11.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 369/11


P8_TA(2017)0487

Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017: Insaħħu d-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017: Insaħħu d-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku (2017/2069(INI))

(2018/C 369/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Jannar 2017, intitolat “It-Tisħiħ tad-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku” (COM(2017)0030),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2017 mfassal skont l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-progress lejn ċittadinanza effettiva tal-UE 2013-2016 (COM(2017)0032),

wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-2015 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE mmexxija mill-Kummissjoni, u r-riżultati tal-eżerċizzji ta' stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2015 dwar id-drittijiet elettorali u dwar iċ-ċittadinanza,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 9-12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 18-25 tat-TFUE (TFUE) u l-Artikoli 11, 21 u 39 sa 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

wara li kkunsidra r-rispett għall-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-TUE, li jistabbilixxi d-dritt għall-moviment liberu tal-persuni,

wara li kkunsidra d-dritt ta’ petizzjoni stabbilit fl-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-TFUE,

wara li kkunsidra d-dritt ta' petizzjoni stabbilit fl-Artikolu 227 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2016 dwar l-istrateġija għal suq uniku (1) u speċjalment id-dokument dwar ir-riżultati tal-laqgħa informali taċ-Ċentri SOLVIT li saret f'Lisbona fit-18 ta' Settembru 2015 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar “Ir-Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE – Iċ-ċittadini tal-UE: id-drittijiet tagħkom, il-futur tagħkom” (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 2016 dwar “Tagħlim dwar l-UE fl-iskejjel” (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar “Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni: Rapport annwali tal-2014” (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-aspetti transfruntiera tal-adozzjonijiet (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tat-2 ta' Marzu 2017 (7) dwar l-Implimentazzjoni tal-programm “l-Ewropa għaċ-Ċittadini”,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri (riformulazzjoni) (COM(2016)0411),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet dwar l-attivitajiet tal-Grupp ta' ħidma tal-Kumitat dwar Kwistjonijiet marbuta mal-Benessri tat-Tfal, (8) u b'mod partikolari l-konklużjonijiet tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2015 (9),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tat-23 ta' Marzu 2017 (10) u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-1 ta' Ġunju 2017 (11) li tikkonċerna r-rapport mill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2015,

wara li kkunsidra s-seduti ta' smigħ organizzati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2016 u fl-2017, u speċjalment għal: is-seduta konġunta ta' smigħ pubbliku tal-11 ta' Mejju 2017 organizzata b'mod konġunt mill-Kumitati LIBE, PETI u EMPL bit-titlu “Is-sitwazzjoni u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit”; is-smigħ pubbliku tal-11 ta' Ottubru 2016 bit-titolu “Ostakli għal-libertà taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jaħdmu fis-Suq Intern”; is-smigħ pubbliku tal-4 ta' Mejju 2017 bit-titolu “Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-protezzjoni tal-minoranzi”; is-seduta konġunta ta' smigħ pubbliku tal-15 ta' Marzu 2016 organizzata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi u l-Kumitati LIBE, PETI, AFCO u JURI tal-Parlament Ewropew intitolat “iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni fil-prattika”; u s-seduta konġunta ta' smigħ pubbliku dwar l-Apolidija organizzata mill-Kumitati LIBE u PETI fid-29 ta' Ġunju 2017,

wara li kkunsidra s-smigħ tal-Kumitat PETI tat-23 ta' Frar 2016 bit-titolu “Jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (Artikolu 51)?”, is-smigħ tal-21 ta' Ġunju 2016 dwar “It-Trasparenza u l-libertà ta' informazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-UE” u dak tat-22 ta' Ġunju 2017 dwar “Il-kisba mill-ġdid tal-kunfidenza u tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-Proġett Ewropew”, flimkien ma' dawk preċedenti f'dan it-terminu leġiżlattiv dwar id-"Dritt għal Petizzjoni (23 ta' Ġunju 2015) u dwar “L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej” (26 ta' Frar 2015),

wara li kkunsidra l-istudji kkummissjonati fl-2016 u l-2017 mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament fuq talba tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet intitolata “Obstacles to the right of free movement and residence for EU citizens and their families” (“Ostakli għad-dritt tal-moviment liberu u ta' residenza għaċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom”), “Discrimination(s) as emerging from the petitions received” (Id-Diskriminazzjoni/il-każijiet ta' diskriminazzjoni, kif jirriżultaw mill-petizzjonijiet irċevuti"), “The impact of Brexit in relation to the right to petition and on the competences, responsibilities and activities of the Committee on Petitions” (L-impatt tal-Brexit fir-rigward tad-dritt għal petizzjoni u dwar il-kompetenzi, ir-responsabilitajiet u l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet") u “The protection role of the Committee on Petitions in the context of the implementation of the UN Convention on the Rights of Persons with Disabilities” (“Ir-rwol ta' protezzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità”),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġusizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0385/2017),

A.

billi ċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet relatati tagħha kienu inizjalment introdotti fl-1992 mit-Trattat ta' Maastricht u ġew imsaħħa aktar permezz tat-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ f'Diċembru 2009, kif ukoll permezz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

B.

billi l-eżerċitar taċ-ċittadinanza jirrikjedi l-garanzija minn qabel u t-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

C.

billi approċċ olistiku li għandu l-għan li jilħaq l-objettivi stipulati fit-Trattati tal-UE, bħall-impjieg sħiħ u l-progress soċjali, huwa fundamentali biex jippermetti t-tgawdija effettiva tad-drittijiet u tal-libertajiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE;

D.

billi l-aċċess għaċ-ċittadinanza tal-UE jinkiseb permezz tan-nazzjonalità ta' Stat Membru, li huwa rregolat minn liġijiet nazzjonali; billi fl-istess ħin, id-drittijiet u d-dmirijiet joħorġu minn din l-istituzzjoni u huma stabbiliti mid-dritt tal-UE u ma jiddependux fuq l-Istati Membri; billi għal din ir-raġuni huwa daqstant ieħor veru li dawn id-drittijiet u l-obbligi ma jistgħux jiġu limitati b'mod inġustifikat mill-Istati Membri, inklużi l-entitajiet sottonazzjonali tagħhom; billi fil-kuntest tal-aċċess għaċ-ċittadinanza nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu rregolati mill-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk tal-proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni, li t-tnejn huma elaborati sew fil-ġurisprudenza tal-QtĠ; billi skont it-Trattati kull ċittadin tal-UE jrid jirċievi attenzjoni ugwali mill-istituzzjonijiet tal-UE;

E.

billi ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom fiduċja li l-Istati Membri, inklużi l-entitajiet sottonazzjonali, japplikaw kemm id-dritt Komunitarju kif ukoll il-liġijiet nazzjonali tagħhom, li hija prekundizzjoni għall-eżerċitar effettiv tad-drittijiet kollha li jirriżultaw miċ-ċittadinanza Ewropea li huma detenturi tagħha;

F.

billi t-tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-UE jintrabat mat-titjib tal-kwalità tad-demokrazija fil-livell tal-Unjoni, għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali u għall-opportunità li tingħata lil kull ċittadin biex jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

G.

billi kwalunkwe bidla unilaterali tal-fruntiera ta' Stat Membru tikser, ta' mill-inqas, l-Artikoli 2, 3(2) u 4(2) tat-TUE, minbarra li tipperikola t-tgawdija tad-drittijiet kollha li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

H.

billi t-Trattat ta' Lisbona kkonsolida d-drittijiet inaljenabbli u l-garanziji taċ-ċittadinanza tal-UE, li jinkludu, inter alia, il-libertà li wieħed jivvjaġġa, jaħdem u jistudja fi Stat Membru ieħor, li jieħu sehem fil-ħajja politika Ewropea, li jippromwovi l-ugwaljanza u r-rispett għad-diversità u li jkun protett minn diskriminazzjoni, speċjalment dik ipprattikata fuq il-bażi tan-nazzjonalità; billi l-eżerċitar dejjem jiżdied tad-dritt għall-moviment liberu fl-UE matul id-deċennji li għaddew kellu bħala konsegwenza l-iżvilupp ta' familji mħallta b'nazzjonalitajiet differenti, li spiss jinkludu t-tfal; billi filwaqt li din hija xejra tajba għall-konsolidazzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE bħala istituzzjoni fiha nnifisha, din timplika ħtiġijiet speċifiċi u tippreżenta sfidi f'aspetti differenti, inklużi dawk legali;

I.

billi l-prospettiva tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE (Brexit) irrilevat l-importanza tad-drittijiet marbutin maċ-ċittadinanza tal-UE u r-rwol kruċjali tagħhom fil-ħajja ta' kuljum għal miljuni ta' ċittadini tal-UE, u qajmet kuxjenza fl-UE dwar it-telf potenzjali ta' drittijiet involut minħabba l-Brexit fuq iż-żewġ naħat b'kunsiderazzjoni partikolari għat-3 miljun ċittadin tal-UE residenti fir-Renju Unit u l-1,2 miljun ċittadin tar-Renju Unit residenti fl-UE;

J.

billi fid-dawl tal-aħħar avvenimenti fir-Renju Unit, il-kriżi umanitarja tar-refuġjati, il-livelli għoljin ta' qgħad u faqar, u ż-żieda fil-ksenofobija u r-razziżmu fl-UE, dawn qegħdin ipoġġu f'dubju l-fiduċja fis-sistema u fil-proġett Ewropew kollu hemm hu;

K.

billi d-dritt għal moviment liberu u l-eżerċitar tiegħu huma ċentrali għaċ-ċittadinanza tal-UE u jikkomplementaw il-libertajiet l-oħra tas-suq intern tal-UE; billi ż-żgħażagħ Ewropej għandhom qalbhom marbuta, b'mod partikolari, mal-moviment liberu, li qiegħed fl-ewwel post fost iċ-ċittadini tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mar-rikonoxximent u l-popolarità, bħala l-aktar kisba pożittiva tal-UE, wara dik tal-paċi;

L.

billi, hekk kif jixhdu diversi petizzjonijiet irċevuti, il-libertà tal-moviment u l-eżerċitar tagħha nkisru minn diversi Stati Membri li keċċew jew heddew li jkeċċu mit-territorju tagħhom lil ċittadini tal-UE;

M.

billi, kif urew il-petizzjonijiet u l-ilmenti indirizzati lill-Kummissjoni u lil SOLVIT, iċ-ċittadini tal-UE jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet kbar biex igawdu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom minħabba problemi ekonomiċi u tal-impjiegi serji, li ġew iggravati minn piżijiet amministrattivi u burokrazija fl-Istati Membri, u informazzjoni ħażina u/jew nuqqas ta' kooperazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri;

N.

billi l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza, kulur tal-ġilda jew oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew xi opinjoni oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, kif minquxin fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, huwa l-espressjoni primarja taċ-ċittadinanza tal-UE; billi huwa wkoll kruċjali għall-eżerċizzju ta' suċċess tal-libertà ta' moviment, kif muri mill-petizzjonijiet;

O.

billi r-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi huwa wieħed mill-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE, kif minqux fit-Trattati; billi madwar 8 % taċ-ċittadini tal-UE jappartjenu għal minoranza nazzjonali, u madwar 10 % jitkellmu lingwa reġjonali jew minoritarja; billi l-protezzjoni effettiva tal-minoranzi jeħtieġ li tissaħħaħ;

P.

billi t-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-istituzzjonijiet demokratiċi jinkludi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza bejn is-sessi f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

Q.

billi s-sottorappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, b'mod partikolari fl-isfera politika u fil-livell tal-bordijiet fir-rigward ta' negozji, tostakola l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u ddgħajjef l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja demokratika tal-UE;

R.

billi l-parteċipazzjoni u t-tmexxija tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi għadhom affettwati minn diversi ostakli, bħall-persistenza ta' sterjotipi bbażati fuq is-sessi u l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika reċenti flimkien mar-riperkussjonijiet negattivi tagħha fuq il-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

S.

billi għad hemm diskrepanzi kbar f'termini ta' protezzjoni tal-vittmi ta' vjolenza sessista u ta' vjolenza domestika madwar l-UE f'każijiet ta' tilwim transfruntier fil-familji;

T.

billi d-diskriminazzjoni ffaċċjata min-nisa madwar l-UE hija ostaklu għall-ugwaljanza; billi n-nisa jibqgħu sottorappreżentati bħala votanti kif ukoll f'karigi ta' tmexxija, kemm jekk hija kariga eletta, fis-servizz ċivili, fl-akkademja, fil-media kif ukoll fis-settur privat; billi d-diskriminazzjoni multipla mifruxa ffaċċjata min-nisa u l-għadd sproporzjonat ta' nisa li jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali huma ostakli għall-eżerċitar sħiħ tad-drittijiet ta' ċittadinanza tagħhom;

U.

billi d-dritt li ssir petizzjoni lill-Parlament Ewropew, kif stabbilit fl-Artikoli 20 u 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, huwa wieħed mill-pilastri taċ-ċittadinanza tal-UE, huwa kklassifikat bħala t-tieni dritt l-aktar magħruf mid-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE, u jrid joħloq mezz ta' konnessjoni bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej permezz ta' proċess miftuħ, demokratiku u trasparenti;

V.

billi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE jistgħu jiġu ggarantiti permezz ta' approċċ ġdid li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

W.

billi ċ-ċittadini Ewropej huma direttament rappreżentati fil-Parlament Ewropew u għandhom id-dritt demokratiku li joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej u li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej, anke meta jirrisjedu fi Stat Membru ieħor; billi d-dritt tal-vot taċ-ċittadini Ewropej li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-liberta ta' moviment biex jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali mhuwiex iffaċilitat u promoss ugwalment fl-Istati Membri kollha; billi petizzjonijiet varji indikaw l-eżistenza ta' ostakli u nuqqasijiet burokratiċi ta' natura amministrattiva jew xi natura oħra fir-rigward tal-eżerċitar tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali jew reġjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom għal dawk li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor; billi xi ċittadini qed jiġu miċħuda milli jeżerċitaw dan id-dritt demokratiku, bħalma huwa l-każ ta' persuni b'diżabilitajiet fl-Istati Membri li rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (UNCPRD) imma li ma kkonformawx mal-obbligu tagħha li jirriformaw il-liġijiet elettorali tagħhom biex jippermettu lil persuni b'diżabilitajiet li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot;

X.

billi ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jorganizzaw jew jappoġġaw, flimkien ma' ċittadini oħra tal-UE mill-Istati Membri kollha, Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), li għandha tippermettihom jistabbilixxu l-aġenda leġiżlattiva tal-UE; billi l-ECI tikkostitwixxi strument importanti ta' demokrazija diretta li jippermetti liċ-ċittadini jkunu involuti b'mod attiv fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE; billi għandha tkun trasparenti u effettiva; billi l-eżerċitar ta' dan id-dritt ma kienx sodisfaċenti s'issa;

Y.

billi l-ħolqien taż-żona Schengen u l-integrazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-UE saħħew ħafna l-libertà ta' moviment fl-UE u jikkostitwixxu wieħed mill-akbar kisbiet tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; billi fil-konklużjonijiet tiegħu Nru 9166/3/11 u 9167/3/11 tad-9 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkonferma l-konklużjoni b'suċċess tal-proċess ta' evalwazzjoni u t-tħejjija teknika tal-Bulgarija u tar-Rumanija biex jaderixxu għaż-żona Schengen;

Z.

billi s-sigurtà hija waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin taċ-ċittadini tal-UE; billi l-UE jenħtieġ li tagħmel liċ-ċittadini tagħha jħossu li l-libertà tagħhom hija protetta u li s-sigurtà tagħhom hija żgurata fit-territorju tagħha kollu filwaqt li tiżgura li l-libertajiet u d-drittijiet tagħhom ikunu ugwalment irrispettati u protetti; billi t-terroriżmu huwa theddida globali li teħtieġ tiġi indirizzata b'mod effettiv fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE sabiex tiġi żgurata s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej;

AA.

billi skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni (SEC(2011)1556) li takkumpanja l-proposta li twassal għall-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta' April 2015 dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi (12), kważi seba' miljun ċittadin tal-UE jivvjaġġaw jew jgħixu barra mill-UE f'postijiet fejn il-pajjiż tagħhom stess ma jkollux ambaxxata jew konsulat; billi l-għadd ta' ċittadini tal-UE mhux irrappreżentati huwa mistenni li jiżdied għal mill-inqas għaxar miljuni sal-2020; billi ċ-ċittadini tal-UE residenti fit-territorju ta' pajjiż mhux tal-UE li fih ma hemmx rappreżentanza tal-Istat Membru ta' oriġini tagħhom, huma intitolati għall-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk taċ-ċittadini ta' dak l-istat;

1.

Jieħu nota tar-Rapport tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2017, li fih elenku ta' prijoritajiet ġodda skont il-qasam ta' attività għas-snin li ġejjin; ifakkar li l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE hija responsabilità konġunta tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol kruċjali li l-Kummissjoni għandha bħala l-gwardjan tat-Trattati fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 258 sa 260 tat-TFUE; jesprimi l-ħtieġa ta' prijoritajiet li jwieġbu b'mod effettiv it-tħassib taċ-ċittadini u ta' impenji u azzjonijiet konkreti u definiti sew għat-tliet snin li ġejjin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-politika ta' infurzar tad-dritt tal-UE tagħha billi tuża l-mekkaniżmi ta' għodda kollha disponibbli;

2.

Jinnota li d-drittijiet għal petizzjoni, id-dritt li wieħed jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew u d-dritt ta' aċċess għal dokumenti u reġistri huma elementi tanġibbli u fundamentali taċ-ċittadinanza tal-UE u sabiex tiżdied it-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet; għalhekk, jesprimi x-xewqa tiegħu li dawn id-drittijiet jiġu promossi u enfasizzati bħala elementi ewlenin tar-Rapport tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE u jiġu riflessi kif suppost hemmhekk;

3.

Jenfasizza l-fatt li l-eżerċitar effettiv tad-dritt għal petizzjoni ġie ffaċilitat bis-saħħa tal-ipproċessar imtejjeb tal-petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew u t-tnedija lejn l-aħħar tal-2014 tal-portal tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jippermetti li jiġu ppreżentati petizzjonijiet b'mod mhux ikkumplikat u ġestiti b'mod iktar effiċjenti, kif spjegat ukoll fir-Rapporti Annwali rispettivi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jitlob għall-konklużjoni mingħajr dewmien tal-implimentazzjoni tal-passi li jmiss tal-proġett kif previst, peress li dan jippermetti segwitu ħafna aktar interattiv tal-proċess tal-petizzjonijiet mill-petizzjonanti u mis-sostenituri;

4.

Jenfasizza li l-eżerċitar b'suċċess tad-drittijiet taċ-ċittadinanza jippresupponi li d-drittijiet u l-libertajiet kollha li huma minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE huma rispettati mill-Istati Membri; Jisħaq fuq il-fatt li l-adozzjoni ta' governanza demokratika u parteċipattiva, l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza u l-involviment dirett taċ-ċittadini kollha fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, finalment isaħħu ċ-ċittadinanza tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw aħjar liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u jiffaċilitaw l-aċċess ugwali ta' dawn id-drittijiet u r-rispett ugwali għalihom kemm fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom kif ukoll fi Stati Membri oħrajn; jenfasizza n-nonparteċipazzjonijiet eżistenti minn partijiet tat-Trattati tal-UE minn xi Stati Membri li jirriżultaw f'differenzi de facto fid-drittijiet taċ-ċittadini;

5.

Jesprimi dispjaċir qawwi dwar il-fatt li għal kważi għaxar snin sa issa ma sar l-ebda progress fl-adozzjoni tad-Direttiva kontra d-Diskriminazzjoni fl-UE kollha; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u speċjalment lill-Istati Membri biex jerġgħu iniedu, bħala kwistjoni ta' prijorità assoluta, in-negozjati rilevanti; jinnota l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġja b'mod attiv il-konklużjonijiet ta' dawn in-negozjati;

6.

Huwa tal-fehma li l-effettività tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-antidiskriminazzjoni jenħtieġ li tiżdied u li l-ostakli li fadal jitneħħew; jirrakkomanda li l-Kummissjoni taġġorna l-ewwel żewġ direttivi kontra d-diskriminazzjoni, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, biex tallinjahom mal-verżjoni attwali tat-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

7.

Jirrikjedi l-adozzjoni ta' qafas regolatorju effiċjenti u miżuri ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jiġu assigurati livelli għolja ta' protezzjoni soċjali, b'mod speċjali fil-postijiet tax-xogħol stabbli li għandhom remunerazzjoni adegwata; jemmen li tali approċċ huwa determinanti biex jiġu rinforzati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE;

8.

Jenfasizza li l-miżuri ta' awsterità adottati fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri żiedu l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, li b'hekk illimitaw b'mod serju l-eżerċitar konkret tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE;

9.

Ifakkar fl-emendi adottatitiegħu fl-14 ta’ Settembru 2017 (13) u l-proposta tal-Kummissjoni dwar direttiva komprensiva dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-prodotti u s-servizzi (COM(2015)0615), inklużi mezzi ta' trasport differenti; jirrakkomanda li l-leġiżlaturi jħaffu l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni ta' Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità; jilqa' l-ftehim interistituzzjonali li ntlaħaq għall-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Marrakexx fil-liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, li ġie promoss mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet sa mill-2011, u jtenni t-talba tiegħu għal ratifika rapida tat-Trattat ta' Marrakexx mill-UE u l-Istati Membri tagħha; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u jiffirmaw il-Protokoll tagħha; jappoġġa l-estensjoni tal-użu ta' karta tad-diżabilità tal-UE, rikonoxxuta b'mod reċiproku, għal kemm jista' jkun Stati Membri; iħeġġiġhom jiffaċilitaw il-mobilità tal-persuni b'diżabilità u l-limitazzjonijiet funzjonali fl-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb l-aċċessibilità għas-siti web tal-UE għall-persuni b'diżabilità;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi iktar attivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI u biex tiġġieled l-omofobija billi tiddefinixxi azzjoni konkreta li għandha tittieħed fil-livelli nazzjonali u Ewropej; jistieden fl-istess ħin lill-istituzzjonijiet tal-UE jimmonitorjaw id-drittijiet ta' persuni LGBTI mill-qrib u jippromwovu r-rikonoxximent tad-drittijiet transfruntiera għal persuni LGBTI u l-familji tagħhom fl-UE;

11.

ifakkar li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jista' jiġi implimentat biss permezz ta' ugwaljanza strateġika bejn is-sessi fil-politiki kollha tal-UE, inkluż permezz tal-Impenn Strateġiku tagħha għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-aċċess sħiħ għas-servizzi tal-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri effettivi sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni u jiġu miġġielda d-dikjarazzjonijiet diskriminatorji li jsofru n-nisa fl-UE u li jħeġġu l-isterjotipi tas-sessi; itenni l-ħtieġa ta' investiment fl-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u dik ċivika u l-edukazzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa kollha; jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-distakk fil-pensjonijiet fl-UE, li jimminaw il-possibilità ta' awtonomija ekonomika ġenwina għal miljuni ta' nisa; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, u jitlob għal aktar azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tagħhom.

12.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex l-UE tiffirma u tikkonkludi l-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jiddispjaċih, madankollu, li l-limitazzjoni għal żewġ oqsma – kwistjonijiet relatati ma' kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, u l-asil u n-non-refoulement – tqajjem inċertezzi legali dwar l-iskop tal-adeżjoni tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaċċeleraw in-negozjati dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jistieden lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw malajr din il-Konvenzjoni, u lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa; jilqa' l-preżentazzjoni tal-pakkett dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mill-Kummissjoni, u jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jwettqu dawn il-miżuri malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu d-dħul u r-rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija u biex jieħdu azzjoni speċifika ħalli jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' ċittadini vulnerabbli li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla intersezzjonali, b'tali mod li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta' ċittadinanza tagħhom, pereżempju permezz ta' strateġiji xierqa; jistieden lill-Kunsill iżid l-isforzi tiegħu biex terġa' titnieda d-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet; jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tadotta l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 tagħha, bħala komunikazzjoni;

13.

Ifakkar li l-minoranzi tradizzjonali ilhom jikkoeżistu għal sekli sħaħ ma' kulturi ta' maġġoranza fil-kontinent tal-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE jkollhom rwol aktar attiv fil-ħarsien tal-minoranzi, billi jippromwovu laqgħat, seminars u riżoluzzjonijiet dwar sensibilizzazzjoni kif ukoll passi amministrattivi konkreti fl-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li l-UE għandha tistabbilixxi standards għoljin għall-protezzjoni tal-minoranzi, li jibdew bl-istandards ikkodifikati fi strumenti legali internazzjonali, bħal dawk tal-Kunsill tal-Ewropa, u li dawn l-istandards għandhom jiġu inkorporati b'mod sħiħ f'qafas legali li jiggarantixxi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-UE kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw għalkollox il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji mingħajr aktar dewmien u biex jimplimentaw it-Trattati in bona fede; ifakkar, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu implimentati l-prinċipji żviluppati fil-qafas tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE); jiddeplora kwalunkwe retorika li tinċita diskriminazzjoni abbażi ta' nazzjonalità; iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema u biex jippromwovu kultura ta' diversità lingwistika fl-Istati Membri kollha u l-UE kollha kemm hi, lil hinn mill-konfini ta' lingwi uffiċjali tal-UE, billi kemm it-Trattati kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE għandhom referenzi għall-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u tad-diskriminazzjoni pprattikata abbażi ta' lingwa;

14.

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-għadd ta' persuni Rom fl-Ewropa, li huma vittmi ta' reġistrazzjoni tat-twelid diskriminatorja, u li għalhekk ma għandhom l-ebda dokumenti ta' identità u huma mċaħħda l-aċċess għal servizzi bażiċi essenzjali fil-pajjiż ta' residenza tagħhom, u konsegwentement, huma wkoll miċħuda l-aċċess tagħhom għal kwalunkwe dritt fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri korrettivi immedjati f'dan ir-rigward biex jissalvagwardjaw it-tgawdija tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom u d-drittijiet kollha pprovduti miċ-ċittadinanza tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u timmonitorja s-sitwazzjoni fl-Istati Membri u tibda l-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-persuni li ċ-ċittadinanza tagħhom ma ġietx rikonoxxuta u li ma għandhom l-ebda aċċess għal dokumenti ta' identità;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu miżuri speċifiċi għat-tneħħija ta' ostakli għall-moviment liberu, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-15 ta' Marzu 2017 dwar l-ostakli għal-libertà taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jaħdmu fis-Suq Intern (14) u tat-28 ta' April 2016 dwar is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE abbażi ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew (15);

16.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod regolari l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE fl-Istati Membri u tieħu l-miżuri xierqa biex tneħħi l-ostakli potenzjali għal-libertà ta' moviment; jilqa' l-għodda ta' tagħlim elettroniku dwar id-dritt għall-moviment liberu ta' ċittadini tal-Unjoni, li tgħin lill-amministraturi lokali biex jifhmu aħjar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-moviment liberu.

17.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħmel sorsi multipli ta' informazzjoni u għajnuna dwar l-UE u d-drittijiet li tagħti liċ-ċittadini tagħha, bħalma hu n-netwerk Europe Direct, il-portal Your Europe u l-portal tal-ġustizzja elettroniku, disponibbli u aktar aċċessibbli, sabiex l-individwi jiġu informati aħjar dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE; jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni għal Portal Diġitali Uniku li jagħti liċ-ċittadini aċċess online faċli għal informazzjoni, assistenza u servizzi ta' riżoluzzjoni ta' problemi fir-rigward tal-eżerċitar tad-drittijiet fi ħdan is-suq uniku;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-netwerk SOLVIT billi ttejjeb l-interazzjoni bejn is-servizzi u ċ-ċentri nazzjonali tiegħu bil-għan li tiżgura segwitu aħjar ta' każijiet mhux solvuti u repetittivi kif ukoll artikulazzjoni aktar viċina bejn l-għodod differenti tal-infurzar tad-dritt tal-Unjoni bħall-EU PILOT u CHAP; u fl-istess ħin, jistieden lill-Istati Membri jippromwovu n-netwerk SOLVIT u s-servizzi tiegħu, kif ukoll mekkaniżmi oħrajn ta' rimedju u parteċipazzjoni taċ-ċittadini, fost iċ-ċittadini tal-UE, kemm fil-livell tal-Unjoni (eż. permezz tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, l-Ombudsman Ewropew jew l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej) kif ukoll fil-livell nazzjonali (eż. permezz tal-ombudsman reġjonali jew lokali, kumitati tal-petizzjonijiet jew inizjattivi leġiżlattivi popolari);

19.

Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2017 li torganizza kampanja ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni mal-UE kollha dwar id-drittijiet ta' ċittadinanza tal-UE sabiex tgħin liċ-ċittadini jifhmu aħjar id-drittijiet tagħhom; jinnota li ċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja għat-tisħiħ ġenwin taċ-ċittadinanza Ewropea, u li tali informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b'mod ċar u li jinftiehem, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom iggarantiti skont it-Trattat u skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jirrakkomanda l-promozzjoni tat-trasparenza u tal-appoġġ konsulari proattiv bħala l-aktar għodod xierqa għal dak il-għan, flimkien ma' pubblikazzjoni adegwata tal-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-issetiljar ta' persuni li jkunu għadhom kif waslu;

20.

Ifakkar li l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali u r-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali fi Stati Membri oħra huma l-oqsma li fihom iċ-ċittadini tal-UE spiss qed jiffaċċjaw diffikultajiet, u jitlob li jsir infurzar vigoruż mill-Kummissjoni sabiex jiġu solvuti tali sitwazzjonijiet;

21.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fin-nuqqas ta' sodisfazzjon politiku fost iċ-ċittadini; jenfasizza l-bżonn li tingħata prijorità lill-ġlieda kontra l-ksenofobija, ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni u d-diskors ta' mibegħda;

22.

Jirrikonoxxi li l-azzjoni biex jiżdied l-għadd ta' votanti fl-elezzjonijiet Ewropej hija responsabilità kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri; jinkoraġġixxi lil dawn tal-aħħar biex jippromwovu l-parteċipazzjoni demokratika billi jinfurmaw aħjar liċ-ċittadini dwar id-dritt tagħhom li joħorġu għall-elezzjonijiet lokali u Ewropej u jivvutaw fihom permezz ta' diversi kanali u b'lingwa li tinftiehem, u biex ineħħu kull ostaklu għall-parteċipazzjoni tagħhom, bħal diskriminazzjoni ekonomika, soċjali u lingwistika, prattiki inġusti jew korruzzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli ta' aċċessibilità għaċ-ċittadini b'diżabilità u jiffaċilitaw il-votazzjoni fl-elezzjonijiet kollha għaċ-ċittadini li jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw 'il bogħod mill-post fejn jivvutaw is-soltu, pereżempju billi jinkludu l-identifikazzjoni elettronika u soluzzjonijiet ta' votazzjoni;

23.

Jemmen li r-riforma tal-Att Elettorali tista' tkun opportunità għall-Unjoni biex issir aktar demokratika; jenfasizza l-fatt li eluf ta' Ewropej jaqblu ma' din il-fehma; ifakkar il-ħtieġa li jiġu promossi l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej billi tiżdied il-viżibilità tal-partiti politiċi fuq livell Ewropew u li t-tisħiħ tan-natura Ewropea tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ikun responsabilità kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jinkludi l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u listi bbilanċjati bejn is-sessi fir-reviżjoni tal-att imsemmi hawn fuq; jitlob lill-Kummissjoni biex taġixxi fuq ilmenti fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet Ewropej u muniċipali, biex tfassal pjan ta' azzjoni konkret biex l-introduzzjoni tal-votazzjoni elettronika fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jibdew l-aktar kmieni possibbli, u biex dik is-sistema tkun disponibbli b'mod usa' għaċ-ċittadini kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iħeġġu lill-persuni li m'għandhomx ċittadinanza ta' xi stat u li jgħixu b'mod permanenti fl-Istati Membri tal-UE biex jadottaw iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti, sabiex dawn ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet ta' ċittadinanza tal-UE; iqis li ċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu lejn Stat Membru u jirrisjedu fih għandu jkollhom il-possibilità li jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jistieden lill-Istati Membri li jneħħu d-dritt tal-vot taċ-ċittadini tagħhom stess, li jagħżlu li jgħixu fi Stat Membru ieħor għal perjodu ta' żmien estiż, biex jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet għal dawn iċ-ċittadini u jippreżervaw id-dritt tal-vot tagħhom fl-elezzjonijiet nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-passi neċessarji biex tippermetti lill-persuni b'diżabilità jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni; jappoġġja l-possibilità li, apparti dokumenti nazzjonali ta' identifikazzjoni, tinħoloq karta tal-identità Ewropea;

24.

Jinnota l-aħħar komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2017)0482) dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li tinkludi proposta għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tas-16 ta' Frar 2011, bil-għan li jitjieb il-funzjonament tiegħu; huwa fiduċjuż li r-reviżjoni tar-regolament ser tirriżulta fi strument tal-ECI li jkun aktar trasparenti, effikaċi u faċli biex jintuża, filwaqt li jiżgura r-responsabilità demokratika u l-parteċipazzjoni usa' taċ-ċittadini fid-dibattitu Ewropew u l-istabbiliment ta' aġenda; jenfasizza li l-Parlament se jkollu rwol leġiżlattiv importanti u l-importanza ta' kooperazzjoni tajba mal-Kummissjoni matul ir-reviżjoni tar-regolament; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet li jirrivedu l-kundizzjonijiet tal-ammissibilità legali, ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni u proċeduri ta' eżami għal ECI;

25.

Jikkunsidra li fl-interessi taċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija meħtieġa azzjoni mill-Kummissjoni biex issaħħaħ id-dimensjoni kulturali Ewropea; iħeġġeġ il-programm “Ewropa għaċ-Ċittadini” biex jiffinanzja proġetti aktar innovattivi b'potenzjal ta' impatt sistemiku; jissuġġerixxi li jinħoloq il-programm “Sir af l-Ewropa” b'mod parallel u komplementari għall-programm “Ewropa għaċ-Ċittadini”;

26.

Jipproponi, bl-iskop li tissaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-eżerċitar ta' dik iċ-ċittadinanza, li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali biex jaħtru kunsilliera responsabbli għall-affarijiet Ewropej, peress li dan huwa l-eqreb livell għaċ-ċittadini;

27.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi reġistru ta' dħul f'kull sede tagħha, inklużi r-rappreżentanzi fl-Istati Membri, b'mod li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jirrikorru bil-miktub, personalment u b'mod affidabbli, għand kwalunkwe istituzzjoni tal-Unjoni;

28.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tintroduċi, f'kooperazzjoni ml-fornituri ta' servizzi tal-posta universali, sistema ta' spedizzjoni ta' messaġġi b'ċertifikazzjoni tal-kontenut, kif ukoll tad-data ta' min qiegħed jibgħat, b'mod li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jirrikorru bil-miktub, mingħajr il-preżenza fiżika tagħhom, u b'mod affidabbli għand l-istituzzjonijiet Ewropej;

29.

Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li d-dritt fundamentali għal-libertà ta' espressjoni u informazzjoni, minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-media ħielsa u l-aċċess għall-pluralità ta' vuċijiet fis-soċjetà u fil-media huma partijiet indispensabbli minn demokrazija b'saħħitha u għalhekk jikkostitwixxu fondazzjoni kostituzzjonali tas-sħubija tal-UE kif stabbilit fl-Artikoli 2 u 6 tat-TUE; jissottolinja l-ħtieġa għal politika tal-UE definita b'mod ċar sabiex tindirizza propaganda anti-Ewropea u informazzjoni falza, kif ukoll sabiex trawwem l-indipendenza tal-media pubblika mill-gvernijiet; jipproponi li jiġi stabbilit żmien minimu ddedikat għall-kontenut relatat mal-affarijiet tal-UE fil-media tax-xandir pubblika fl-Istati Membri kollha; jipproponi li l-istituzzjonijiet tal-UE jipproċedu bil-ħolqien ta' kanali tax-xandir tat-televiżjoni Ewropej fl-Istati Membri kollha u fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, u bl-edukazzjoni taċ-ċittadini dwar il-litteriżmu tal-media minn età bikrija; jappoġġja t-tixrid ta' produzzjonijiet multimedjali u tal-istampa bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa għal aktar tqajjim ta' kuxjenza fost il-ġurnalisti Ewropej;

30.

Isostni li d-diversità lingwistika u t-trasparenza huma għodod ewlenin biex iqarrbu liċ-ċittadini lejn l-UE u jinvolvuhom fl-attivitajiet tagħha; jinnota li aċċess għad-dokumenti jirrappreżenta 30 % tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2016 u għalhekk jirrakkomanda l-promozzjoni tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti u t-traduzzjoni ta' kemm jista' jkun dokumenti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; jappoġġja l-intensifikazzjoni tad-djalogu maċ-ċittadini u jħeġġeġ dibattiti pubbliċi sabiex jitjieb il-fehim taċ-ċittadini tal-impatt tal-UE fuq il-ħajja tagħhom ta' kuljum u biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fi skambju ta' opinjonijiet, permezz ta' slots fi programmi tat-televiżjoni għal udjenzi fil-mira; jitlob li tiġi implimentata direttiva orizzontali dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li tistabbilixxi mezzi u proċeduri xierqa għar-rappurtar tal-każijiet;

31.

Jappoġġa l-promozzjoni ta' kultura ta' servizz pubbliku fost l-istituzzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali u jqis li l-UE jenħtieġ li tmexxi bl-eżempju permezz tal-ogħla standards ta' amministrazzjoni u ta' trasparenza, skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jipproponi li l-uffiċċji lokali tal-UE fl-Istati Membri jiġi trasformati f'uffiċċju wieħed li joffri servizzi komprensivi għaċ-ċittadini tal-UE, sabiex jitnaqqsu l-burokrazija u l-ostakli li jinħolqu għall-eżerċitar tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE; jenfasizza l-importanza ta' proġett “ta' darba biss”, li jelimina piżijiet żejda għan-negozji Ewropej li jintalbu jippreżentaw l-istess data u dokumenti ripetutament fl-operazzjonijiet tagħhom bejn il-fruntieri;

32.

Jenfasizza li edukazzjoni aċċessibbli għandha rwol vitali biex tinforma liċ-ċittadini futuri tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-importanza li, permezz tal-programm Erasmus+, jitrawwem l-iżvilupp ta' ħiliet trasferibbli li jtejbu l-fehim interkulturali u l-parteċipazzjoni attiva f'soċjetajiet differenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu aktar spazju għall-edukazzjoni ċivika ffukata b'mod partikolari fuq iċ-ċittadinanza tal-UE u wkoll fuq l-affarijiet tal-UE fil-kurrikuli tal-iskejjel tagħhom, u jadattaw it-taħriġ tal-għalliema kif xieraq; ifakkar fil-ħtieġa li l-għalliema u l-professjonisti fil-qasam edukattiv jingħataw l-għajnuna biex jintegraw l-informazzjoni dwar id-drittijiet u ċ-ċittadinanza tal-UE fit-tagħlim tagħhom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jippromwovu u jiżviluppaw pjattaformi onlajn, sabiex il-professjonisti tal-edukazzjoni jkunu jistgħu jaċċessaw materjal ta' tagħlim multilingwistiku innovattiv li jgħinhom jispiraw u jimmotivaw l-istudenti biex jitgħallmu dwar l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi strateġija dwar l-Edukazzjoni għaċ-Ċittadinanza Ewropea li tinkorpora l-linji gwida proposti biex jiżviluppaw kurrikulu li jista' jinkludi żjarat tal-iskejjel fl-istituzzjonijiet tal-UE;

33.

Ifakkar li, skont il-liġi tal-UE kif inhi bħalissa, l-irtirar ta' Stat Membru mill-Unjoni huwa ekwivalenti għat-telf taċ-ċittadinanza Ewropea għaċ-ċittadini tagħha; jiddispjaċih li l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE se tkun l-ewwel darba fl-istorja li ċ-ċittadini se jiġu miċħuda minn drittijiet mogħtija lilhom permezz tat-Trattati tal-UE; jenfasizza li dan it-telf ta' drittijiet huwa mistenni li jkollu impatt serju fuq il-ħajja tagħhom ta' kuljum; jenfasizza li kwalunkwe ftehim għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tal-ekwità, is-simetrija, it-trattament ġust, ir-reċiproċità, u n-nondiskriminazzjoni kif ukoll ir-rispett sħiħ tal-integrità tad-dritt tal-UE, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-qafas tal-infurzar tagħha. iħeġġeġ liż-żewġ partijiet fin-negozjati biex jagħtu prijorità liċ-ċittadini kollha affettwati u biex iħarsu d-drittijiet tagħhom; jitlob lill-partijiet involuti fin-negozjati biex iżommu d-drittijiet soċjali, ekonomiċi u tal-familja derivattivi kollha, u b'mod partikolari d-drittijiet tal-kura tas-saħħa, bl-aktar mod sħiħ possibbli wara l-ħruġ tar-Renju Unit;

34.

Jipproponi li, fid-9 ta' Mejju, tiġi stabbilita vaganza pubblika Ewropea sabiex jissaħħaħ is-sens Ewropew ta' appartenenza għall-familja Ewropea;

35.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tkun ċara u dettaljata biżżejjed biex tiżgura li d-dritt ta' moviment liberu taċ-ċittadini u l-familji tagħhom jiġi rispettat, biex jipproċedu b'taħriġ xieraq tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f'dan ir-rigward u biex tinxtered informazzjoni preċiża lill-partijiet interessati b'mod preċiż, u sabiex titrawwem kooperazzjoni tajba u skambju rapidu ta' informazzjoni ma' amministrazzjonijiet nazzjonali oħrajn, speċjalment fejn huma kkonċernati assigurazzjoni transfruntiera u pensjonijiet tal-irtirar; jitlob biex ikun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri ospitanti u l-konsulati kkonċernati li tiżgura netwerk xieraq ta' assistenza u trattament ġust f'każijiet transfruntiera, b'mod partikolari meta dawn jinvolvu kustodja tal-minuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar ir-rikonoxximent transfruntier ta' ordnijiet ta' adozzjoni;

36.

Jistieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew biex jippermettu lill-pajjiżi kollha li jissodisfaw il-kriterji tekniċi meħtieġa biex isiru membri taż-żona Schengen, sabiex iċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jgawdu l-libertà ta' moviment bla xkiel minn kontrolli mal-fruntieri;

37.

Ifakkar li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà jenħtieġ li tkun aġġornata, effikaċi u effiċjenti fil-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-reazzjoni għat-theddid li qed jevolvi għas-sigurtà; jitlob l-implimentazzjoni urġenti tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, infurzar aħjar tal-istrumenti legali eżistenti tal-UE f'dan il-qasam, u skambju ta' informazzjoni u koordinazzjoni aktar effiċjenti fost l-Istati Membri u mal-aġenziji tal-UE; jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fis-sigurtà bejn l-Istati Membri; jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza li l-armonizzazzjoni ta' azzjoni interna u esterna tal-UE fil-qasam tas-sigurtà hija essenzjali għall-protezzjoni effiċjenti taċ-ċittadini tal-UE;

38.

Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE biex jintensifikaw l-isforzi biex jiżviluppaw unjoni ta' sigurtà effettiva u ġenwina li tindirizza d-dimensjonijiet kollha tat-theddida terroristika;

39.

Iqis id-deradikalizzazzjoni u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni bħala prijorità assoluta għall-UE u jesprimi ruħu ferm favur it-tisħiħ tal-programmi bejn is-setturi speċifiċi mmirati lejn l-edukazzjoni, l-attivitajiet volontarji u kulturali, il-ħidma fost iż-żgħażagħ kif ukoll il-programmi ta' deradikalizzazzjoni fl-istituzzjonijiet, il-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet reliġjużi u l-amministrazzjonijiet reġjonali; jemmen li politika komprensiva f'dan il-qasam għandha tkun akkumpanjata minn proċessi ta' deradikalizzazzjoni proattivi u fuq perijodu twil fl-isfera ġudizzjarja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji dwar l-inklużjoni soċjali u l-politiki li jindirizzaw id-diskriminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni b'mod olistiku u jieħdu vantaġġ tal-għarfien espert tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni stabbilit fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni; jenfasizza li l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni tista' tkun appoġġjata wkoll permezz ta' azzjonijiet iffinanzjati minn programmi tal-UE bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u Ewropa għaċ-Ċittadini;

40.

Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Direttiva (UE) 2015/637 sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE f'pajjiżi terzi fejn l-Istat Membru tagħhom mhuwiex rappreżentat;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposta għal format ġdid u aktar sigur għad-dokument ta' emerġenza tal-ivvjaġġar tal-UE għaċ-ċittadini tal-UE mhux irrappreżentati barra l-UE li l-passaport tagħhom ikun insteraq, intilef, inqered jew li jkun temporanjament mhux disponibbli, sabiex jiġi garantit li huma jkunu jistgħu jivvjaġġaw lura lejn pajjiżhom mingħajr periklu;

42.

Jenfasizza li l-vittmi tal-kriminalità u t-terroriżmu jridu jiġu ggarantiti livell xieraq ta' drittijiet mingħajr diskriminazzjoni fl-UE kollha, u li għandhom jiġu ttrattati bir-rispett u d-dinjità u jirċievu appoġġ xieraq skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom u l-ħtiġijiet tal-familji tagħhom; jenfasizza li għadd dejjem akbar ta' ċittadini Ewropej sofrew attakki terroristiċi f'pajjiż li mhuwiex pajjiżhom, u għalhekk jitlob b'urġenza li jiġu stabbiliti protokolli fl-Istati Membri sabiex, f'każ ta' attakk terroristiku, l-Ewropej mhux ċittadini tal-pajjiż jiġu megħjuna, f'konformità mad- Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza l-ħtieġa ta' direttiva speċifika dwar il-protezzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu;

43.

Jiddispjaċih dwar l-eżistenza ta' ostakli transfruntiera fi kwistjonijiet ċivili jew soċjali, bħal pereżempju d-dritt tal-familja jew il-pensjonijiet, li jxekklu lil ħafna ċittadini milli jgawdu għal kollox iċ-ċittadinanza tal-UE tagħhom;

44.

Jiddispjaċih li l-ġenituri u t-tfal ma għandhomx l-istess possibbiltajiet ta' rimedji f'kull Stat Membru f'każ ta' separazzjoni jew divorzju, bir-riżultat li mijiet ta' ġenituri fl-Ewropa kkuntattjaw lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex iħeġġuħ ikun aktar attiv minkejja li għandu kompetenzi limitati ħafna f'dan il-qasam;

45.

Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata protezzjoni tal-vittmi ta' vjolenza sessista u li l-aħjar interessi tat-tfal jitqiesu f'każijiet ta' tilwim transfruntier fil-familji;

46.

Jilqa' t-tnedija tal-Korp ta' Solidarjetà tal-UE għaċ-ċittadini żgħażagħ Ewropej u jitlob biex l-inizjattiva tiġi ffinanzjata kif xieraq u li l-impjiegi ta' kwalità ma jiġux sostitwiti minn volontarjat mhux imħallas;

47.

Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni sabiex jindirizzaw b'mod effiċjenti l-kwistjonijiet tat-taxxa doppja u t-taxxi diskriminatorji fi kwalunkwe kuntest transfruntier u jqisu aħjar ir-realitajiet tal-mobilità transfruntiera tal-ħaddiema; iqis li l-kwistjonijiet tat-taxxa doppja huma attwalment indirizzati b'mod insuffiċjenti għax huma ttrattati permezz tal-konvenzjonijiet tat-taxxa bilaterali eżistenti jew permezz ta' azzjoni unilaterali minn xi Stat Membru, u jkunu jeħtieġu azzjoni miftiehma u f'waqtha fil-livell tal-UE;

48.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  Dokument tal-Kunsill 6622/16.

(2)  Dokument tal-Kunsill 14268/15.

(3)  ĠU C 378, 9.11.2017, p. 146.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0106.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2016)0385.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2017)0013.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2017)0063.

(8)  PE 601.177v04-00.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2016)0512.

(10)  PE 597.698v03-00. Ara wkoll ir-rapport A8-0265/2017.

(11)  PE 603.107v02-00. Ara wkoll ir-rapport A8-0265/2017.

(12)  ĠU L 106, 24.4.2015, p. 1.

(13)  Testi adottati, P8_TA(2017)0347.

(14)  Testi adottati, P8_TA(2017)0083.

(15)  Testi adottati, P8_TA(2016)0142.