5.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/19


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura

(2018/C 361/05)

Relatur:

Is-Sinjura HRISTOVA (BG/PPE), Sindku tal-Muniċipalità ta’ Gabrovo

Dokumenti ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura: Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg, 17 ta’ Novembru 2017

COM(2017) 673 final

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

COM(2018) 23 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Premessa (2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(2)

Ispirata minn dawn il-valuri, l-Unjoni rnexxielha tgħaqqad pajjiżi, komunitajiet u nies flimkien fi proġett politiku uniku, li wassal għall-itwal perjodu ta’ paċi fl-Ewropa u li min-naħa tiegħu ġab stabbiltà soċjali u prosperità ekonomika. L-adozzjoni mill-Istati Membri tal-valuri stabbiliti fit-Trattat toħloq bażi komuni li tifforma l-karatteristika distinta tal-istil ta’ ħajja u tal-identità Ewropej, u tagħti post lill-Unjoni fix-xena globali.

(2)

Ispirata minn dawn il-valuri, l-Unjoni rnexxielha tgħaqqad pajjiżi, ir-reġjuni, il-bliet u ż-żoni rurali tagħhom, komunitajiet u nies flimkien fi proġett politiku uniku, li wassal għall-itwal perjodu ta’ paċi fl-Ewropa u li min-naħa tiegħu ġab stabbiltà soċjali u prosperità ekonomika. L-adozzjoni mill-Istati Membri tal-valuri stabbiliti fit-Trattat toħloq bażi komuni li tifforma l-karatteristika distinta tal-istil ta’ ħajja u tal-identità Ewropej, u tagħti post lill-Unjoni fix-xena globali.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 2

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Premessa (3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(3)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha qed iħabbtu wiċċhom ma’ varjetà ta’ sfidi, inklużi l-popoliżmu, il-ksenofobija, in-nazzjonaliżmu diviżiv, id-diskriminazzjoni, it-tixrid ta’ aħbarijiet foloz u ta’ informazzjoni qarrieqa kif ukoll l-isfida tar-radikalizzazzjoni. Dawn il-fenomeni jistgħu jkunu ta’ theddida serja għas-sisien tad-demokraziji tagħna, idgħajfu l-fiduċja fl-istat tad-dritt u fl-istituzzjonijiet demokratiċi u jfixklu s-sens komuni ta’ appartenenza fis-soċjetajiet Ewropej tagħna u bejniethom.

(3)

L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali, qed iħabbtu wiċċhom ma’ varjetà ta’ sfidi, inklużi l-popoliżmu, il-ksenofobija, in-nazzjonaliżmu diviżiv, id-diskriminazzjoni, it-tixrid ta’ aħbarijiet foloz u ta’ informazzjoni qarrieqa kif ukoll l-isfida tar-radikalizzazzjoni. Dawn il-fenomeni jistgħu jkunu ta’ theddida serja għas-sisien tad-demokraziji tagħna fil-livelli kollha ta’ governanza , idgħajfu l-fiduċja fl-istat tad-dritt u fl-istituzzjonijiet demokratiċi u jfixklu s-sens komuni ta’ appartenenza fis-soċjetajiet Ewropej tagħna u bejniethom.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 3

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Premessa (4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

(5)

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-politiki tal-edukazzjoni u l-kultura minħabba l-qrubija tagħhom lejn l-Ewropej, peress li jitqies li huma fl-eqreb livell ta’ governanza għaċ-ċittadini fuq il-post. Għalhekk, hemm bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkomplu jaqdu rwol ċentrali fl-implimentazzjoni u l-adattar tal-miżuri u r-riformi proposti, kif ukoll jiġu inklużi fi stadju bikri tal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet biex jiġi garantit riżultat effiċjenti u effettiv u jiġi żgurat li l-valur miżjud ta’ politiki edukattivi u kulturali tal-UE jinħassu fuq il-post.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 4

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Premessa (12)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

(13)

F’dan il-kuntest, ta’ min jenfasizza l-importanza kritika li ssir analiżi tad-disparitajiet reġjonali u tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mill-ispariġġi u n-nuqqas ta’ ħiliet fl-UE meta jitfasslu r-riformi tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 5

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Premessa (13)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(13)

F’dan l-isfond, huwa essenzjali li l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex ikomplu jimplimentaw l-għanijiet kollha tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2015. Huwa partikolarment importanti li jkomplu jiġu promossi l-valuri komuni bħala vetturi ta’ koeżjoni u inklużjoni, tiġi favorita l-implimentazzjoni ta’ ambjenti ta’ tagħlim parteċipattivi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, jitjieb it-taħriġ għall-għalliema dwar iċ-ċittadinanza u d-diversità u jitjiebu l-ħiliet dwar il-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku tal-istudenti kollha.

(13)

F’dan l-isfond, huwa essenzjali li l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex ikomplu jimplimentaw l-għanijiet kollha tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2015 u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipprovdulhom l-għodod meħtieġa biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva fuq il-post . Huwa partikolarment importanti li jkomplu jiġu promossi l-valuri komuni bħala vetturi ta’ koeżjoni u inklużjoni, tiġi favorita l-implimentazzjoni ta’ ambjenti ta’ tagħlim parteċipattivi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, jitjieb it-taħriġ għall-għalliema dwar iċ-ċittadinanza u d-diversità u jitjiebu l-ħiliet dwar il-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku tal-istudenti kollha.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 6

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Premessa (15)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(15)

Il-programm Erasmus+ juri li l-mobilità u l-kuntatti transkonfinali huma l-aktar mod effiċjenti kif wieħed jesperjenza l-identità Ewropea. Huwa essenzjali li l-kategoriji kollha ta’ studenti jibbenefikaw bl-istess mod mill-opportunitajiet li joffri dan il-programm; b’mod partikolari permezz ta’ skambji skolastiċi bejn l-Istati Membri. Il-mobilità virtwali, speċjalment permezz tan-netwerk e-twinning, hija għodda eċċellenti li tippermetti l-kuntatt dirett bejn l-istudenti, u fis-snin li ġejjin għandha tintuża fuq skala akbar flimkien mal-mobilità fiżika.

(15)

Il-programm Erasmus+ juri li l-mobilità u l-kuntatti transkonfinali huma l-aktar mod effiċjenti kif wieħed jesperjenza l-identità Ewropea. Huwa essenzjali li l-kategoriji kollha ta’ studenti jibbenefikaw bl-istess mod mill-opportunitajiet li joffri dan il-programm; b’mod partikolari permezz ta’ skambji skolastiċi bejn u fi ħdan l-Istati Membri. Il-mobilità virtwali, speċjalment permezz tan-netwerk e-twinning, hija għodda eċċellenti li tippermetti l-kuntatt dirett bejn it-tfal tal-iskola u l-istudenti, u fis-snin li ġejjin għandha tintuża fuq skala akbar flimkien mal-mobilità fiżika. F’dan il-kuntest, jissuġġerixxi wkoll l-introduzzjoni ta’ opportunitajiet ġodda u li jitwessa’ l-ambitu ta’ dawk eżistenti għall-mobilità kulturali;

Raġuni

Evidenti.

Emenda 7

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

3.     jagħmlu użu mill-prossimità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali maċ-ċittadini tal-Ewropa u mill-fatt li dawn jinsabu fl-aħjar pożizzjoni strateġika sabiex janalizzaw u jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi kulturali differenti fit-territorji tagħhom u sabiex iħejju l-bażi għal djalogu interkulturali effettiv u għall-promozzjoni ta’ valuri komuni;

Raġuni

Evidenti.

Emenda 8

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Jipprovdu edukazzjoni inklużiva

Jipprovdu edukazzjoni inklużiva

4.   jippromovu l-edukazzjoni inklużiva għall-istudenti kollha, b’mod partikolari billi:

4.   jippromovu l-edukazzjoni inklużiva għall-istudenti kollha, b’mod partikolari billi:

(a)

jinkludu l-istudenti kollha f’edukazzjoni ta’ kwalità minn età żgħira;

(a)

jinkludu l-istudenti kollha f’edukazzjoni ta’ kwalità minn età żgħira u jiżguraw li opportunitajiet indaqs u l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità jiġu provduti għal kull student inklużi għal dawk bi sfondi lingwistiċi, reliġjużi, etniċi jew ta’ minoranza oħra;

(b)

jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għall-istudenti skont il-ħtiġijiet tagħhom, inkluż dawk li ġejjin minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati, dawk bi sfond ta’ migrazzjoni, dawk bi ħtiġijiet edukattivi speċjali u lill-istudenti bl-akbar talent;

(b)

jipprovdu l-appoġġ u l-gwida meħtieġa għall-istudenti skont il-ħtiġijiet tagħhom, inkluż dawk li ġejjin minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati, dawk bi sfond ta’ migrazzjoni, inklużi dawk ir-refuġjati li jixtiequ jintegraw ruħhom fl-Unjoni Ewropea bħala ċittadini , dawk bi ħtiġijiet edukattivi speċjali u lill-istudenti b’kapaċitajiet għoljin ;

(c)

jiffaċilitaw it-tranżizzjoni bejn il-livelli differenti tal-edukazzjoni u jippermettu l-għoti ta’ gwida adegwata għall-edukazzjoni u l-karriera.

(c)

jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ studenti f’reġjuni tal-UE bi sfidi ġeografiċi u demografiċi, inklużi dawk minn l-aktar reġjuni mbegħdin;

 

(d)

jiffaċilitaw it-tranżizzjoni bejn il-livelli differenti tal-edukazzjoni u jippermettu l-għoti ta’ gwida adegwata għall-edukazzjoni u l-karriera , kif ukoll jipprovdu proċess ta’ appoġġ u opportunitajiet ta’ taħriġ tul il-ħajja kollha għal dawk kollha li jkunu qed jitgħallmu ;

 

(e)

jagħtu l-appoġġ neċessarju għal rwol iktar b’saħħtu għat-tagħlim tal-lingwi fil-kurrikuli diġà mill-iskola primarja għax it-tagħlim tal-lingwi mhux biss huwa meqjus l-aktar effettiv f’età żgħira, iżda wkoll ħiliet dgħajfa tal-lingwa huma meqjusa bħala wieħed mill-akbar ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u l-ħolqien ta’ forza tax-xogħol rilevanti għall-ħtiġijiet tal-ekonomija Ewropea;

 

(f)

jippermettu liż-żgħażagħ jiksbu u jiżviluppaw ħiliet addizzjonali permezz tat-tagħlim formali u mhux formali, peress li dan mhux biss itejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ permezz ta’ tqabbil aħjar tal-ħiliet tagħhom mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, iżda wkoll jippermettilhom jikkontribwixxu b’mod aktar attiv għal proġetti ta’ solidarjetà u biex jiffurmaw il-ġejjieni tal-Ewropa  (1) .

Raġuni

Ikompli jissaħħaħ, f’ċerti aspetti, il-fokus tal-ħtiġijiet edukattivi speċifiċi u l-opportunitajiet indaqs filwaqt li tiżdied id-dimensjoni ta’ gwida u taħriġ tul il-ħajja, peress li l-edukazzjoni m’għandhiex tkun limitata għal ċerta età ta’ min qed jitgħallem.

Emenda 9

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Artikolu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Jippromwovu dimensjoni Ewropea tat-tagħlim;

Jippromwovu dimensjoni Ewropea tat-tagħlim;

6.   jippromwovu dimensjoni Ewropea tat-tagħlim billi jħeġġu:

6.   jippromwovu dimensjoni Ewropea tat-tagħlim billi jħeġġu:

(a)

fehim tal-kuntest Ewropew u l-wirt komuni u għarfien tad-diversità tal-Istati Membri tal-Unjoni;

(a)

fehim tal-kuntest Ewropew u l-wirt komuni u għarfien tad-diversità tal-Istati Membri tal-Unjoni , inkluża n-nisġa rikka tal-istrutturi sottonazzjonali , sabiex jiġi promoss fehim ta’ wirt kulturali Ewropew komuni ;

(b)

fehim tal-oriġini u tal-funzjonament tal-Unjoni;

(b)

fehim tal-oriġini u tal-funzjonament tal-Unjoni inkluż tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE ;

(c)

il-parteċipazzjoni tal-istudenti u tal-għalliema fin-netwerk e-Twinning u fil-mobilità transkonfinali, speċjalment fl-iskejjel;

(c)

il-parteċipazzjoni tal-istudenti u tal-għalliema fin-netwerk e-Twinning u fil-mobilità transkonfinali, speċjalment fl-iskejjel;

(d)

proġetti fil-prattika biex tinħoloq kuxjenza dwar l-Unjoni Ewropea fiċ-ċentri ta’ edukazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-interazzjoni diretta maż-żgħażagħ.

(d)

proġetti fil-prattika biex tinħoloq kuxjenza dwar l-Unjoni Ewropea fiċ-ċentri ta’ edukazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-interazzjoni diretta maż-żgħażagħ fil-livell lokali u reġjonali bħala l-livell ta’ governana l-eqreb għalihom;

 

(e)

attitudni ta’ tagħlim tul il-ħajja, li jinkludi iżda mhuwiex limitat għall-edukazzjoni tal-adulti, li jrawwem spirtu ta’ stħarriġ kontinwu u l-kisba tal-għarfien u l-eċċellenza li jistgħu jiġu kkultivati minn kmieni sa mill-edukazzjoni primarja (jew qabel il-primarja) u għandhom ikunu integrati fl-istadji kollha tal-edukazzjoni

 

(f)

enfasi aktar qawwija li għandha ssir fuq temi relevanti għad-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà Ewropea sabiex dawk li qed jitgħallmu jsiru familjari mal-kunċetti ta’ kodifikazzjoni u jiġu introdotti kompetenzi fl-oqsma taċ-ċibersigurtà u tal-litteriżmu medjatiku;

 

(g)

l-intenzjoni li kull student fl-Ewropa jingħata tal-inqas esperjenza intraprenditorjali waħda sabiex fl-edukazzjoni formali u informali jiżdiedu l-prattiki ta’ tagħlim intraprenditorjali u dawk ibbażati fuq il-proġetti u fuq ir-riċerka .

Raġuni

Id-diversità tal-istrutturi sottonazzjonali fl-Istati Membri tal-UE hija element essenzjali tal-wirt kulturali u politiku tal-UE u punt ta’ referenza ewlieni għall-iżviupp ta’ ċittadinanza attiva bbażata fuq id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE.

Emenda 10

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Artikolu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Jappoġġaw lill-għalliema u t-tagħlim

Jappoġġaw lill-għalliema u t-tagħlim

7.   Jippermettu lill-għalliema, lill-mexxejja tal-iskejjel u lill-persunal akkademiku biex jippromwovu l-valuri komuni u jipprovdu edukazzjoni inklużiva, permezz ta’:

7.   Jippermettu lill-għalliema, lill-mexxejja tal-iskejjel u lill-persunal akkademiku biex jippromwovu l-valuri komuni u jipprovdu edukazzjoni inklużiva, permezz ta’:

(a)

miżuri li jagħtu setgħa lill-għalliema, lill-mexxejja tal-iskejjel u lill-persunal akkademiku biex jgħinuhom iwasslu l-valuri komuni, jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva filwaqt li jittrażmettu sens ta’ appartenenza u jwieġbu għall-ħtiġijiet differenti tal-istudenti; u

(a)

miżuri li jagħtu setgħa lill-għalliema, lill-mexxejja tal-iskejjel u lill-persunal akkademiku biex jgħinuhom iwasslu l-valuri komuni, jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva filwaqt li jittrażmettu sens ta’ appartenenza u jwieġbu għall-ħtiġijiet differenti tal-istudenti;

(b)

promozzjoni ta’ skambji u programmi ta’ tagħlim bejn il-pari kif ukoll gwida u mentoraġġ konsulenza għall-għalliema u l-persunal akkademiku.

(b)

promozzjoni ta’ skambji u  tal-aħjar prattiki, u programmi ta’ tagħlim bejn il-pari kif ukoll gwida u mentoraġġ konsulenza għall-għalliema u l-persunal akkademiku , kif ukoll mobilità permezz tal-programm Erasmus+  (1) ; u

(c)

promozzjoni ta’ miżuri biex jiffaċilitaw l-iskambji bejn l-għalliema u l-ġenituri/persuni li jindukraw sabiex jissaħħu r-rabtiet bejn l-iskola u l-ambjent tal-familja/tad-dar u biex jitrawwem djalogu permanenti, li huma kruċjali għall-integrazzjoni b’suċċess tal-istudenti fl-ambjent skolastiku u s-soċjalizzazzjoni ġenerali tagħhom.

Raġuni

Emenda 11

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Artikolu 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

12.     Jiżguraw li l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-iskejjel u l-istabbilimenti edukattivi kollha fl-UE jkunu mgħammra bl-infrastruttura tal-broadband ta’ veloċità għolja u bit-tagħmir diġitali meħtieġa, b’mod partikolari dawk li jinsabu f’żoni bi sfidi ġeografiċi, demografikaċi jew soċjali, sabiex jiġi evitat li jiżdiedu d-diskrepanzi edukattivi u kulturali fl-era diġitali.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 12

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

Artikolu 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

15.   tivvaluta u tevalwa l-azzjoni meħuda bħala segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni , b’mod partikolari permezz tal-qafas ET2020, inkluż il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

15.   tivvaluta u tevalwa l-azzjoni meħuda bħala segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni, fuq bażi annwali permezz tas-Semestru Ewropew, u permezz tal-qafas ET2020, inkluż il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

Raġuni

L-inklużjoni ta’ din id-dimensjoni fil-proċess tas-Semestru Ewropew tippermetti għal monitoraġġ u evalwazzjoni effiċjenti tal-iżviluppi fil-qasam.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jappoġġja l-viżjoni ġenerali ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u jaqbel li l-edukazzjoni u l-kultura huma fatturi ewlenin biex l-Ewropa ssir aktar reżiljenti fil-kuntest ta’ globalizzazzjoni aktar mgħaġġla u x-xejriet ġeopolitiċi attwali;

2.

jaqbel dwar il-ħtieġa li jitrawwem appoġġ għas-sett bażiku ta’ valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea u li l-Istati Membri ntrabtu magħhom meta ssieħbu fl-UE; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza li jissokta l-impenn komuni biex dawn il-valuri jitħarsu bħala element essenzjali tal-identità kulturali, li jirrikjedi ċittadinanza Ewropea attiva li toriġina mid-diversità kulturali;

3.

jenfasizza li l-edukazzjoni u l-kultura għandhom impatt kbir fuq l-oqsma kollha tal-ħajja u b’mod speċifiku fuq it-tisħiħ tas-soċjetà, u għaldaqstant huma għodod ewlenin li jwasslu għal integrazzjoni kulturali akbar bejn l-Ewropej, biex b’hekk tiġi promossa inklużjoni soċjali, jinnota li l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza hija element essenzjali f’dan ir-rigward u jisħaq li s-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-UE fost il-pubbliku ġenerali għandha tkun indirizzata primarjament lejn iż-żgħażagħ (1);

4.

jenfasizza li r-responsabilità primarja għall-edukazzjoni u l-kultura politika hija f’idejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom u li l-azzjoni tal-UE f’konformità mal-Artikolu 6 tat-TFUE għandha biss tikkomplementa, tappoġġja jew tikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri u tipprovdi inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali u lokali f’dan il-qasam. Jenfasizza li kull azzjoni tal-UE f’dan il-qasam għandha tkun kompletament iġġustifikata mill-perspettiva tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

5.

jenfasizza r-rwol tal-kultura bħala fattur li jikkontribwixxi għat-tiswir tal-identità, u għaldaqstant il-ħtieġa li jkun indirizzat it-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-kultura sabiex tkun sostnuta l-leġittimità tal-istrutturi demokratiċi fil-livell Ewropew, u b’hekk tappoġġja inizjattivi għal għarfien reċiproku u familjarizzazzjoni fost l-Ewropej dwar il-valur intrinsiku tal-espressjoni kulturali u artistika, sabiex issaħħaħ il-komponenti kulturali komuni tal-identità Ewropea tagħna;

6.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni u l-kultura minħabba l-qrubija tagħhom lejn l-Ewropej u jinsisti li dawn ikomplu jaqdu rwol ċentrali fl-implimentazzjoni u l-adattament tal-miżuri u r-riformi proposti;

7.

iqis li kif inhi bħalissa, il-miżura proposta ma tidhirx li tqajjem xi tħassib dwar is-sussidjarjetà u jenfasizza l-importanza li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità sabiex ikun żgurat li ma jiġi ġġenerat l-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat appoġġ finanzjarju b’saħħtu għall-politiki u l-programmi tal-edukazzjoni u l-kultura fil-QFP li jmiss;

L-aġenda Ewropea

8.

jaqbel dwar l-importanza tal-iżviluppi ewlenin elenkati, u jirrimarka li dawn mhumiex indipendenti, u jitlob li titwettaq ir-riċerka dwar il-modi fejn dawn jiddependu minn xulxin;

9.

l-importanza tan-netwerk Europe Direct għandha tiġi enfasizzata fir-rigward tal-kuxjenza u d-disseminazzjoni tal-proġett Ewropew tal-integrazzjoni, għaliex l-objettivi tiegħu jinkludu li tingħata l-informazzjoni liċ-ċittadini tal-UE dwar il-proġett;

10.

jappoġġja għalkollox li fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġi inkorporat id-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ bħala dritt fundamentali soċjali u tal-bniedem (2);

L-identità Ewropea u l-kuxjenza dwar il-wirt kulturali

11.

jenfasizza l-importanza tal-valuri tal-UE riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – id-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà – sabiex jintlaħaq il-ġid komuni, u għalhekk jitlob għal aktar inklużività, rispett tal-wirt spiritwali u morali tal-popli tal-Ewropa u l-valorizzazzjoni tal-inizjattivi li jippromovu l-għixien aħjar flimkien;

12.

itenni l-importanza li jingħataw l-attenzjoni u r-riżorsi għall-aspetti tal-għarfien u t-tixrid tal-kultura, l-istorja l-identità Ewropej. F’dan ir-rigward, huwa propost li l-Programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” jiġi estiż biex numru akbar ta’ inizjattivi marbuta ma’ dan il-għan ikunu jistgħu jirċievu appoġġ;

13.

jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-azzjoni politika tal-UE u, kif jingħad fir-rapport dwar “Reaching out to EU Citizens: a new opportunity”, jisħaq dwar ir-rwol essenzjali tal-kunċett tal-komunità, li jħaddan il-kunċetti lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali li jgħixu fihom iċ-ċittadini sabiex jinħoloq spazju pubbliku komuni, li fih l-individwi jkunu jistgħu jaġixxu flimkien dwar bażi mibnija fuq il-valuri.” (3) Għalhekk l-identità Ewropea u l-valuri kondiviżi tagħha għandhom jikkumplementaw il-perċezzjonijiet reġjonali u nazzjonali eżistenti li jirrigwardaw l-appartenenza sabiex tiġi promossa ċ-ċittadinanza f’diversi livelli, kif inhu pprovdut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 2 tat-Trattat ta’ Lisbona;

14.

itenni l-importanza tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 fil-promozzjoni tal-kuxjenza kulturali u kif ukoll ir-rwol tal-kultura kemm fit-tisħiħ tal-identità Ewropea u kif ukoll fl-appoġġ tal-inklużjoni;

15.

jappella għal impenn aktar qawwi mal-Istati Membri, kif ukoll mar-reġjuni u l-bliet tagħhom biex tiġi żviluppata viżjoni Ewropea u tiġi promossa viżibbiltà akbar ta’ proġetti u inizjattivi tal-UE, li attwalment qed jixxekkel ta’ spiss minħabba n-nazzjonalizzazzjoni tas-suċċessi u l-Ewropizzazzjoni tal-fallimenti tal-UE, kif saħaq il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2016;

16.

jappella għal miżuri speċifiċi biex jiġu ppreservati, żviluppati u ppopolarizzati l-arti u s-snajja’ tradizzjonali Ewropej, l-inizjattivi tal-patrimonju ħaj u tal-istorja, kif ukoll inizjattivi u attivitajiet kulturali u artistiċi oħra li jagħmlu parti mill-kultura tas-soċjetà Ewropea kontemporanja u li jippromovu identità komuni, minħabba n-natura interattiva tagħhom li tiffaċilita t-tagħlim bil-prattika u l-involviment kulturali;

17.

għalhekk jitlob li s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 tiġi nkluża f’inizjattivi strateġiċi li jappoġġjaw l-iżvilupp kulturali, iżidu l-għarfien reċiproku tar-reġjuni u joffru opportunitajiet ġodda għat-turiżmu kulturali sostenibbli; Inizjattivi bħal dawn jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-programm Ewropa Kreattiva, u b’hekk jiġi appoġġjat it-tixrid tal-wirt kulturali Ewropew lil hinn mill-2018;

18.

iħeġġeġ li ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew jiġi sfruttat minn din l-inizjattiva biex tissaħħaħ l-identità Ewropea, billi jiġu stabbiliti rabtiet aktar mill-qrib bejn it-tikketta u r-reġjuni, jiġu ċċarati l-proċeduri ta’ selezzjoni għal postijiet ġodda tat-tikketta, biex b’hekk din issir iktar magħrufa u tiġi pprovduta b’mezzi effettivi ta’ tixrid;

19.

jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta’ opportunitajiet ġodda u li jiġi mwessa’ l-ambitu ta’ dawk eżistenti għall-mobilità kulturali għar-reġjuni kollha, inklużi żoni aktar remoti bħar-reġjuni ultraperiferiċi u insulari;

20.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali qegħdin fl-aħjar pożizzjoni strateġika biex janalizzaw u jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi tal-popolazzjoni differenti fit-territorji tagħhom, biex iwittu t-triq għal djalogu interkulturali effettiv u biex jissaħħaħ l-għarfien u jiġi ffaċilitat l-aċċess tan-nies għall-kultura Ewropea komuni;

21.

jinnota l-importanza li jiġu previsti użi u applikazzjonijiet ġodda għall-wirt kulturali, l-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi, u t-taħriġ u l-ispeċjalizzazzjoni tal-professjonisti futuri fil-qasam kulturali;

22.

jenfasizza r-rwol tal-kultura bħala mezz biex tqarreb aktar il-popli lejn xulxin, u tippermettilhom li jistabbilixxu rabtiet kulturali u lingwistiċi. Hija wkoll għodda li tippermetti d-djalogu politiku u ekonomiku, peress li dan jippromovi l-għarfien reċiproku u jiġġenera l-fiduċja, l-interess u r-rispett fost l-Istati Membri;

23.

jirrimarka l-importanza li l-kultura Ewropea u l-valuri li jirriżultaw minnha jitgħaddew liż-żgħażagħ Ewropej;

L-edukazzjoni

24.

jirrimarka li d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà fl-Ewropa tista’ tkun – fl-edukazzjoni wkoll – l-iktar sforz trasformattiv tal-UE bħalissa. Dan huwa proċess gradwali u multidimensjonali li jrid jiżviluppa mhux biss l-esperjenza tal-istudenti ta’ kull età fil-klassi, iżda wkoll il-komunikazzjoni, l-evalwazzjoni, il-governanza u l-amministrazzjoni, il-ġbir u l-analiżi tad-data fl-istadji kollha tal-edukazzjoni;

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-effetti tal-użu ħażin tar-riżorsi diġitali, li jistgħu jsiru strument ta’ propaganda perikoluża f’idejn tal-forzi antidemokratiċi; jilqa’, għalhekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew” (4), li jerġa’ jsemmi b’mod ġenerali l-erba’ prinċipji tat-“trasparenza, l-integrità, il-parteċipazzjoni u l-kollaborazzjoni”, kif identifikati fir-Rapport “Reaching out to EU Citizens: a new opportunity” (5);

26.

jinsab imħasseb li, fi kliem il-Kummissjoni, “ħafna skejjel għad m’għandhomx aċċess għal konnettività b’veloċità għolja u tagħmir diġitali”. Dan huwa aggravat mill-fatt li ħafna minn dawn l-iskejjel jinsabu f’reġjuni bi sfidi demografiċi, ġeografiċi u soċjali – inklużi r-reġjuni insulari, remoti u ultraperiferiċi – u l-lakuni edukattivi se jiżdiedu, aktar milli jonqsu, sakemm ma jittiħdux miżuri malajr;

27.

jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tintroduċi rekwiżiti addizzjonali għall-għalliema f’termini ta’ ħiliet u kompetenzi u li l-partijiet interessati jeħtieġu li jħejju l-forza tax-xogħol edukattiva fi żmien xieraq u b’mod adegwat fl-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom; fl-istess ħin juri li dan jista’ jipprovdi opportunitajiet għal metodi ta’ tagħlim innovattivi u għal interazzjoni;

28.

wissa wkoll li ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni żżid ukoll il-vulnerabbiltà għall-attakk u l-impatt ta’ theddid ċibernetiku possibbli, li huwa aggravat aktar min-natura kritika u privata tad-data li jiġbru l-iskejjel u li joperaw biha;

29.

fir-rigward tal-punt preċedenti, jirrakkomanda bil-qawwa li l-kunċett ta’ “sigurtà ppjanata” għandu jiġi applikat lis-softwer edukattiv u lil kwalunkwe softwer jew bażijiet tad-data oħrajn użati mill-istituzzjonijiet edukattivi; għandhom jiġu introdotti politiki trasparenti għall-ġbir u l-ħżin ta’ data personali;

30.

filwaqt li jirrikonoxxi li l-identità, il-valuri u l-attitudnijiet inizjali jissawru, fil-biċċa l-kbira, fil-familja, u b’mod ġenerali fl-ambjent usa’ tad-dar, iħeġġeġ il-ħolqien ta’ miżuri biex jaħdmu b’mod attiv mal-ġenituri, it-tisħiħ tal-konnessjonijiet bejn il-ġenituri u l-iskola u “l-approċċ edukattiv sħiħ” b’mod ġenerali;

31.

jirrimarka li ħiliet dgħajfa tal-lingwa huma ostakolu ewlieni għall-moviment liberu tal-ħaddiema u jenfasizza li l-inizjattivi ta’ tagħlim tul il-ħajja, u programmi ta’ tagħlim tal-lingwa ta’ introduzzjoni u dawk kontinwi, jippermettu lill-forza tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea u lill-professjonijiet tagħha jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

32.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tagħlim tal-lingwi huwa meqjus ħafna aktar effettiv f’età żgħira, u jitlob biex it-tagħlim tal-lingwi jaqdi rwol aktar b’saħħtu fil-kurrikulu tal-iskejjel primarji;

33.

jissuġġerixxi li l-livell ta’ gvern responsabbli għall-iffissar tal-kurrikulu edukattiv għall-iskejjel ipoġġi aktar enfasi fuq l-aspetti kulturali u etnografiċi tal-istorja, b’analiżi kritika u filosofika tal-valuri universali fid-diversità, u jinkludi taqsima fil-kurrikulu dwar l-Unjoni Ewropea, li tenfasizza r-rwol tad-drittijiet tal-bniedem, iċ-ċittadinanza Ewropea bħala ideal u l-kosmopolitaniżmu bħala komponenti tal-Unjoni; b’hekk jissuġġerixxi li jkun hemm aktar kollaborazzjoni mal-atturi kulturali fil-livell lokali, pereżempju billi jitfassal pjan ta’ edukazzjoni kulturali li jappoġġja l-ħidma fil-kurrikuli tal-iskejjel u rotta kulturali li tippreżenta l-offerta tal-kultura u tal-arti;

34.

barra minn hekk jitlob biex is-suġġetti rilevanti għad-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà jingħataw prominenza akbar, sabiex dawk li qed jitgħallmu jsiru familjari mal-kunċetti ta’ kodifikazzjoni u jiġu introdotti l-kompetenzi, mhux biss strumentali iżda wkoll etiċi, kritiċi u riflessivi, fil-qasam taċ-ċibersigurtà, in-netwerking soċjali u l-litteriżmu medjatiku;

35.

jappoġġja l-intenzjoni tal-Kunsill li jipprovdi lil kull student jew apprentist fl-Ewropa b’tal-inqas esperjenza intraprenditorjali waħda possibbilment f’pajjiż ieħor tal-UE u jirrakkomanda żieda fil-prattiċi ta’ tagħlim ibbażati fuq ir-riċerka, il-proġetti u l-intraprenditorija kemm fl-edukazzjoni formali u kemm f’dik informali kif ukoll f’negozji, assoċjazzjonijiet, fundazzjonijiet jew kwalunkwe tip ieħor ta’ entità privata jew pubblika, b’hekk jiġi promoss l-ispirtu intraprenditorjali u kreattiv; Għalhekk jappella għal aktar kooperazzjoni bejn l-iskejjel, is-settur privat u l-korpi tat-tielet settur, u jappella wkoll biex jitfasslu programmi edukattivi li għandhom l-għan li jqabblu l-ħiliet tal-istudenti mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

36.

jappoġġja l-miżuri li jiżguraw opportunitajiet indaqs għal kull student u apprentist u t-tnaqqis fl-inugwaljanza, u jagħti parir li għandha titwettaq riċerka fil-fond tal-kawżi sottostanti għal dawn l-inugwaljanzi sabiex titjieb l-effikaċja ta’ inizjattivi Ewropej f’dan il-qasam;

37.

jirrakkomanda b’mod espliċitu filwaqt li jirrimarka li “azzjoni lil hinn minn opportunitajiet indaqs” għandha tinftiehem bħala “l-għoti ta’ opportunitajiet ekwi” bħala mezz biex tkun żgurata l-inklużjoni, li tirrikjedi azzjoni deċiżiva. Azzjoni bħal din ma tistax tkun limitata biex ikun trattat l-eżitu ta’ kwistjonijiet bħalma huma l-inugwaljanza, s-sottorappreżentanza u l-esklużjoni billi jibbilanċjaw mill-ġdid l-opportunitajiet edukattivi. Minflok, l-awtoritajiet għandhom jimmiraw il-miżuri tagħhom biex isolvu l-kawżi sottostanti u jgħinu liċ-ċittadini u l-komunitajiet affettwati biex jegħlbuhom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li huma l-eqreb lejn iċ-ċittadini Ewropej għandhom jingħataw is-setgħa biex iwettqu riċerka, ifasslu u jimplimentaw miżuri bħal dawn skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-komunitajiet lokali;

38.

jenfasizza l-importanza kritika li jiġu eżaminati d-disparitajiet reġjonali, jiġu stabbiliti bażijiet komuni fit-tagħlim fil-primarja u s-sekondarja tas-sistemi edukattivi tal-pajjiżi tal-Unjoni u b’hekk jiġu evitati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mill-ispariġġi u min-nuqqas ta’ ħiliet fl-UE meta jitfasslu r-riformi tas-sistemi edukattivi u dawk tat-taħriġ; Jirrimarka, barra minn hekk, li sabiex ikun hemm rabta mill-ġdid ma’ organizzazzjonijiet sportivi fil-livell lokali, jeħtieġ li l-UE tirrikonoxxi b’mod sħiħ u tisfrutta l-għarfien espert tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili (6);

39.

itenni l-importanza li jinħoloq qafas komuni għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni informali u mhux formali sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ proċeduri nazzjonali rilevanti;

40.

jappoġġja bil-qawwa t-tisħiħ tal-programm Erasmus + bil-għan li jkun irduppjat in-numru ta’ parteċipanti, jintlaħqu persuni li qed jitgħallmu minn sfondi żvantaġġati sal-2025 u li jiġi estiż lejn it-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità tal-edukaturi sabiex jiggarantixxi l-mobilità għall-istudenti kollha taħt kundizzjonijiet ugwali, irrispettivament minn fejn jgħixu, inklużi dawk minn żoni remoti, insulari u tar-reġjuni l-aktar imbiegħda;

41.

jirrakkomanda li sabiex jiġu miġġielda l-kampanji ta’ diżinformazzjoni u x-xejra ta’ aħbarijiet foloz, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jiġu mħeġġa u megħjuna biex jirreaġixxu malajr u biex b’mod proattiv jipprovdu data relevanti f’mod komprensiv. Mekkaniżmi aħjar biex jindirizzaw il-mistoqsijiet u t-tħassib taċ-ċittadini jistgħu wkoll jiġu implimentati bl-għajnuna ta’ teknoloġiji moderni tal-Internet;

42.

jirrimarka li sabiex jingħata aċċess ugwali għar-riżorsi tal-Erasmus+, kull ċittadin Ewropew għandu jkollu aċċess indaqs għall-informazzjoni u l-appoġġ. Għalhekk, għandhom isiru arranġamenti speċjali sabiex jintlaħqu studenti minn ambjenti żvantaġġati. Meta l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw il-possibilità biex jgħinu liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet mill-komunità tagħhom biex jipparteċipaw fil-programm, ikun hemm potenzjal li jingħata appoġġ biex l-Erasmus+ jiġi estiż b’mod sostenibbli u effiċjenti;

43.

jirrakkomanda attivitajiet immirati lejn iż-żieda tal-kapaċità amministrattiva tal-uffiċċji tal-Erasmus+ eżistenti, bħal skambji tal-persunal għal perjodu qasir, ġranet ta’ informazzjoni amministrattiva u oħrajn meqjusa meħtieġa, sabiex jitnaqqas id-distakk fl-amministrazzjoni tal-Erasmus+ fl-istituzzjonijiet edukattivi differenti li min-naħa tiegħu jwassal għal inugwaljanza fl-opportunitajiet għall-istudenti ta’ dawk l-istituzzjonijiet;

44.

jissuġġerixxi l-inklużjoni ta’ attivitajiet li jagħmlu parti mill-qasam tax-xjenza mill-pubbliku u mill-ħsieb filosofiku relatat fl-ambitu ta’ Erasmus +, minħabba r-rilevanza tagħhom għat-tagħlim tul il-ħajja, l-abbiltà li jibnu mudelli qawwija tal-pari u l-importanza tagħhom biex jippromovu x-xjenza, ix-xjenzi umanistiċi, ix-xjenzi soċjali u t-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika;

45.

jirrimarka li t-tagħlim tul il-ħajja jinkludi, imma mhuwiex ekwivalenti għall-edukazzjoni għall-adulti. L-edukazzjoni għall-adulti tindirizza l-ħtiġijiet edukattivi li jirriżultaw mit-trasformazzjoni fil-ħidma għal espansjoni tal-popolazzjoni adulta, kif ukoll għarfien u ħiliet soċjali fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja. Dan jiddependi fuq attitudni ta’ stħarriġ kontinwu u l-kisba tal-għarfien u l-eċċellenza li jistgħu jiġu kkultivati minn kmieni sa mill-edukazzjoni primarja (jew qabel il-primarja) u għandhom ikunu integrati fl-istadji kollha tal-edukazzjoni;

46.

huwa konxju li t-tisħiħ ta’ Erasmus+ ser jeħtieġ finanzjament ambizzjuż u proċeduri aktar sempliċi sabiex jinkisbu l-objettivi tal-programm; f’dak ir-rigward jagħraf li r-Renju Unit attwalment huwa parteċipant prinċipali fil-programm u għalhekk jappella għan-negozjati li għaddejjin sabiex l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni tar-Renju Unit ikunu jistgħu jkompli jipparteċipaw fil-programmi ta’ kooperazzjoni Ewropej wara l-2020 bl-istess mod kif diġà jagħmlu l-Istati Membri oħra li mhumiex fl-UE;

47.

appoġġja bis-sħiħ miżuri prijoritarji biex jinbnew sistemi inklużivi u konnessi ta’ edukazzjoni għolja u jitlob li tingħata attenzjoni partikulari lill-universitajiet periferiċi u lil dawk ultraperiferiċi u lill-kooperazzjoni transkonfinali. Is-suppożizzjoni sottostanti għandha tkun it-twemmin li l-ebda università ma hija periferali u l-universitajiet kollha huma jew għandhom ikunu wkoll reġjonali;

Politiki ewlenin

48.

jilqa’, b’mod ġenerali, is-suġġerimenti politiċi ewlenin avvanzati mill-Kummissjoni Ewropea u jenfasizza l-importanza li tiġi involuta s-soċjetà Ewropea, b’mod partikolari ż-żgħażagħ u tinstema’ meta jkunu qed jitfasslu r-riformi tal-politika edukattiva u kulturali;

49.

iwissi li t-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-Euronews huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda dan jista’ jkun biss parti waħda minn politika ħafna aktar komprensiva u strateġija dwar il-midja u l-informazzjoni, li jwieġbu għall-iżviluppi soċjali u ġeopolitiċi reċenti.

Brussell, is-17 ta’ Mejju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)   CDR 851/2017 – Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

(1)   COR-2017-03139 – SEDEC-VI/029: L-immodernizzar tal-iskola u tal-edukazzjoni għolja.

(1)  CDR 1319/2017.

(2)  CDR 3141/2017.

(3)  “Reaching out to EU Citizens: a new opportunity” (Mhux disponibbli bil-Malti) (p. 10), minn Luc Van den Brande, membru tal-KtR u Konsulent Speċjali tal-President Juncker dwar il-komunikazzjoni maċ-ċittadini (https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reaching-out-to-citizens-report_en.pdf)

(4)  COM (2018) 236 final.

(5)  https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reaching-out-to-citizens-report_en.pdf

(6)  Van den Brande, Reaching out to EU Citizens: a new opportunity, p. 14 (Mhux disponibbli bil-Malti).