5.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/15


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Insaħħu l-innovazzjoni fir-reġjuni tal-Ewropa: Strateġiji għal tkabbir reżiljenti, inklużiv u sostenibbli

(2018/C 361/04)

Relatur:

Mikel IRUJO AMEZAGA (ES/EA), Kap tad-Delegazzjoni ta’ Navarra fi Brussell

Dokument ta’ referenza:

Insaħħu l-innovazzjoni fir-reġjuni tal-Ewropa: Strateġiji għal tkabbir reżiljenti, inklużiv u sostenibbli

COM(2017) 376 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti bħala katalisti tal-politika għall-innovazzjoni u t-tkabbir

1.

L-Unjoni Ewropea għadha l-akbar suq uniku fid-dinja; madankollu, qegħdin ifeġġu realtajiet ġodda f’kontinenti oħrajn li jġiegħluna niffukaw mill-ġdid il-politika tagħna dwar l-innovazzjoni u t-tkabbir. L-immodernizzar industrijali huwa fundamentali sabiex titjieb il-kompetittività tal-Ewropa;

2.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-livelli kollha tal-governanza jaħdmu flimkien (fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali), u li l-livelli sottonazzjonali jingħataw opportunitajiet u fondi biżżejjed biex jerfgħu r-responsabbiltà għall-iżvilupp potenzjali tagħhom;

3.

jenfasizza li l-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (minn hawn ’il quddiem S3) jaġixxu bħala katalisti tal-politika għall-innovazzjoni u t-tkabbir u huma fattur kruċjali għas-suċċess tal-politika ta’ koeżjoni;

4.

ifakkar il-ħtieġa ta’ ħidma ffukata soda u effiċjenti fuq livell reġjonali għall-iżvilupp tal-S3, f’liema qasam l-UE tista’ tippromovi l-kundizzjonijiet adatti flimkien mal-azzjoni fil-livell nazzjonali;

5.

jenfasizza wkoll li l-S3 ħolqu “kultura ta’ kollaborazzjoni” ġdida fi ħdan ir-reġjuni, peress li huma bbażati fuq proċess kollaborattiv u parteċipattiv bejn l-atturi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni mal-industrija li jiffaċilita l-innovazzjoni mmexxija mid-domanda u s-soluzzjonijiet kollettivi.

6.

jinnota li l-S3 kkatalizzaw l-iżvilupp ta’ ekosistemi ġenwini ta’ innovazzjoni reġjonali. L-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni jiġġeneraw impatti sinifikanti għall-ekonomija u l-kompetittività reġjonali, kif ukoll innovazzjoni eċċellenti qrib iċ-ċittadini skont il-ħtiġijiet lokali tagħhom;

7.

jenfasizza li l-S3 jmorru aktar lil hinn mill-istrateġiji individwali tar-reġjuni u li għandhom jintużaw biex jippromovu politika ta’ innovazzjoni aktar effettiva u jħeġġu l-kooperazzjoni interreġjonali;

8.

jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li kooperazzjoni interreġjonali bbażata fuq l-S3 għandha tgħin biex jinbnew u jiġu mmudellati mill-ġdid il-katini tal-valur tal-UE biex tiġi promossa s-sinerġija tal-investimenti bejn is-settur privat u s-settur pubbliku, biex b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ekonomija kollha tal-UE;

Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Speċjalizzata 2.0 bbażati fuq il-kooperazzjoni interreġjonali

9.

huwa tal-fehma li l-S3 2.0 futura għandha tkun ibbażata fuq il-kooperazzjoni strateġika interreġjonali u r-rabtiet sostenibbli bejn l-ekosistemi reġjonali fl-oqsma prijoritarji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, bħala ċavetta biex jiżdiedu l-kompetittività u r-reżiljenza tar-reġjuni. Għal dan il-għan, Interreg għandha tkun tista’ tiffinanzja attivitajiet bħal proġetti kondiviżi, attivitajiet ta’ dimostrazzjoni, ktajjen ta’ valur ġodda … marbutin ma’ oqsma ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti: dan jgħin lir-Reġjuni biex iwasslu l-ekosistemi tal-innovazzjoni f’dimensjoni Ewropea u jappoġġjaw il-kompetittività tas-suq uniku;

10.

jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-promozzjoni tad-dimensjoni interreġjonali u transkonfinali permezz tal-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ investiment interreġjonali ser tiffaċilita l-espansjoni tal-innovazzjoni reġjonali u lokali. It-taħlita ta’ infrastrutturi teknoloġiċi, industrijali u umani ta’ reġjuni differenti skont is-saħħiet u l-kapaċitajiet tagħhom, tikkontribwixxi biex tiġġenera massa kritika u ekonomiji tal-iskala u, għaldaqstant, għandha l-potenzjal li żżid l-effiċjenza tas-sistemi ta’ riċerka u innovazzjoni;

11.

jikkunsidra li l-kooperazzjoni u l-ħolqien ta’ katini ta’ valur interreġjonali jikkontribwixxu għal aċċess aktar faċli u effiċjenti għall-infrastrutturi tat-teknoloġiji kkombinati u konnessi, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll biex jitnaqqsu r-riskji teknoloġiċi u l-inċertezza fis-settur industrijali;

12.

waqt li l-UE tavvanza fin-negozjati u d-dibattiti dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ġdid għall-2021-2027, dan huwa moment opportun biex nirriflettu fuq it-tip ta’ strumenti li l-UE għandha timplimenta biex tippromovi l-kooperazzjonijiet interreġjonali bbażati fuq l-S3;

13.

huwa tal-fehma li, minħabba l-ħtieġa ta’ ħidma kollaborattiva f’kull livell, mil-livell lokali sa dak Ewropew, għandhom jiġu indirizzati l-isfidi li ġejjin:

tiġi eliminata, fejn ikun possibbli, il-kumplessità u jiżdiedu s-sinerġiji u l-koerenza fil-ġestjoni tal-fondi, bil-għan li tinħoloq ekosistema li tiffaċilita s-sinerġiji bejn il-finanzjament reġjonali u dak Ewropew;

jitnedew strumenti finanzjarji attraenti li jgħinu biex tinħoloq ekosistema ta’ kooperazzjoni interreġjonali;

jinżamm approċċ minn isfel għal fuq li jqis il-ħtiġijiet lokali u l-prijoritajiet relatati tal-S3 biex tiżdied is-sinerġija bejn il-fondi tal-UE;

14.

jirrakkomanda li, fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, l-UE, permezz tal-Kummissjoni u l-JRC, għandha tiftaħ fażi ġdida tal-S3 2.0, ibbażata fuq l-iżvilupp ta’ Proċess ta’ Skoperta Interreġjonali (PSR) li fih ir-reġjuni jiġbru flimkien l-S3 tagħhom billi jinvolvu “l-eliċi tripli interreġjonali”;

15.

il-Proċess ta’ Skoperta Reġjonali għandu jkun ibbażat fuq proċess minn isfel għal fuq fejn l-awtoritajiet reġjonali jaqsmu l-objettivi tagħhom ta’ żvilupp ma’ reġjuni oħrajn tal-UE, ifasslu listi tal-aġenti ta’ żvilupp prinċipali involuti fir-reġjuni tagħhom, janalizzaw b’mod komuni n-nuqqasijiet jew l-isfidi tagħhom u jwettqu eżerċizzju ta’ analiżi dwar l-istrumenti ta’ appoġġ disponibbli għalihom;

16.

huwa tal-fehma li r-reġjuni għandhom jitħeġġu jwettqu eżerċizzju ta’ mmappjar tal-prijoritajiet reġjonali stabbiliti fl-S3 tagħhom u d-diversi skemi finanzjarji jew ta’ investiment fuq livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE (Orizzont 2020, COSME, eċċ.). L-S3 li jinkludu l-eżerċizzji msemmija għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni Ewropea u użati sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, kif ukoll fl-iżvilupp ta’ strumenti ta’ finanzjament adegwati. Dan l-eżerċizzju għandu jikkontribwixxi għat-taħlita possibbli ta’ fondi f’kull livell (lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE) biex jiġu appoġġjati proġetti ta’ dimensjoni interreġjonali;

17.

jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ approċċ minn isfel għal fuq, li jagħti lir-reġjuni l-possibilità li jipprovdu “Punti ta’ Kuntatt S3”. Dawn il-“Punti ta’ Kuntatt S3” għandhom ikunu inkarigati biex jiżviluppaw il-Proċess ta’ Skoperta Reġjonali (PSR), bil-għan li jippromovu l-iżvilupp tal-kooperazzjoni interreġjonali waqt li jinvolvu “l-eliċi tripli interreġjonali”;

18.

jikkunsidra li huwa essenzjali li l-Pjattaforma S3 tingħata biżżejjed mezzi sabiex jiġu żviluppati strumenti ta’ appoġġ fl-implimentazzjoni tal-politiki ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, kif jistgħu jkunu, pereżempju, EYE@RIS3, ICT Monitoring Tool, R&I Regional Viewer jew id-Digital Innovation Hubs. Ifakkar min-naħa tiegħu l-ħtieġa ta’ sistema akbar u aktar effiċjenti għall-ġbir tad-data u statistika fuq livell reġjonali;

Sinerġiji bejn il-fondi tal-UE u l-inizjattivi u finanzjament reġjonali

19.

ifaħħar lill-Kummissjoni talli inkludiet fi ħdan ir-rapport tal-Evalwazzjoni Interna tal-programm Orizzont 2020 (1) il-punt dwar iż-żieda tas-sinerġiji ma’ programmi oħrajn ta’ finanzjament u politiċi tal-UE, b’mod speċjali r-referenza għall-bini ta’ sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-S3;

20.

jikkunsidra li l-S3 għandhom jinkludu min-naħa tagħhom l-objettiv doppju li jinħolqu sinerġiji bejn il-politiki reġjonali ta’ innovazzjoni u żvilupp u l-istrumenti finanzjarji, kif ukoll, fit-tieni lok, li jiġi evitat xogħol doppju. Għaldaqstant, l-għan għandu jkun li jiġu promossi sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) u fondi oħrajn bħal, pereżempju, id-disa’ Programm Qafas futur, u ma’ fondi nazzjonali u reġjonali;

21.

huwa tal-fehma li d-disa’ Programm Qafas għandu jinkludi l-“proċess ta’ skoperta reġjonali” u jappoġġa l-ħolqien, it-tisħiħ u l-internazzjonalizzazzjoni tal-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni. L-appoġġ għar-riċerka kollaborattiva, l-innovazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni huwa valur miżjud ġenwin tal-UE, li għandu jitjieb fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. Barra minn hekk, fil-fondi futuri ta’ riċerka u innovazzjoni (R+I) tal-UE għandha tingħata attenzjoni akbar għall-impatt tal-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni fuq livell territorjali;

22.

jirrikonoxxi li jeżistu ostakli sostanzjali li jagħmlu diffiċli l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE għall-kooperazzjoni interreġjonali u transnazzjonali bħal, pereżempju, in-nuqqas ta’ riżorsi jew ta’ kapaċità amministrattiva, in-nuqqas ta’ eżempji tal-aqwa prattiki, l-inċertezza dwar kif dan għandu jitwettaq, in-nuqqas ta’ referenza għal qafas metodoloġiku, nuqqas ta’ ċarezza dwar l-objettivi, livelli asimetriċi ta’ kompetenza politika, ostakli regolatorji u n-nuqqas ta’ qafas finanzjarju biex tiġi ffaċilitata din il-ħidma;

23.

jipproponi li jiġi stabbilit djalogu strutturat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u l-“atturi tal-ekosistema ta’ innovazzjoni reġjonali” sabiex tiġi ggarantita l-vijabbiltà tal-politiki u l-istrumenti ta’ finanzjament (attwali u ġodda) iddefiniti sabiex jiġu appoġġati l-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni u l-kooperazzjoni interreġjonali tagħhom;

24.

jemmen, min-naħa tiegħu, li għandha titwettaq l-evalwazzjoni tas-Sħubijiet ta’ Innovazzjoni (ERA-NET, JPI, ETP, eċċ.). Is-Sħubijiet jistgħu jkunu forma effettiva biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni, tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, tittejjeb l-innovazzjoni u jiġu indirizzati l-isfidi soċjali, iżda għandhom jiġu ppubblikati studji li juru l-impatt tagħhom;

25.

jirrikonoxxi, ifaħħar u jaqbel mal-isforzi u l-kisbiet imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea, b’mod speċjali permezz tal-Pjattaforma S3, fit-tfassil ta’ studji ta’ żvelar, kif ukoll fl-appoġġ għal żviluppi metodoloġiċi ta’ kooperazzjoni interreġjonali. F’dan is-sens jirrikonoxxi li l-ħolqien ta’ Pjattaformi tematiċi u t-tnedija ta’ Proġetti Pilota ta’ Kooperazzjoni Interreġjonali huma strumenti ta’ demostrazzjoni ta’ valur enormi;

26.

minkejja dak li ntqal qabel, ifakkar li l-ostakli regolatorji u n-nuqqas ta’ qafas finanzjarju jkomplu jillimitaw l-iżvilupp ta’ sistema ġenwina ta’ kooperazzjoni interreġjonali. Fuq il-bażi tal-esperjenza tal-inizjattiva Vanguard, l-isfidi li jassumu r-reġjuni meta jaffrontaw proġett ta’ kooperazzjoni interreġjonali jistgħu jinġabru fi tliet livelli. L-ewwel livell iħaddan attivitajiet inizjali marbuta mal-konfigurazzjoni tal-infrastruttura ta’ demostrazzjoni (ħolqien ta’ netwerks ta’ operaturi reġjonali, is-sejbien ta’ sinerġiji fl-attivitajiet, eċċ.). It-tieni livell jinkludi l-infiq operattiv tal-attivitajiet ta’ demostrazzjoni bbażati fuq l-iżvilupp ta’ proġetti konkreti. It-tielet u l-aħħar livell jinkludi l-infiq marbut mal-produzzjoni industrijali possibbli jew l-aċċess għas-suq tal-prodott jew servizz żviluppat matul il-fażijiet preċedenti, bħala riżultat tal-proġetti ta’ kooperazzjoni interreġjonali, ladarba l-imsemmija attivitajiet ta’ demostrazzjoni jkunu rnexxew, jiġifieri, li jkunu vvalidati u ċċertifikati;

27.

jirrakkomanda li jittieħdu miżuri urġenti sabiex jinħolqu l-istrumenti ta’ finanzjament ad hoc adegwati u flessibbli għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni interreġjonali u li jindirizzaw il-ħtiġijiet tat-tliet livelli msemmija fil-punt preċedenti. Dawn l-istrumenti jistgħu jieħdu l-forma ta’ taħlita ta’ finanzjament (inklużi taħlit ta’ krediti u self, u finanzjament pubbliku u privat f’diversi livelli) bl-użu innovattiv ta’ fondi sabiex jiġu appoġġjati l-proġetti pilota sperimentali ta’ netwerks ta’ kooperazzjoni interreġjonali li jistabbilixxu kuntatt dirett mal-industrija u li għandhom impatt notevoli:

fir-rigward tal-infiq inizjali ta’ attivitajiet marbuta mal-konfigurazzjoni tal-infrastruttura ta’ demostrazzjoni (l-ewwel livell) nirrakkomandaw li l-fondi eżistenti tal-UE jikkomplementaw l-investimenti pubbliċi-privati ddestinati għal infrastrutturi ta’ innovazzjoni fil-qafas ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni interreġjonali. Bl-istess mod, jirrakkomanda l-użu aktar flessibbli ta’ Interreg sabiex jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ katini ta’ valur industrijali. Huwa jirrakkomanda wkoll l-estensjoni tal-approċċ taċ-“Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali” għal oqsma industrijali u teknoloġiċi oħrajn;

fir-rigward tal-infiq operattiv tal-attivitajiet ta’ demostrazzjoni bbażati fuq l-iżvilupp ta’ proġetti konkreti (it-tieni livell), jirrakkomanda li l-pajjiżi/reġjuni, li jixtiequ dan, jaħsbu għall-mezzi għall-iżvilupp ta’ sistema ta’ kupuni li tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-impriżi tagħhom fir-rigward ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni interreġjonali. L-għan ta’ dawn il-kupuni huwa li jingħata kumpens għall-ispejjeż imġarrba fit-tfassil tal-proġett ta’ kooperazzjoni interreġjonali (żjarat lil installazzjonijiet ta’ demostrazzjoni f’reġjuni oħrajn, studji tal-komplementarjetà, tfassil ta’ studji u pjani ta’ proġetti, eċċ.). Is-sistema ta’ kupuni interreġjonali tista’ tkun ikkomplementata b’mekkaniżmi ta’ kofinanzjament (pereżempju, il-Fond Ewropew tal-Investiment) sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-impriżi għal servizzi u infrastruttura extrareġjonali. L-UE ser twettaq ir-rwol ta’ katalizzatur u appoġġ għall-Awtoritajiet Reġjonali ta’ Ġestjoni (pereżempju għas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni miftiehma b’mod komuni jew għall-evalwazzjoni u l-awditu tal-infiq extrareġjonali);

fir-rigward tal-investimenti jew l-infiq meħtieġa b’rabta mal-produzzjoni industrijali possibbli jew l-aċċess għas-suq tal-prodott jew servizzi żviluppati (livell tlieta), jirrakkomanda l-espansjoni ta’ strumenti bħal, pereżempju, InnovFin;

28.

jivvaluta b’mod ferm pożittiv l-emendar jew is-semplifikazzjoni tal-Artikoli 65.1 u 70 tar-Regolament Qafas dwar Fondi Strutturali, u jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-użu tal-FEŻR fil-kooperazzjoni interreġjonali huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-S3 2.0 futura. Minkejja dak li ntqal qabel, isejjaħ għal qafas legali favorevoli għall-perjodu finanzjarju li jmiss, li jippromovi s-sinerġija u t-taħlit possibbli ta’ fondi f’kull livell (lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE) għall-appoġġ għal proġetti ta’ dimensjoni interreġjonali.

Brussell, is-16 ta’ Mejju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COM(2018) 2 final.