20.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 337/109


P8_TA(2017)0351

Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2838(RSP))

(2018/C 337/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Lulju 2016 (1) u tal-15 ta' Diċembru 2016 (2), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017 (3) u tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja (4),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Myanmar/Burma tal-20 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-1 ta' Ġunju 2016 tal-Kummissjoni u mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma: Sħubija Speċjali għad-Demokrazija, il-Paċi u l-Prosperità” (JOIN(2016)0024),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Marzu 2016 (VP/RGħ) Federica Mogherini, dwar l-assunzjoni tal-kariga tal-Gvern il-ġdid tal-Unjoni tal-Myanmar,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Diċembru 2016 tal-kelliem tal-VP/RGħ dwar l-eskalazzjoni reċenti tal-vjolenza fil-Myanmar, u d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Settembru 2017 mill-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta' Rakhine,

wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tal-25 ta' Novembru 2016 dwar it-tielet Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Myanmar,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2015 dwar l-apolidija,

wara li kkunsidra t-tgħarrif reċenti tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, tad-29 u tat-18 ta' Novembru 2016 rispettivament, dwar is-sitwazzjoni li qed teħżien tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine,

wara li kkunsidra r-rapport tal-OHCHR intitolat “Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar”, tal-20 ta' Ġunju 2016 u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar tat-18 ta' Marzu 2016,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 biex Tintemm l-Apolidija, ta' Novembru 2014, tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' tmiem il-missjoni tal-20 ta' Jannar 2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU, Yanghee Lee, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar li tikkonkludi li “s-sitwazzjoni issa hija agħar milli fi kwalunkwe punt f'dawn l-aħħar ftit snin”,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine ta' Awwissu 2017,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

wara li kkunsidra l-Karta tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, skont l-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), f'dawn l-aħħar ġimagħtejn, aktar minn 300 000 Musulman Rohingya li ħarbu mill-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine fittxew kenn fil-Bangladesh,

B.

billi l-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar jospita madwar miljun Rohingya, li l-biċċa l-kbira minnhom huma Musulmani, grupp minoritarju li qed jiffaċċja ripressjoni u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi theddid għall-ħajja u s-sigurtà, ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, xogħol furzat, vjolenza sesswali u limiti fuq id-drittijiet politiċi tagħhom;

C.

billi l-poplu tar-Rohingya ilu uffiċjalment mingħajr Stat sa minn meta ġiet promulgata l-Liġi tal-1982 dwar iċ-Ċittadinanza Burmiża, li wasslet għal restrizzjonijiet severi fuq il-libertà ta' moviment u kkostrinġiethom jgħixu f'kampijiet;

D.

billi grupp ta' ribelli Rohingya wettqu attakk kontra postazzjonijiet tal-pulizija u bażi tal-armata fl-Istat ta' Rakhine fil-25 ta' Awwissu 2017; billi dan irriżulta f'azzjoni kontroffensiva militari sinifikanti, bi ksur serju u fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi qtil, stupru u tortura; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Human Rights Watch, bl-użu ta' ritratti mis-satelliti, irrappurtaw qerda fuq skala kbira ta' djar u bini f'partijiet tat-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine, li attwalment huma inaċċessibbli għall-NGOs u l-osservaturi indipendenti;

E.

billi skont il-Kostituzzjoni attwali tal-Myanmar il-militar hu awtonomu u ma jaqax taħt sorveljanza ċivili u għandu setgħa estensiva fuq il-gvern u s-sigurtà nazzjonali;

F.

billi dawk li qed jaħarbu mill-Myanmar, li ħafna minnhom huma nisa u tfal, jivvjaġġaw tul rotot perfidi, filwaqt li jiffaċċjaw sparar u toroq perikolużi, kif ukoll il-ġuħ u nuqqas ta' assistenza medika; billi għexieren ta' persuni mietu matul it-triq; billi membri tal-persunal tal-Gwardji tal-Kosta tal-Bangladesh sabu l-kadavri ta' mill-inqas 20 persuna li kienu qed jaħarbu;

G.

billi l-Bangladesh ressaq ilment kontra l-awtoritajiet tal-Myanmar dwar it-tqegħid ta' mini tal-art f'firxa ta' art fuq il-fruntieri tagħha mal-Bangladesh li jista' jimpedixxi r-ritorn tal-Musulmani Rohingya li qed jaħarbu mill-vjolenza;

H.

billi l-membri tal-persunal internazzjonali tan-NU u ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali huma pprojbiti milli jidħlu f'żoni milquta mill-konflitt, u billi l-aġenziji tan-NU mhux qed ikunu jistgħu jwasslu l-għajnuna umanitarja, inkluż l-ikel, l-ilma u l-mediċini lir-Rohingya;

I.

billi fl-10 ta' Settembru 2017, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Raad Al Hussein, ħabbar li s-sitwazzjoni fil-Myanmar “tidher eżempju klassiku ta' tindif etniku”;

J.

billi ċ-Ċina u r-Russja imblukkaw l-adozzjoni ta' dikjarazzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar f'Marzu 2017;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fl-Istat ta' Rakhine; jinsab imħasseb serjament dwar iż-żieda fil-gravità u l-iskala tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qtil, il-ġlied vjolenti, il-qerda ta' proprjetà ċivili u l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' ċittadini;

2.

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-forzi militari u tas-sigurtà biex iwaqqfu immedjatament il-qtil, l-intimidazzjoni u l-istupru tal-persuni Rohingya, u l-ħruq ta' djarhom;

3.

Ifakkar li l-awtoritajiet tal-Myanmar għandhom id-dmir li jipproteġu, mingħajr diskriminazzjoni, lill-persuni ċivili kollha mill-abbuż, u li jinvestigaw kull ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja, skont l-istandards u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jagħtu aċċess immedjat u bla xkiel lill-osservaturi indipendenti, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ġurnalisti u lil osservaturi internazzjonali oħra, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-Missjoni ta' Inkjesta tan-NU li ġiet stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Marzu, bl-għan li jiġu żgurati investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-partijiet kollha;

5.

Jitlob b'urġenza li l-organizzazzjonijiet li joffru għajnuna umanitarja jingħataw aċċess għaż-żoni tal-konflitt u għall-persuni spostati kollha, mingħajr diskriminazzjoni, biex il-ħaddiema umanitarji jkunu jistgħu jgħinu lill-persuni li jinsabu f'periklu;

6.

Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar ineħħi immedjatament il-mini kollha tal-art fil-fruntiera mal-Bangladesh;

7.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar, u lill-Kunsilliera tal-Istat Aung San Suu Kyi b'mod partikolari, jikkundannaw b'mod ċar kull inċitament għall-mibegħda razzjali jew reliġjuża u jiġġieldu d-diskriminazzjoni soċjali u l-ostilità fil-konfront tal-minoranza Rohingya; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar, barra minn hekk, jirrispetta d-dritt universali għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; jistieden lill-Kunsilliera tal-Istat tirsisti favur l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija fir-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine, li tfassal fuq talba tagħha stess; jiddeplora d-deterjorament drammatiku tas-sitwazzjoni wara d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2015 tal-kelliem tal-partit ta' Aung San Suu Kyi li l-Gvern tal-Myanmar għandu jerġa' jagħti lura ċ-ċittadinanza lill-minoranza Rohingya;

8.

Ifakkar lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov tal-1990, Aung San Suu Kyi, li l-premju jingħata lil dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, iħarsu d-drittijiet tal-minoranzi u jirrispettaw id-dritt internazzjonali, fost kriterji oħra; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat jekk il-Premju Sakharov jistax jiġi revokat f'każijiet fejn ir-rebbieħa jiksru dawn il-kriterji wara li l-premju jkun ingħata;

9.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Bangladesh, fid-dawl ta' din il-katastrofi umanitarja, li jiffaċilita l-protezzjoni għal mijiet ta' eluf ta' rifuġjati Rohingya; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Bangladesh, u ta' pajjiżi ġirien oħra, jilqgħu lil dawk kollha li qed jaħarbu l-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine u jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju u materjali għal dawn ir-rifuġjati;

10.

Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu li l-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jaffrontaw l-influss ta' rifuġjati Rohingya jikkooperaw mill-qrib mal-UNHCR, li għandu l-għarfien espert tekniku biex jiskrinja għall-istatus ta' rifuġjat u l-mandat li jipproteġi lir-rifuġjati u lill-persuni apolidi; jistieden lill-UE u lin-NU jappoġġjaw lill-pajjiżi ġirien tal-Myanmar f'dan ir-rigward;

11.

Jistieden, barra minn hekk, lill-ASEAN u lill-gvernijiet reġjonali jieħdu azzjoni immedjata biex iżidu l-pressjoni fuq il-Gvern tal-Myanmar sabiex iwaqqaf l-abbuż tad-drittijiet, jipproteġi liċ-ċivili kollha fl-Istat ta' Rakhine u jagħti appoġġ lir-rifuġjati li qed jaħarbu;

12.

Jappoġġja l-isforzi biex jiġi intensifikat il-proċess politiku bbażat fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' Annan; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Assemblea Ġenerali tan-NU jadottaw miżuri diplomatiċi u politiċi effikaċi biex tiġi żgurata l-konformità tal-Gvern tal-Myanmar mal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-minoranza Rohingya f'termini ta' protezzjoni u aċċess għall-għajnuna; jitlob, f'dan ir-rigward, riżoluzzjoni min-naħa tal-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li fiha jikkundannaw l-abbużi tad-drittijiet, jinsistu fuq aċċess għall-Istat ta' Rakhine u jesiġu li tittieħed responsabbiltà għall-ksur serju tad-dritt internazzjonali mill-partijiet kollha; jitlob, barra minn hekk, li fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Settembru 2017 tiġi adottata riżoluzzjoni li testendi l-mandat tal-Missjoni ta' Inkjesta;

13.

Iħeġġeġ liċ-Ċina u lil atturi internazzjonali u reġjonali oħra jużaw il-mezzi kollha biex jesiġu li jintemmu l-atroċitajiet u tinstab soluzzjoni paċifika;

14.

Jistieden lill-(VP/RGħ), kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE, iżidu b'mod sinifikanti l-pressjoni fuq il-Gvern tal-Myanmar u l-forzi tas-sigurtà biex iwaqqfu l-abbuż tad-drittijiet, jikkooperaw bis-sħiħ mal-investigaturi tan-NU u mal-aġenziji umanitarji internazzjonali u jiżguraw li tittieħed responsabbiltà għall-ksur serju tad-dritt internazzjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-VP/RGħ u l-Istati Membri tal-UE jieħdu rwol attiv fl-appoġġ għal azzjoni immedjata fil-livell tan-NU u jagħmluha ċara li l-UE tinsab lesta li tikkunsidra sanzjonijiet punittivi mmirati kontra individwi u entitajiet kif ukoll konsegwenzi fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li jgawdi l-Myanmar, jekk il-ksur serju tad-dritt internazzjonali jkompli għaddej b'impunità;

15.

Jistieden lill-VP/RGħ tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-inizjattivi tal-UE fin-NU u fil-kuntest tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea;

16.

Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jilqgħu rapporti u dikjarazzjonijiet min-naħa ta' rappreżentanti Rohingya dwar is-sitwazzjoni fuq il-post;

17.

Jappoġġja l-isforzi biex ikun hemm osservaturi indipendenti u mmexxija min-NU fuq il-post biex tittaffa l-kriżi umanitarja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jagħtu aċċess immedjat u bla xkiel lill-osservaturi indipendenti, b'mod partikolari l-Missjoni ta' Inkjesta tan-NU stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Marzu 2017;

18.

Jappoġġja t-twaqqif ta' uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Myanmar b'mandat sħiħ;

19.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 tal-UNHRC biex Tintemm l-Apolidija;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0316.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0506.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0089.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2017)0247.