23.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 298/39


P8_TA(2017)0124

L-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE (2015/2342(INI))

(2018/C 298/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 80, 208 u 216 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata f'Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni intitolati: “Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” tat-13 ta' Mejju 2015 (COM(2015)0240); “L-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp” tas-26 ta' April 2016 (COM(2016)0234); “It-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” tas-7 ta' Ġunju 2016 (COM(2016)0385); u “It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieġ u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa” tal-14 ta' Settembru 2016 (COM(2016)0581); u lill-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà intitolat:“L-indirizzar tal-Kriżi tar-Rifuġjati fl-Ewropa: Ir-Rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE” tad-9 ta’ Settembru 2015 (JOIN(2015)0040); “Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet” tal-25 ta' Jannar 2017 (JOIN(2017)0004; u “Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” tat-18 ta' Novembru 2015 (JOIN(2015)0050),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali dwar l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) tat-3 ta' Mejju 2012,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-migrazzjoni tal-25-26 ta' Ġunju, tal-15 ta' Ottubru u tas-17-18 ta' Diċembru 2015 kif ukoll tas-17-18 ta' Marzu u tat-28 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-migrazzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tat-12 ta' Diċembru 2014, dwar il-migrazzjoni tat-12 ta' Ottubru 2015, dwar l-approċċ tal-UE lejn iċ-ċaqliq sfurzat u l-iżvilupp tat-12 ta' Mejju 2016 u dwar l-aspetti esterni tal-migrazzjoni tat-23 ta' Mejju 2016,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-prijoritajiet futuri tas-sħubija u l-patti mal-Ġordan u mal-Libanu tas-17 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar ir-rotta tal-Balkani tal-Punent u l-Mediterran tal-Lvant tat-8 ta' Ottubru 2015,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit tal-Belt Valletta tal-11-12 ta' Novembru 2015,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (9/2016) intitolat “L-infiq tal-UE fuq il-politika esterna dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Viċinat tal-Lvant sal-2014”,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll relatat, u l-konvenzjonijiet internazzjonali fundamentali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom li jirregolaw il-kondotta tal-kunflitt armat u li jimmiraw li jillimitaw l-effetti tiegħu,

wara li kkunsidra d-dokument li rriżulta mis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta' Settembru 2015 intitolat “Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli”,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata “Address Large Movements of Refugees and Migrants” (Insibu tarf tal-ispostamenti kbar ta' rifuġjati u migranti) tad-19 ta' Settembru 2016 u l-annessi tagħha intitolati “Comprehensive refugee response framework” (Qafas ta' risposta komprensiva għar-rifuġjati) u “Towards a global compact for safe, orderly and regular migration” (Lejn patt globali għall-migrazzjoni sigura, ordinata u regolari),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dawk tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (1), tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE (2), tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni (3), tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja (4) u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0045/2017),

A.

billi l-migrazzjoni hija dritt tal-bniedem minqux fl-Artikolu 13 tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-persuni għandu jkollhom id-dritt li jgħixu ħajjithom f'pajjiżhom u fir-reġjun fejn ikunu twieldu u trabbew u fejn għandhom l-għeruq kulturali u soċjali tagħhom;

B.

billi l-mobilità umana tinsab f'livell għoli liema bħalu, b'244 miljun migrant internazzjonali, minħabba diversi raġunijiet, li jemigraw kemm volontarjament kif ukoll involontarjament; billi tali migrazzjoni internazzjonali sseħħ primarjament fi ħdan l-istess reġjun u bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), il-migranti nisa jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-migranti internazzjonali fl-Ewropa (52,4 %) u fl-Amerika ta' Fuq (51,2 %); billi l-flussi migratorji Nofsinhar-Nofsinhar baqgħu jiżdiedu meta mqabbla mal-movimenti Nofsinhar-Tramuntana: fl-2015, 90,2 miljun migrant internazzjonali mwielda fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu jirrisjedu f'pajjiżi oħrajn fin-Nofsinhar globali, mentri 85,3 miljun imwielda fin-Nofsinhar kienu jirrisjedu fil-pajjiżi tat-Tramuntana globali;

C.

billi numru dejjem akbar ta' minorenni mhux akkumpanjati qiegħed jaqsam il-Mediterran, u, minkejja ż-żieda fl-operazzjonijiet ta' salvataġġ, in-numru ta' mwiet fil-Mediterran għadu qiegħed jikber (5 079 fl-2016 meta mqabbel ma' 3 777 fl-2015, skont iċ-ċifri tal-IOM);

D.

billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonitajiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (l-UNHCR), fl-2015 numru rekord ta' 65,3 miljun ruħ – fosthom 40,8 miljun persuna spostata internament (IDPs) u 21,3 miljun rifuġjat – għadhom spostati b'mod furzat minħabba kunflitti, vjolenza, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u destabbilizzazzjoni; billi dan seħħ flimkien mal-każ ta' dawk spostati minħabba d-diżastri naturali, l-inugwaljanzi, il-faqar, il-prospetti soċjoekonomiċi skarsi, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' politiki serji u effikaċi ta' żvilupp fit-tul kif ukoll in-nuqqas ta' rieda politika biex jiġu indirizzati b'mod deċiżiv il-problemi strutturali li jirfdu dawn il-flussi migratorji; billi l-UNHCR jistma li fid-dinja hawn mill-inqas 10 miljun persuna apolida;

E.

billi d-data attwalment disponibbli turi żieda fl-għadd ta' rifuġjati ta' aktar minn 50 % f'dawn l-aħħar ħames snin; billi din iż-żieda impressjonanti hija spjegata minn għadd ta' elementi, inkluż il-fatt li r-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati jinsab fil-livell l-aktar baxx mis-snin 1980, li n-numru ta' rifuġjati li jkunilhom offruti possibbiltajiet ta' integrazzjoni lokali għadu limitat u li ċ-ċifri ta' risistemazzjoni huma stabbli f'bejn wieħed u ieħor 100 000 fis-sena;

F.

billi 6,7 miljun rifuġjat qegħdin jgħixu f'sitwazzjonijiet ta' spostament fit-tul – li hu stmat li jtawwal għal medja ta' 26 sena – b'nuqqas totali ta' prospettivi; billi s-soluzzjonijiet dejjiema għall-ispostament jibqgħu inaċċettabbilment baxxi, li jrendi neċessarju l-fatt li l-ispostament furzat jitqies bħala sfida politika u ta' żvilupp, mhux waħda esklużivament ta' natura umanitarja;

G.

billi l-isfidi globali jirrikjedu approċċ olistiku u multilaterali bbażat fuq il-kooperazzjoni u s-sinerġiji internazzjonali, kif ukoll fuq soluzzjonijiet koordinati u konkreti, li ma għandhomx jirreaġixxu biss għal kriżijiet futuri iżda għandhom jantiċipawhom; billi 86 % tar-rifuġjati fid-dinja jgħixu f'reġjuni foqra, bil-pajjiżi l-anqas żviluppati jospitaw 26 % tat-total u li b'hekk ibatu minn kapaċitajiet sal-limitu tal-possibilitajiet tagħhom u minn destabbilizzazzjoni ulterjuri tal-koeżjoni u tal-iżvilupp soċjoekonomiċi tagħhom; billi dawn il-pajjiżi rarament ikollhom għodod ta' ħarsien tad-drittijiet tal-migranti, u lanqas għandhom għodod fil-qasam tal-asil; billi l-miljun ruħ li waslu fl-UE fl-2015 jirrappreżentaw 0,2 % tal-popolazzjoni tal-UE, meta mqabbel ma' perċentwali ferm ogħla (sa 20 %) fil-pajjiżi ġirien jew fl-Ewropa matul id-disgħinijiet;

H.

billi r-rifuġjati, il-persuni spostati internament u l-migranti jirrappreżentaw kategoriji ġuridikament separati iżda fir-realtà spiss il-persuni huma parti minn spostament imħallat ta' nies fuq skala kbira li jseħħ minħabba varjetà ta' implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, ta' żvilupp, umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem li jaqsmu l-fruntieri; billi d-dinjità umana tal-persuni kollha involuti f'dawn il-movimenti trid tkun fil-qalba tal-politiki Ewropej kollha f'dawn il-kwistjonijiet; billi, barra minn hekk, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu asil jeħtiġilhom ikunu ttrattati dejjem konformement mal-istatus tagħhom u ma għandhom fl-ebda każ ikunu miċħuda mit-tgawdija tad-drittijiet li joħorġu mill-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi s-separazzjoni ġuridika bejn ir-rifuġjati u l-migranti ma għandhiex titqies li tindika li l-migrazzjoni għal raġunijiet ekonomiċi jew għal ħajja aħjar hija inqas leġittima mill-ħarba mill-persekuzzjoni; billi fil-maġġoranza tal-każijiet, kemm id-drittijiet politiċi kif ukoll dawk ekonomiċi, fost drittijiet fundamentali tal-bniedem oħrajn, jinsabu mhedda f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, instabilità jew diżordni u jibqgħu jitqiegħdu f'dubju bħala konsegwenza tal-ispostament furzat;

I.

billi l-kriżi alimentari u nutrizzjonali li għadha għaddejja fis-Saħel tikkaġuna l-erożjoni tar-reżiljenza tal-persuni, aggravata mis-suċċessjoni rapida tal-kriżijiet, mill-assenza ta' servizzi ta' bażi u mill-kunflitti fir-reġjun; billi din is-sitwazzjoni se tikkawża aktar migrazzjoni;

J.

billi f'kull stadju tal-vjaġġ tagħhom, il-migranti jiġu esposti għal kull tip ta' perikolu fiżiku u psikoloġiku, inkluża l-vjolenza, l-isfruttament, it-traffikar u l-abbuż sesswali u dak ibbażat fuq il-ġeneru; billi dan huwa b'mod partikolari l-każ tal-persuni vulnerabbli, bħan-nisa (pereżempju n-nisa li huma kapijiet tal-familja jew nisa tqal), tfal – kemm jekk mhux akkompanjati, separati jew akkompanjati mill-familji tagħhom – il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità, il-persuni fil-bżonn ta' kura medika urġenti u l-anzjani; billi dawn il-gruppi vulnerabbli għandhom, b'mod urġenti, jingħataw protezzjoni umanitarja u aċċess għall-protezzjoni u għal mekkaniżmi ta' referenza, għal status ta' residenza u għal servizzi bażiċi inkluża l-kura tas-saħħa, bħala parti mir-risistemazzjoni tagħhom, jew filwaqt li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-asil qed jiġu kkunsidrati skont id-dritt applikabbli;

K.

billi ż-żieda fil-mobilità umana, jekk ġestita b'mod sigur, ordinat, regolari, responsabbli u preventiv, tista' ttaffi l-espożizzjoni għall-periklu tal-migranti u tar-rifuġjati, tista' tagħti vantaġġi notevoli, kif irrikonoxxiet l-Aġenda 2030, u tista' taġixxi wkoll bħala fattur ta' tkabbir qawwi lill-pajjiżi ospitanti, inkluża l-UE; billi dawn il-vantaġġi spiss huma sottovalutati ħafna; billi l-UE jeħtiġilha tipproduċi soluzzjonijiet fattibbli, anki bl-użu ta' ħaddiema barranin, biex tilqa' bil-quddiem għall-popolazzjoni Ewropea dejjem ixjaħ, bil-għan li jkun garantit bilanċ bejn il-persuni li jinsabu f'ħidma b'rimunerazzjoni u l-popolazzjoni mhux attiva u biex jintlaqgħu l-bżonnijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol;

L.

billi t-tweġiba tal-UE qanqlet mobilizzazzjoni ta' diversi strumenti interni u esterni, iżda tidher li kienet eċċessivament ikkonċentrata fuq terminu qasir jew biex tnaqqas jew twaqqaf il-movimenti; billi dan l-approċċ fuq terminu qasir la jindirizza l-kawżi tal-ispostament furzat u tal-flussi migratorji u lanqas il-bżonnijiet umanitarji tal-migranti; billi jenħtieġ aktar titjib fir-reazzjoni tal-UE dwar l-għodod fir-rigward tal-ġestjoni tal-kriżi u l-prevenzjoni tal-kunflitt, peress li l-kunflitti vjolenti jikkostitwixxu l-kawża fundamentali ewlenija tal-ispostament furzat;

M.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri esprimiet dubji serji dwar l-effikaċja tal-infiq tal-UE fuq il-migrazzjoni esterna, inkluż dwar il-proġetti għad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti; billi l-Qorti waslet ukoll għall-konklużjoni li s-sigurtà u l-protezzjoni fil-fruntieri kienu l-element predominanti fl-infiq Ewropew għall-migrazzjoni;

N.

billi l-għajnuna umanitarja msejsa fuq il-bżonnijiet u r-rispett tal-prinċipji tal-umanità, tan-newtralità, tal-imparzjalità u tal-indipendenza, kif ukoll fuq il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem previsti mill-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, trid tkun fil-qalba tal-azzjonijiet esterni kollha tal-UE; billi l-indipendenza tal-għajnuna, jiġifieri l-għajnuna li tkun ħielsa minn kwalunkwe kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi jew ta' sigurtà jew kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni, għandha tipprevali;

O.

billi l-implimentazzjoni b'suċċess ta' politika tal-migrazzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem tirrikjedi li nikkontestaw il-perċezzjonijiet negattivi tal-migrazzjoni u l-iżvilupp ta' narrattivi pożittivi li jpinġu l-idea tal-movimenti migratorji bħala opportunità għall-pajjiżi ospitanti, sabiex jikkumbattu l-estremiżmu u l-populiżmu;

P.

billi l-UE għandha r-responsabilità li ssostni lil sħabha fl-implimentazzjoni tal-assistenza u l-protezzjoni rapidi, effikaċi u ta' kwalità għolja u hija responsabbli quddiem il-popolazzjonijiet milquta; billi, f'dan ir-rigward, is-sħab tal-UE jirrikjedu finanzjamenti puntwali u prevedibbli u d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' fondi għall-prijoritajiet modifikati jew ġodda għandhom jippermettulhom biżżejjed ħin għall-miżuri ta' ppjanar u ta' mitigazzjoni;

Q.

billi l-kooperazzjoni deċentralizzata tista' tgħin biex jinkiseb fehim aħjar tal-ħtiġijiet u l-kulturi ta' persuni spostati internament (IDPs), migranti u rifuġjati u żżid l-għarfien tal-popolazzjoni lokali dwar l-isfidi ffaċċjati mill-migranti fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; billi l-gvernijiet Ewropej lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol ewlieni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin, permezz tal-bini ta' kapaċità;

R.

billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara b'mod espliċitu li “l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha, u li tipprova tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat ta' dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali”; billi skont l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona, l-għajnuna għall-iżvilupp timmira għat-tnaqqis u, eventwalment, għall-qerda tal-faqar fil-pajjiżi terzi;

Azzjoni tal-UE komprensiva u bbażata fuq prinċipji bħala risposta għall-isfidi tal-mobilità

1.

Jissottolinja li fid-dinja tal-lum qed nesperjenzaw livell ta' mobilità umana liema bħalu u jenfasizza li l-komunità internazzjonali, b'urġenza jeħtiġilha ssaħħaħ ir-risposta komuni biex tittratta l-isfidi u l-opportunitajiet li jirrappreżenta dan il-fenomenu; jisħaq fuq il-fatt li tali risposta trid tkun imsejsa fuq il-prinċipju ta' solidarjetà u ma għandhiex tiffoka biss fuq approċċ ibbażat fuq is-sigurtà, iżda jeħtieġ li tkun immexxija mill-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet u tad-dinjità ta' dawk kollha mġiegħla, minħabba kwalunkwe ċirkostanza, iħallu djarhom biex ifittxu ħajja aħjar u aktar sikura; jenfasizza li kwalunkwe rispons għandu jagħti attenzjoni partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli u jinkludi l-għoti ta' assistenza fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jissottolinja li, minkejja li huma ttrattati minn żewġ oqfsa ġuridiċi separati, ir-rifuġjati u l-migranti għandhom l-istess drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali universali, li għandhom ikunu salvadwardjati indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħhom; ifakkar li l-UE jeħtiġilha tirrispetta l-valuri u l-prinċipji tagħha fil-politiki komuni kollha kif ukoll tippromwovihom fir-relazzjonijiet esterni tagħha, inklużi dawk stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa ta' konsistenza fil-politiki esterni tal-UE u fil-politiki l-oħrajn b'dimensjoni esterna;

2.

Jenfasizza li dan il-livell għoli ta' mobbiltà tal-bniedem joriġina minn diversi kawżi kumplessi li jirrikjedu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-provi biex jużaw l-elementi tagħha u jiżviluppaw ir-risposti ta' politika mmirati; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jqisu din ir-realtà attwali u jiżviluppaw approċċ ġdid għall-moviment tal-persuni abbażi ta' data reali u l-interessi tal-UE, billi tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-persuni permezz taż-żieda tal-aċċess tagħhom għal servizzi bażiċi, primarjament l-edukazzjoni, u l-integrazzjoni u l-kontribut tagħhom fil-kuntesti lokali billi jiġu pprovduti opportunitajiet ta' impjieg u impjieg għal rashom;

3.

Jisħaq li l-migrazzjoni internazzjonali tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjoekonomiku, kif għamlet storikament, u li d-diskors narrattiv użat f'dan ir-rigward jeħtieġ ikun wieħed pożittiv, li jippromwovi fehim ġenwin u oġġettiv tal-kwistjoni u tal-benefiċċji komuni relatati sabiex jikkuntrasta mad-diskorsi ksenofobi, populisti u nazzjonalistiċi; jilqa' għalhekk il-kampanja “Together” li tnediet min-NU li għandha l-għan li tnaqqas il-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet negattivi fil-konfront tar-rifuġjati u tal-migranti u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkooperaw bis-sħiħ man-NU fl-appoġġ għal din il-kampanja; jenfasizza l-bżonn li jiġu adottati politiki globali, Ewropej, nazzjonali u lokali ffokati fuq terminu medju u twil u mhux biss iggwidati esklużivament mill-pressjonijiet politiċi immedjati jew mill-kunsiderazzjonijiet elettorali nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-politiki jridu jkunu koerenti, sinifikanti, inklussivi u flessibbli bil-għan li jirregolaw il-migrazzjoni bħala fenomenu uman regolari u jindirizzaw it-tħassib leġittimu fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-protezzjoni soċjali għall-gruppi vulnerabbli u tal-integrazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti;

4.

Jenfasizza li s-sistema tal-għajnuna umanitarja hija estremament sfruttata u li qatt mhi se tkun biżżejjed biex tirrispondi għall-kriżijiet tal-ispostamenti furzati, partikolarment fid-dawl tan-natura mtawla tal-maġġor parti tagħhom; jieħu nota għaldaqstant tal-qafas politiku l-ġdid deskritt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp” ta' April 2016, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba u jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw il-kontenut tagħha fi ħdan il-Qafas ta' Sħubija ġdida ma' pajjiżi terzi; jikkonstata l-importanza ta' approċċ komprensiv u aktar sostenibbli għall-migrazzjoni, inkluża l-promozzjoni ta' rabtiet aktar stretti bejn il-lat umanitarju u dak ta' żvilupp, u l-bżonn ta' involviment ma' sħab differenti – atturi reġjonali, gvernijiet, awtoritajiet lokali, id-dijaspora, is-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tar-rifuġjati u tal-migranti, organizzazzjonijiet reliġjużi lokali, u l-NGOs rilevanti u s-settur privat – bil-għan li jkunu żviluppati strateġiji mmirati bbażati fuq provi biex din l-isfida tkun indirizzata, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-fatt li l-għajnuna umanitarja mhijiex għodda ta' ġestjoni tal-kriżijiet kif iddikjarat fil-Kunsens tal-UE dwar l-Għajnuna Umanitarja;

5.

Jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tkompli tindirizza u titratta b'effikaċja l-kawżi profondi tal-ispostamenti furzati u tal-migrazzjoni – partikolarment il-kunflitt armat, il-persekuzzjoni għal kwalunkwe raġuni, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-governanza ħażina, il-faqar, in-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi, u t-tibdil fil-klima – billi tiġi miġġielda l-fraġilità tal-istat, billi jiġu promossi l-paċi u s-sigurtà, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-proċessi ta' rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt, il-ġustizzja, u l-ekwità, u permezz tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, tal-kapaċità amministrattiva, id-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, bi qbil mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 16 fl-Aġenda 2030 il-ġdida u l-prinċipji stipulati fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;

6.

Jenfasizza l-bżonn li ssir enfasi fuq l-aspetti soċjoekonomiċi tal-fenomenu tal-migrazzjoni, biex jitwettqu l-analiżi meħtieġa ta' kull pajjiż dwar il-kawżi fundamentali tal-ispostar furzat u l-migrazzjoni, u biex il-pajjiżi ta' oriġini jiġu mħeġġa jadottaw u jimplimentaw miżuri u politiki li jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi diċenti u għal opportunitajiet ekonomiċi reali sabiex il-migrazzjoni ssir għażla u mhux bżonn; jistieden lill-UE tkompli il-politiki li jfittxu li jnaqqsu u fl-aħħar mill-aħħar jeqirdu l-faqar, jiġġieldu l-inugwaljanza u l-insigurtà tal-ikel, il-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi bażiċi; jikkonstata li politika li tirnexxi għandha tirrikonoxxi l-ħtieġa li tinħoloq reżiljenza ekonomika kemm f'pajjiżi ta' oriġini kif ukoll dawk ospitanti; jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD);

7.

Jissottolinja li l-impjiegi u l-opportunitajiet ekonomiċi huma kruċjali sabiex jittaffa l-impatt ta' vulnerabilitajiet ikkawżati mill-ispostament; jistieden lill-UE tgħin lill-migranti u lir-rifuġjati jimxu lejn postijiet li joffru dawn l-opportunitajiet, sabiex tgħin fil-ħolqien ta' opportunitajiet fil-post ta' eżilju tagħhom (inkluż billi jitneħħew ix-xkiel u l-ostakli li jimpedixxu l-aċċess għas-suq tax-xogħol) u ħalli tgħinhom jiżviluppaw ħiliet ġodda aktar adattati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali;

8.

Jilqa' l-impenn tal-UE għall-għajnuna umanitarja – bħala l-ikbar donatur fid-dinja – bil-għan li ttejjeb il-kondizzjonijiet ta' għajxien tar-rifuġjati; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jwettqu l-wegħdiet li diġà għamlu u jżidu l-impenji finanzjarji tagħhom skont iż-żieda fil-ħtiġijiet umanitarji; jinnota li r-rispons umanitarju se jkun dejjem l-ewwel element ta' kwalunkwe rispons għal kriżijiet ta' spostament; jenfasizza li d-dritt internazzjonali u l-prinċipji ta' umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza jeħtieġu jibqgħu il-qafas ta' gwida għar-rispons umanitarju tal-UE għall-kriżijiet tar-rifuġjati u tal-ispostament furzat;

9.

Jirrikonoxxi li d-drittijiet u d-dinjità ta' miljuni ta' bnedmin oħra bħalhom se jkomplu jonqsu jekk ikunu mifnija f'kampijiet tar-rifuġjati jew fil-periferiji tal-ibliet mingħajr aċċess għal ħtiġijiet bażiċi, l-għajxien u l-opportunitajiet ta' dħul ekonomiku;

10.

Jisħaq fuq l-importanza li tiġi rikonoxxuta d-dimensjoni tal-ġeneri fil-qasam tal-migrazzjoni, li tinkludi mhux biss il-vulnerabilità tan-nisa għal kull tip ta' abbuż, iżda wkoll ir-raġunijiet diversi għall-migrazzjoni, ir-rwol li jiżvolġu huma u jirrispondu għall-emerġenzi, il-kontributi soċjoekonomiċi tagħhom u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fir-riżoluzzjoni u fil-prevenzjoni tal-kunflitti, kif ukoll fil-proċessi ta' wara l-kunflitti u fil-bini ta' soċjetà demokratika; jikkonstata li enfasi fuq l-emanċipazzjoni tan-nisa u fuq ir-rwol akbar tagħhom bħala dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet hija ewlenija biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-ispostar furzat u biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tan-nisa u l-awtonomija tagħhom f'kull stadju tal-proċess ta' migrazzjoni; itenni li huwa neċessarju li tiġi applikata perspettiva tal-ġeneru u tal-età fil-politiki tal-UE dwar il-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti;

11.

Jappella li jkun hemm iżjed kooperazzjoni man-NU u atturi oħra, inklużi kontribuzzjonijiet finanzjarji miżjuda għall-UNHCR u l-UNRWA; jisħaq, f'dan il-kuntest dwar il-bżonn li jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-kampijiet tar-rifuġjati, speċjalment f'termini ta' saħħa u edukazzjoni, u biex gradwalment tintemm id-dipendenza fuq l-għajnuna umanitarja f'sitwazzjonijiet ta' spostament eżistenti billi titrawwem r-reżiljenza u billi l-persuni spostati jkunu jistgħu jgħixu f'dinjità bħala kontributuri fil-pajjiżi ospitanti tagħhom, sa ma possibbilment jirritornaw b'mod volontarju jew jiġu risistemati;

12.

Jenfasizza l-passi importanti meħuda mill-UE biex tindirizza d-dimensjoni esterna tal-kriżi tal-migrazzjoni, b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li hija responsabbli għall-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin, u l-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas u li jsiru l-arranġamenti adegwati fil-pajjiżi ta' oriġini biex jirċievu b'mod dinjituż migranti li jirritornaw, li jkunu vulnerabbli u emarġinati u biex jiġu megħjuna jintegraw b'suċċess f'termini soċjokulturali;

14.

Ifakkar li l-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, il-minuri (kemm jekk akkumpanjati mill-familji tagħhom kif ukoll jekk mhux akkumpanjati), il-persuni b'diżabilità, l-anzjani, u l-persuni LGBTI, huma partikolarment esposti għal kull tip ta' abbuż, f'kull stadju tal-proċess ta' migrazzjoni; ifakkar barra minn hekk li n-nisa u t-tfajliet, jinsabu f'riskju akbar ta' vjolenza u diskriminazzjoni sesswali u abbażi tal-ġeneru, anki meta jkunu waslu f'postijiet meqjusa bla periklu; jappella li dawn il-gruppi jingħataw assistenza speċjali u protezzjoni umanitarja akbar bħala parti mill-proċess tar-risistemazzjoni jew tal-integrazzjoni tagħhom, u li jingħataw prijorità fi proċeduri ta' akkoljenza sensittivi għad-differenza bejn is-sessi b'konformità akbar ma' standards minimi, u b'dispożizzjonijiet aktar effiċjenti dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja; jappella għal aktar salvagwardji għall-persuni vulnerabbli kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni matul il-proċess tal-asil, u biex dawn jiġu pprovduti b'aċċess għal status ta' residenza u għal servizzi bażiċi, inklużi l-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, b'konformità mad-dritt applikabbli; jitlob lill-Unjoni Ewropea tiżviluppa programmi ta' taħriġ fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi relatati mal-bżonnijiet speċifiċi tar-rifuġjati u l-migranti vulnerabbli;

15.

Jenfasizza li t-tfal jikkostitwixxu proporzjon sinifikanti tal-migranti u r-rifuġjati, u jridu jiġu żviluppati u implimentati proċeduri speċifiċi sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tagħhom bi qbil mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jappella lill-pajjiżi ospitanti jiżguraw li t-tfal rifuġjati jingħataw aċċess sħiħ għall-edukazzjoni, u jippromwovu kemm jista' jkun l-integrazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali; jistieden ukoll lill-komunitajiet umanitarji u tal-iżvilupp jagħtu aktar attenzjoni lill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema, kemm fil-komunitajiet spostati kif ukoll f'dawk ospitanti, u jistieden ukoll lid-donaturi internazzjonali jagħtu prijorità lill-edukazzjoni meta jkunu qed jirrispondu għall-kriżijiet tar-rifuġjati, permezz ta' programmi li jinvolvu u jappoġġjaw psikoloġikament lit-tfal migranti, kif ukoll jippromwovu t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti bil-għan li tiġi żgurata integrazzjoni aħjar tat-tfal rifuġjati; jilqa' l-appoġġ finanzjarju intiż biex jipprovdi aktar edukazzjoni u taħriġ għat-tfal Sirjani u ż-żieda reċenti, minn 4 % għal 6 % fis-sehem ta' nfiq fuq l-edukazzjoni mill-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja, li jagħmel lill-UE mexxejja fl-appoġġ għal proġetti ta' edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza madwar id-dinja; jappella għal aktar effikaċja fl-implimentazzjoni ta' dan il-finanzjament il-ġdid;

16.

Jirrikonoxxi li l-apolidija hija sfida sinifikanti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiġġieldu l-apolidija fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, b'mod partikolari billi jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-liġijiet dwar in-nazzjonalità abbażi ta' sess, reliġjon jew status minoritarju, billi jippromwovu d-dritt għal nazzjonalità tat-tfal u billi jappoġġjaw il-kampanja tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) immirata biex l-apolidija tintemm sal-2024; jikkundanna r-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet tal-persuni milli joħorġu mit-territorju jew jirritornaw fih, li huma imposti f'ċerti Stati, u l-konsegwenzi ta' apolidija f'dak li hu aċċess għad-drittijiet; jistieden lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali biex jabolixxu l-oqfsa legali punittivi li jikkaratterizzaw il-migrazzjoni bħala reat;

17.

Jissottolinja li, b'konformità mal-prinċipji tal-UE, objettiv ġenerali uniku tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni esterna għandu jkun li jiġi stabbilit reġim ta' governanza multilaterali fir-rigward tal-migrazzjoni internazzjonali, u li l-Laqgħa reċenti ta' Livell Għoli tan-NU kienet l-ewwel pass f'dan ir-rigward;

Titjib fil-ġestjoni tal-migrazzjoni internazzjonali: responsabilità globali

18.

Jesprimi tħassib qawwi dwar id-deċiżjoni reċenti mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li b'mod temporanju tipprojbixxi id-dħul ta' ċittadini minn seba' pajjiżi b'maġġoranza Musulmana milli jidħlu fl-Istati Uniti u biex b'mod temporanju tissospendi s-sistema ta' rifuġjati tal-Istati Uniti; jemmen li din it-tip ta' deċiżjoni diskriminatorja talimenta diskorsi kontra l-immigrazzjoni u dawk ksenofobiċi, tista' ma tikkonformax mal-għodod ewlenin tad-dritt internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta' Ġinevra, u tista' ddgħajjef serjament l-isforzi globali attwali lejn il-kondiviżjoni ġusta internazzjonali tar-responsabilitajiet għar-rifuġjati; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu pożizzjoni komuni qawwija biex jiddefendu s-sistema ta' protezzjoni internazzjonali u ta' sigurtà ġuridika tal-popolazzjonijiet kollha milquta, partikolarment iċ-ċittadini tal-UE;

19.

Jilqa' l-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata “Address Large Movements of Refugees and Migrants” (Insibu tarf tal-ispostamenti kbar ta' rifuġjati u migranti) tad-19 ta' Settembru 2016 u l-organizzazzjoni tas-Summit tal-Mexxejja min-naħa tal-Istati Uniti, billi l-flussi migratorji huma responsabilità globali li tesiġi risposta globali effikaċi u kooperazzjoni msaħħa bejn il-partijiet interessati kollha biex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-eżitu ta' dawn is-summits bħala l-espressjoni ta' impenn politiku ġenwin ta' saħħa mingħajr preċedenti, u jittama li dawn iniedu b'urġenza t-triq lejn ir-rispons tassew globali u l-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabilitajiet f'dawk li huma rifuġjati u movimenti migratorji kbar madwar id-dinja; jiddispjaċih bil-qawwi madankollu għan-nuqqas ta' wegħdiet speċifiċi jew impenji ġuridikament vinkolanti f'termini ta' għajnuna jew riforma, neċessarji biex jingħalaq id-distakk attwali bejn ir-retorika u r-realtà; jappella lill-partijiet kollha involuti jiggarantixxu impenn politiku u kooperazzjoni kontinwi, urġenti u effikaċi, l-iskambju ta' għarfien u esperjenza mal-pajjiżi sħab, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali, u finanzjamenti u atti konkreti ta' solidarjetà b'risq il-pajjiżi ospitanti; jissottolinja l-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni bejn l-UE u s-sħab internazzjonali tagħha fil-livell tan-NU biex jindirizzaw l-isfidi tal-migrazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jassumu rwol ta' tmexxija fl-isforzi internazzjonali, partikolarment billi jiżguraw li l-ftehimiet, fosthom il-patti futuri tan-NU dwar ir-rifuġjati u dwar il-migrazzjoni sigura, ordinata u regolari, jissarrfu malajr fil-prattika, u billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' segwitu kif meħtieġ;

20.

Jenfasizza li l-kooperazzjoni globali dwar il-migrazzjoni u l-mobilità għandha tinbena fuq oqfsa reġjonali u subreġjonali; jistieden lill-UE ssaħħaħ il-pjanijiet ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Unjoni Afrikana, il-Lega tal-Istati Għarab, u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, sabiex tippromwovi wkoll il-ġestjoni ta' mobilità intrareġjonali, u jissottolinja l-bżonn li dawn l-organizzazzjonijiet reġjonali jiġu mħeġġa jipparteċipaw bis-sħiħ f'din il-kooperazzjoni; jikkonstata li l-integrazzjoni ekonomika ta' entitajiet subreġjonali, b'mod partikolari fl-Afrika, toffri mezz ulterjuri għall-promozzjoni ta' approċċ b'ġestjoni konġunta u għall-inkoraġġiment ta' inizjattivi Nofsinhar-Nofsinhar dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità; iħeġġeġ lill-UE tfittex rwol aktar b'saħħtu u kredibbli għall-Unjoni Afrikana fil-prevenzjoni ta' kriżijiet politiċi fl-Afrika;

21.

Jissottolinja li l-UE tista' tibbenefika minn kooperazzjoni aktar mill-qrib u sinerġija ma' banek multilaterali tal-iżvilupp u korpi speċjalizzati tan-NU, b'mod partikolari l-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), li issa hija relatata man-NU; jieħu nota tal-ideat reċenti mressqa mill-Bank Dinji dwar is-sitwazzjoni ta' persuni spostati b'mod furzat, u jilqa' r-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki ta' mitigazzjoni u ta' asil li jappoġġjaw lill-persuni spostati b'mod furzat biex jintegraw ruħhom u, fl-istess ħin jobbligaw lill-komunitajiet ospitanti biex jilħqu l-miri tagħhom ta' żvilupp;

22.

Jissottolinja li r-risistemazzjoni ta' persuni spostati b'mod furzat hija responsabilità tal-komunità internazzjonali, u li fiha l-UNHCR għandu rwol importanti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirrispettaw bis-sħiħ il-wegħdi tagħhom stess; iqis fundamentali l-implimentazzjoni b'urġenza ta' risposta koordinata u sostenibbli li tiżgura proċeduri ġusti u aċċessibbli biex persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali jingħataw asil fl-Unjoni Ewropea u f'pajjiżi riċeventi oħrajn, minflok ma r-responsabilità titħalla primarjament fuq spallejn l-Istati l-aktar esposti jew il-pajjiżi ġirien taż-żoni f'kunflitt; jenfasizza l-fatt li s-sostenn finanzjarju huwa inferjuri għall-portata u għall-kobor tal-ispostament, fatt aggravat bin-nuqqas ta' soluzzjonijiet xierqa u effikaċi li jindirizzaw il-kawżi profondi ta' dan l-ispostament furzat;

23.

Jenfasizza l-obbligi tad-dritt internazzjonali fir-rigward tar-rifuġjati u jistieden lill-pajjiżi kollha li għadhom ma għamlux dan sabiex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tar-Rifuġjati u l-Protokoll tagħha; jistieden lill-pajjiżi jwessgħu l-protezzjoni għall-persuni spostati internament, kif inhu l-każ f'mekkaniżmi bħall-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-Protezzjoni u l-Assistenza tal-Persuni Spostati Internament fl-Afrika (il-Konvenzjoni ta' Kampala);

24.

Jissottolinja li l-kunċetti ta' pajjiż bla periklu u ta' pajjiż ta' oriġini bla periklu m'għandhomx jimpedixxu l-eżami individwali tal-applikazzjonijiet għall-asil; jappella biex tinġabar informazzjoni speċjalizzata, dettaljata u aġġornata regolarment dwar id-drittijiet tal-persuni, speċjalment in-nisa, it-tfal, il-persuni b'diżabilità u l-persuni LGBTI, fil-pajjiżi tal-oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil, inklużi dawk il-pajjiżi li huma meqjusa bħala bla periklu;

25.

Jenfasizza li jeħtieġ isir kulma hu possibbli biex jiġi ggarantit ambjent ta' għajxien dinjituż għar-rifuġjati fl-Istati Membri u fil-kampijiet tar-rifuġjati, b'mod partikolari fir-rigward tal-kura tas-saħħa, l-opportunitajiet edukattivi, u l-opportunitajiet ta' xogħol;

26.

Jissottolinja l-ħtieġa li jitjiebu l-opportunitajiet edukattivi; jappella biex ikun hemm armonizzazzjoni tal-politiki dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti u l-kopertura tas-sigurtà soċjali f'konformità mal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO; jappella biex tiġi ffirmata u ratifikata l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

27.

Iqis li protezzjoni temporanja jew sussidjarja bbażata fuq is-suppożizzjoni li r-rifuġjati jmorru lura pajjiżhom malajr kemm jista' jkun, toħloq nuqqas ta' prospetti u ta' opportunitajiet għall-integrazzjoni; ifakkar fl-importanza tar-rwol pożittiv li r-rifuġjati jistgħu jaqdu fir-rikostruzzjoni tas-soċjetajiet tagħhom meta jirritornaw lura pajjiżhom jew minn barra l-pajjiż;

28.

Jikkundanna l-għadd drammatiku ta' mwiet ta' migranti fil-Baħar Mediterran u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-migranti u dawk li jkunu qed ifittxu l-asil fi triqthom lejn l-Ewropa;

29.

Jesprimi tħassib serju dwar l-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati li għebu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu bażi tad-data li jkun fiha d-dettalji tal-minorenni mhux akkumpanjati li daħlu l-Istati Membri;

30.

Jisħaq fuq il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet diplomatiċi u politiċi dejjiema għall-kunflitti vjolenti u jsir investiment f'mekkaniżmi ta' twissija bikrija u ta' prevenzjoni tal-kunflitti bil-għan li dawn jonqsu fil-ġejjieni; jitlob lill-UE, tagħti bidu għal sforzi diplomatiċi konġunti mas-sħab internazzjonali u mal-potenzi u l-organizzazzjonijiet reġjonali ewlenin sabiex tassumi rwol aktar b'saħħtu u proattiv fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tal-medjazzjoni, tar-riżoluzzjoni u tar-rikonċiljazzjoni u biex ikun żgurat id-dritt tan-nies li jibqgħu fil-pajjiżi u r-reġjuni tagħhom; jissottolinja li dan jeħtieġ li jkun fil-qalba tal-attivitajiet tas-SEAE, li għandu jiġi mgħammar bir-riżorsi u bis-setgħat meħtieġa biex jagħmel dan possibbli, inkluż f'termini ta' baġit u persunal; jirrimarka li d-delegazzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti speċjali għandhom rwol fundamentali x'jiżvolġu f'dan ir-rigward; jisħaq li r-risposti għall-ispostament furzat tal-popolazzjoni u għall-migrazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-esiġenzi u fuq id-drittijiet u jqisu l-vulnerabilitajiet tal-popolazzjoni u mhux limitati għall-assistenza umanitarja iżda wkoll jinvolvu lill-atturi tal-iżvilupp u tas-soċjetà ċivili;

31.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom rigward l-isfida tat-tibdil fil-klima bis-serjetà u jimplimentaw malajr il-Ftehim ta' Pariġi u jieħdu rwol ta' tmexxija fir-rikonoxximent tal-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ispostament tal-massa, billi l-kobor u l-frekwenza tal-ispostamenti tal-persuni aktarx jiżdiedu; jistieden b'mod partikolari lill-UE tagħmel riżorsi suffiċjenti għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi milquta mit-tibdil fil-klima sabiex tgħinhom jadattaw għall-konsegwenzi tiegħu u jtaffu l-effetti tiegħu; jenfasizza li dan jeħtieġ ma jiġrix għad-detriment tal-kooperazzjoni tradizzjonali għall-iżvilupp li timmira lejn it-tnaqqis tal-faqar; huwa tal-fehma li l-persuni spostati mill-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom jingħataw status speċjali ta' protezzjoni internazzjonali li jqis in-natura speċifika tas-sitwazzjoni tagħhom;

32.

Ifaħħar il-ħidma, minkejja d-diffikultajiet u l-perikli kollha li jiffaċċjaw, tal-NGOs u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fl-għoti ta' assistenza urġenti lil dawk l-aktar vulnerabbli, u li f'ħafna każijiet salvatilhom ħajjithom, fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu jew ta' destinazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti; jirrimarka li din il-ħidma, f'ħafna każijiet, imliet il-vojt li ħallew l-Istati u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali;

33.

Iqis li huwa kruċjali li tingħeleb in-narrattiva attwali dwar ir-rifuġjati li huma mpinġija biss bħala piż u jenfasizza l-kontribut pożittiv li jistgħu jagħtu, jekk jingħataw iċ-ċans, lill-komunitajiet li jilqgħuhom; jirrakkomanda l-involviment tar-rifuġjati fid-definizzjoni u t-tfassil tar-risposti politiċi li jaffettwawhom direttament, u billi jinħolqu jew jissaħħu l-programmi meħtieġa; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji Ewropej iniedu traineeships fl-amministrazzjonijiet tagħhom immirati speċifikament għar-rifuġjati żgħażagħ gradwati li huma residenti legalment fl-Unjoni Ewropea bħala mod biex imexxu bl-eżempju u juru l-benefiċċju li jsir investiment fil-ġenerazzjoni żagħżugħa;

Azzjoni esterna tal-UE u sħubijiet mal-pajjiżi terzi

34.

Jisħaq fuq il-fatt li l-azzjoni esterna tal-UE għandha tkun orjentata lejn il-paċi, proattiva u tħares 'il quddiem minflok ma tkun, prinċipalment, reattiva b'objettivi li jinbidlu bħala risposta lill-kriżijiet il-ġodda; jappoġġja kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-oqsma tas-sigurtà, l-edukazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni u biex jiġu evitati kriżijiet ġodda; ifakkar li l-fenomenu tal-migrazzjoni jinbet minn sensiela kumplessa ta' kawżi bħal popolazzjoni li qed tiżdied, faqar, nuqqas ta' opportunitajiet u ħolqien insuffiċjenti ta' impjiegi, instabilità politika, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, oppressjoni politika, persekuzzjoni, kunflitti militari u forom oħra ta' vjolenza u tibdil fil-klima; ifakkar li l-indirizzar ta' dawn il-problemi jista' jnaqqas mill-ewwel il-fatturi ta' spinta li jiffavorixxu l-ispostament u l-migrazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa essenzjali li tissaħħaħ il-koerenza politika f'żewġ livelli: bejn il-politiki interni u esterni tal-UE, u – fil-qafas tal-azzjoni esterna nfisha – bejn il-politika tat-tkabbir, il-Politika Ewropea tal-Viċinat u r-relazzjonijiet bilaterali mas-sħab strateġiċi tal-UE, kif ukoll il-politiki tal-iżvilupp u tal-kummerċ; iqis li l-politika kummerċjali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun ta' benefiċċju reċiproku filwaqt li jitqiesu kif dovut id-disparitajiet ekonomiċi bejn dawn il-pajjiżi u l-UE; jenfasizza l-importanza tal-Grupp ta' Kummissarji dwar l-Azzjoni Esterna fil-koordinament tal-azzjonijiet tal-UE dwar il-migrazzjoni fl-ogħla livell politiku u fl-impetu li jista' jagħti għal politika komuni ambizzjuża tal-UE dwar il-migrazzjoni;

35.

Jisħaq il-ħtieġa li jiġi stabbilit approċċ komprensiv għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni bl-immappjar tal-impatti ekonomiċi, ambjentali, soċjali, fiskali u politiċi diretti u indiretti tal-ispostament fuq il-pajjiżi terzi sabiex il-politiki tal-iżvilupp jiġu adegwati aħjar għall-ħtiġijiet tagħhom;

36.

Jirrimarka li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), ippreżentat fit-18 ta' Novembru 2015, jinkludi pjanijiet biex jiġu involuti pajjiżi terzi li huma ġirien ta' pajjiżi sħab tal-viċinat tal-UE fil-kuntest ta' oqfsa ta' kooperazzjoni estiża; iħeġġeġ, għalhekk, li jiġu stabbiliti oqfsa tematiċi biex joffru kooperazzjoni bejn l-Unjoni, il-pajjiżi sħab fil-viċinat tan-Nofsinhar u atturi reġjonali ewlenin, speċjalment fl-Afrika, dwar kwistjonijiet reġjonali bħas-sigurtà, l-enerġija u l-ġestjoni tar-rifuġjati u tal-flussi migratorji;

37.

Itenni l-prinċipju ta' “aktar għal aktar” bħala l-bażi tal-politika barranija tal-UE u li skontha l-UE għandha tiżviluppa sħubijiet (finanzjarji) dejjem eqreb ma' dawk il-pajjiżi li jwettqu progress fil-qasam tar-riforma demokratika; jissottolinja li l-attenzjoni fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies fil-pajjiżi terzi għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE;

38.

Jistieden lill-VP/RGħ biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, taħdem għall-bini ta' reżiljenza tal-istat, ekonomika u soċjetali, b'mod partikolari fil-pajjiżi ġirien tal-UE u f'reġjuni usa' fil-madwar, inkluż permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u strumenti oħra tal-UE;

39.

Jikkundanna l-kriminalizzazzjoni li dejjem qed tiżdied tal-migrazzjoni a skapitu tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kkonċernati, kif ukoll it-trattament ħażin u d-detenzjoni arbitrarja tar-rifuġjati fil-pajjiżi terzi; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jaffrontaw din il-kwistjoni, anki matul id-djalogi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll fis-sottokumitati għall-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, u jiżviluppaw kapaċitajiet ta' protezzjoni fil-pajjiżi terzi ta' tranżitu;

40.

Jappella għall-ħolqien ta' politika migratorja komuni Ewropea vera u proprja, ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà fost l-Istati Membri, kif minqux fl-Artikolu 80 TFUE, bl-iżgurar tal-fruntieri esterni tal-UE u b'kanali legali adegwati għall-migrazzjoni sigura u ordnata, inkluża l-migrazzjoni ċirkolari, bħala politika sostenibbli fit-tul għal finijiet ta' promozzjoni tat-tkabbir u tal-koeżjoni fi ħdan l-UE, bil-għan li jiġi stabbilit qafas ċar għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-iskema tal-Karta Blu Ewropea biex jiġġestixxu aħjar il-migrazzjoni ekonomika; iwissi li kwalunkwe politika li tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE, kif minquxa fl-Artikolu 8 tat-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tkun ta' ħsara għall-kredibbiltà tal-UE u l-kapaċità tagħha li tinfluwenza l-iżviluppi internazzjonali; jinnota li l-politiki esterni tal-UE dwar il-migrazzjoni jeħtieġu li l-ftehimiet ma' pajjiżi terzi jkunu ggwidati minn objettivi fit-tul u bil-għan li jiġu stabbiliti sħubijiet dejjiema; ifakkar li kull sħubija simili għandha tkun ibbażata fuq id-djalogu, l-interessi komuni u s-sjieda reċiproka; jilqa' favorevolment il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020), li jipprevedi kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi terzi, iżda jissottolinja li l-implimentazzjoni ta' politika komuni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali twettaq rwol strumentali biex jitkisser il-mudell operattiv tat-traffikanti u biex jiġi miġġieled it-traffikar ta' bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni ġġib l-acquis eżistenti tal-UE kompletament konformi mal-Protokoll tan-NU dwar it-Traffikar u tiżgura protezzjoni adegwata għall-migranti li jisfaw vittmi ta' vjolenza jew abbuż;

41.

Jitlob li l-ftehimiet kollha konklużi mal-pajjiżi terzi għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-migranti, irrispettivament mill-istatus tagħhom, ikunu konformi mad-dritt internazzjonali u jappella għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, inkluż fir-rigward tal-asil, li tiddikjara b'mod partikolari li s-sempliċi qsim irregolari tal-fruntiera ma jistax jitqies bħala raġuni biex persuna teħel il-ħabs;

42.

Ifakkar fl-importanza tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin sabiex jiġu fil-mira n-netwerks l-iktar bikrija possibbli tal-katina; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija ma' dawn il-pajjiżi sabiex jiġu identifikati u żarmati n-netwerks; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' dawn il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jħarrku u jwaħħlu pieni b'mod effikaċi lil dawk responsabbli; jitlob, għaldaqstant, li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri, l-Europol, l-Eurojust u l-pajjiżi terzi kkonċernati; jafferma mill-ġdid li l-miżuri meħuda kontra t-traffikar tal-bnedmin m'għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv id-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar, tal-migranti, tar-rifuġjati u tal-persuni li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali; jitlob li tintemm immedjatament id-detenzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u tat-tfal;

43.

Ifakkar li n-netwerks tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u tat-traffikar tal-bnedmin jagħmlu użu sħiħ mill-internet biex imexxu l-attivitajiet kriminali tagħhom u li għalhekk huwa kruċjali li l-Unjoni ssaħħaħ l-azzjoni tagħha, b'mod partikolari fl-Europol u fl-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (IRU) u l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi f'dan ir-rigward;

44.

Ifakkar li r-rotot tat-traffikar jistgħu jużaw ir-rotot legali ta' migrazzjoni biex iġibu l-vittmi tagħhom fit-territorju Ewropew; iqis li l-kriterji li l-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw qabel kwalunkwe ftehim ta' liberalizzazzjoni tal-viżi mal-UE jridu jinkludu b'mod speċifiku l-kooperazzjoni ta' dawn il-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil din il-problema kif ukoll lil dik tal-ġlieda kontra t-traffikanti fid-djalogi kollha li jsiru fil-qafas tan-negozjati ta' tali ftehimiet;

45.

Jilqa' l-approċċ li l-UE għandha tiffissa għaliha nnifisha prijoritajiet ċari u objettivi li jistgħu jitkejlu għal kull politika komuni u b'mod partikolari fin-negozjati ma' pajjiżi terzi; jissottolinja li l-Parlament jeħtieġ li jieħu sehem fit-tfassil ta' dawn l-objettivi ċari; iqis li azzjoni esterna tal-UE bbażata fuq approċċ komuni se tkun l-uniku mod li jiżgura politika aktar b'saħħitha u effikaċi; jitlob li jkun hemm azzjoni tassew unifikata u kkoordinata bejn l-UE u l-Istati Membri, billi l-inizjattivi unilaterali, kemm fl-affarijiet interni kif ukoll esterni, jistgħu jdgħajfu l-fattibbiltà u s-suċċess tal-politiki u l-interessi komuni tagħna;

46.

Jappella li jkun hemm protezzjoni aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE bil-għan tal-prevenzjoni tad-dħul irregolari fl-UE, tal-indirizzar tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni u l-prevenzjoni tat-telf tal-ħajjiet fuq il-baħar; jilqa', f'dan il-kuntest, il-ħolqien tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li tibni fuq il-Frontex, peress li din tgħin biex tiġġestixxi l-migrazzjoni b'mod aktar effikaċi; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa ta' aktar għajnuna finanzjarja u teknika għall-protezzjoni tal-fruntieri għall-Istati Membri kollha tax-Xlokk tal-UE, il-pajjiżi kandidati tal-UE u pajjiżi sħab oħra f'dan ir-reġjun; jiddispjaċih b'mod partikolari għan-nuqqas ta' skrutinju parlamentari fuq l-attivitajiet esterni tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u jitlob, għalhekk li l-Aġenzija tirrapporta b'mod sistematiku lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' ħidma tagħha u tal-operazzjonijiet konġunti tagħha ma' pajjiżi terzi b'rabta mas-soċjetà ċivili;

47.

Jisħaq li l-ftuħ ta' kanali siguri u legali għal dawk li qegħdin ifittxu l-asil u l-migranti potenzjali jippermettulhom li jużaw kanali ta' dħul u ħruġ formali, biex b'hekk iċaħħdu l-attivitajiet lin-networks tat-traffikanti tal-bnedmin u tal-kriminalità organizzata assoċjata; jenfasizza li n-nuqqas ta' mezzi legali għal migrazzjoni spiss iwassal għal żieda ta' metodi irregolari ta' mobilità, li sikwit tissarraf f'vulnerabilità akbar u r-riskju ta' abbuż matul l-istadji kollha tal-fluss migratorju u tar-rifuġjati; jappella, f'dan ir-rigward, għall-istabbiliment urġenti, speċifiku u tanġibbli ta' kanali siguri u legali għall-UE kollha kemm hi, permezz ta' fost l-oħrajn, arranġamenti aktar effikaċi tal-familji u ta' programmi dwar ir-risistemazzjoni; itenni wkoll l-appelltiegħu li l-Istati Membri jużaw kwalunkwe possibilità eżistenti biex joħorġu viżi umanitarji, b'mod partikolari lill-persuni vulnerabbli u speċjalment lill-minorenni mhux akkumpanjati, fl-ambaxxati u fl-uffiċċji konsulari tal-Unjoni fil-pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu; jappella biex is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tippermetti wkoll li l-applikazzjonijiet għall-asil, kif ukoll l-ipproċessar tat-talbiet għall-asil, isiru barra mill-UE jew fil-fruntieri esterni tal-UE; jappella għal appoġġ mill-UE kollha fil-ħolqien ta' kurituri umanitarji meta ffaċċjati bi kriżijiet ta' rifuġjati u ta' spostament qawwija, bil-għan li tingħata għajnuna umanitarja u jiġu koperti l-bżonnijiet l-aktar bażiċi ta' dawk ir-rifuġjati u li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' qafas tal-UE għar-risistemazzjoni iżda jitlob li tkompli l-ħidma fil-livell tal-UE dwar il-ħolqien u t-tisħiħ ta' kanali legali li jikkomplementaw ir-risistemazzjoni;

48.

Jilqa' l-approċċ fuq żewġ binarji tal-Qafas ta' Sħubija sabiex jinkludi għanijiet fuq żmien qasir bħal li jiġu salvati l-ħajjiet fil-baħar Mediterran u li tiżdied ir-rata tar-ritorn lejn il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, kif ukoll għanijiet fit-tul bħall-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament furzat permezz ta' appoġġ imsaħħaħ tal-UE lil pajjiżi terzi għall-bini tal-kapaċità u billi dawn javvanzaw is-sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika tagħhom; jenfasizza li s-suċċess tal-approċċ definit fil-komunikazzjoni ta' Ġunju 2016 jiddependi mill-kapaċità tal-UE li toffri inċentivi reali u maqbula b'mod komuni lill-pajjiżi terzi ta' tranżitu u ta' oriġini u jinsab imħasseb bl-offerta limitata prinċipalment iffukata fuq il-ġestjoni tal-fruntieri jew l-iskemi ta' ritorn volontarju assistit, li, għad li huma essenzjali u bżonnjużi, jikkostitwixxu biss risposta parzjali għal żmien qasir għal sitwazzjoni kumplessa għall-aħħar; jenfasizza li l-oqfsa ta' sħubija l-ġodda m'għandhomx isiru l-unika pilastru tal-azzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni u jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jibbilanċja u jikkomplementa din ir-risposta, b'enfasi fuq l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali, il-kwalifika u l-mobilità reġjonali kif ukoll it-titjib tal-livelli ta' protezzjoni fil-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini;

49.

Ifakkar l-importanza ta' approċċ bilanċjat fil-Qafas ta' Sħubija l-ġdid; iwissi kontra kwalunkwe approċċ kwantitattiv fil-Qafas ta' Sħubija l-ġdid u l-“patti dwar il-migrazzjoni” relatati, li jqisu ż-“żidiet […] miżurabbli fl-għadd u r-rata ta' ritorni” bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-UE; jirrimarka li l-għadd ta' ritorni jiddependi biċ-ċar min-natura tal-flussi migratorji u mis-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi ta' oriġini; jisħaq fuq il-fatt li l-objettivi f'terminu qasir tal-patti għandhom jikkonċentraw fuq l-aħjar mod kif jiġu indirizzati l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kanali legali għall-migrazzjoni, li bis-saħħa ta' dawn se jonqsu l-livelli ta' migrazzjoni irregolari kif ukoll l-għadd ta' persuni li jitilfu ħajjithom fil-Mediterran; jitlob sabiex jiżdiedu l-boroż ta' studju disponibbli għal żgħażagħ minn pajjiżi terzi; jilqa' l-fatt li l-bini tal-kapaċità u t-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini jibqgħu jingħataw appoġġ mill-programmi tal-UE dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni; jitlob li ssir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' ritorn tal-UE; jirrimarka l-ħtieġa li l-pajjiżi terzi jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet ta' riammissjoni;

50.

Jenfasizza l-ħtieġa tal-bini ta' sħubija mill-qrib mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni u li jingħataw l-appoġġ u l-kooperazzjoni meħtieġa fil-ġestjoni tal-flussi migratorji fir-reġjun;

51.

Jappella għal sħubijiet għall-mobilità u ftehimiet ta' migrazzjoni ċirkolari biex ikunu aġevolati l-ispostamenti taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi fost il-pajjiżi tagħhom u l-UE u biex ikun sostnut l-iżvilupp soċjoekonomiku taż-żewġ partijiet;

52.

Jenfasizza li, fil-qafas tal-attivitajiet ta' taħriġ tagħha u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' pajjiżi terzi, l-UE għandha tiffoka fuq id-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali kif ukoll fuq il-prattiki fil-qasam, inkluż fuq id-drittijiet fundamentali, l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ, kif ukoll fuq it-titjib tal-identifikazzjoni u tal-għajnuna tal-persuni f'sitwazzjoni vulnerabbli; iqis li dan japplika b'mod partikolari għat-taħriġ relatat mal-ġestjoni tal-fruntieri, li kif previst fil-liġi internazzjonali, bl-ebda mod m'għandha tintuża bħala għodda biex il-persuni ma jitħallewx iħallu pajjiżhom;

53.

Jitlob l-akbar attenzjoni għat-trattament tal-migranti li jintbagħtu lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew f'pajjiż terz; jemmen li kwalunkwe djalogu dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, partikolarment fil-qafas ta' ftehimiet ta' riammissjoni, għandu jinkludi b'mod sistematiku l-kwistjoni tal-integrazzjoni mill-ġdid u tar-ritorn sikur tal-migranti; jenfasizza li dawn għandhom jibbenefikaw minn sigurtà sħiħa u l-protezzjoni kontra t-trattamenti degradanti u inumani, inkluż f'ċentri ta' detenzjoni u li l-UE għandha tappoġġja programmi ta' reintegrazzjoni; jirrimarka li l-ebda persuna ma għandha titkeċċa jew tintbagħat lura bil-forza lejn pajjiżi fejn hemm riskju ta' theddid fuq ħajjitha jew il-libertà tagħha minħabba l-oriġini, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi, jew fejn tiffaċċja riskju ta' tortura, trattament degradanti, u b'mod aktar ġenerali, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jirrimarka li l-espulsjonijiet kollettivi u r-refoulements huma pprojbiti skont id-dritt internazzjonali;

54.

Iħeġġeġ lil dawk responsabbli għall-qasam tal-politika barranija u għall-iżvilupp biex jieħdu ħsieb li l-persuni li jiġu rritornati f'pajjiżhom jiġu trattati kif suppost u l-integrità tagħhom tiġi rrispettata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu programmi ta' appoġġ li jiżguraw li fl-istati ta' oriġini jitwettqu programmi konkreti ta' assistenza li jinkludu kemm programmi ta' taħriġ professjonali kif ukoll programmi mmirati sabiex jinħolqu strutturi ekonomiċi, inklużi negozji ġodda u negozji żgħar, flimkien ma' programmi ta' skambju professjonali u akkademiku mal-Istati Membri;

55.

Jissottolinja li l-ftehimiet ta' sħubija bħal sħubijiet ta' mobbiltà, għandhom jiżguraw li l-migranti jistgħu jiġu rċevuti b'mod sikur f'pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini, b'mod kompletament konsistenti mad-drittijiet fundamentali tagħhom; jisħaq li l-Parlament Ewropew għandu rwol ċar fil-ftehimiet ta' riammissjoni u ta' mobilità tal-UE kif stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 79(3) TFUE) u jenfasizza speċifikament li l-Parlament Ewropew irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu qabel il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni u ftehimiet simili (l-Artikolu 218(6)(v) TFUE) u li jrid jiġi informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura (l-Artikolu 218(10) TFUE);

56.

Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament kif espressa fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 fejn xtaq li l-ftehimiet ta' riammissjoni tal-Unjoni jkollhom prijorità fuq dawk bilaterali konklużi mill-Istati Membri ma' pajjiżi terzi; jirrimarka li reċentement tfassal dokument ġdid Ewropew dwar ir-ritorn u jenfasizza li r-rikonoxximent tiegħu għandu jitħeġġeġ b'mod sistematiku fi kwalunkwe ftehim ġdid ta' riammissjoni;

57.

Japprezza d-djalogi ta' livell għoli li wettqu l-VP/RGħ u l-Kummissjoni, u f'ċerti każijiet l-Istati Membri f'isem l-UE fit-totalità tagħha, bħala prattiki tajbin u effikaċi li jrawmu l-koordinament; jisħaq fuq il-fatt li l-koordinament għandu jkun f'idejn il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżommu lill-Parlament informat regolarment b'dawn id-djalogi u jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni operattiva eżatta tal-proċessi ta' Rabat u Khartoum kif ukoll l-inizjattivi prijoritarji maqbula fl-okkażjoni tas-Summit tal-Belt Valletta; jirrimarka għal darb' oħra li sjieda kondiviża ta' sħubiji konklużi bejn l-UE u pajjiżi terzi hija prerekwiżit għas-suċċess tal-politika tal-migrazzjoni tal-UE; jiddispjaċih li l-pakketti maħsuba għall-pajjiżi prijoritarji bħala parti mill-Qafas ta' Sħubija l-ġdid, mill-Kummissjoni, mis-SEAE u mill-Istati Membri, la ġew preżentati, la diskussi u lanqas approvati mir-rappreżentanti eletti taċ-ċittadini Ewropej; jikkundanna dan in-nuqqas ta' trasparenza u jitlob l-involviment tal-Parlament Ewropew fl-iżvilupp ta' patti ta' migrazzjoni u l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tagħhom, li għandhom jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, il-liġi umanitarja internazzjonali u l-impenji tat-Trattat tal-UE dwar l-iżvilupp;

58.

Josserva li t-twettiq tal-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli jirrikjedi li l-UE u l-pajjiżi sħab jintegraw id-dinamika tal-migrazzjoni ġestita sew fl-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli rispettivi tagħhom; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jgħinu lill-pajjiżi ta' tranżitu jfasslu strateġiji ta' integrazzjoni tal-immigranti u jistabbilixxu sistemi tal-asil bi standards għolja ta' protezzjoni;

59.

Jissottolinja li l-assistenza u l-kooperazzjoni tal-UE jeħtieġu jkunu mfassla mill-qrib biex jinkiseb l-iżvilupp u t-tkabbir f'pajjiżi terzi – biex b'hekk jiġi promoss ukoll it-tkabbir fi ħdan l-UE, u biex bi qbil mal-Artikolu 208 tat-TFUE, jitnaqqas u eventwalment jinqered il-faqar f'pajjiżi terzi u mhux biex jiġu inċentivizzati sabiex jikkooperaw fir-riammissjoni ta' migranti irregolari jew li biex in-nies jiġu skoraġġuti bil-forza milli jiċċaqilqu, jew biex jitwaqqfu l-flussi lejn l-Ewropa; ifakkar li kemm il-pajjiżi donaturi kif ukoll il-gvernijiet ta' pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna għandhom jaħdmu biex itejbu l-effikaċja tal-għajnuna, jirrimarka li l-flussi migratorji huma realtà internazzjonali u ma għandhomx isiru indikatur tal-prestazzjoni tal-politiki ta' migrazzjoni esterni tal-UE, u li l-ftehimiet ma' pajjiżi terzi jeħtieġ li jiġu ggwidati minn objettivi fit-tul u billi jiġu stabbiliti sħubiji dejjiema u bir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

60.

Jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili tiġi kkonsultata fil-qafas tal-politiki esterni kollha tal-UE, b'attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni sħiħa, lit-trasparenza u lit-tixrid xieraq tal-informazzjoni fil-politiki kollha u l-proċessi kollha relatati mal-migrazzjoni;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-NGOs u l-esperti li jaħdmu fil-pajjiżi ta' oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil sabiex jitfasslu l-aħjar modi possibbli biex jgħinu lill-individwi u lill-gruppi soċjali fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-NGOs u lill-esperti fil-pajjiżi ta' oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil sabiex issib il-mekkaniżmu u l-għodda ta' prevenzjoni tal-kunflitti li jiffunzjonaw l-aħjar;

62.

Jenfasizza li sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, jiġi mmassimizzat l-impatt u l-effettività tal-għajnuna globali u jiġi żgurat li l-attenzjoni ewlenija tkun fuq l-iżvilupp, il-Kummissjoni għandha żżomm djalogu b'saħħtu mal-NGOs lokali u internazzjonali, mas-soċjetà ċivili u mal-gvernijiet lokali fil-pajjiżi sħab kif ukoll man-NU għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni, l-ispostament u r-rifuġjati;

63.

Jiġbed l-attenzjoni lejn l-intenzjoni li jiġu riveduti d-dokumenti ta' programmar ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp biex jinkisbu l-patti ġodda ta' migrazzjoni; jenfasizza li din ir-reviżjoni għandha titwettaq f'konformità ma' prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp u fi djalogu mal-pajjiżi sħab, Ewropej u l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili u s-settur privat; jistieden lill-Parlament ikun involut bis-sħiħ f'kull stadju tar-reviżjoni, inkluż id-dokumenti ta' programmazzjoni skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ); jistieden lill-Istati Membri jirriformaw f'dan is-sens l-għajnuna għall-iżvilupp tagħhom, skont l-impenn ta' 0,7 % tal-ING, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli;

64.

Jappella għal diskussjoni bbilanċjata bejn l-UE u s-sħab esterni tagħha; jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri tagħha jintrabtu li jipprovdu aktar opportunitajiet ta' migrazzjoni legali lejn l-UE, kemm jekk ikunu qed ifittxu protezzjoni, impjieg kif ukoll għal għanijiet edukattivi, jew ta' riunifikazzjoni tal-familja;

65.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu t-trasferiment aktar mgħaġġel, orħos u aktar sikur tar-rimessi tal-migranti kemm fil-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll fil-pajjiżi destinatarji, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet kif stipulat fid-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016;

66.

Jinsab ferm imħasseb bil-kunflitt kontinwu fis-Sirja, li matulu l-vjolenza kontra l-persuni ċivili, l-attakki fuq infrastrutturi ċivili u fuq sptarijiet u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali f'dawn l-aħħar ħames snin wasslu għall-ispostament furzat ta' nofs il-popolazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jtejbu l-mezzi ddedikati għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżi u biex jiżvolġu rwol akbar fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-viċinat tagħha u b'mod partikolari fil-kunflitt Sirjan; jesprimi s-sostenn totali tiegħu lill-pajjiżi fil-viċinat tas-Sirja, li qegħdin ikomplu juru solidarjetà straordinarja billi jilqgħu miljuni ta' rifuġjati minkejja r-riżorsi limitati; ifakkar li numru kbir minn dawn ir-rifuġjati għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet foqra mingħajr aċċess jew b'aċċess limitat għar-rikonoxximent legali, għas-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni jew is-swieq tax-xogħol; jinsab imħasseb sew dwar id-destin u s-sitwazzjoni umanitarja ta' 75 000 persuna maqbuda fuq il-fruntiera tal-Ġordan fil-kamp informali ta' Rukban; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu bil-kooperazzjoni u jżiduha flimkien mad-djalogu tagħhom mal-Libanu u l-Ġordan, u biex iżidu l-appoġġ finanzjarju tagħhom kemm permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u kanali Ewropej, kif ukoll flimkien ma' pajjiżi terzi ospitanti, biex jiżguraw li, l-ewwel nett, popolazzjonijiet ta' rifuġjati jkunu jistgħu jgawdu kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti, u l-aċċess għas-servizzi bażiċi, u jingħataw drittijiet ta' moviment liberu u ta' opportunitajiet ta' xogħol, u, it-tieni nett, li l-fondi jilħqu l-għanijiet finali tagħhom; jenfasizza li dan għandu jkun akkumpanjat minn assistenza għall-komunitajiet ospitanti sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika tagħhom;

67.

Jinnota li, wara l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku milħuq mill-Istati Membri u mit-Turkija fit-18 ta' Marzu 2016, in-numru ta' persuni li jaslu fl-Istati Membri l-aktar esposti naqsu; jissottolinja t-tħassib dwar dan il-ftehim politiku kif iddikjarat pubblikament minn organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali, partikolarment fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija u l-impatt li din jista' jkollha dwar jekk titqiesx bħala pajjiż sikur; jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-viża għat-Turkija ma tridx titqies bħala premju għall-kooperazzjoni mal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni, iżda riżultat ta' osservazzjoni stretta tal-kriterji kollha stabbiliti mill-UE; iwissi kontra r-riproduzzjoni ta' dan il-mudell f'pajjiżi oħra peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-partikolaritajiet ta' kull pajjiż u ta' kull reġjun;

68.

Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, fejn il-ksur tad-drittijiet bażiċi bħal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea jseħħ kostantement, fejn il-popolazzjoni tax-Xlokk tal-pajjiż hija mhedda mill-Gvern tagħha stess, fejn aktar minn 30 000 impjegat pubbliku tkeċċa għal raġunijiet politiċi, u fejn aktar minn 130 organizzazzjoni tal-midja ingħalqu mill-awtoritajiet;

69.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' konsultazzjoni u trasparenza fit-Triq Konġunta 'l Quddiem li ġiet iffirmata dan l-aħħar dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE li hija ffukata primarjament fuq riammissjonijiet u li tikkomtempla ritorni bla limitu taċ-ċittadini Afgani, kemm jekk fuq bażi volontarja jew le; jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi possibbli fuq persuni Afgani li jfittxu l-asil, li fl-2016 kienu jammontaw għat-tieni l-akbar grupp nazzjonali fl-UE ta' persuni li japplikaw għal asil; ifakkar li r-ritorni jistgħu jseħħu biss wara li jkun tqies kull każ individwali b'rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa biex jitħaffu l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji attwali;

70.

Jiddispjaċih ħafna li fil-qafas ta' politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u fir-rispons għall-movimenti tar-rifuġjati, l-UE u l-Istati Membri tagħha ddeċidew li jikkonkludu ftehimiet ma' pajjiżi terzi, li jevitaw l-iskrutinju parlamentari marbut mal-metodu Komunitarju; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi tal-inqas Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni darbtejn fis-sena ta' kwalunkwe dikjarazzjoni politika ffirmata ma' pajjiżi terzi sabiex tiġi evalwata t-tkomplija jew il-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet; jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni ta' salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem f'kull ftehim konkluż fil-qafas tal-politiki tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati;

71.

Jenfasizza li l-politika tal-UE dwar l-Afrika hija waħda mill-elementi ewlenin għall-istabbiltà u l-iżvilupp fl-għexieren ta' snin li ġejjin; iqis li l-UE teħtieġ tibqa' tiffoka fuq il-faxxa ta' pajjiżi mir-reġjun tas-Saħel sal-Qarn tal-Afrika, kif ukoll żoni ta' instabbiltà fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tagħha; jenfasizza r-rabta bejn l-iżvilupp, is-sigurtà u l-migrazzjoni u jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' konflitti, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-għeruq fundamentali tad-destabbilizzazzjoni, l-ispostament sfurzat u l-migrazzjoni irregolari, fil-promozzjoni tar-reżiljenza u tal-opportunitajiet ekonomiċi u indaqs u fil-prevenzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li l-UE għandha taqdi rwol ċentrali fl-istabbilizzazzjoni tal-Libja, anke bħala mezz biex jitwaqqfu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħu u li jaffettwaw lil-Libjani, lir-rifuġjati u lill-migranti;

Mezzi xierqa għall-azzjoni

72.

Jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni għal Pjan ta' Investiment Estern (PIE) ġdid u ambizzjuż għall-mobilizzazzjoni tal-investimenti fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE u fil-pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw, sakemm dak il-pjan jiġi implimentat b'mod kompletament trasparenti u l-investimenti jgħinu biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-pajjiżi benefiċjarji u biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-governanza ħażina; jikkonstata li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) propost ser ikun iffinanzjat parzjalment permezz tal-allokazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), li jikkostitwixxi l-użu ta' Fondi għall-Iżvilupp għall-promozzjoni ta' investiment mis-settur privat; iqis li s-sostenn lis-setturi privati fil-pajjiżi terzi filwaqt li jitrawwem ambjent ta' governanza u ta' prattiki ta' negozju tajbin ma għandux jiġi ppreżentat bħala miżura ġdida iżda għandu jissaħħaħ aktar; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-koerenza bejn l-istrumenti finanzjarji esterni, pereżempju d-DCI u l-FEŻ, u proġetti bil-għan li l-assistenza tal-UE tkun ikkonċentrata fuq il-prijoritajiet u jkun evitat li l-fondi u l-isforzi jkunu sparpaljati; jisħaq il-ħtieġa ta' addizzjonalità sistematika, kemm fl-għażla tal-politiki li se jingħataw appoġġ kif ukoll fl-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom;

73.

Jissottolinja li s-somma ta' EUR 3,35 biljun allokati għal Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) ġdid bħala parti mill-PIE tikkorrispondi għal aktar minn 5 % tal-fondi totali disponibbli mill-FEŻ, id-DCI u l-ENI taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP); jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji dwar din l-istima, u dwar l-impatt mistenni, u tindika skont liema bażi qed tistenna li l-Istati Membri, donaturi oħra u sħab privati jikkontribwixxu sa EUR 44 biljun għaliha, meta xi Stati Membri għad iridu jikkontribwixxu għal Fondi Fiduċjarji attwali;

74.

Jirrakkomanda li għandhom jiġu allokati riżorsi adegwati għal miżuri mfassla apposta għall-ħin li jqattgħu r-rifuġjati u IDPs taħt arranġamenti ta' protezzjoni temporanja, li jeħtieġ ikun perjodu mimli b'opportunitajiet għal tkabbir u taħriġ għall-ġenerazzjonijiet kollha, u li tiġi pprovduta edukazzjoni għat-tfal, taħriġ vokazzjonali għaż-żgħażagħ u impjiegi għall-adulti; jemmen li dan se jiżgura li, meta jsir possibbli għalihom li jirritornaw lejn darhom, dawn in-nies se jkunu “riġenerati” u jkunu jistgħu jagħtu spinta ġdida lil pajjiżhom, minflok ma dawn jiterrew minn snin ta' stennija mingħajr prospetti reali;

75.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-QFP, partikolarment fir-rigward tal-fatt li l-baġit tal-UE jiġi mogħni bi strumenti ta' kriżi akbar; jistenna li r-reviżjoni proposta tar-regoli finanzjarji se żżid ir-responsabbiltà u l-ġestjoni finanzjarja tajba; jenfasizza li l-indirizzar tal-kawżi profondi tal-flussi migratorji jinvolvi wkoll l-appoġġ favur il-pajjiżi terzi fil-bini tal-kapaċitajiet;

76.

Jissottolinja li l-UE trid tipprovdi lilha nnifisha bil-mezzi neċessarji biex tikseb l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha (l-Artikolu 311 TFUE), peress li mingħajr biżżejjed finanzjamenti, l-UE ma tistax taqdi l-funzjonijiet li mistennija taqdi, u lanqas ma tista' tilħaq l-aspettativi tal-poplu Ewropew; jissottolinja l-prezz uman, politiku u ekonomiku tan-nuqqas ta' azzjoni; josserva li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) – jew, l-aktar l-aktar, in-negozjati tal-QFP li jmiss – toffri opportunità neċessarja għar-reviżjoni tal-istrumenti esterni relatati mal-migrazzjoni, kif ukoll biex jiżdied il-baġit tal-UE b'tali mod u manjiera li jkun possibbli li jintemmu l-istrumenti ad hoc u terġa' tinġieb l-unità tal-baġit; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li l-Parlament jingħata rwol ta' sorveljanza ewlieni anke f'dan il-qasam; jiddispjaċih bil-kbir li l-Kummissjoni ma pproponietx żieda tal-mezzi baġitarji għal azzjoni esterna – intestatura baġitarja li diġà kienet relattivament baxxa – iżda minflok qed tirridirezzjona l-istrumenti ta' żvilupp lejn il-migrazzjoni u b'hekk tiddevjhom minn prijoritajiet oħrajn;

77.

Jinnota li r-riorjentament tal-istrumenti ta' finanzjament estern lejn is-sigurtà, il-bini tal-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri kollha joħolqu sfidi ġodda fir-rigward tal-objettivi u l-prinċipji inizjali ta' dawn l-istrumenti;

78.

Jissottolinja li l-indirizzar ta' diżastri u vulnerabbiltajiet ġodda u kroniċi jeħtieġ investiment prevedibbli fit-tul u l-konformità mal-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli ġdida, l-aktar billi jiġu promossi l-valutazzjoni tar-riskju, l-ippjanar u l-finanzjament konġunti bejn l-atturi impenjati fil-livell umanitarju, tal-iżvilupp, tal-bini tal-paċi u tat-tibdil fil-klima;

79.

Jemmen li r-rispett tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jridu jkunu s-sisien ċentrali tal-azzjoni tal-UE fil-pajjiżi ta' oriġini; jenfasizza l-importanza li jsiru kontrolli xierqa dwar l-użu ta' finanzjament għal pajjiżi terzi, sabiex jiġi żgurat li dan jintuża għall-iskop maħsub tiegħu;

80.

Jikkonstata li l-ħolqien ta' fondi fiduċjarji u strumenti finanzjarji ad hoc, filwaqt li jgħin il-ġbir tar-riżorsi neċessarji u jagħti ħeffa u flessibilità lill-azzjoni tal-UE, jista' jipperikola wkoll il-prinċipji ta' żvilupp effikaċi u jimmina l-unità tal-baġit kif ukoll l-awtorità baġitarja tal-Parlament; jappella, għalhekk, li l-Parlament jingħata rwol superviżorju akbar fl-użu ta' dawn l-istrumenti, inkluż – iżda mhux biss limitat għal – billi jipparteċipa fil-kumitati ta' tmexxija; ifakkar li l-effikaċja tal-fondi fiduċjarji tiddependi bil-kbir mill-fatt jekk l-Istati Membri humiex disposti li jikkontribwixxu u jkunu involuti bis-sħiħ; iħeġġeġ li strumenti simili jitqegħdu taħt is-superviżjoni tal-Parlament u jitlob linji gwida dwar l-inkorporazzjoni tagħhom fil-baġit tal-UE u dwar l-ambitu tas-setgħat tiegħu;

81.

Jirrimarka li suppost kellhom jitħallsu EUR 3,6 biljun lill-fond fiduċjarju ta' emerġenza għall-istabilità u għall-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tal-persuni spostati fl-Afrika, liema fond ġie mniedi fis-Summit tal-Belt Valletta; jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu ammont simili għall-ammont ta' EUR 1,8 biljun rilaxxat mill-Kummissjoni;

82.

Jappella biex il-fondi fiduċjarji jsegwu l-istess regoli u regolamenti li japplikaw għal strumenti ta' finanzjament tradizzjonali tal-UE fir-rigward tat-trasparenza, it-trattament ugwali tas-sħab u l-kapaċità li jiġi pprovdut finanzjament prevedibbli u f'waqtu lis-sħab;

83.

Jesprimi tħassib li l-abbozz ta' baġit tal-UE għall-2017 jipprevedi żieda fil-proċess ta' ġestjoni tal-flussi ta' migrazzjoni jew ta' inizjattivi tas-sigurtà interna għad-dannu tal-fondi ta' koeżjoni tal-UE u tal-azzjoni madwar id-dinja;

84.

Jistieden lill-UE tevalwa b'attenzjoni u b'mod sistematiku l-impatt tal-azzjonijiet iffinanzjati fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-ispostament u r-rifuġjati abbażi tal-kwalità tat-twassil tal-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp;

85.

Jenfasizza li appoġġ immirat ibbażat fuq is-sitwazzjoni lokali huwa element ewlieni ta' politika effiċjenti u orjentata lejn ir-riżultati, u li appoġġ simili għandu jiġi nnegozjat ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu li għandhom jiġu implimentati permezz ta' strumenti finanzjarji inklużi Fondi Fiduċjarji, b'mod koerenti u koordinat;

86.

Jilqa' l-użu tal-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) bħall-EUCAP Sahel Niger u EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia, li għandhom ikomplu jissaħħu bħala mezz ta' protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, u ta' prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' migrazzjoni illegali; jappoġġja l-kooperazzjoni man-NATO u l-inizjattivi tal-UE bħat-Tim Operattiv Konġunt (TOK) Mare biex tinġabar l-informazzjoni tal-intelligence u jkunu miġġielda t-traffikanti, u jissottolinja li l-mobilità globali ma għandhiex titqies bħala theddida iżda bħala opportunità; ifakkar f'dan il-kuntest li l-fatt li jiġu salvati ħajjiet fuq il-baħar u l-iżgurar tad-drittijiet tal-migranti jridu jkunu ta' importanza ewlenija f'dawn l-operazzjonijiet kollha; jirrakkomanda l-użu tal-istrumenti tal-PSDK għat-twissija bikrija (tbassir), għall-medjazzjoni u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, filwaqt li jisħaq fuq l-importanza li jinbeda l-ippjanar mill-aktar fis possibbli ta' soluzzjonijiet dejjiema f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt;

87.

Ifakkar is-Sħubija Strateġika bejn in-NU-UE dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet u l-prijoritajiet tagħha għall-perjodu 2015-2018, kif maqbula f'Marzu 2015; iħeġġeġ aktar ħidma mill-UE sabiex tieħu kont tar-rwol ewlieni ta' organizzazzjonijiet u pajjiżi oħrajn u l-iffaċilitar tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li 11 biss mit-28 Stat Membru ħadu impenn fis-Summit tal-Mexxejja dwar iż-Żamma tal-Paċi tat-28 ta' Settembru 2015; jappella lill-Istati Membri tal-UE sabiex iżidu b'mod sinifikanti l-kontributi militari u ta' pulizija tagħhom għall-missjonijiet taż-żamma ta' paċi tan-NU;

88.

Jilqa' u jappoġġja l-inizjattivi tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex isostni r-reżiljenza ekonomika fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE u fir-reġjuni tal-Balkani tal-Punent permezz ta' proġetti li jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi, reżiljenza ekonomika u t-tnaqqis tal-faqar f'konformità mal-linji politiċi esterni tal-Unjoni Ewropea;

89.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu lill-Parlament u lill-pubbliku, mill-aktar fis possibbli, stampa dettaljata tad-diversi strumenti u programmi ta' finanzjament, u l-mod kif jiffunzjonaw flimkien mal-programmi tal-Istati Membri, fis-16-il pajjiż prijoritarju (6) li magħhom l-UE tipparteċipa fi djalogi ta' livell għoli dwar il-migrazzjoni, skont l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM); jinsab serjament imħasseb li fost il-pajjiżi prijoritarji hemm reġimi ripressivi li huma stess huma l-kawża prinċipali għalfejn rifuġjati jaħarbu minn pajjiżhom; ifakkar li l-GAMM għadu l-qafas ġenerali tal-politika esterna tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-asil, iżda jinnota li l-inizjattivi politiċi reċenti għamlu referenza limitata għalih u jappella għal kjarifika dwar ir-rilevanza tal-GAMM fil-kuntest attwali kif ukoll rieżami tal-GAMM skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-IOM;

90.

Jilqa' l-iskjerament ta' Uffiċjali ta' Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropea f'pajjiżi prijoritarji bħala l-ewwel pass biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni; jirrakkomanda t-tisħiħ tal-persunal li jittrattaw kwistjonijiet dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fi ħdan id-Delegazzjonijiet tal-UE, u li jkollhom mandat ċar għall-iżvilupp tal-koordinazzjoni fi ħdan l-Istati Membri;

91.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ deċentralizzat minflok ma jitkompla approċċ ċentralizzat minn Brussell, billi jsir użu aħjar tad-Delegazzjonijiet tal-UE – li saru għodda ta' valur kbir f'perjodu ta' żmien qasir ħafna – u biex tiġi applikata flessibilità akbar u perjodi ta' programmar aktar qosra għall-pajjiżi li jinsabu f'riskju; jitlob għall-ħatra ta' koordinaturi reġjonali li jkollhom il-kapaċità li jmexxu l-iżvilupp u l-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet esterni sabiex jiżguraw approċċ koerenti bbażat fuq is-sitwazzjoni lokali fuq il-post;

92.

Jirrakkomanda l-promozzjoni, bl-appoġġ tal-UE, ta' kampanji ta' informazzjoni fil-pajjiżi terzi li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' mobilità tagħhom u li jwissuhom dwar ir-riskji li jistgħu jiffaċċjaw matul il-vjaġġ tagħhom – b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali u traffikanti – sabiex jgħinuhom jilħqu l-aktar deċiżjoni informata;

93.

Jitlob li l-programmi ta' ġemellaġġ u l-azzjoni TAIEX jintużaw aħjar, mhux sempliċiment għal skambji tal-aħjar prattiki u taħriġ iżda wkoll għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni bi sforz speċjali fuq il-pajjiżi li jinsabu taħt pressjoni;

o

o o

94.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tas-16-il pajjiż prijoritarju identifikat fil-Qafas ta' Sħubija l-ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw migranti u rifuġjati u li jaħdmu magħhom.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0272.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0073.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0102.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0337.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2016)0404.

(6)  L-Etjopja, l-Eritrea, il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, is-Somalja, is-Sudan, il-Ghana, il-Kosta tal-Avorju, l-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, l-Afganistan, il-Bangladesh u l-Pakistan.