|
27.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 346/127 |
P8_TA(2017)0397
Fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 × 40-3-2
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D052752 – 2017/2906(RSP))
(2018/C 346/18)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D052752), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-14 ta' Settembru 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fl-14 ta' Lulju 2016, u ppubblikata fit-18 ta' Awwissu 2016 (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi, fl-20 ta' Settembru 2007, Pioneer Overseas Corporation ressqet applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet ukoll it-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 fi prodotti li jkunu jikkonsistu jew li jkun fihom minn din il-fażola tas-sojja għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' fażola tas-sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni; |
|
B. |
billi fl-14 ta' Lulju 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fit-18 ta' Awwissu 2016; |
|
C. |
billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jgħid li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fit-tfassil tad-deċiżjoni tagħha; |
|
D. |
billi waħda mill-pjanti ġenituri, il-fażola tas-sojja 305423, ġiet ġenetikament modifikata bl-intenzjoni li tinbidel il-kompożizzjoni taż-żejt fil-pjanti u biex tkun reżistenti għall-erbiċidi li jinibixxu s-sintażi aċetolattat (ALS), li jinkludu l-erbiċidi tal-familji kimiċi tal-imidażolinon, tas-sulfonilurea, tat-triazolopirimidina, tat-(tio)benżoat tal-primidinil u tas-sulfonilaminokarboniltrijażolinonu; filwaqt li l-pjanta ġenitur l-oħra, il-fażola tas-sojja 40-3-2, tinkorpora l-ġene ESPS li jagħmilha reżistenti għall-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat; billi dawn il-varjetajiet ta' fażola tas-sojja ġenetikament modifikati ġew ikkombinati biex jinħoloq l-hekk imsejjaħ event multiplu li huwa reżistenti għal żewġ erbiċidi u li jinbidel f'kompożizzjoni taż-żejt; |
|
E. |
billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi (5); billi l-aktar kummenti kritiċi huma marbuta mal-osservazzjonijiet li mhuwiex possibbli li tingħata sentenza favorevoli, mill-perspettiva tan-nutrizzjoni tal-bniedem jew tal-annimal, dwar is-sikurezza tal-profil tal-prodotti li joħorġu mill-varjetajiet tas-sojja li għandhom eventi ta' trasformazzjoni 305423 u 40-3-2, li mhuwiex possibbli li jsiru konklużjonijiet dwar l-allerġeniċità ta' din il-fażola tas-sojja multipla, li “"m'hemmx biżżejjed data u komparaturi xierqa għall-valutazzjoni tal-interazzjonijiet potenzjali bejn linji parentali u għall-identifikazzjoni ta' effetti mhux intenzjonati f'eventi multipli meta mqabbla mal-linja parentali” u li “l-valutazzjoni tar-riskju tal-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 ma tistax tiġi ffinalizzata abbażi tad-data pprovduta”; |
|
F. |
billi l-applikant ipprovda studju tossikoloġiku dwar l-għalf ta' 90 ġurnata li ġie miċħud mill-EFSA minħabba l-kwalità insuffiċjenti tiegħu; billi, b'riżultat ta' dan, il-valutazzjoni tar-riskju ma fihiex tali studju, fatt li ġie kkritikat minn għadd ta' awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; billi din il-lakuna fid-data mhix aċċettabbli, speċjalment meta wieħed iqis li l-linji gwida tal-EFSA tal-2006 jeħtieġu tali studju (6); |
|
G. |
billi, abbażi ta' għadd ta' lakuni fid-data (inkluż in-nuqqas ta' valutazzjoni ta' effetti mhux intenzjonati li jirriżultaw mill-modifika ġenetika inkwistjoni, in-nuqqas ta' valutazzjoni tal-effetti tossiċi u n-nuqqas ta' valutazzjoni ta' residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari), studju indipendenti jikkonkludi li l-valutazzjoni tar-riskju ma tistax tiġi konkluża u li l-applikazzjoni għandha, għalhekk, tiġi miċħuda (7); |
|
H. |
billi l-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari hija parti minn prattika agrikola regolari fil-kultivazzjoni ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi u għalhekk jista' jkun mistenni li r-residwi mill-bexx dejjem se jkunu preżenti fil-ħsad u huma kostitwenti inevitabbli; billi ntwera li għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwasslu għal użu akbar ta' erbiċidi komplementari meta mqabbel mal-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom (8); |
|
I. |
billi l-awtorizzazzjoni attwali tal-glifosat tiskadi mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017; billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġenità tal-glifosat; billi f'Novembru 2015 l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku filwaqt li f'Marzu 2017 l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) kkonkludiet li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) tad-WHO kklassifikat il-glifosat bħala aktarx karċinoġeniku għall-bnedmin; |
|
J. |
billi, skont il-panel tal-EFSA dwar il-pestiċidi, abbażi tad-data pprovduta sa issa, ma jistgħux isiru konklużjonijiet dwar is-sikurezza tal-pestiċidi tar-residwi mill-bexx ta' għelejjel ġenetikament modifikati b'formulazzjonijiet tal-glifosat (9); billi l-addittivi u t-taħlit tagħhom użat f'formulazzjonijiet kummerċjali għall-bexx tal-glisofat jistgħu juru tossiċità ogħla mill-ingredjent attiv waħdu (10); billi għadd ta' studji juru li l-formulazzjonijiet tal-glifosat jistgħu jaġixxu bħala sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali (11); |
|
K. |
billi l-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata importata tintuża ħafna għall-għalf tal-annimali fl-Unjoni; billi studju xjentifiku evalwat bejn il-pari sab possibbiltà ta' korrelazzjoni bejn il-glifosat fl-għalf mogħti lill-majjali waqt it-tqala u żieda fl-inċidenza ta' anomaliji konġenitali serji fil-frieħ tagħhom (12); |
|
L. |
billi m'hemm l-ebda valutazzjoni tar-riskji komprensiva dwar ir-residwi mill-bexx ta' inibituri tal-ALS bħala erbiċidi komplementari fuq il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata; billi, għall-kuntrarju, il-panel tal-EFSA dwar il-pestiċidji identifika lakuni kbar fid-data fil-każ tat-thifensulfuron, li huwa wieħed mill-ingredjenti attivi li jaġixxi bħala inibitur tal-ALS (13); |
|
M. |
billi r-residwi mill-bexx tal-erbiċidi komplementari ma ġewx ivvalutati; billi, għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 ġenetikament modifikata u mbexxa bil-glifosat u b'erbiċidi inibituri tal-ALS hija sikura għall-użu fl-ikel u fl-għalf; |
|
N. |
billi m'hemmx dubju li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 fl-Unjoni ser twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tagħha f'pajjiżi terzi u għal żieda korrispondenti fl-użu tal-erbiċidi komplementari; |
|
O. |
billi fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 hija kkultivata fl-Arġentina, fil-Kanada u fil-Ġappun; billi l-impatt devastanti tal-użu tal-glifosat fuq is-saħħa fl-Arġentina ġie ddokumentat b'mod wiesa'; |
|
P. |
billi l-Unjoni ntrabtet li tilħaq l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, li jinkludu impenn biex sal-2030 jitnaqqas sostanzjalment l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u mit-tniġġis u l-kontaminazzjoni fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija (SDG 3, il-mira 3.9) (14); billi l-Unjoni hija impenjata favur il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), li għandha l-għan li timinimizza l-kontradizzjonijiet u tibni sinerġiji bejn il-politiki differenti tal-Unjoni, inkluż fl-oqsma tal-kummerċ, l-ambjent u l-agrikoltura, għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u żżid l-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; |
|
Q. |
billi l-iżvilupp ta' għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għal diversi erbiċidi selettivi huwa prinċipalment dovut għall-evoluzzjoni mgħaġġla tar-reżistenza tal-ħaxix ħażin għall-glifosat f'pajjiżi li kienu jiddependu ħafna fuq għelejjel ġenetikament modifikati; billi f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi ġew dokumentati aktar minn 20 varjetà differenti ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat (15); |
|
R. |
billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fl-14 ta' Settembru 2017 ma rriżultat fl-ebda opinjoni; billi 14-il Stat Membru vvutaw kontra, 10 Stati Membri biss – li jirrappreżentaw 38,43 % biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni – ivvutaw favur, u erba' Stati Membri astjenew; |
|
S. |
billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kellhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi anke l-President tal-Kummissjoni Juncker iddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika (16); |
|
T. |
billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (17) u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida; |
|
U. |
billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tgħid li l-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun, timxi b'mod li tevita l-kunflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent; |
|
V. |
billi l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 mhix biżżejjed biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' demokrazija fil-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-OĠM; |
|
W. |
billi l-leġittimità demokratika tista' tiġi żgurata biss billi jiġi previst, tal-inqas, li meta l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni, il-proposta tal-Kummissjoni tiġi rtirata; billi din il-proċedura diġà teżisti għal xi kumitati permanenti oħrajn; |
|
1. |
Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003; |
|
2. |
Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern; |
|
3. |
Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha; |
|
4. |
Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sa ma l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata; |
|
5. |
Jistieden lil-leġiżlaturi responsabbli jkomplu b'urġenza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 u jiżguraw li, fost l-oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni fir-rigward ta' approvazzjonijiet ta' OĠM, sew għall-kultivazzjoni u sew għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta; |
|
6. |
Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza ebda pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida (“HT GMP”) mingħajr valutazzjoni sħiħa tal-effetti kumulattivi speċifiċi tar-residwi mill-bexx b'taħlita tal-erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi tal-kultivazzjoni; |
|
7. |
Jistieden lill-Kummissjoni titlob testijiet ħafna aktar dettaljati dwar ir-riskji għas-saħħa b'rabta ma' eventi ta' trasformazzjoni multipli bħall-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2; |
|
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għall-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa u t-tossikoloġija, kif ukoll għal sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq, li jkollhom fil-mira l-katina tal-ikel u tal-għalf kollha kemm hi; |
|
9. |
Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskji tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskji tal-HT GMP, irrispettivament minn jekk il-pjanta ġenetikament modifikata tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni għall-ikel u l-għalf; |
|
10. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4566
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 x T25 jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu (Testi adottati, P8_TA(2015)0456). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (Testi adottati, P8_TA(2016)0040). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (Testi adottati, P8_TA(2016)0039). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (Testi adottati, P8_TA(2016)0038). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta minn dawk l-eventi (Testi adottati, P8_TA(2016)0271). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla ġenetikament modifikata (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (Testi adottati, P8_TA(2016)0272). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0388). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0389). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (Testi adottati, P8_TA(2016)0386). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (Testi adottati, P8_TA(2016)0387). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (Testi adottati, P8_TA(2016)0390). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0123). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0215). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2017)0214). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0341). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0377). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-44406-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0378). |
(5) Anness G – Kummenti tal-Istati Membri u tweġibiet tal-Bord tal-OĠM http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2007-175
(6) Idem.
(7) https://www.testbiotech.org/sites/default/files/TBT%20Background%20Soybean%20305423%20x%2040-3-2.pdf
(8) https://link.springer.com/article/10.1007%2Fs00267-015-0589-7
(9) Konklużjoni tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva glifosat bħala pestiċida. EFSA Journal 2015, 13 (11):4302 http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2015.4302/epdf
(10) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC3955666
(11) https://www.testbiotech.org/sites/default/files/TBT%20Background%20Soybean %20305423%20x%2040-3-2.pdf
(12) https://www.omicsonline.org/open-access/detection-of-glyphosate-in-malformed-piglets-2161-0525.1000230.php?aid=27562
(13) “Il-potenzjal ta' interferenza endokrinali tat-thifensulfuron-methyl ġie identifikat bħala kwistjoni li ma setgħetx tiġi ffinalizzata u materja ta' tħassib importanti”. Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari rigward is-sustanza attiva thifensulfuron-methyl. EFSA journal 13(7):4201, p. 2 http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2015.4201/epdf
(14) https://sustainabledevelopment.un.org/sdg3
(15) https://link.springer.com/chapter/10.1007/978-94-007-7796-5_12
(16) Pereżempju fid-dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).