiċjenza u l-effettività tal-appoġġ;

13.

jisħaq ukoll li r-rwol tal-FSE fir-rigward tas-sehem globali tal-investiment pubbliku fil-politiki soċjali jibqa’ aktar u aktar kruċjali peress li d-diskrepanza infrastrutturali minima fl-infrastruttura soċjali hija stmata għal EUR 100-150 biljun kull sena fl-UE u tirrappreżenta diskrepanza totali li taqbeż EUR 1,5 triljun fl-2018-2030. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) qed jikkumpensa dik id-diskrepanza biss b’mod limitat billi bħalissa 4 % biss tal-finanzjament approvat jappoġġja proġetti ta’ infrastruttura soċjali; jenfasizza l-ħtieġa biex jinkiseb bilanċ u tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn l-investimenti ppjanati fil-kapital soċjali kofinanzjat taħt l-FSE u investiment tal-kapital uman, tal-ħiliet u dak soċjali taħt Fondi futur possibbli InvestEU;

14.

huwa favur miżuri implimentati fil-perjodu 2014-2020 għat-tisħiħ tar-rwol tal-FSE — kemm għall-politiki attivi tal-impjieg kif ukoll dawk għall-inklużjoni soċjali — bħall-previżjoni ta’ kwota minima garantita għall-FSE, interventi speċifiċi għall-impjieg taż-żgħażagħ (YEI), u enfasi fuq ir-riżultati u l-effiċjenza;

15.

jenfasizza r-riżultati pożittivi li nkisbu s’issa fil-perjodu attwali ta’ programmazzjoni, kif jixhed ir-Rapport Strateġiku 2017: 4,2 miljun persuna qiegħda u 2,1 miljun persuna mhux attivi interessati minn azzjonijiet sabiex jiġi faċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol; EUR 14,6 miljun investiment fit-taħriġ, b’700 000 persuna li tejbu l-kompetenzi tagħhom; 634 000 persuna bi bżonnijiet speċjali li ġew megħjuna biex isibu impjieg;

16.

jinnota Valur Miżjud Ewropew għoli tal-FSE fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti u dak attwali, peress li l-interventi tal-FSE, f’ħafna Stati Membri u reġjuni kellhom impatt tanġibbli u kwantifikabbli fl-indirizzar tal-kwistjonijiet bħal rati għolja ta’ qgħad, tnaqqis demografiku u l-faqar immarkati bħala prijoritajiet Ewropej taħt l-Istrateġija Ewropa 2020;

17.

jinnota l-importanza li parti sinifikanti tar-riżorsi ġiet diretta lejn interventi ta’ tisħiħ u ta’ bini tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi lokali u reġjonali, sabiex ikunu sostnuti fit-twettiq tar-riformi strutturali, anke b’mod koerenti mal-Pjan ta’ riforma ta’ kull Stat Membru;

18.

iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien fit-twettiq tal-miżuri maħsuba biex jiffavorixxu l-integrazzjoni taż-żoni periferiċi u rurali, u jappella biex tingħata aktar attenzjoni lejn l-inklużjoni soċjali fiż-żoni urbani u rurali l-iżjed imwiegħra, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-integrazzjoni ekonomika u soċjali taż-żgħażagħ.

Id-dimensjoni soċjali fil-politiki Ewropej

19.

iqis il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala importanti ħafna għall-kontribut tal-UE tista’ tagħti għall-progress mil-lat ekonomiku u soċjali, fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, l-għajnuna mogħtija liċ-ċittadini sabiex jadattaw għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, sabiex jingħataw is-setgħa biex jisfruttaw ir-rivoluzzjoni diġitali u sabiex tipproteġihom mit-theddid u l-inċertezzi dejjem ikbar fi ħdan il-fruntieri tagħha u lil hinn minnhom;

20.

itenni mill-ġdid l-importanza li r-reġjuni tal-fruntiera jippromovu mobilità tax-xogħol transfruntiera reali billi jitneħħew l-ostakli fil-liġi tax-xogħol u s-sigurtà soċjali (jiġu eradikati l-ostakli tat-taxxa, jiġu esportati l-benefiċċji tal-qgħad u d-drittijiet tal-pensjoni jsiru trasferibbli); itenni mill-ġdid ukoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom rwol importanti fil-qasam ta’ konsulenza għall-vjaġġaturi li jużaw is-servizzi ta’ EURES jew strutturi transfruntiera eżistenti (4);

21.

għaldaqstant, jenfasizza l-importanza partikolari tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jqiegħed id-dimensjoni soċjali fiċ-ċentru tal-aġenda Ewropea; f’dan ir-rigward jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni tal-istrateġiji u l-objettivi li għandu jkun hemm bejn il-Pilastru Soċjali u l-FSE (5) u jħeġġeġ biex fi ħdan l-20 prinċipju ewlenininklużi fil-Pilastru, dawk li jkunu rilevanti għandhom jikunu riflessi fil-programmi appoġġati mill-FSE;

22.

jirrakkomanda li t-twettiq tal-prinċipji tal-pilastru soċjali fl-ambitu tal-programmazjoni tal-FSE fil-kuntest tal-esiġenza li jiġu stabbiliti azzjonijiet integrati li jirriflettu l-ispeċifiċitajiet territorjali, u t-tendenzi fuq perjodu medju ta’ żmien fis-suq tax-xogħol tal-Unjoni, kif espress mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-perspettivi okkupazzjonali tal-Unjoni Ewropea;

23.

jinnota oqsma ta’ integrazzjoni qawwija bejn il-pilastru soċjali u l-politika ta’ koeżjoni, sakemm din tal-aħħar — minħabba l-mudell partikolari tagħha ta’ governanza f’diversi livelli — tkun tista’ tirrikonċilja t-twettiq ta’ proġetti fuq “format” Ewropew mar-rispett tal-kuntratti soċjali tipiċi ta’ kull Stat Membru;

24.

iqis neċessarju li d-dibattitu dwar il-pilastru soċjali jkun akkumpanjat mill-ewwel valutazzjoni, fil-livell Ewropew, tal-proċess u tar-riżultati tal-applikazzjoni tal-objettiv tematiku 9 (Inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar), meqjusa b’rabta mal-mudell tal-għajnuna soċjali stess tal-Istati Membri diversi u mal-kriżijiet/bidliet li qed jesperjenzaw, għalkemm huwa diffiċli tifhem il-kontribut għall-pilastru fin-nuqqas ta’ dawn l-indikazzjonijiet.

25.

iwissi kontra l-possibilità ta’ duplikazzjoni bejn Programm ta’ Riforma Strutturali futur u oqsma potenzjali ta’ appoġġ għal riformi strutturali indirizzati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej permezz ta’ konċentrazzjoni tematika li attwalment hija bbażata fuq l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u aktar ’il quddiem fuq l-istrateġija suċċessur tagħha. Għal dan il-għan, jappella għal definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ riformi strutturali eliġibbli għal appoġġ mill-UE fuq il-bażi tal-kompetenzi u l-valur miżjud tal-UE, kif ukoll għal distinzjoni ċara bejn l-appoġġ eliġibbli abbażi tal-politika ta’ koeżjoni (l-Artikolu 175) u tal-appoġġ eliġibbli fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (l-Artikolu 197);

Rakkomandazzjonijiet għal wara l-2020

26.

jittama li l-proċess għad-definizzjoni tal-proposta tal-QFP (qafas finanzjarju pluriennali) li jmiss jitnieda fi żmien xieraq biex ikun hemm parteċipazzjoni adegwata taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati ewlenin, u b’hekk jiġi evitat dewmien tal-adozzjoni tar-regolamenti u tal-linji gwida li ħolqu dewmien fil-programmazzjoni attwali;

27.

billi jibni fuq l-istudju tal-KtR dwar “Is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri tal-Fond Soċjali Ewropew fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali fil-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa”, jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li qed jikber li l-FSE se jkun meħtieġ jaqdi fis-snin li ġejjin, b’referenza partikolari għall-isfidi ta’: il-qgħad fit-tul, l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-emarġinazzjoni taż-żoni interni periferiċi u tal-fruntiera, id-depopolazzjoni taż-żoni rurali, it-tibdil demografiku minħabba l-migrazzjoni, l-integrazzjoni tar-refuġjati u tal-migranti, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali fiż-żoni urbani, in-nuqqas ta’ kompetenzi speċifiċi u l-adattament tat-taħriġ ġenerali, vokazzjonli u għoli għall-evoluzzjoni teknoloġika, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali ta’ gruppi żvantaġġati, l-appoġġ fl-edukazzjoni għal persuni minn tfal ta’ età ta’ qabel l-iskola sal-anzjani, u l-għajnuna lill-adulti b’livell baxx ta’ għarfien u kompetenzi, kif ukoll l-adattament tal-istandards edukattivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-UE;

28.

jisħaq fuq il-komplementarjetà bejn il-FEG u l-FSE bħala parti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) peress li l-FEG huwa mekkaniżmu li jagħti għajnuna fuq perjodu qasir ta’ żmien filwaqt li l-miżuri fuq perjodu twil huma appoġġjati mill-FSIE li jistgħu jaġixxu bħala miżuri ta’ segwitu fl-oqsma tal-FEG;

29.

jenfasizza li r-rivoluzzjoni diġitali li għaddejjin minnha bħalissa qed issawwar epoka ġdida u l-effetti fis-suq tax-xogħol li qed toħloq u li se tkompli toħloq fil-futur, u jirrimarka dwar l-isfidi li dan il-fenomenu joħloq għas-sistemi tal-iskejjel u tat-taħriġ f’termini ta’ adattament għall-kompetenzi ġodda meħtieġa u t-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ tagħlim offruti liċ-ċittadini kollha f’kull livell ta’ edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali u fl-edukazzjoni/taħriġ ta’ livell avvanzat;

30.

jipproponi li l-miżuri kollha tal-bażi jiġu definiti fil-futur fil-qafas tal-FSE, sabiex jiġi żgurat liż-żgħażagħ żvantaġġati aċċess għal livell ta’ studju minimu u jingħataw il-mezzi neċessarji biex jiksbu livell adegwat ta’ kompetenzi;

31.

huwa tal-fehma li huwa importanti ħafna li tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa li tippermetti li l-programmazzjoni tal-FSE tiġi adattata għall-isfidi l-ġodda li jistgħu jinqalgħu;

32.

itenni l-bżonn li din ir-rivoluzzjoni diġitali tiġi appoġġata, permezz tal-integrazzjoni bejn l-investimenti fil-qasam diġitali minn naħa, u min-naħa l-oħra interventi li jinvolvu persuni, anke dawk li huma attivi fl-organizzazzjonijiet pubbliċi lokali u reġjonali;

33.

għaldaqstant, jaħseb li biex jiġu indirizzati b’suċċess l-isfidi tal-bżonn ta’ adattament għall-evoluzzjoni teknoloġika u għall-globalizzazzjoni, hija meħtieġa l-integrazzjoni tal-istrumenti differenti Ewropej li jinċentivaw u li jappoġġaw, sabiex jintużaw b’sinerġija lejn l-objettivi definiti fl-istrateġiji rispettivi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

34.

huwa konvint li sabiex jiġu indirizzati b’mod adegwat dawn l-isfidi, l-FSE għandu jibqa’ parti integrali tal-Fondi SIE u komponent fundamentali tal-politika reġjonali ta’ koeżjoni, b’tali mod li tiġi sfruttata kull opportunità ta’ sinerġija fl-integrazzjoni mal-azzjonijiet finanzjati minn fondi strutturali oħrajn, kif ukoll mill-fondi għall-iżvilupp rurali; l-FSE għandu jinteraġixxi fil-prattika ma’ fondi strutturali oħra, l-iżjed il-FEŻR, bil-għan li tinkiseb politika reġjonali li tiġi integrata permezz ta’ miżuri konġunti bejn fondi strutturali diversi;

35.

barra minn hekk, huwa konvint li għandha tiġi preservata l-possibbiltà li l-FSE jibqa’ Fond ġestit b’mod kondiviż u għaldaqstant jirrifjuta għal kollox kull proposta maħsuba biex tmexxi l-FSE lejn mudell ta’ ġestjoni diretta mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll jirrifjuta kull suġġeriment ta’ ċentralizzazzjoni taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri, sakemm dan ma jkunx meħtieġ minħabba l-istruttura istituzzjonali tal-Istat Membru;

36.

fil-fatt, jaħseb li fattur importanti ta’ suċċess fit-twettiq tal-FSE huwa proprjament l-approċċ minn isfel għal fuq, li jippermetti adattament aħjar tal-interventi mal-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, bl-applikazzjoni tal-metodu ta’ sħubija bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, il-gvernijiet lokali u reġjonali, u l-forzi ekonomiċi u soċjali tat-territorju;

37.

jappella għal mekkaniżmi speċifiċi biex tiġi introdotta, fil-livell lokali u reġjonali, koordinazzjoni bejn l-FSE u FSIE oħra u strumenti. Dan għandu jippermetti l-kumplimentaritajiet fil-livell tal-operazzjonijiet inklużi possibbiltajiet għal appoġġ minn bosta sorsi ta’ finanzjament fi ħdan operazzjoni waħda;

38.

jaqbel mas-suġġerimenti ta’ integrazzjoni fl-FSE ta’ fondi oħrajn li jintervjenu fil-qasam soċjali u tal-politiki tal-impjieg (FSE+ jew Fond umbrella), bil-kundizzjoni li dawn l-operazzjonijiet iwasslu għal sinerġiji evidenti, u li dawn il-fondi jsegwu huma stetss il-mudell ta’ ġestjoni kondiviża; Dawn is-sinerġiji se jkunu partikolarment evidenti fil-każ tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), li jopera fi skema ta’ ġestjoni kondiviża;

39.

josserva li l-FSE ser ikompli jkun importanti fil-livell lokali u reġjonali biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tat-tluq kmieni mill-iskola, it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u t-titjib tal-kapaċità tas-sistema edukattiva biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet;

40.

josserva li bis-saħħa tal-adattament fil-livell reġjonali tal-FSE nistgħu niżguraw li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tan-negozji b’rabta mal-ħiliet fir-reġjuni differenti, permezz tat-taħriġ adatt u t-tqabbil ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol mal-impjegaturi. L-FSE huwa essenzjali għat-teħid ta’ miżuri biex jiġu żgurati l-ħiliet adatti fil-livell reġjonali, u biex isir possibbli adattament fi ħdan ċerti setturi, pereżempju dawk li jiffaċċjaw sfidi sostanzjali minħabba d-diġitalizzazzjoni;

41.

fl-istess ħin jesprimi t-tħassib tiegħu li l-ħolqien tal-FSE umbrella jista’ jwassal għal tnaqqis kumplessiv ta’ riżorsi ddedikati għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, u biex idgħajjef ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ipprogrammar u l-ġestjoni ta’ dawn il-fondi;

42.

jaqbel dwar il-ħtieġa għal viżibbiltà akbar tal-FSE fil-QFP, u jqis li huwa mixtieq li — fi ħdan it-titolu dwar il-politika ta’ koeżjoni — jinħolqu sottotitoli għall-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali, u jittama, b’mod ġenerali, li jkun hemm trasparenza akbar tal-istruttura tal-QFP sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jinterpretaw aħjar il-prijoritajiet tal-UE;

43.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b’mod effiċjenti wara l-2020” (6), tħalli barra l-informazzjoni dwar kif il-QFP li jmiss għandu jindirizza l-isfidi soċjali għall-Unjoni Ewropea u ftit iħalli marġini għal partijiet interessati biex isawru il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-QFP li jmiss, li ser jiġi ppreżentat fit-2 ta’ Mejju;

44.

itenni li biex dawn l-objettivi ta’ żvilupp ekonomiku kif ukoll inklużjoni soċjali jiġu segwiti, jeħtieġ approċċ organiku u integrat li jista’ jintlaħaq l-aħjar permezz tal-implimentazzjoni ta’ programmi li jeħtieġu aktar fondi implimentati jew minn fond wieħed b’ambitu wiesa’ u flessibbli; Għalhekk, il-KtR jirrikonoxxi l-importanza ta’ għodod ta’ żvilupp territorjali b’użu ta’ diversi fondi, bħall-programmi implimentattivi b’użu ta’ diversi fondi, jiġifieri l-ITI u s-CLLD, filwaqt li jirrifjuta kull tentattiv li jiġi introdott l-obbligu ta’ programmi b’fond wieħed;

45.

jitlob, għalhekk, għal aktar armonizzazzjoni — kif ukoll semplifikazzjoni — tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, b’tali mod li d-differenzi, il-lakuni u d-dupplikazzjonijiet fir-regoli operattivi tal-fondi jkunu minimizzati u sabiex ir-regoli jiġu definiti b’mod sempliċi u trasparenti, filwaqt li titħalla biżżejjed flessibilità għal soluzzjonijiet imfassla apposta li jistgħu jkunu żviluppati f’livell nazzjonali reġjonali u lokali, inklużi għodod ta’ “pagament skont ir-riżultati” u kif ukoll Pjani ta’ Azzjoni Konġunta u l-Opzjonijiet ta’ Nfiq Simplifikat; isejjaħ f’dan ir-rigward, għal aktar gwida mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu ta’ Opzjonijiet ta’ Nfiq Simplifikat fil-livelli kollha, mingħajr restrizzjonijiet jew rekwiżiti għal-livelli minimi tagħhom;

46.

ifakkar fir-rwol importanti li żvolġa l-FSE fis-segwitu tal-istqarrijiet dwar l-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali espressi fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, u jittama li jkun hemm allinjament aħjar bejn semestru Ewropew riformat u l-politika ta’ koeżjoni. Is-Semestru Ewropew għandu fil-fatt ikompli jiġi demokratizzat fil-livell Ewropew u nazzjonali, jiġi definit aħjar f’termini ta’ valur miżjud Ewropew u ta’ rabta mal-kompetenzi tal-UE u jkun wkoll aktar iffokat fuq is-sjieda. Għal dan tista’ tkun ta’ kontribut l-adozzjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta li jistabbilixxi standards għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll għall-istabbiliment ta’ “djalogu strutturali dwar l-istat tal-koeżjoni fl-Ewropa” biex jiġi integrat fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

47.

huwa għalhekk kontra s-subordinazzjoni sempliċi tal-politika ta’ koeżjoni għas-Semestru Ewropew, li tista’ taffettwa l-istatus tagħha kif stabbilit fit-Trattati, u minflok jitlob l-involviment strutturat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba fil-proċess tas-semestru Ewropew, l-integrazzjoni ta’ analiżi territorjali fil-proċess kollu, u l-introduzzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi territorjali meta jkun possibbli.

48.

jipproponi li tiġi eżaminata, b’koerenza ma’ Opinjonijiet adottati mill-KtR dwar “Indikaturi għal żvilupp territorjali — Il-PDG u lil hinn minnu” u l-Opinjoni dwar “Il-Futur tal-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020”, jiġi kkunsidrat ukoll l-użu ta’ indikaturi barra mill-PDG li jqisu l-aspetti soċjali, ambjentali u demografiċi, bħal pereżempju l-Indiċi ta’ Progress Soċjali Ewropew.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COR 1814/2016.

(2)  COR 4842/2017.

(3)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar “Ex-post evaluation of the 2007-2013 ESF Programmes” (SWD(2016) 452 final).

(4)  COR 1319/2014.

(5)  COR-03141/2017.

(6)  COM(2018) 98 final, ippubblikata fl-14 ta’ Frar 2018.