19.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 334/128


P8_TA(2017)0306

Rapport tal-2016 dwar it-Turkija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija (2016/2308(INI))

(2018/C 334/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-Relazzjonijiet UE-Turkija (1), u tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru (3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2016)0715), u r-Rapport tal-2016 dwar it-Turkija (SWD(2016)0366),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016 u l-konklużjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew,

wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija, u b'mod partikulari l-paragrafu 5 tiegħu dwar il-prinċipji li jirregolaw in-negozjati, tat-3 ta' Ottubru 2005,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija (5) (“is-Sħubija għall-Adeżjoni”), kif ukoll id-Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill tal-2001, l-2003 u l-2006 dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara s-Summit UE-Turkija tad-29 ta' Novembru 2015 u l-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni maħruġa mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005, inklużi d-dispożizzjoni skont liema r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha huwa komponent meħtieġ tal-proċess ta' negozjati, u l-ħtieġa li t-Turkija timplimenta b'mod sħiħ il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Ankara billi tneħħi l-ostakli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija mingħajr preġudizzju u diskriminazzjoni,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) li jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li fih ikunu parti,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari dawk tal-10-11 ta' Marzu 2017 dwar l-emendi fil-Kostituzzjoni li għandhom jiġu ppreżentati f'referendum nazzjonali, dwar il-miżuri previsti fid-Digrieti Amministrattivi ta' Emerġenza riċenti fir-rigward tal-libertà tal-midja u dwar id-dmirijiet, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-uffiċċji tal-imħallfin tal-paċi kriminali, tad-9-10 ta' Diċembru 2016 dwar id-Digrieti Amministrattivi ta' Emerġenza Nri 667-676 adottati wara l-attentat ta' kolp ta' stat li falla tal-15 ta' Lulju 2016 u tal-14-15 ta' Ottubru 2016 dwar is-sospensjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 83 tal-Kostituzzjoni (invjolabbiltà parlamentari),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Lulju 2016 mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar miżuri meħuda fl-istat ta' emerġenza fit-Turkija,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (COM(2017)0130) u l-Ħames Rapport mill-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija (COM(2017)0204),

wara li kkunsidra l-fatt li t-Turkija impenjat ruħha li tissodisfa l-kriterji ta' Kopenħagen, li twettaq riformi adegwati u effettivi, li żżomm relazzjonijiet ta' viċinat tajbin u allinjament progressiv mal-UE, u wara li kkunsidra l-fatt li dawn l-isforzi kellhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet tagħha u tissokta l-proċess tagħha ta' demokratizzazzjoni u modernizzazzjoni,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija dwar Ftehim dwar l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-relazzjoni bilaterali tal-kummerċ preferenzjali u dwar l-immodernizzar tal-Unjoni Doganali,

wara li kkunsidra l-fatt li r-rispett għall-istat tad-dritt, inklużi, b'mod partikolari, is-separazzjoni tal-poteri, id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u tal-midja, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà reliġjuża, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-protesta paċifika, huma fil-qalba tal-proċess ta' negozjati, skont il-kriterji ta' Kopenħagen għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-fatt li ġie vvalutat li t-Turkija tokkupa l-155 post fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa, ippubblikat fis-26 ta' April 2017, l-iktar klassifika baxxa li qatt kellha, u li hi wieħed mill-pajjiżi fejn il-ġurnalisti l-aktar li sofrew theddidiet, attakki fiżiċi, u fastidju ġudizzjarju, fosthom id-detenzjoni u s-sentenzi ta' ħabs,

wara li kkunsidra l-fatt li f'Novembru 2016 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal iffriżar temporanju fuq in-negozjati ta' adeżjoni li għadhom għaddejjin mat-Turkija u impenja ruħu li jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu ladarba l-miżuri sproporzjonati taħt l-istat ta' emerġenza fit-Turkija jkunu tneħħew, bir-reviżjoni tkun ibbażata fuq jekk l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem ikunux reġgħu ġew stabbiliti madwar il-pajjiż kollu,

wara li kkunsidra l-kriżi fis-Sirja, l-isforzi lejn waqfien mill-ġlied u soluzzjoni paċifika u l-obbligi tat-Turkija biex ittejjeb l-istabbiltà u tippromwovi relazzjonijiet tajba mal-ġirien permezz ta' sforzi intensivi sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet bilaterali pendenti, it-tilwim u l-kunflitti mal-pajjiżi ġirien fuq il-fruntieri tal-art u tal-baħar u l-ispazju tal-ajru, f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Karta tan-NU,

wara li kkunsidra l-involviment Russu fis-Sirja, inkluż l-appoġġ tal-użu ta' armi kimiċi min-naħa tal-armata Sirjana, li jkompli jiddestabbilizza l-pajjiż u jżid l-għadd ta' rifuġjati li qed ifittxu protezzjoni fit-Turkija u fl-UE,

wara li kkunsidra s-sitwazzjoni tas-sigurtà fit-Turkija, li marret għall-agħar kemm internament kif ukoll esternament, u l-attakki terroristiċi mwettqa fil-pajjiż,

wara li kkunsidra l-fatt li t-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja, bi kważi 3 miljun rifuġjat reġistrati mis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR),

wara li kkunsidra s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja fit-Turkija, li hija dovuta parzjalment għall-mewġa riċenti ta' attakki u għall-instabbiltà politika, iżda wkoll għal problemi sottostanti aktar profondi fl-ekonomija,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), “The human rights situation in South-East Turkey” (Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xlokk tat-Turkija), ta' Frar 2017,

wara li kkunsidra l-fatt li t-Turkija jixraqilha kull ammirazzjoni għall-mod kif laqgħet l-għadd kbir ta' rifuġjati li qed jgħixu fil-pajjiż,

wara li kkunsidra d-dokument “Statement of Preliminary Findings and Conclusions” (Dikjarazzjoni tar-Riżultati Preliminari u l-Konklużjonijiet) tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni tar-Referenda, maħruġa fis-17 ta' April 2017,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2156 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) intitolata “Il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fit-Turkija”, tal-25 ta' April 2017, li wasslet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta' monitoraġġ,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0234/2017),

A.

billi miljuni ta' Torok u persuni ta' oriġini Torka ilhom jgħixu fl-Istati Membri u jikkontribwixxu għall-prosperità tagħhom għal għexieren ta' snin;

Introduzzjoni

1.

Jenfasizza li l-2016 kienet sena diffiċli għall-popolazzjoni tat-Turkija minħabba l-gwerra kontinwa fis-Sirja, l-għadd kbir ta' rifuġjati, il-kunflitt fix-xlokk tal-pajjiż, sensiela ta' attakki terroristiċi atroċi u attentat ta' kolp ta' stat vjolenti li fih inqatlu 248 persuna mejta; itenni l-kundanna qawwija tiegħu fir-rigward tal-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016 u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tat-Turkija; jirrikonoxxi d-dritt u r-responsabbiltà tal-gvern Tork li jieħu azzjoni biex l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja filwaqt li jiġi ggarantit ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-dritt għal proċess ġust;

2.

Jenfasizza, madankollu, li l-miżuri meħuda fl-istat ta' emerġenza għandhom effetti negattivi fuq skala kbira, sproporzjonati u li jdumu fit-tul fuq għadd kbir ta' ċittadini kif ukoll il-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali fil-pajjiż; jikkundanna t-tkeċċija kollettiva ta' impjegati taċ-ċivil u uffiċjali tal-pulizija, il-likwidazzjoni tal-massa ta' stabbilimenti tal-midja, l-arresti ta' ġurnalisti, akkademiċi, imħallfin, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, uffiċjali eletti u mhumiex, membri tas-servizzi tas-sigurtà u ċittadini ordinarji, u l-konfiska tal-proprjetà, il-beni u l-passaporti tagħhom, l-għeluq ta' ħafna skejjel u universitajiet, u l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar imposta fuq eluf ta' ċittadini Torok, imsejsa fuq liġijiet ta' digrieti ta' emerġenza mingħajr deċiżjonijiet individwalizzati, u mingħajr il-possibbiltà ta' rieżami ġudizzjarjarju f'waqtu; jinsab imħasseb dwar il-konfiska, u f'xi każijiet nazzjonalizzazzjoni, ta' kumpaniji u intrapriżi privati Torok; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha li qed jinżammu mingħajr provi li wettqu reat; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-prerogattivi leġiżlattivi tal-Parlament ġew kompromessi serjament;

3.

Jenfasizza l-importanza strateġika ta' relazzjonijiet tajbin bejn l-UE u t-Turkija u l-valur miżjud għoli tal-kooperazzjoni fl-indirizzar tal-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żewġ naħat; jirrikonoxxi li kemm it-Turkija kif ukoll l-UE għaddew mill-proċessi ta' trasformazzjoni interna tagħhom minn mindu nfteħu n-negozjati ta' adeżjoni fl-2004; jiddispjaċih li l-istrumenti ta' adeżjoni ma ntużawx għalkollox, u li kien hemm rigress fl-oqsma tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, li huma fil-qalba tal-kriterji ta' Kopenħagen, u li, matul is-snin, l-appoġġ pubbliku għall-integrazzjoni sħiħa tat-Turkija fl-UE ddgħajjef fuq iż-żewġ naħat; jibqa' impenjat favur il-kooperazzjoni u ż-żamma ta' djalogu kostruttiv u miftuħ mal-Gvern Tork, sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni u prijoritajiet kondiviżi, bħalma huma l-istabbiltà reġjonali, is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-migrazzjoni u s-sigurtà;

4.

Jieħu nota tal-eżitu tar-referendum tas-16 ta' April 2017, li sar taħt l-istat ta' emerġenza u f'ċirkustanzi li ma ppermettewx kampanja ġusta u għażla informata peress li ż-żewġ naħat tal-kampanja ma kinux fl-istess sitwazzjoni f'termini ta' opportunitajiet u peress li d-drittijiet ta' dawk li jopponu r-riforma kostituzzjonali ġew miksura; jinsab imħasseb serjament dwar l-allegazzjonijiet ta' irregolaritajiet u frodi elettorali mifruxa identifikati fis-sejbiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODHIR), maħruġa fis-17 ta' April 2017, li jqajmu dubji serji dwar il-validità u l-leġittimità tal-eżitu; jaqbel li ssir inkjesta indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha marbutin ma' irregolaritajiet elenkati fid-dikjarazzjoni tal-OSKE/ODHIR; jinnota d-deċiżjoni tal-APKE li terġa' tiftaħ il-proċess ta' monitoraġġ għat-Turkija;

5.

Jirrimarka li t-Turkija trid tirrispetta l-impenji tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; jistieden lit-Turkija tibqa' konformi mal-impenji tagħha tal-Kunsill tal-Ewropa u timplimenta bidliet u riformi kostituzzjonali u ġudizzjarji f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni ta' Venezja u skont il-kriterji tagħha;

6.

Jikkundanna bil-qawwa l-appoġġ iddikjarat ripetutament għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt min-naħa tal-President Tork u diversi persunaġġi politiċi oħra; ifakkar li ċ-ċaħda inekwivoka tal-piena tal-mewt hija kundizzjoni essenzjali għal sħubija fl-UE u jenfasizza li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt tkun ksur tal-impenji internazzjonali tat-Turkija, tixħet dubju fuq is-sħubija tat-Turkija fil-Kunsill tal-Ewropa u twassal għal tmiem immedjat tat-taħdidiet ta' adeżjoni mal-UE u l-appoġġ ta' qabel l-adeżjoni; jenfasizza li, jekk jiġi organizzat referendum dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fit-Turkija, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jippermettu li dan il-vot jiġi ffaċilitat fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;

7.

Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu ta' Novembru 2016 li jiġi ffriżat il-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skont il-Qafas ta' Negozjar, jissospendu formalment in-negozjati tal-adeżjoni mat-Turkija bla dewmien jekk il-pakkett ta' riformi kostituzzjonali jiġi implimentat mingħajr tibdil; jenfasizza, filwaqt li jqis ir-rimarki tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar ir-riforma kostituzzjonali, li l-emendi kostituzzjonali proposti ma jirrispettawx il-prinċipji fundamentali tas-separazzjoni tal-poteri, ma jipprovdux kontrolli u bilanċi suffiċjenti u mhumiex konformi mal-kriterji ta' Kopenħagen; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lit-Turkija jagħmlu diskussjoni miftuħa u onesta dwar l-oqsma ta' interess reċiproku li għalihom tkun possibbli l-kooperazzjoni intensifikata; jenfasizza li kwalunkwe impenn politiku bejn l-UE u t-Turkija għandu jkun mibni fuq dispożizzjonijiet ta' kundizzjonalità fir-rigward tar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

9.

Jinnota b'dispjaċir li l-miżuri sproporzjonati meħuda wara d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza kellhom fil-mira, permezz tad-detenzjoni, tkeċċijiet, arresti u konfiski ta' proprjetà, mhux biss lil eluf ta' nies li allegatament huma membri jew partitarji tal-moviment Gülen, iżda wkoll, b'mod ġenerali lil persuni li għandhom opinjoni kuntrarja u b'mod partikolari lil partiti politiċi tal-oppożizzjoni; għadu qed jistenna evidenza konvinċenti fir-rigward tal-awturi tal-attentat ta' kolp ta' stat; jikkundanna bil-qawwa l-priġunerija ta' 11-il Membru Parlamentari li jappartjenu lill-Partit Demokratiku Popolari (HDP), inklużi l-kopresidenti tiegħu s-Sa Figen Yuksekdag u s-Sur Selahattin Demirtas, Membru Parlamentari wieħed mill-Partit Popolari Repubblikan (CHP) u ta' 85 sindku muniċipali Kurd; iħeġġeġ lill-Gvern Tork ineħħi l-istat ta' emerġenza immedjatament; iwissi kontra l-abbuż ta' miżuri kontra t-terroriżmu għal leġittimizzazzjoni tar-ripressjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) biex immedjatament idaħħlu l-ewwel każijiet eżemplari u tikkonkludi l-ewwel proċedimenti malajr kemm jista’ jkun, peress li donnu li ma jeżistux rimedji nazzjonali effettivi;

10.

Jitlob lill-awtoritajiet Torok iwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar allegazzjonijiet ta' trattament ħażin serju ta' priġunieri, kif irrappurtat minn bosta organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li jkun hemm obbligu ta' rendikont u kkastigar ta' dawk li jinstabu ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab imħasseb ħafna dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni; jappella għall-pubblikazzjoni immedjata tal-aħħar rapporti tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti tal-Kunsill tal-Ewropa, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok jippermettu osservaturi nazzjonali u internazzjonali jimmonitorjaw il-faċilitajiet ta' detenzjoni;

11.

Jistieden lill-Gvern Tork joffri rimedji adegwati u effettivi kif ukoll rieżami ġudizzjarju skont l-istat tad-dritt lill-persuni kollha soġġetti għal miżuri restrittivi; jenfasizza li l-preżunzjoni ta' innoċenza hija prinċipju fundamentali fi kwalunkwe stat kostituzzjonali; jinnota li, taħt l-istat ta' emerġenza attwali, ċittadini arrestati m'għandhom ebda dritt għal għajnuna legali matul l-ewwel ħamest ijiem tad-detenzjoni tagħhom, u jiddeplora r-restrizzjonijiet severi li saru fuq l-aċċess tad-detenuti għal avukati; jenfasizza li minn Lulju 2016 tressqu 'l fuq minn 100 000 ilment legali lill-Qorti Kostituzzjonali Torka, li ddikjarat ruħha li m'għandhiex kompetenza fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan id-digriet ta' urġenza; jistieden lit-Turkija tirrevedi bħala kwistjoni ta' urġenza l-“Kummissjoni ta' Inkjesta għall-Prattiki tal-Istat ta' Emerġenza” b'tali mod li din issir kummissjoni soda, indipendenti u awtorizzata bis-sħiħ li tkun kapaċi tittratta b'mod individwali lill-każijiet kollha, tipproċessa b'mod effettiv l-għadd enormi ta' applikazzjonijiet li se tirċievi u tiżgura li r-reviżjoni ġudizzjarja ma tittardjax għalxejn;

12.

Jikkundanna bil-qawwa il-passi lura u l-ksur serji tal-libertà tal-espressjoni u l-ksur serju tal-libertà tal-midja, inklużi l-projbizzjonijiet sproporzjonati tas-siti tal-midja u tal-midja soċjali; jinnota bi tħassib l-għeluq ta' madwar 170 mezz ta' xandir, u fosthom kważi kull mezz li jxandar bil-lingwa Kurda – u l-priġunerija ta' aktar minn 150 ġurnalist; jenfasizza li d-deċiżjoni tat-Turkija li timblokka l-aċċess għall-Wikipedia tikkostitwixxi attakk serju fuq il-libertà tal-informazzjoni; jinnota d-deterjorament kontinwu tat-Turkija fil-klassifika tal-libertà tal-istampa fl-indiċi kkompilat mill-organizzazzjoni Korrispondenti mingħajr Fruntieri, li issa kklasifikat lit-Turkija fil-post 155 minn 180 pajjiż; ifakkar li stampa ħielsa u pluralista, inkluż internet liberu u miftuħ, hija element essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija, u jħeġġeġ lill-Gvern Tork jeħles b'mod immedjat lill-ġurnalisti kollha arrestati b'mod illegali; jistieden lill-Gvern Tork jippermetti lill-ex-Membru tal-Parlament Ewropew u l-President tal-Kumitat Parlamentari Konġunt, is-Sur Joost Lagendijk, jerġa' lura ma' familtu fit-Turkija;

13.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li kontinwament sejra għall-agħar fix-Xlokk tat-Turkija, b'mod partikolari fiż-żoni fejn ġew imposti curfews, intużat forza eċċessiva u ġie applikat kastig kollettiv għall-abitanti kollha, u fejn madwar 2 000 persuna ġew irrappurtati maqtula fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta' sigurtà u madwar nofs miljun persuna ġew spostati fil-perjodu li jibda minn Lulju 2015 sa Diċembru 2016; jinnota li l-prosekuturi lokali rrifjutaw b'mod konsistenti li jiftħu investigazzjonijiet dwar il-każijiet ta' qtil rappurtati u li l-osservaturi indipendenti ġie miċħud lilhom l-aċċess għaż-żona; ifakkar li l-Gvern Tork għandu responsabilità li jipproteġi liċ-ċittadini kollha tiegħu, irrispettivament mill-oriġini kulturali jew reliġjuża tagħhom u mit-twemmin tagħhom; jiddeplora l-prattika mifruxa ta' esproprjazzjoni, fosthom ta' proprjetajiet li jappartjenu lill-muniċipalitajiet kif ukoll proprjetajiet li jappartjenu lill-knisja, li hu ksur tad-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi; jinsab konvint li hija biss soluzzjoni politika ġusta tal-kwistjoni Kurda li tista' ġġib stabbiltà u prosperità sostenibbli, kemm għaż-żona kif ukoll għat-Turkija kollha kemm hi, u għaldaqstant jitlob liż-żewġ naħat immorru lura mal-mejda tan-negozjati; jinnota li sensiela ta' liġijiet, li jinkludu l-Liġi Nru 6722 dwar il-protezzjoni legali tal-forzi tas-sigurtà li jipparteċipaw fil-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet terroristiċi adottata fl-2016, ħolqu atmosfera ta' “impunità sistematika” għall-forzi tas-sigurtà;

14.

Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Parlament Tork biex ineħħi l-immunità ta' għadd kbir ta' MP b'mod mhux kostituzzjonali, fosthom 55 mid-59 membru parlamentari tal-HDP, li wittiet it-triq għall-arresti ta' politikanti tal-oppożizzjoni u għamlet ħsara serja lill-immaġni tal-Parlament bħala istituzzjoni demokratika; jenfasizza li l-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija jenħtieġ tkun l-istituzzjoni ċentrali tad-demokrazija Torka, u tirrappreżenta liċ-ċittadini kollha fuq termini ugwali; jiddispjaċih dwar ir-rata għolja tal-livell minimu elettorali;

15.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-imħallfin u l-prosekuturi għadhom taħt pressjoni politika qawwija u li kważi 4 000 minnhom, li huwa kważi kwart tal-imħallfin u l-prosekuturi kollha, ġew imkeċċija jew arrestati u f'xi każijiet, il-proprjetajiet tagħhom ġew ikkonfiskati; jistieden lit-Turkija tistabbilixxi mill-ġdid u timplimenta l-garanziji legali kollha biex tiżgura rispett sħiħ għall-indipendenza tal-ġudikatura, anke billi temenda l-liġi dwar il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi (HSYK) sabiex titnaqqas l-influwenza tal-eżekuttiv fi ħdan dak il-Kunsill; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li l-istituzzjoni tal-“imħallfin kriminali tal-paċi” stabbilita f'Ġunju 2014 mill-gvern fil-kariga, donnu li ġiet ittrasformata fi strument ta' fastidju biex tiġi mrażżna l-oppożizzjoni, kif ukoll biex tkun ikkontrollata l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ġenerali;

16.

Jinsab serjament imħasseb dwar in-nuqqas ta' rispett għal-libertà ta' reliġjon, dwar id-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi, inklużi l-insara u l-Alevi, u l-vjolenza għal raġunijiet reliġjużi, inklużi attakki verbali u fiżiċi, l-istigmatizzazzjoni u l-pressjoni soċjali fl-iskejjel, u l-problemi relatati mal-istabbiliment legali ta' post ta' qima; jistieden lill-awtoritajiet Torok jippromwovu riformi pożittivi u effettivi fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon, billi jagħtu lok lill-komunitajiet reliġjużi jiksbu personalità legali, jippermettu lill-fondazzjonijiet tal-karità jagħżlu l-korpi ta' tmexxija tagħhom, jeliminaw ir-restrizzjonijiet kollha fuq it-taħriġ, il-ħatra u s-suċċessjoni tal-kleru, jikkonformaw mas-sentenzi rilevanti tal-QEDB u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u billi jeliminaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni jew ostakoli bbażati fuq ir-reliġjon; jappella lit-Turkija tirrispetta n-natura distinta u l-importanza tal-Patrijarkat Ekumeniku, u tirrikonoxxi l-personalità legali tiegħu; itenni l-bżonn li jingħata l-permess għal ftuħ mill-ġdid tas-Seminarju ta' Halki, u li jitneħħew l-ostakoli kollha għall-funzjonament xieraq tiegħu; jinsab imħasseb dwar il-qbid reċenti tal-knejjes fir-reġjun ta' Diyarbakir; iħeġġeġ lill-gvern biex jirritornahom lill-proprjetarji leġittmi tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex jikkumbattu bis-serjetà kull manifestazzjoni ta' anti-Semitiżmu fis-soċjetà;

17.

Jistieden lit-Turkija tipproteġi d-drittijiet tal-gruppi l-aktar vulnerabbli u tal-persuni li jappartjenu lill-minoranzi; jiddispjaċih dwar il-fatt li d-dimostrazzjonijiet LGBTI f'Ankara u f'Istanbul ġew ipprojbiti għat-tielet sena konsekuttiva u kellhom jaffaċċjaw it-trażżin u l-vjolenza tal-pulizija; jinsab serjament imħasseb dwar il-vjolenza sessista, id-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda kontra l-minoranzi, ir-reati ta' mibegħda u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI; jistieden lit-Turkija tieħu miżuri adegwati biex tipprevjeni u tikkastiga d-diskors ta' mibegħda jew delitti kontra l-minoranzi; jistieden lit-Turkija tarmonizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa, li hi rratifikat fl-2014; jilqa' l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni nazzjonali tal-gvern għar-Rom u jistieden lill-Gvern Tork biex jibda jimplimenta l-istrateġija u biex jistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw l-ostakli prinċipali għall-inklużjoni soċjali tar-Rom; jistieden lit-Turkija tipprovdi ugwaljanza sħiħa għaċ-ċittadini kollha u tindirizza l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-membri tal-minoranzi, b'mod partikolari rigward id-drittijiet għall-edukazzjoni u l-proprjetà; jinnota li, f'konformità mal-kriterji ta' Kopenħagen, il-minoranzi għandu jkollhom ukoll id-dritt li jirċievu edukazzjoni fil-lingwa nativa tagħhom fl-iskejjel pubbliċi; ifakkar fl-importanza tal-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Imbros u Tenedos, u jistieden lit-Turkija tgħin ir-ripatrijazzjoni tal-familji ta' minoranzi li jixtiequ jmorru lura lejn il-gżejjer; jilqa' l-ftuħ ta' skola għall-minoranza Griega fuq il-gżira ta' Imbros, li jikkostitwixxi pass pożittiv;

18.

Jistieden lill-Gvern Tork jirrispetta u jimplimenta għalkollox l-obbligi legali li impenja ruħu għalihom fir-rigward il-protezzjoni tal-wirt kulturali u, b'mod partikolari, biex ifassal, in buona fede, inventarju integrat tal-wirt kulturali Grieg, Armen, Assirjan u wirt kulturali oħra li safa meqrud jew ħerba tul is-seklu li għadda; jistieden lit-Turkija tirratifika l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali; jistieden lit-Turkija tikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa, fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-qerda intenzjonata tal-wirt kulturali;

19.

Jilqa' l-isforzi minn Stati Membri individwali, li ħaffew il-proċeduri ta' asil għaċ-ċittadini Torok ppersegwitati taħt id-digrieti ta' emerġenza;

Relazzjonijiet UE-Turkija

20.

Jilqa' t-tisħiħ tar-relazzjonijiet UE-Turkija f'oqsma ewlenin ta' interess komuni, bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-migrazzjoni, l-enerġija, l-ekonomija u l-kummerċ, u jtenni li d-djalogu u l-kooperazzjoni jenħtieġ li jinżammu u jiġu mħeġġa; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija f'dawn l-oqsma tirrappreżenta investiment fl-istabbiltà u l-prosperità kemm tat-Turkija kif ukoll tal-UE, sakemm din tkun ibbażata mill-partijiet kollha fuq rispett lejn l-impenji tagħhom fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet bażiċi; jemmen li l-kooperazzjoni fost il-membri tas-soċjetà ċivili hija ta' importanza fundamentali u jħeġġeġ li dawn il-kuntatti jiġu intensifikati;

21.

Jistieden lit-Turkija tkompli tallinja l-politika barranija tagħha ma' dik tal-UE; jitlob għal kooperazzjoni aktar mill-qrib u għal koordinazzjoni tal-isfidi tal-politika barranija bejn l-UE u t-Turkija; huwa tal-opinjoni li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork għandu jkun mistieden jattendi laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin fuq bażi ta' każ b'każ kull meta jkun rilevanti; jirrakkomanda li l-Kunsill jistieden b'urġenza lill-Gvern Tork għal summit biex jiġu diskussi r-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija;

22.

Jemmen li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali jista' jirriżulta f'benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini fit-Turkija u l-UE, u għaldaqstant, fid-dawl tan-nuqqasijiet attwali tal-Unjoni Doganali, jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jingħata bidu għal negozjati dwar it-titjib tal-Unjoni Doganali; itenni li l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tat-Turkija u li żewġ terzi tal-Investiment Dirett Barrani (IDB) fit-Turkija ġejjin minn Stati Membri tal-UE; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ekonomika tat-Turkija bħala suq ta' tkabbir għall-UE; iqis l-involviment tas-sħab soċjali fin-negozjati bħala kruċjali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Unjoni Doganali aġġornata bejn it-Turkija u l-UE, li tagħmel id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kundizzjonalità ewlenija; ifakkar li l-Unjoni Doganali tista' biss tilħaq il-potenzjal kollu tagħha meta t-Turkija timplimenta għalkollox il-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-Istati Membri kollha; jinnota l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tista' tiġi stimulata aktar integrazzjoni kummerċjali mal-UE jekk it-Turkija telimina l-ostakoli għall-funzjonament tal-Unjoni Doganali;

23.

Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-viża hija ta' importanza kbira għaċ-ċittadini Torok, b'mod partikolari għan-negozjanti u għall-persuni ta' oriġini Torka fl-UE, u ser issaħħaħ il-kuntatti bejn in-nies; iħeġġeġ lill-Gvern Tork jikkonforma għalkollox mal-kriterji pendenti finali, kif identifikati fil-pjan direzzjonali tal-liberalizzazzjoni tal-viża; jenfasizza li reviżjoni tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu hija kundizzjoni ewlenija biex jiġu żgurati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u li l-liberalizzazzjoni tal-viża se tkun possibbli biss ladarba l-kriterji kollha jkunu ġew issodisfati;

24.

Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jfakkar is-sejbiet tal-Kummissjoni li l-korruzzjoni għadha prevalenti f'ħafna oqsma u għadha problema serja; josserva wkoll li r-riżultati tal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni fil-każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli għadhom fqar;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-aktar żviluppi riċenti fit-Turkija meta twettaq ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) fl-2017, u tissospendi l-fondi ta' qabel l-adeżjoni jekk in-negozjati tal-adeżjoni jiġu sospiżi; jistieden lill-Kummissjoni, fil-każ li dak ix-xenarju jseħħ, biex tuża dawk il-fondi biex tappoġġa lis-soċjetà ċivili Torka u lir-rifuġjati fit-Turkija b'mod dirett, u tinvesti iktar fi programmi ta' skambji interpersonali, bħall-Erasmus+ għall-istudenti, l-akkademiċi u l-ġurnalisti;

26.

Jikkundanna bil-qawwa kollha l-attakki terroristiċi kollha mwettqa fit-Turkija, u jappoġġja bis-sħiħ il-popolazzjoni tat-Turkija fil-ġlieda komuni tagħna kontra t-terroriżmu; jilqa' r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u t-Turkija fil-qasam tal-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu fir-rigward tal-“ġellieda barranin”; jemmen li l-kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-Europol u l-aġenziji Torok tal-infurzar tal-liġi hi essenzjali biex it-terroriżmu jiġi miġġieled b'mod effikaċi; itenni l-kundanna tiegħu tar-ritorn tal-vjolenza min-naħa tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK), li ilu fuq il-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi mill-2002, u jħeġġeġ lill-partit biex iċedi l-armi u juża mezzi paċifiċi u legali biex ileħħen l-aspettativi tiegħu; jenfasizza li soluzzjoni paċifika għall-kwistjoni tal-Kurdi hija meħtieġa wkoll għall-ġejjieni demokratiku tat-Turkija, u se tintlaħaq biss bl-involviment tal-partijiet u l-forzi demokratiċi kollha kkonċernati; jitlob li jerġgħu jinbdew negozjati bl-għan li tinkiseb soluzzjoni komprensiva u sostenibbli għall-kwistjoni tal-Kurdi; jistieden lill-Istati Membri jinforzaw il-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-użu ta' sinjali u simboli ta' organizzazzjonijiet li jinsabu fuq il-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi;

27.

Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Gvern Tork li jżomm lil Membri Parlamentari Ġermaniżi milli jżuru l-Forzi Armati Federali Ġermaniżi f'Inċirlik, li jfisser li huma issa se jiġu rilokati għal pajjiż li mhux membri tan-NATO, u dan jirrappreżenta daqqa ta' ħarta kbira għal kooperazzjoni effettiva bejn l-alleati tan-NATO fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

28.

Ifaħħar l-involviment mill-Gvern Tork u l-NGOs lokali u l-ospitalità murija mill-popolazzjoni fl-ospitar ta' madwar 3 miljun rifuġjat; jinnota d-dikjarazzjoni UE-Turkija dwar il-migrazzjoni, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jibdew skema ta' risistemazzjoni volontarja għall-aktar rifuġjati vulnerabbli fit-Turkija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura investiment fit-tul kemm fir-rifuġjati kif ukoll fil-komunitajiet ospitanti tagħhom fit-Turkija, kif ukoll l-infiq adegwat tal-fondi; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jagħti permessi tax-xogħol u aċċess għall-kura tas-saħħa lir-refuġjati Sirjani kollha, u biex jipprovdi aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal Sirjani; jistieden lil Ankara u l-UE jkomplu bl-isforzi koordinati tagħhom ta' patrulji fil-Baħar Eġew, jintensifikaw l-isforzi biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-migranti u biex jiġi implimentat għalkollox u b'mod effettiv il-Ftehim ta' Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija l-ftehimiet ta' riammissjoni bilaterali ffirmati mal-Bulgarija u mal-Greċja;

29.

Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet li għamel il-President Erdogan fejn jakkuża lill-mexxejja tal-UE bi “prattiki Nażisti” u liċ-ċittadini tagħhom li huma “Nażisti”; jirrimarka li t-tkomplija ta' tali dikjarazzjonijiet mhux ġustifikati xxekkel il-kredibilità tat-Turkija bħala sieħeb politiku u li l-esportazzjoni tal-kunflitti interni tagħha huma theddida għall-koeżistenza paċifika fi ħdan is-soċjetà f'dawk l-Istati Membri li għandhom komunità sostanzjali ta' ta' oriġini Torka; jenfasizza li l-Gvern Tork irid jastjeni minn sforzi sistematiċi biex jimmobilizza d-dijaspora Torka fl-Istati Membri għall-iskopijiet tiegħu; jinnota bi tħassib ir-rapporti tal-allegata pressjoni fuq il-membri tad-dijaspora Torka li jgħixu fl-Istati Membri u jikkundanna s-sorveljanza min-naħa tal-awtoritajiet Torok taċ-ċittadini b'ċittadinanza doppja li jgħixu barra mill-pajjiż; jinsab imħasseb dwar ir-revoka ta' numru kbir ta' passaporti, li għamlet lill-persuni konċernati apolidi bi ksur tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1954 dwar l-istatus ta' persuni apolidi u l-Konvenzjoni tan-NU tal-1961 dwar it-tnaqqis tal-apolidija, u r-rifjut rappurtat ta' servizzi minn konsulati Torok lil għadd ta' ċittadini Torok;

30.

Ifakkar fl-importanza taż-żamma ta' relazzjonijiet tajba mal-ġirien; jappella, f'dan ir-rigward, lit-Turkija biex tintensifika l-isforzi tagħha sabiex issolvi l-kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi l-obbligi ġuridiċi pendenti u t-tilwimiet mhux riżolti mal-ġirien immedjati tagħha dwar fruntieri tal-art u tal-baħar u dwar l-ispazju tal-ajru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; jappella lill-gvern Tork sabiex jiffirma u jirratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex itemm il-vjolazzjonijiet ripetuti tal-ispazju tal-ajru u tal-ilmijiet territorjali Griegi, u biex jirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità ta' kull pajjiż ġar tat-Turkija; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li t-theddida ta' casus belli ddikjarata mill-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija kontra l-Greċja għadha ma ġietx irtirata;

31.

Jitlob lit-Turkija u lill-Armenja biex jaħdmu favur in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom; jenfasizza li l-ftuħ tal-fruntiera bejn it-Turkija u l-Armenja jista' jwassal għal titjib fir-relazzjonijiet, b'referenza partikolari għall-kooperazzjoni transkonfinali u l-integrazzjoni ekonomika;

32.

Jappella lill-gvern Tork iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Akkuyu; jirrimarka li s-sit previst jinsab f'reġjun suxxettibbli għal terremoti severi, u għalhekk jippreżenta theddida serja mhux biss għat-Turkija iżda wkoll għar-reġjun tal-Mediterran; jitlob, għaldaqstant, lill-gvern Tork biex jingħaqad mal-Konvenzjoni Espoo, li qed timpenja l-partijiet tagħha biex jinnotifikaw u jikkonsultaw lil xulxin dwar proġetti ewlenin li jkunu qed jiġu kkunsidrati u li aktarx ikollhom impatt ambjentali negattiv sinifikanti fil-livell transfruntiera; jitlob, għal dan il-għan, lill-Gvern Tork biex jinvolvi, jew għall-anqas jikkonsulta, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tiegħu, bħall-Greċja u Ċipru, rigward kwalunkwe żvilupp ulterjuri fl-inizjattiva ta' Akkuyu;

33.

Jissottolinja li soluzzjoni għall-problema ta' Ċipru jkollha impatt pożittiv fuq ir-reġjun kollu, filwaqt li l-ewwel u qabel kollox din tkun ta' benefiċċju għaċ-Ċiprijotti Griegi kif ukoll għaċ-Ċiprijotti Torok; jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Frar 2014 bħala bażi għal soluzzjoni u jfaħħar il-mexxejja tal-komunità Ċiprijotta Griega u dik Ċiprijotta Torka talli kisbu progress sostanzjali fit-taħdidiet dwar ir-riunifikazzjoni; jilqa' l-ftehim bejn iż-żewġ mexxejja dwar sensiela ta' miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u jħeġġeġ li l-miżuri kollha miftiehma jiġu implimentati; jilqa' l-iskambju ta' mapep preferuti, s'issa bla preċedent, u l-ewwel konferenza dwar Ċipru li saret f'Ġinevra mas-setgħat garanti u bil-parteċipazzjoni tal-UE, u jappoġġja l-issuktar tagħha bil-għan li jintlaħaq ftehim aċċettabbli b'mod reċiproku dwar il-kapitolu li jitratta s-sigurtà u garanziji; jappoġġja soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli bbażata fuq federazzjoni bikomunali u biżonali, personalità legali internazzjonali waħda, sovranità waħda u ċittadinanza waħda b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, id-dritt internazzjonali u l-acquis tal-UE, u abbażi tar-rispett għall-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jilqa' l-impenn intensifikat mill-partijiet sabiex tinkiseb soluzzjoni tal-problema ta' Ċipru; jistenna li t-Turkija turi appoġġ attiv għal konklużjoni rapida u b'suċċess tan-negozjati, u jtenni li l-impenn u l-kontribut tat-Turkija għal soluzzjoni komprensiva għadhom kruċjali; jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jappoġġaw il-proċess ta' negozjar b'mod attiv, jikkontribwixxu għal eżitu pożittiv, u jużaw l-opportunità li nfetħet issa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża r-riżorsi kollha tagħha biex tappoġġja bis-sħiħ il-konklużjoni b'suċċess tal-proċess ta' riunifikazzjoni;

34.

Itenni l-appell tiegħu lit-Turkija biex tibda tirtira t-truppi tagħha minn Ċipru, tittrasferixxi ż-żona magħluqa ta' Famagusta lin-NU, skont ir-Riżoluzzjoni 550 (tal-1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u biex ma tiħux azzjonijiet li jibdlu l-bilanċ demografiku fuq il-gżira permezz tal-politika tagħha ta' insedjamenti illegali; jinnota l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE fl-istat kostitwenti Tork Ċiprijott futur mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' soluzzjoni trid diġà tkun ġiet ippreparata tajjeb; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-kontinwazzjoni tal-ħidma tal-kumitat bikomunali ad hoc dwar il-preparazzjoni tal-UE; jimpenja ruħu li jżid l-isforzi tiegħu ta' involviment mal-komunità Ċiprijotta Torka fit-tħejjija tagħha għal integrazzjoni sħiħa fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel l-istess; ifaħħar il-ħidma importanti tal-Kumitat għal Persuni Nieqsa (CMP, li jittratta persuni nieqsa Ċiprijotti Torok kif ukoll Ċiprijotti Griegi), u jfaħħar il-fatt li ngħata aċċess aħjar għas-siti rilevanti, inklużi ż-żoni militari; jistieden lit-Turkija tgħin lis-CMP billi tipprovdi informazzjoni mill-arkivji militari tagħha; jappella biex tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-ħidma mwettqa mis-CMP, u jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħatra ta' Rapporteur Permanenti tal-Parlament Ewropew dwar persuni nieqsa;

35.

Jirrikonoxxi d-dritt tar-Repubblika ta' Ċipru li tikkonkludi ftehimiet bilaterali li jikkonċernaw iż-żona ekonomika esklużiva tagħha; itenni t-talba tiegħu lit-Turkija biex tirrispetta għalkollox id-drittijiet sovrani tal-Istati Membri kollha, inklużi dawk relatati mat-tiftix tar-riżorsi naturaliu mal-isfruttament tagħhom f'konformità mal-acquis tal-Unjoni u mad-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lit-Turkija timpenja ruħha fis-soluzzjoni paċifika tat-tilwim, u biex iżżomm lura minn kwalukwe theddida jew azzjoni li jista' jkollhom effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet ta' ġirien tajba;

36.

Jinsab konvint li hija biss soluzzjoni politika kredibbli li se tiżgura l-istabbiltà fis-Sirja u tippermetti rebħa deċiżiva fis-Sirja fil-konfront tal-ISIS/Da'esh u gruppi oħra li ġew indikati min-NU bħala gruppi terroristiċi; jerġa jafferma l-preminenza tal-proċess ta' Ġinevra mmexxija min-NU; jirrikonoxxi l-isforzi li saru fil-laqgħat ta' Astana biex jerġa' jiġi stabbilit tmiem sħiħ tal-ostilitajiet kif ukoll l-istabbiliment tal-mekkaniżmu trilaterali għall-monitoraġġ u biex tkun żgurata konformità sħiħa mal-waqfien mill-ġlied; iħeġġeġ lill-garanti kollha, inkluża t-Turkija, biex jonoraw l-impenji tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-waqfien mill-ġlied u biex javvanzaw fl-iżgurar ta' aċċess umanitarju sħiħ u bla xkiel fil-pajjiż kollu, il-waqfien tal-assedji u l-ħelsien ta' kull persuna detenuta b'mod arbitrarju, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2268 tal-KSNU; itenni l-appell tiegħu lit-Turkija biex tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-ġirien kollha tagħha;

37.

Jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bit-Tork;

o

o o

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0450.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

(3)  ĠU C 285, 5.8.2016, p. 11.

(4)  ĠU C 328, 6.9.2016, p. 2.

(5)  ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.