23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/29


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Suq Uniku Diġitali: Rieżami ta’ nofs it-terminu

(2018/C 176/08)

Relatur:

Alin-Adrian NICA (RO/ALDE), Sindku ta’ Dudeștii Noi

Dokumenti ta’ referenza:

Analiżi ta’ nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali – Suq Uniku Diġitali Konness għal kulħadd

COM(2017) 228 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li, f’nofs l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, impenjat ruħha li tirrapporta dwar il-progress tagħha, f’inizjattiva li hija estremament utli biex jiġi identifikat il-progress li sar s’issa u jiġu identifikati l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġu rispettati l-impenji li ttieħdu u l-oqsma li jeħtieġu aktar sforz u aktar miżuri;

2.

jerġa’ jafferma l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rwol li jaqdu sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, minħabba li huma jirrappreżentaw l-ixprun tat-tkabbir ekonomiku fil-livell lokali u reġjonali u jistgħu jiġġeneraw, jużaw u jġestixxu bosta prodotti u servizzi diġitali;

3.

ifakkar fl-appoġġ għall-iżvilupp tal-komunikazzjoni elettronika fis-suq intern, bil-għan li jitħeġġeġ tkabbir dinamiku u sostenibbli fis-setturi kollha tal-ekonomija u, f’dan il-kuntest, jenfasizza r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-potenzjal tagħhom għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea;

4.

josserva li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti biex jipprovdu servizzi diġitali liċ-ċittadini u biex jinstallaw u jġestixxu l-infrastruttura diġitali, spiss f’kuntest ta’ kooperazzjoni transkonfinali jew interreġjonali; dawn is-servizzi jirrikjedu miżuri immedjati, sabiex isegwu modifiki bbilanċjati f’dak li għandu x’jaqsam mal-ostakli għal attività transkonfinali onlajn, inklużi d-differenzi li jeżistu bejn il-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-amministrazzjoni, ta’ kuntratti u d-drittijiet tal-awtur (1);

5.

jirrakkomanda li jinħolqu l-kundizzjonijiet adatti li jiffaċilitaw il-konnessjoni taż-żoni ġeografiċi kollha għas-servizzi tal-broadband li, fuq perjodu twil ta’ żmien, ser ikunu effettivi f’ambjent kompetittiv, u jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tirrapporta regolarment, fil-kuntest tal-ikkompletar tas-suq uniku diġitali, dwar il-progress li jsir biex jingħalaq id-distakk diġitali, speċjalment fil-livell reġjonali u lokali (2);

6.

jenfasizza l-importanza li jiġu koperti l-aspetti kollha tal-interoperabbiltà u l-identifikazzjoni elettronika, il-firma elettronika, il-ġestjoni elettronika tad-dokumenti u aspetti oħrajn tal-governanza elettronika, abbażi tal-mudelli applikati f’pajjiżi/reġjuni li wrew progress kbir f’dan il-qasam, u b’hekk jiġu żgurati s-sigurtà u l-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji;

7.

jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà hija opportunità għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari fir-reġjuni remoti u fir-reġjuni bi sfidi demografiċi;

8.

jappoġġja li jiġi modernizzat il-qafas legali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fid-dawl tar-rivoluzzjoni diġitali u l-bidla fl-imġiba tal-konsumaturi u jinsisti fuq ir-rwol ewlieni li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-potenzjal tagħhom għall-armonizzazzjoni ta’ dawn id-drittijiet;

9.

jafferma mill-ġdid l-importanza ta’ investiment fir-riċerka tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) sabiex jiġu żgurati l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ negozji ġodda u jinnota li l-użu tal-ICT fl-innovazzjoni jista’ jindirizza sfidi soċjoekonomiċi ewlenin (3);

10.

jipproponi li tiġi kkunsidrata l-opportunità li tiġi applikata sistema ta’ tassazzjoni fuq id-dħul minn bejgħ onlajn transkonfinali, ibbażata fuq l-ekwità u l-oġġettività, li twassal sabiex jintlaħaq livell uniformi ta’ taxxi mħallsa mill-intrapriżi li jwettqu attivitajiet relatati mal-kummerċ elettroniku fit-territorju kollu tal-UE, u b’hekk jiġu stimolati l-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi, b’mod partikolari dawk tal-SMEs;

Iċ-ċibersigurtà u t-titjib tal-mezzi kontra l-inċidenti ta’ ċibersigurtà

11.

jenfasizza li l-istrateġija l-ġdida taċ-ċibersigurtà mnedija mill-Kummissjoni Ewropea għandha tgħin biex jittejbu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi u, għal dawk l-iżjed serji, jittrawwem skambju aħjar tal-informazzjoni u koordinazzjoni iżjed effettiva bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Sabiex issir din il-ħidma, jinħtieġ li s-sħubijiet bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom (4);

12.

jappella biex jiġu żviluppati regoli, strumenti u mekkaniżmi li jiżguraw is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni u jkunu kapaċi jlaħħqu mal-pass mgħaġġel tal-iżvilupp fit-theddid ċibernetiku, bil-ħsieb li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha;

13.

jenfasizza li l-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà fil-ħżin u l-aċċess tad-data u għadd dejjem jiżdied ta’ attakki ċibernetiċi fuq infrastruttura urbana importanti u fuq sistemi tal-ġestjoni tal-belt isejħu għal sett usa’ ta’ interventi sistemiċi u koordinati li jkopru l-mitigazzjoni, il-prevenzjoni, u jiżguraw l-implimentazzjoni kemm permezz ta’ inizjattivi mmexxija mis-suq u kif ukoll regolamentazzjoni mmexxija mill-gvern u l-infurzar. Taħriġ avvanzat tas-sigurtà għandu jiġi żviluppat u implimentat ukoll fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż dawk involuti fl-akkwist elettroniku, fit-tnedija u fit-tħaddim ta’ kuljum tat-teknoloġiji tal-bliet intelliġenti;

14.

jinnota li sabiex jintlaħqu l-miri tas-suq uniku diġitali jeħtieġ li l-valuri, is-soċjetà u l-ekonomiji nazzjonali jkunu protetti kontra l-effetti negattivi ta’ attakki ċibernetiċi u li jiġu rispettati l-valuri fundamentali, bħal-libertà tal-espressjoni, id-dritt għal ħajja privata u l-promozzjoni tal-użu miftuħ, ħieles u trasparenti taċ-ċiberteknoloġiji;

15.

jagħraf il-periklu li jirrappreżentaw l-inċidenti ċibernetiċi transkonfinali, li attwalment qed jevolvu b’pass allarmanti f’termini ta’ frekwenza u tal-livell ta’ riskju li dawn jippreżentaw. Minħabba li dawn it-theddidiet fil-post tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni jistgħu jimpedixxu l-funzjonament tal-attivitajiet ekonomiċi u joħolqu telf finanzjarju konsiderevoli, li jdgħajjef il-fiduċja tal-utenti u jikkawża danni kbar għall-ekonomija tal-UE, il-Kumitat jappella għal intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-inċidenti ċibernetiċi transkonfinali kbar;

16.

huwa konvint li jeħtieġ li tissaħħaħ il-fiduċja tal-utenti fis-servizzi elettroniċi, filwaqt li jiġi żgurat li jkunu infurmati bid-drittijiet tagħhom u jkunu protetti meta joperaw f’ambjent onlajn, u fl-istess ħin, li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali jkunu garantiti;

17.

jaqbel mal-ħolqien ta’ Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-sigurtà ċibernetika b’mod li hija jkollha kapaċità operattiva sħiħa u li tingħata qafas operazzjonali stabbli, li tkopri ċ-ċiklu kollu tal-ħajja fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-IT, u tkun responsabbli mill-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ inċidenti ta’ ċibersigurtà, u r-riżoluzzjoni tagħhom;

18.

jappoġġja l-proposta biex jinżamm amministrattivament u jiġi ġestit teknikament qafas Ewropew għaċ-ċertifikazzjoni globali tas-sigurtà fil-qasam tal-ICT, li jkun ibbażat fuq is-sistemi eżistenti ta’ ċertifikazzjoni fil-qasam tas-sikurezza u jkun rikonoxxut mill-Istati Membri kollha tal-UE;

19.

jirrakkomanda sforzi ulterjuri fil-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi billi jiġu implimentati miżuri ta’ sigurtà bl-għan li jtejbu l-ħarsien tal-infrastrutturi kritiċi, b’tali mod li ċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw minn ambjent diġitali sigur u affidabbli u, fl-istess ħin, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-valuri ewlenin l-oħrajn tal-UE, f’qafas legali xieraq;

L-iżvilupp ta’ pjattaformi onlajn

20.

jenfasizza r-rwol li l-pjattaformi onlajn jista’ jkollhom biex jiffaċilitaw diskussjonijiet dwar suġġetti ta’ interess komuni u rilevanti dwar l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-netwerks ta’ veloċità kbira f’diversi reġjuni u territorji tal-UE;

21.

jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ “ċentri tal-innovazzjoni diġitali” u jitlobha sabiex tieħu ħsieb tiżgura bilanċ ġeografiku fl-allokazzjoni tal-fondi (5);

22.

jirrimarka li huwa meħtieġ li jinbnew netwerks broadband b’veloċità għolja, bħala mezz kif jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u ekonomiċi attwali u biex jintegraw il-popolazzjoni f’soċjetà bbażata fuq l-għarfien;

23.

l-użu tan-netwerk u s-servizzi disponibbli fih huma fatturi tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, barra mill-ugwaljanza soċjali u aċċess ugwali għall-informazzjoni. L-aċċess għall-Internet jista’ jkun dritt ġenwin ta’ ċittadin u indikatur tal-kwalità ta’ ħajja;

24.

josserva l-influwenza dejjem akbar tal-pjattaformi onlajn (magni ta’ tiftix, pjattaformi soċjali, l-app stores, eċċ.) fil-qafas tal-ekonomija bbażata fl-internet;

25.

jirrakkomanda li n-netwerks jinbnew f’perspettiva ta’ sostenibilità u effiċjenza. It-twettiq ta’ netwerk ta’ veloċità kbira b’livell tajjeb ta’ kopertura jeħtieġ investimenti sinifikanti u fit-tul fl-infrastruttura, u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu strumenti li jiffaċilitaw l-aċċess għan-netwerk għal impriżi privati fiż-żoni rurali;

26.

jipproponi li tingħata iktar attenzjoni biex tiġi żgurata effikaċja akbar fl-allokazzjoni ta’ meded tal-ispettru tar-radju u sabiex jitħeġġu investimenti privati, supplimentati minn dawk tal-pubbliku sabiex jinkisbu l-għanijiet relatati mas-sistemi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, filwaqt li tiġi evitata l-monopolizzazzjoni tan-netwerks;

27.

iqis li huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozju fil-post tal-użu tas-servizzi elettroniċi, billi tiġi pprovduta f’kull ħin informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u jkun żgurat livell adatt ta’ protezzjoni meta jkunu onlajn u jitlob miżuri effettivi biex jitneħħa l-kontenut illeċitu li jkunu esposti għalih;

28.

jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li f’ħafna każijiet huma responsabbli għall-iskejjel u l-istabbilimenti edukattivi u partijiet interessati oħra jipprovdu rispons koordinat, sabiex jiġu appoġġjati l-isforzi biex jittejjeb il-livell tal-ħiliet diġitali, u biex jiġi evitat li ċ-ċittadini ma jiġux esklużi mis-soċjetà u l-ekonomija bbażati fuq l-ICT. Jinsisti f’dan ir-rigward fuq l-importanza enormi tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali għaċ-ċittadini, il-ħaddiema u dawk li qed ifittxu x-xogħol, għall-implimentazzjoni komprensiva tad-diġitalizzazzjoni fl-ekonomija u s-soċjetà (6) u jesprimi tħassib dwar il-lakuni persistenti fil-ħiliet diġitali identifikati mill-Kummissjoni;

Jiġi żgurat il-qafas neċessarju għall-funzjonament tal-ekonomija tad-data

29.

jinnota li l-ekonomija li dejjem tinbidel, fil-proċess ta’ diġitizzazzjoni, tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jottimizzaw il-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomija diġitali. Investiment sostanzjali fl-infrastruttura u teknoloġiji tal-ICT huwa meħtieġa, b’mod partikolari fil-cloud computing, il-big data, u r-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex l-industrija ssir aktar kompetittiva u ttejjeb is-servizzi pubbliċi, l-inklużjoni u l-ħiliet. Huwa jappoġġja f’dan il-kuntest, l-inizjattiva tal-Kummissjoni li, sar-rebbiegħa 2018, tressaq, b’segwitu għall-Komunikazzjoni tagħha tal-21 ta’ Settembru 2017 dwar Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali, proposta għal direttiva li tistabbilixxi regoli ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-ekonomija diġitali fil-livell tal-UE (7);

30.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li permezz tal-inizjattiva WiFi4EU, qed titħeġġeġ il-konnettività b’xejn għall-internet għall-utenti tal-komunitajiet lokali, u għalhekk l-investituri privati jkunu stimulati jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-infrastruttura għan-netwerks diġitali;

31.

jappoġġja l-inizjattiva WiFi4EU, li għandu l-ħsieb li jippromovi fil-livell tal-komunitajiet lokali u jixtieq ixandar il-benefiċċji potenzjali tagħha, b’tali mod li fil-mument li titħabbar l-ewwel sejħa għall-proposti, ammont massimu ta’ awtoritajiet pubbliċi Ewropej eliġibbli jkunu diġà lesti biex iressqu l-applikazzjoni tagħhom biex ikollhom aċċess għall-fondi disponibbli;

32.

jinnota r-rwol importanti li t-titjib fil-kwalità tal-broadband se jkollu fl-iżvilupp tan-netwerks 5G, li se jkollu impatt fuq id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà, kif ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi diġitali innovattivi u kompetittivi, u b’hekk jiġu pprovduti benefiċċji soċjoekonomiċi fit-tul, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll tal-koeżjoni. Itenni f’dan ir-rigward l-appell tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkompleta l-istandardizzazzjoni tal-5G malajr kemm jista’ jkun, peress li l-istandards huma ta’ importanza kbira għall-kompetittività u l-interoperabbiltà tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni;

33.

jinnota l-problemi li jeżistu fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi transkonfinali mill-perspettiva tal-konsumaturi li jixtiequ li jkollhom aċċess għal servizzi minn Stat Membru ieħor milli dak li fih ikunu jirrisjedu;

34.

jenfasizza l-impatt pożittiv li ser tipproduċi l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi elettroniċi, minħabba li l-utenti jistgħu, kemm f’pajjiżhom kif ukoll meta jkunu qed jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor, jaċċessaw kontenut onlajn li jkunu abbonati fih;

35.

jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għaċ-ċittadini kollha tal-UE għas-servizzi onlajn li huma disponibbli fi Stati Membri oħra, b’tali mod li tissolva l-problema tal-blokok ġeografiċi u jistieden li jiġu eliminati d-diskriminazzjonijiet mhux ġustifikati bejn il-konsumaturi f’pajjiżi differenti tal-UE;

36.

jappoġġja l-projbizzjoni fuq l-imblukkar tal-aċċess għal siti web u interfaċċi onlajn oħrajn skont ir-residenza tal-klijent, kif ukoll rerouting tal-konsumaturi minn verżjoni nazzjonali għal oħra, peress li kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozjanti, bħala utenti aħħarin ta’ prodotti jew servizzi, huma affettwati minn dawn il-prattiki. Ir-rerouting tal-klijent għandu jseħħ biss bil-kunsens tiegħu, u jirrikjedi wkoll li n-negozjanti jżommu aċċessibbli b’mod faċli l-verżjoni tal-interfaċċi onlajn li l-konsumatur kien fittex li jaċċessa qabel ma kien hemm ir-rerouting;

37.

jenfasizza l-iżbilanċ attwali bejn l-interessi ta’ dawk li joħolqu l-kontenuti diġitali u dawk tal-konsumaturi u josserva li hemm lok li tiġi mmodernizzata l-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali;

38.

jinnota li l-iżviluppi diġitali, bħas-servizzi tal-Cloud jew l-istreaming, jirrappreżentaw sfidi enormi speċjalment fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur (8);

39.

jinkoraġġixxi użu aktar intensiv tal-applikazzjonijiet ta’ cloud computing, sabiex ikun hemm aċċess għall-infrastrutturi tad-data Ewropej, dinjija, eċċ., li huma essenzjali għat-twettiq ta’ attivitajiet f’oqsma differenti. Dan l-aċċess għall-infrastrutturi tad-data għandu jseħħ f’kundizzjonijiet ta’ livell għoli ta’ sigurtà, ta’ portabbiltà tad-data u ta’ interoperabbiltà;

Garanzija tal-protezzjoni tad-data personali

40.

jenfasizza r-responsabbiltà prinċipali tal-awtoritajiet indipendenti inkarigati mill-protezzjoni tad-data personali;

41.

jikkunsidra li jeħtieġ li l-istrateġija tal-protezzjoni tad-data personali tiġi adattata għall-bżonnijiet dinamiċi tal-ispazju virtwali, li qed jinbidel il-ħin kollu, waqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-protezzjoni tad-data hija kwistjoni li għandha ramifikazzjonijiet f’diversi setturi, bħalma huma, fost oħrajn, il-ġustizzja, l-ekonomija, il-komunikazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-amministrazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur;

42.

japprezza li l-Kummissjoni ħalliet ċerta libertà lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-derogi fl-użu ta’ xogħlijiet protetti għal skopijiet edukattivi. B’dan il-mod jiġu rispettati l-identitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll, konsegwentement, il-preżenza ta’ tipi partikolari ta’ liċenzji li jkunu oriġinaw minn kuntesti soċjali u politiċi differenti (9);

43.

isostni li, fit-tul, huwa mixtieq allinjament tal-qafas regolatorju tal-kumpens ta’ awturi, dawk li joħolqu kontenut u artisti (10);

Kamp ta’ applikazzjoni fil-livell lokali u reġjonali / Sinifikat għall-KtR

44.

iqis li l-bliet u r-reġjuni għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-ħolqien ta’ bażijiet tad-data li fihom informazzjoni pubblika, il-forniment ta’ elementi ta’ sigurtà, l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali meħtieġa, l-iżgurar u l-iffaċilitar tal-finanzjament ta’ netwerks tal-broadband u l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iskambju transreġjonali u transkonfinali tas-servizzi onlajn, skambji li jistgħu joffru għajnuna sostanzjali biex ikun hemm prestazzjonijiet ta’ livell għoli u ekonomija xprunata mid-data;

45.

jinnota li fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KtR enfasizza kemm-il darba l-kontribut li l-livell lokali u reġjonali jista’ jagħmel f’kull stadju tal-ġbir tad-data u tal-provvista tas-servizzi liċ-ċittadini u lill-kumpaniji. Dan jidher ukoll fil-prattika: l-Ewropa toffri diversi eżempji, fir-rigward tal-kooperazzjoni potenzjali bejn ir-reġjuni, l-awtoritajiet nazzjonali u ċ-ċentri ta’ riċerka fil-qasam tas-Suq Uniku Diġitali;

46.

jenfasizza l-funzjoni importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jwettqu biex jinkoraġġixxu l-armonizzazzjoni tad-data u l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija diġitali, b’mod li dan l-aspett għandu jiġi kkunsidrat meta titnieda azzjoni fil-livell nazzjonali jew f’dak tal-UE;

L-impatt fuq is-suq uniku diġitali tal-intenzjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea

47.

jinnota li wara l-vot azzjoni tal-poplu tar-Renju Unit biex iħalli l-UE, attwalment in-negozji qed jiffaċċjaw perjodu ta’ inċertezza f’dak li jikkonċerna t-tluq tagħhom mill-UE. Għal dawk li jipprovdu beni jew servizzi onlajn, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut diġitali, il-kwistjoni ewlenija tirrigwarda l-mod kif il-Kummissjoni Ewropea ser tapplika f’dan il-pajjiż l-inizjattiva tas-Suq Uniku Diġitali;

48.

huwa tal-fehma li jekk ir-Renju Unit jaċċetta l-moviment ħieles tal-beni u s-servizzi, is-Suq Uniku Diġitali għandu japplika lil hinn mill-perjodu ta’ sentejn iffissat għan-negozjati dwar il-Brexit.

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  CdR 00039/2016.

(2)  CdR 02646/2015.

(3)  CdR 5559/2013.

(4)  CdR 625/2012.

(5)  CdR 02646/2015.

(6)  CdR 02646/2015.

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KtR COR-2017/01530.

(8)  CdR 02646/2015.

(9)  CdR 05114/2016.

(10)  CdR 00039/2016.